Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2289

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2289 tat-3 ta' Diċembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-adozzjoni ta' linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

ĠU L 323, 9.12.2015, p. 11–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2289/oj

9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2289

tat-3 ta' Diċembru 2015

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-adozzjoni ta' linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 77(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2014.

(2)

L-Artikolu 10 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt. Jipprevedi wkoll li dak il-Kumitat Konġunt, b'mod partikolari, għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi għal tranżitu jew żjarat intenzjonati fit-territorju tal-Istati Membri ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

(4)

Jeħtieġ li jkun hemm linji gwida komuni sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni għalkollox armonizzata tal-Ftehim mill-konsulati tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Istati Membri, u biex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u d-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Partijiet għall-Ftehim li jibqgħu japplikaw għal kwistjonijiet relatati ma' viżi mhux koperti mill-Ftehim.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittiieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, rigward l-adozzjoni tal-linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(6)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-adozzjoni ta' linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BRAZ


(1)  ĠU L 282, 24.10.2013, p. 3.

(2)  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2015 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT SKONT IL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TA' CAPE VERDE DWAR L-IFFAĊILITAR TAL-ĦRUĠ TA' VIŻI GĦAL ŻJARAT QOSRA GĦAL ĊITTADINI TAR-REPUBBLIKA TA' CAPE VERDE U TAL-UNJONI EWROPEA

ta' …

fir-rigward tal-adozzjoni ta' linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2014,

ADOTTA DIN ID-DEĊI ŻJONI

Artikolu 1

Linji gwida komuni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea huma adottati kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika ta' Cape Verde


(1)  ĠU L 282, 24.10.2013, p. 3.

ANNESS

LINJI GWIDA KOMUNI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TA' CAPE VERDE DWAR L-IFFAĊILITAR TAL-ĦRUĠ TA' VIŻI GĦAL ŻJARAT QOSRA GĦAL ĊITTADINI TAR-REPUBBLIKA TA' CAPE VERDE U TAL-UNJONI EWROPEA

L-għan tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta' viżi għal żjarat qosra għal ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2014, hu li jiffaċilita, abbażi tar-reċiproċità, il-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal żjarat intenzjonati ta' mhux aktar minn 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum għaċ-ċittadini tar-Repubblika ta' Cape Verde (“Cape Verde”) u tal-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”).

Il-Ftehim jistabbilixxi drittijiet u obbligi legalment vinkolanti reċiproċi bil-għan li jissimplifika l-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għaċ-ċittadini ta' Cape Verde u tal-Unjoni.

Dawn il-Linji Gwida, adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim (“Kumitat Konġunt”), għandhom l-għan li jiżguraw implimentazzjoni korretta u armonizzata tal-Ftehim mill-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari ta' Cape Verde u tal-Istati Membri. Dawn il-Linji Gwida mhumiex parti mill-Ftehim u għalhekk mhumiex legalment vinkolanti. Madankollu, huwa rrakkomandat ħafna li l-persunal diplomatiku u konsulari jsegwihom b'mod konsistenti meta jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

Dawn il-Linji Gwida huma meqjusa bħala dokument ħaj, li jista' jiġi aġġornat jekk jinħass il-bżonn fid-dawl tal-esperjenzi misksuba fl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

I.   KWISTJONIJIET ĠENERALI

1.1.   Għan u kamp ta' applikazzjoni

L-Artikolu 1 tal-Ftehim jaqra:

“L-għan ta' dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta' reċiproċità, il-ħruġ ta' viżi għal ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni għal żjarat intiżi għal mhux aktar minn 90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum.”

Il-Ftehim japplika għaċ-ċittadini kollha ta' Cape Verde u tal-Unjoni li japplikaw għal viża għal żjara qasira, irrispettivament mill-pajjiż ta' residenza tagħhom.

Il-Ftehim ma japplikax għal persuni apolidi li jkollhom permess ta' residenza maħruġ minn Cape Verde jew mill-Istati Membri. Ir-regoli tal-acquis tal-Unjoni dwar il-viżi japplikaw għal dik il-kategorija ta' persuni.

