Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1735

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1735 tal-24 ta' Settembru 2015 dwar il-pożizzjoni preċiża tat-twissija ġenerali u tal-messaġġ ta' informazzjoni fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż (notifikata bid-dokument C(2015) 6455) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 252, 29.9.2015, p. 49–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1735/oj

    29.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/49


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1735

    tal-24 ta' Settembru 2015

    dwar il-pożizzjoni preċiża tat-twissija ġenerali u tal-messaġġ ta' informazzjoni fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż

    (notifikata bid-dokument C(2015) 6455)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(6) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/40/UE tistabbilixxi regoli ġodda dwar it-twissijiet tas-saħħa li għandhom jitqiegħdu fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip, inklużi t-twissijiet ġenerali u l-messaġġi ta' informazzjoni, u tispeċifika, b'mod partikulari, li dawn it-tnejn għandhom ikopru 50 % tal-uċuħ li fuqhom ikunu stampati. Għandha tiġi stabbilita l-pożizzjoni eżatta ta' dawn it-twissijiet fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż. Il-boroż jistgħu jew ikunu fil-forma ta' but rettangolari b'għatu li jkopri l-fetħa (“borża rettangolari”) jew fil-forma ta' borża wieqfa.

    (2)

    Il-boroż rettangolari jistgħu jew ikunu fil-forma ta' borża b'għatu li jkun jitrembel madwarha kollha, li s-soltu tkun tinfetaħ f'żewġ stadji, jew fil-forma ta' borża bil-qiegħ ċatt b'għatu li jingħalaq għal fuqha, li s-soltu tkun tinfetaħ fi stadju wieħed. Ħafna minn dawn il-boroż huma magħmulin minn kisja trasparenti tal-plastik li jkollha karta mdaħħla fiha li fuqha jistgħu jiġu stampati t-twissijiet tas-saħħa. F'xi każijiet, il-boroż b'għatu li jitrembel madwarhom kollha jkunu magħmulin mill-polietilen, mill-polipropilen jew minn materjal laminat li, skont l-industrija, jkollu jitfassal mill-ġdid biex ikun jista' jsir stampar fuq iż-żewġ naħat tal-għatu, b'mod partikulari jekk il-borża ma jkollhiex diversi saffi.

    (3)

    Sabiex ikun żgurat li t-twissijiet tas-saħħa jitqiegħdu fl-istess post fuq il-boroż rettangolari kollha u li t-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni jkunu jidhru faċilment, dawn għandhom jiġu stampati fuq l-uċuħ li jiġu jidhru meta l-pakkett individwali jinfetaħ kompletament.

    (4)

    Għall-pakketti magħmulin mill-polietilen, mill-polipropilen jew minn materjal laminat, hemm riskju ta' migrazzjoni tal-linka jekk isir stampar fuq in-naħa ta' ġewwa tal-għatu li jitrembel madwarhom — għalhekk, għandu jkun permess li t-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni jitpoġġew f'pożizzjoni oħra għal perjodu ta' tranżizzjoni, sabiex jiġi evitat li jsir stampar fuq uċuħ li jkunu f'kuntatt dirett mat-tabakk. Dan għandu jagħti lill-industrija biżżejjed żmien biex tadatta l-proċess tal-produzzjoni tagħha għar-regoli l-ġodda. L-ispejjeż marbutin ma' dawn l-adattamenti ma jitqisux li huma sproporzjonati fid-dawl tal-vantaġġi li hemm f'termini tal-viżibilità mtejba tat-twissijiet meta l-pakkett ikun miftuħ kompletament.

    (5)

    L-iktar pożizzjoni xierqa għat-twissija ġenerali u għall-messaġġ ta' informazzjoni fuq il-boroż weqfin hija fuq l-uċuħ fil-qiegħ tal-borża, b'mod partikulari minħabba li l-uċuħ ta' ġewwa huma mgħottija mill-kontenut tal-borża.

    (6)

    Id-daqs tat-twissijiet għandu jiġi kkalkulat skont id-daqs tal-uċuħ tal-pakkett meta dan ikun magħluq, skont l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2014/40/UE.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar il-pożizzjoni preċiża tat-twissijiet ġenerali u tal-messaġġi ta' informazzjoni fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż.