1.2.   Kamp ta' Applikazzjoni tal-Ftehim

L-Artikolu 2 tal-Ftehim jaqra:

“1.   Il-miżuri biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta' viżi stabbiliti f'dan il-Ftehim għandu japplika għal ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni biss safejn dawn mhumiex eżenti mill-ħtieġa ta' viża skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jew tal-Kap Verde, jew taħt dan il-ftehim jew ftehimiet oħrajn internazzjonali.

2.   Il-liġi nazzjonali tal-Kap Verde jew tal-Istati Membri jew il-liġi tal-Unjoni għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, ir-rikonoxximent ta' dokumenti ta' vvjaġġar, evidenza ta' mezzi ta' għajxien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta' espulsjoni.”.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Ftehim ma jaffettwax ir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali eżistenti dwar l-obbligi tal-viża u l-eżenzjonijiet mill-viża. Pereżempju, l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (1) jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw mill-ħtieġa ta' viża, fost kategoriji oħra ta' persuni, lil ekwipaġġi ċivili tal-ajru u tat-tbaħħir.

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“il-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi”) japplika għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti mill-Ftehim, bħalma huma d-determinazzjoni tal-Istat ta' Schengen responsabbli għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għal viża, il-motivazzjoni ta' rifjut li tinħareġ viża u d-dritt ta' appell kontra deċiżjoni negattiva. Barra minn hekk, ir-regoli ta' Schengen u l-liġi nazzjonali jkomplu japplikaw għal kwistjonijiet mhux koperti mill-Ftehim, bħar-rikonoxximent ta' dokumenti ta' vjaġġar, il-prova ta' evidenza dokumentata dwar l-għan tal-vjaġġ u mezzi suffiċjenti ta' sussistenza, iż-żmien ta' pproċessar ta' applikazzjonijiet għall-viża, ir-rifjut ta' dħul fit-territorju tal-Istati Membri, u miżuri ta' tkeċċija.

Anki jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-Ftehim ikunu ssodisfati, il-ħruġ tal-viża xorta jista' jiġi rifjutat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen”) ma jiġux issodisfati, jiġifieri l-persuna ma tkunx fil-pussess ta' dokument validu tal-ivvjaġġar, jekk tkun inħarġet twissija fis-Sistema ta' Informazzjoni tax-Schengen, jekk il-persuna titqies bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, eċċ.

Flessibbiltajiet oħra għall-ħruġ ta' viżi permessi mill-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi jibqgħu japplikaw. Pereżempju, viżi għal dħul multiplu għal perjodu ta' validità twil — sa ħames snin — jistgħu jinħarġu lil kategoriji ta' persuni apparti dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim, jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-Kodiċi dwar il-Viżi (l-Artikolu 24) jiġu ssodifati. Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kodiċi dwar il-viżi li jippermettu eżenzjoni jew tnaqqis tat-tariffa tal-viża jkomplu japplikaw (l-Artikolu 16(5) u (6) tal-Kodiċi dwar il-viżi). Il-liġi nazzjonali ta' Cape Verde tkompli tapplika għall-kwistjonijiet relatati mal-ħruġ ta' viżi liċ-ċittadini tal-Unjoni minn Cape Verde u mhux koperti mill-Ftehim, bħal dawk imsemmija fit-tliet paragrafi preċedenti.

1.3.   Tipi ta' viżi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim.

Il-punt (d) tal-Artikolu 3 tal-Ftehim jiddefinixxi “viża” bħala “awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew mill-Kap Verde li hija meħtieġa bl-għan ta' dħul, għal għanijiet ta' transitu jew għal żjara intiża għal mhux aktar minn 90 jum b'kollox, fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew ta' diversi Stati Membri jew fit-territorju tal-Kap Verde;”.

Il-faċilitazzjonijiet previsti mill-Ftehim japplikaw kemm għal viżi uniformi validi għat-territorju kollu tal-Istati Membri kif ukoll għal viżi b'validità territorjali limitata. Dawn japplikaw ukoll għal viżi għal żjarat qosra u ta' transitu maħruġa minn Cape Verde għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

1.4.   Kalkolu tat-tul ta' żjara awtorizzata b'viża

F'konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen il-kunċett ta' “żjarat qosra” tfisser: “90 jum f'kull perijodu ta' 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perjodu ta' 180 jum li jippreċedi kull jum ta' soġġorn”.

Il-jum tad-dħul jiġi kkalkulat bħala l-ewwel jum taż-żjara fit-territorju tal-Istati Membri u l-jum tal-ħruġ jiġi kkalkulat bħala l-aħħar jum taż-żjara fit-territorju tal-Istati Membri. Il-kunċett ta' “kull” jimplika l-applikazzjoni ta' perjodu ta' referenza “mobbli” ta' 180 jum, b'mod li wieħed iħares lura, lejn kull ġurnata tal-aħħar perjodu ta' 180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Dak ifisser li nuqqas mit-territorju tal-Istati Membri għal perjodu mhux interrott ta' 90 jum jippermetti żjara ġdida ta' mhux aktar minn 90 jum.

Kalkolatur ta' żjarat qosra, li jista' jintuża biex jiġi kkalkolat il-perjodu taż-żjara permissibbli skont ir-regoli l-ġodda jinsab onlajn fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/border-crossing/index_en.htm.

Dan li ġej hu eżempju tal-kalkolu taż-żjara fuq il-bażi tad-definizzjoni l-ġdida:

Persuna li jkollha viża għal dħul multiplu valida għal (1) sena (18.4.2014–18.4.2015) tidħol għall-ewwel darba fid-19.4.2014 u toqgħod hemm għal tlett (3) ijiem. Imbagħad l-istess persuna tidħol mill-ġdid fit-18.6.2014 u toqgħod hemm għal 86 jum. F'dan il-każ, is-sitwazzjoni f'dati speċifiċi tkun kif ġej:

fil-11.9.2014: tul l-aħħar 180 jum (16.3.2014–11.9.2014) il-persuna kienet qagħdet hemm għal tlett ijiem (19.4.2014–21.4.2014) flimkien ma' 86 jum (18.6.2014–11.9.2014) = 89 jum = mhux każ ta' permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta. Il-persuna tista' tibqa' għal massimu ta' ġurnata (1) oħra;

mis-16.10.2014: il-persuna tista' tidħol għal żjara ta' tlett ijiem addizzjonali (fis-16.10.2014, iż-żjara fid-19.4.2014 issir irrilevanti (barra mill-perjodu ta' 180 jum); fis-17.10.2014 iż-żjara fl-20.4.2014 issir irrilevanti (barra mill-perjodu ta' 180 jum; eċċ.));

mill-15.12.2014: il-persuna tista' tidħol għal żjara ta' 86 jum addizzjonali (fil-15.12.2014 iż-żjara fit-18.6.2014 issir irrilevanti (barra mill-perjodu ta' 180 jum); fis-16.12.2014 iż-żjara fid-19.6.2014 issir irrilevanti, eċċ.).

1.5.   Sitwazzjoni rigward l-Istati Membri li għadhom ma japplikawx għalkollox l-acquis ta' Schengen, l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-politika komuni tal-UE dwar il-viżi u pajjiżi assoċjati

L-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004 (Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u s-Slovenja), fl-2007 (il-Bulgarija u r-Rumanija) u fl-2013 (il-Kroazja) huma marbuta b'dan il-Ftehim mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja u r-Rumanija, għadhom mhux qed jimplimentaw għalkollox l-acquis ta' Schengen. Dawn se jkomplu joħorġu viżi nazzjonali b'validità limitata għat-territorju nazzjonali tagħhom stess. Ladarba dawn l-Istati Membri jimplimentaw għalkollox l-acquis ta' Schengen, dawn se jkomplu japplikaw il-Ftehim.

Il-liġi nazzjonali tibqa' tapplika għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti mill-Ftehim sad-data tal-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis ta' Schengen minn dawk l-Istati Membri. Minn dik id-data, ir-regoli ta' Schengen u/jew il-liġi nazzjonali japplikaw għal kwistjonijiet mhux koperti mill-Ftehim.