    Artikolu 2

    Pożizzjoni tat-twissija ġenerali u tal-messaġġ ta' informazzjoni fuq il-boroż rettangolari

    1.   Għat-tabakk tal-brim fi bwiet rettangolari b'għatu li jkopri l-fetħa (“boroż rettangolari”), it-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni għandhom jiġu stampati fuq iż-żewġt uċuħ li jiġu jidhru meta l-pakkett individwali jinfetaħ kompletament, kif muri fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Anness.

    It-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni għandhom jitqiegħdu fit-tarf ta' fuq nett tal-uċuħ rispettivi li fuqhom jiġu stampati u għandhom ikopru 50 % ta' dawn l-uċuħ, hekk kif muri fit-Taqsimiet 1 u 2 tal-Anness.

    It-twissija ġenerali għandha tiġi stampata fuq il-wiċċ ta' fuq.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1, sal-20 ta' Mejju 2018 għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin għat-tabakk tal-brim f'boroż rettangolari b'għatu li jitrembel madwarhom kollha li jkunu magħmulin mill-polietilen, mill-polipropilen jew minn materjal laminat, kif muri fit-Taqsima 3 tal-Anness:

    (a)

    il-messaġġ ta' informazzjoni jista' jitpoġġa fuq il-wiċċ li jiġi jidher meta l-pakkett individwali jinfetaħ parzjalment;

    (b)

    it-twissija ġenerali tista' titpoġġa fuq il-wiċċ ta' taħt li jiġi jidher meta l-pakkett individwali jinfetaħ kompletament;

    (c)

    m'għandux isir stampar fuq in-naħa ta' ġewwa tal-għatu li jiġi jidher meta l-pakkett individwali jinfetaħ kompletament, u din in-naħa m'għandhiex tintuża b'xi mod ieħor;

    (d)

    it-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni għandhom jitqiegħdu fit-tarf ta' fuq nett tal-uċuħ rispettivi li fuqhom jiġu stampati.

    Artikolu 3

    Pożizzjoni tat-twissija ġenerali u tal-messaġġ ta' informazzjoni fuq il-boroż weqfin

    1.   Għat-tabakk tal-brim f'boroż weqfin, it-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni għandhom jitqiegħdu fuq l-uċuħ fil-qiegħ tal-borża wieqfa li jiġu jidhru meta l-borża titpoġġa fuq daharha (“il-bażi tal-pakkett individwali”), kif muri fit-Taqsima 4 tal-Anness.

    2.   It-twissija ġenerali għandha tiġi stampata fuq il-wiċċ 'il fuq mit-tikmixa fil-bażi tal-pakkett individwali u l-messaġġ ta' informazzjoni għandu jiġi stampat fuq il-wiċċ 'l isfel minn din it-tikmixa. It-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni għandhom ikopru 50 % tal-uċuħ rispettivi li fuqhom jiġu stampati. Dawn l-uċuħ għandhom jiġu kkalkulati abbażi tad-daqs tagħhom wara li jiġu ssiġillati t-truf.

    Artikolu 4

    Dispożizzjoni tranżitorja

    It-tabakk tal-brim fil-boroż immanifatturat jew irrilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera sal-20 ta' Mejju 2018 u mmarkat bi twissija ġenerali u b'messaġġ ta' informazzjoni skont l-Artikolu 2(2) jista' jitqiegħed fis-suq sal-20 ta' Mejju 2019.

    Artikolu 5

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.


    ANNESS

    Rappreżentazzjonijiet grafiċi tal-pożizzjoni preċiża tat-twissija ġenerali u l-messaġġ ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3

    1.   BORŻA BIL-QIEGĦ ĊATT (L-ARTIKOLU 2(1))

    Image Image

    2.   BORŻA LI TIDDAWWAR MINN NAĦA GĦALL-OĦRA (L-ARTIKOLU 2(1))

    Image Image

    3.   BORŻA LI TIDDAWWAR MINN NAĦA GĦALL-OĦRA (POŻIZZJONI ALTERNATTIVA FL-ARTIKOLU 2(2))

    Image Image

    4.   BORŻA WIEQFA (L-ARTIKOLU 3)

    Image Image

    Top