Il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja u r-Rumanija huma awtorizzati li jirrikonoxxu l-permessi ta' residenza, il-viżi D u l-viżi għal żjarat qosra maħruġa mill-Istati Membri ta' Schengen u l-pajjiżi assoċjati għal żjarat qosra fit-territorju tagħhom.

F'konformità mal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (4), l-Istati kollha ta' Schengen huma obbligati li jirrikonoxxu l-viżi għal żjarat twal u l-permessi ta' residenza maħruġa minn xulxin bħala validi għal żjarat qosra fit-territorji ta' xulxin. L-Istati Membri ta' Schengen jaċċettaw il-permessi ta' residenza, il-viżi D u l-viżi għal żjarat qosra ta' pajjiżi assoċjati għal dħul u żjarat qosra u viċi versa.

Il-Ftehim ma japplikax għar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka iżda jinkludi dikjarazzjonijiet konġunti dwar ix-xewqa li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-viża bejn Cape Verde u dawk l-Istati Membri.

Għalkemm assoċjati ma' Schengen, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mhumiex marbuta bil-Ftehim. Madankollu, il-Ftehim fih dikjarazzjoni konġunta dwar ix-xewqa li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-viża bejn Cape Verde u dawk il-pajjiżi ta' Schengen mingħajr dewmien.

1.6.   Il-Ftehim u ftehimiet bilaterali oħra

L-Artikolu 11 tal-Ftehim jaqra:

“Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali mwettqa bejn l-Istati Membri u l-Kap Verde, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti.”

Mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u Cape Verde dwar kwistjonijiet koperti mill-ftehim ma jibqgħux japplikaw. F'konformità mal-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeliminaw l-inkompatibilitajiet bejn il-ftehimiet bilaterali tagħhom u l-Ftehim.

F'każ li Stat Membru jkun ikkonkluda ftehim bilaterali jew arranġament ma' Cape Verde dwar kwistjonijiet mhux koperti mill-Ftehim, dik l-eżenzjoni tibqa' tapplika wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

II.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

2.1.   Regoli li japplikaw għall-applikanti kollha għall-viżi

Huwa mfakkar li l-faċilitazzjonijiet imsemmija hawn taħt dwar it-tluq f'każ ta' dokumenti mitlufa jew misruqa u l-estensjoni tal-viża f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni japplikaw għad-detenturi kollha tal-viża ta' Cape Verde u l-Istati Membri.

2.1.1.   Estensjoni tal-viża f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni

L-Artikolu 7 tal-Ftehim jaqra:

“Iċ-ċittadini tal-Kap Verde u tal-Unjoni li m'għandhomx il-possibblità li jħallu t-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde sad-data stabbilita fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta' force majeure għandhom ikollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż mingħajr ħlas skont il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa' għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom lejn l-Istat ta' residenza tagħhom.”

Rigward il-possibbiltà tal-estensjoni tal-validità tal-viża f'każijiet ta' force majeure,- (pereżempju, soġġorn fi sptar minħabba inċident) fejn id-detentur tal-viża ma jkollux il-possibbiltà li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru sad-data indikata fuq l-istiker tal-viża, japplika l-Artikolu 33(1) tal-Kodiċi Komunali dwar il-Viżi, sakemm dan ikun kompatibbli mal-Ftehim (pereżempju, il-viża estiża tibqa' viża uniformi, li tintitola d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri kollha ta' Schengen li għalihom il-viża kienet valida fil-ħin tal-ħruġ tagħha). F'konformità mal-Ftehim, l-estensjoni tal-viża f'każijiet ta' force majeure issir b'xejn.

2.2.   Regoli li japplikaw għal ċerti kategoriji ta' applikanti għall-viża

2.2.1.   Ħruġ ta' viżi għal dħul multiplu

F'każijiet fejn l-applikant tal-viża jeħtieġ li jivvjaġġa sikwit jew regolarment fit-territorju ta' Cape Verde jew tal-Istati Membri, jistgħu jinħarġu viżi għal żjarat qosra għal diversi żjarat, sakemm it-tul totali ta' dawn iż-żjarat ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum.

L-Artikolu 4(1) tal-Ftehim jaqra:

“1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet [postazzjonijiet] konsulari tal-Istati Membri u tal-Kap Verde għandhom joħorġu viżi ta' diversi dħul b'terminu ta' validità ta' ħames snin għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini:

(a)

il-membri ta' Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-membri tal-Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi u tal-Qorti tal-Awdituri, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom;

(b)

il-membri permanenti ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Kap Verde, lill-Istati Membri jew lill-Unjoni, jieħdu sehem f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll bħal f'avvenimenti fit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde organizzati fuq l-inizjattiva ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi;

(c)

nies fin-negozju u rappreżentanti ta' imprizi li jivvjaġġaw regolarment lejn l-Istati Membri jew il-Kap Verde;

(d)

konjugi, tfal (inklużi tfal adottati), li jkunu taħt l-età ta' 21 jew ikunu dipendenti, u qraba li jżuru rispettivament:

iċ-ċittadini tal-Kap Verde li jkunu residenti legalment fit-territorju ta' Stat Membru jew iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma legalment residenti fil-Kap Verde, jew

iċ-ċittadini tal-Unjoni residenti fi Stat Membru tan-nazzjonalità tagħhom, jew ċittadini tal-Kap Verde residenti fil-Kap Verde.

Madankollu, jekk il-bżonn jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolari huwa limitat b'mod ċar ma' limitu iqsar ta' soġġorn, il-validità tal-viża ta' dħul aktar minn darba għandu jkun limitat għal din il-waqfa, b'mod partikolari fejn

it-terminu tal-kariga, fil-każ ta' dawk koperti mill-punt (a) hawn fuq,

it-tul ta' żmien tal-kariga ta' membru permanenti ta' delegazzjoni uffiċjali, fil-każ ta' dawk koperti b'punt (b) hawn fuq,

it-tul ta' żmien fil-pożizzjonijiet bħala nies fin-negozju u rappreżentanti tal-kumpaniji, fil-każ ta' dawk koperti mill-punt (c) hawn fuq, jew

il-permess ta' residenza maħruġ liċ-ċittadini tal-Kap Verde li jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru u liċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fil-Kap Verde, fil-każ ta' dawk koperti b'punt (d) hawn fuq,

ikun inqas minn ħames snin.”.

Filwaqt li jitqies l-istatus professjonali ta' dawk il-kategoriji ta' persuni, jew ir-relazzjoni familjari tagħhom ma' ċittadin ta' Cape Verde jew tal-Unjoni li jkun jirrisjedi legalment fit-territorju ta' Cape Verde jew tal-Istat Membru, kif ukoll fir-rigward tal-qraba ta' ċittadini tal-Unjoni residenti fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom, jew il-qraba ta' ċittadini ta' Cape Verde residenti f'Cape Verde, huwa ġustifikat li dawn jingħataw viża għal dħul multiplu b'validità ta' ħames snin, jew limitata għat-terminu tal-kariga jew residenza legali tagħhom jekk dan ikun ta' inqas minn ħames snin.

Fir-rigward ta' persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1)(a), trid tingħata konferma rigward l-istatus professjonali tagħhom u t-tul tal-mandat tagħhom.

Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1)(a) jekk dawn ikunu eżentati mill-ħtieġa ta' viża bil-Ftehim, jiġifieri jekk ikollhom passaport diplomatiku jew tas-servizz.

Persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1)(b) iridu jippreżentaw prova rigward l-istatus permanenti tagħhom bħala membri tad-delegazzjoni u tal-ħtieġa li jipparteċipaw b'mod regolari f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju.

Persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1)(c) iridu jippreżentaw prova rigward l-istatus professjonali tagħhom u t-tul tal-attivitajiet tagħhom.

Persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1)(d) iridu jippreżentaw prova fir-rigward tar-residenza legali tal-persuna li toħroġ l-istedina.

F'każijiet fejn il-bżonn jew l-intenzjoni ta' vjaġġar ta' sikwit jew regolari jkun limitat b'mod ċar ma' perjodu iqsar, il-validità tal-viża ta' dħul multiplu tkun limitata għal dak il-perjodu.

L-Artikolu 4(2) tal-Ftehim jaqra:

“2.   Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tal-Istati Membri u tal-Kap Verde għandhom joħorġu viżi ta' dħul aktar minn darba b'perjodu ta' validità ta' sena għal dawn il-kategoriji ta' ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta' qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, u jkunu użawha skont il-liġijiet ta' dħul u residenza fit-territorju tal-Istat li żaru:

(a)

rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri jew fil-Kap Verde għal raġunijiet ta' taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju;

(b)

membri tal-professjonijiet liberali li jieħdu sehem f'wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożji, seminars jew avvenimenti oħrajn simili li jivvjaġġaw b'mod regolari lejn l-Istati Membri jew Kap Verde;

(c)

persuni li jieħdu sehem f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi tal-università u programmi oħrajn ta' skambju, li jivvjaġġaw b'mod regolari lejn l-Istati Membri jew Kap Verde;

(d)

parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;

(e)

ġurnalisti u persuni akkreditati li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali;

(f)

tfal tal-iskola, studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta' studju jew taħriġ edukattiv, inkluż fil-qafas ta' programmi ta' skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta mal-iskola;

(g)

rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti fil-Kap Verde jew fl-Istati Membri li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri jew fil-Kap Verde rispettivament;

(h)

persuni li jagħmlu żjajjar regolari minħabba raġunijiet mediċi;

(i)

parteċipanti fi programmi uffiċjali ta' skambju organizzati minn bliet ġemellati jew awtoritajiet muniċipali;

(j)

membri permanenti ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Kap Verde, l-Istati Membri jew l-Unjoni, jieħdu sehem regolarment f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta' skambju, kif ukoll bħal f'avvenimenti fit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde organizzati fuq l-inizjattiva ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi.

Madankollu, jekk il-bżonn jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolari huwa limitat b'mod ċar għal limitu iqsar ta' soġġorn, il-validità ta' viża għandu jkun limitat għal din il-waqfa.”.

Fil-prinċipju, viżi għal dħul multiplu validi għal sena jinħarġu lill-kategoriji ta' applikanti għall-viża msemmija hawn fuq jekk matul is-sena ta' qabel (12-il xahar) l-applikant għall-viża jkun kiseb tal-anqas viża waħda u jkun għamel użu minnha skont il-liġijiet dwar id-dħul u ż-żjarat tal-Istat(i) fejn tkun saret iż-żjara (pereżempju, il-persuna ma tkunx baqgħet aktar milli kien imissha) u hekk ikun hemm raġunijiet biex tintalab viża għal dħul multiplu.

F'każijiet fejn ma jkunx ġustifikat li tinħareġ viża valida għal sena, (pereżempju, jekk it-tul tal-programm ta' skambju jkun ta' inqas minn sena jew il-persuna ma jkollhiex bżonn li tivvjaġġa għal sena sħiħa) il-validità tal-viża tkun ta' anqas minn sena, sakemm ir-rekwiżiti l-oħra għall-ħruġ tal-viża jkunu ssodisfati.

L-Artikolu 4(3) u (4) tal-Ftehim jaqra:

“3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet [postazzjonijiet] konsulari tal-Istati Membri u tal-Kap Verde għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta' validità ta' minimu ta' sentejn u massimu ta' ħames snin għall-kategoriji ta' ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta' qabel ikunu użaw tajjeb il-viża ta' dħul aktar minn darba b'perjodu ta' validità ta' sena, skont il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju tal-Istat ospitanti.

Madankollu, jekk il-bżonn jew l-intenzjoni li jivvjaġġaw sikwit jew regolari huwa limitat b'mod ċar ma' limitu iqsar ta' soġġorn, il-validità ta' viża għandha tkun limitata għal din il-waqfa.

4.   Il-perjodu totali ta' residenza ta' persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu m'għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta' 180 fit-territorju tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde.”.

Viżi għal dħul multiplu b'validità minn sentejn sa ħames snin jinħarġu għall-kategoriji ta' applikanti għall-viża msemmija taħt l-Artikolu 4(2), bil-kundizzjoni li matul is-sentejn ta' qabel (24 xahar) ikunu użaw il-viżi għal dħul multiplu validi għal mil-lanqas sena skont il-liġijiet dwar id-dħul u ż-żjarat fit-territorju/i tal-Istat(i) li tkun saret żjara fihom u li l-ħtiġijiet għat-talba ta' viża għal dħul multiplu jkunu għadhom validi. Għandu jiġi nnutat li viża għal dħul multiplu b'validità minn sentejn sa ħames snin tinħareġ biss jekk l-applikant għall-viża jkun ingħata, matul is-sentejn preċedenti, żewġ viżi validi għal mil-lanqas sena, u jekk dik il-persuna tkun użat dawk il-viżi skont il-liġijiet tad-dħul u soġġorn Istat(i) li tkun saret żjara fihom. Il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari għandhom jiddeċiedu, abbażi tal-valutazzjoni ta' kull applikazzjoni għall-viża, il-perjodu ta' validità ta' dawk il-viżi (minn sentejn sa ħames snin).

Ma hemm l-ebda obbligu li tinħareġ viża għal dħul multiplu jekk l-applikant ma jkunx għamel użu minn viża preċedenti.

2.2.2.   Tariffa tal-ipproċessar tal-viża

L-Artikolu 5(1) tal-Ftehim jaqra:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jew il-Kap Verde m'għandhomx jiġbru l-miżati tal-viżi minn dawn il-kategoriji ta' persuni:

(a)

Membri permanenti ta' delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Kap Verde, l-Istati Membri jew l-Unjoni, jieħdu sehem f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi uffiċjali ta' skambju, kif ukoll bħal f'avvenimenti organizzati fuq l-inizjattiva ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Istati Membri jew il-Kap Verde;

(b)

tfal taħt l-età ta' 12-il sena; (*)

(c)

it-tfal tal-iskola, l-istudenti, l-istudenti fil-livell postuniversitarju u l-għalliema li jakkumpanjawhom li jagħmlu soġġorni għall-fini ta' studju jew ta' taħriġ edukattiv;

(d)

ir-riċerkaturi li jivjaġġaw għal raġunijiet ta' riċerka xjentifika;

(e)

il-parteċipanti li m'għandhomx aktar minn 25 sena li jipparteċipaw f'seminars, konferenzi, avvenimenti sportivi, kulturali u edukattivi, organizzati minn organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ.”.

Tingħata eżenzjoni sħiħa mill-ħlas fil-każ tal-kategoriji ta' persuni msemmija hawn fuq.

L-Artikolu 16(6) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(7) tal-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi jaqra:

“6.   F'każijiet individwali, l-ammont tat-tariffa tal-viża li għandha tiġi imposta tista' tiġi rinunzjata jew imnaqqsa meta din il-miżura sservi biex tippromwovi interessi kulturali jew sportivi kif ukoll interessi fil-qasam tal-politika estera, il-politika tal-iżvilupp u oqsma oħrajn ta' interess pubbliku vitali jew għal raġunijiet umanitarji.

7.   It-tariffa tal-viża għandha tiġi imposta f'euro, fil-munita nazzjonali tal-pajjiż terz jew fil-munita li hi normalment użata fil-pajjiż terz fejn qiegħda tiġi ppreżentata l-applikazzjoni u għandha tkun mingħajr il-possibbiltà ta' rifużjoni minbarra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 18(2) u 19(3) (jiġifieri każijiet ta' applikazzjoni inammissibbli jew każijiet fejn il-konsulat mhuwiex kompetenti).” (jiġifieri fil-każ ta' applikazzjoni inammissibbli jew każijiet fejn il-konsulat ma jkunx kompetenti).

L-applikanti għal viża minn Cape Verde, skont l-Artikolu 16(8) tal-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, u ċ-ċittadini tal-Unjoni, skont Décret-Loi 27/2007 ta' Cape Verde “jingħataw riċevuta għat-tariffa tal-viża mħallsa”.

L-Artikolu 5(2) tal-Ftehim jaqra:

“2.   Fejn l-Istati Membri jew il-Kap Verde jikkooperaw ma' fornitur estern tas-servizzi, l-ispejjeż tas-servizz jistgħu jiġu miġbura. Il-ħlas għas-servizz għandu jkun proporzjonat mal-ispejjeż li jeħel il-fornitur estern ta' servizz meta jkun qed iwettaq il-kompiti tiegħu u m'għandux jaqbeż it-EUR 30. Il-Kap Verde, l-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom iżommu l-possibbiltà għall-applikanti kollha li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom direttament fil-konsulati tagħhom.”

Il-kategoriji ta' persuni eżentati mit-tariffa tal-viża huma suġġetti għal tariffa tas-servizz f'każ li Stat Membru jikkoopera ma' fornitur tas-servizzi estern.

Attwalment l-ebda Stat Membru ma għandu arranġamenti ta' esternalizzazzjoni ma' fornituri tas-servizzi esterni f'Cape Verde.

2.2.3.   Detenturi ta' passaporti diplomatiċi u tas-servizz

L-Artikolu 8 tal-Ftehim jaqra:

“1.   Ċittadini tal-Kap Verde jew tal-Istati Membri, titulari ta' passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, iħallu jew jiċċaqilqu fit-territorji tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde mingħajr viżi.

2.   Iċ-ċittadini msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Istati Membri jew tal-Kap Verde għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta' 180 jum.”

Il-proċeduri rigward il-postazzjoni ta' diplomatiċi fl-Istati Membri mhumiex regolati bil-Ftehim. Tapplika l-proċedura ta' akkreditazzjoni tas-soltu.

F'Dikjarazzjoni Konġunta mehmuża mal-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li kull waħda minnhom tista' tinvoka sospensjoni parzjali tal-Ftehim, partikolarment l-Artikolu 8 tiegħu, jekk l-implimentazzjoni tiegħu twassal għal abbuż mill-Parti l-oħra jew għal theddida għas-sigurtà pubblika. Is-sospensjoni parzjali tal-Ftehim trid tiġi mwettqa skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 12(5) tiegħu.

Jekk l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tiġi sospiża, iż-żewġ Partijiet jibdew konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kumitat Konġunt bil-ħsieb li jsolvu l-problemi li wasslu għas-sospensjoni.

Bħala prijorità, iż-żewġ Partijiet qablu li jimpenjaw ruħhom sabiex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà għal passaporti diplomatiċi u tas-servizz, partikolarment billi jintegraw identifikaturi bijometriċi. Għall-Unjoni, dan ikun żgurat b'konformità mal-ħtiġijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 (5).

III.   KOOPERAZZJONI DWAR IS-SIGURTÀ TAD-DOKUMENTI

F'Dikjarazzjoni Konġunta annessa mal-Ftehim, il-Partijiet qablu li l-Kumitat Konġunt għandu jevalwa l-impatt tal-livell ta' sigurtà tad-dokumenti rispettivi tal-ivvjaġġar fuq il-funzjonament tal-Ftehim. Għal dan il-għan, il-Partijiet impenjaw ruħhom biex jinformaw lil xulxin b'mod regolari dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġi evitat it-tifrix ta' dokumenti tal-ivvjaġġar, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u b'rabta mal-proċess tal-personalizzazzjoni tal-ħruġ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar.

IV.   STATISTIKA

Sabiex il-Kumitat Konġunt jissorvelja b'mod effettiv l-implimentazzjoni tal-Ftehim, il-missjonijiet diplomatiċi u l-postazzjonijiet konsulari tar-Repubblika ta' Cape Verde u tal-Istati Membri jridu jippreżentaw statistika lill-Kummissjoni, kull sitt xhur rigward, b'mod partikolari, u fejn possibbli, u speċifikati skont ix-xahar:

l-għadd ta' viżi għal dħul multiplu maħruġa;

it-tul tal-validità tal-viżi għal dħul multiplu maħruġa;

l-għadd ta' viżi maħruġa mingħajr tariffi għall-kategoriji differenti ta' persuni koperti mill-Ftehim.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(2)  Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) ( ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(3)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(*)  

N.B. Sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-tariffa għal din il-kategorija ta' persuni, l-applikanti tal-viża għandhom jippreżentaw evidenza li turi l-età tagħhom.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u għall-bijometriċi f'passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri ( ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1).


Top