This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1132
Commission Implementing Decision (EU) 2015/1132 of 10 July 2015 on the approval of the Porsche AG coasting function as an innovative technology for reducing CO2 emissions from passenger cars pursuant to Regulation (EC) No 443/2009 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1132 tal-10 ta' Lulju 2015 dwar l-approvazzjoni tal-funzjoni tal-coasting tal-Porsche AG bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1132 tal-10 ta' Lulju 2015 dwar l-approvazzjoni tal-funzjoni tal-coasting tal-Porsche AG bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 184, 11.7.2015, p. 22–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020D1806
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32020D1806 | 01/01/2021 |
11.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 184/22 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1132
tal-10 ta' Lulju 2015
dwar l-approvazzjoni tal-funzjoni tal-coasting tal-Porsche AG bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-manifattur Porsche AG (“l-Applikant”) ressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-funzjoni tal-“coasting” bħala teknoloġija innovattiva fit-13 ta' Ottubru 2014. Il-kompletezza tal-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2). Instab li l-applikazzjoni kienet kompleta u l-perjodu għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni beda fl-14 ta' Ottubru 2014, l-għada tad-data tal-wasla uffiċjali tagħha. |
(2) |
L-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (il-“Linji Gwida Tekniċi”) (3). |
(3) |
L-applikazzjoni tirreferi għall-funzjoni tal-“coasting” tal-Porsche AG. It-teknoloġija innovattiva tinvolvi strateġija ta' kontroll intelliġenti ta' gearbox awtomatika li tippermeti modalità ta' sewqan li fiha l-vettura timxi filwaqt li l-magna tal-kombustjoni ma tkunx ingranata mar-roti (i.e. meta l-klaċċ ma jkunx attivat). Matul din il-modalità ta' sewqan magħrufa bħala coasting, il-magna tibqa' taħdem, avolja mhux ingranata, u l-funzjonament tal-apparat awżiljari (eż. ġeneratur, kumpressur, pompa tal-ilma) huwa żgurat. Barra minn hekk, waqt il-“coasting”, l-enerġija kinetika u potenzjali tal-vettura tintuża direttament biex tingħeleb ir-reżistenza tas-sewqan u, bħala konsegwenza, sabiex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil. |
(4) |
L-Applikant wera li l-funzjoni tal-coasting tat-tip deskritt f'din l-applikazzjoni ma kenitx installata f'iktar minn ta' 3 % tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena ta' referenza 2009. |
(5) |
Il-kriterji ta' responsabbiltà speċifikati fl-Artikolu 4(2)(f)(iii) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 jesiġu li jintwera li r-rendiment f'termini ta' tnaqqis tas-CO2 tat-teknoloġija mhuwiex dipendenti fuq l-imġiba tas-sewwieq jew fuq il-konfigurazzjonijiet jew l-għażliet barra mill-kontroll tal-applikant. Wara li kkunsidrat l-informazzjoni pprovduta mill-Applikant, kif ukoll minn sorsi pubbliċi oħra, il-Kummissjoni tqis li din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata meta l-funzjoni tal-coasting tista' tiġi diżattivata u tkun teħtieġ riattivazzjoni manwali. Dan ikun il-każ pereżempju, meta l-kundizzjonijiet tat-triq jew tal-karozza ma jippermettux il-coasting, fejn ikun hemm inklinazzjoni qawwija għan-niżla u meta s-sewwieq imiss il-pedala tal-brejk, jew jattiva l-cruise control jew il-modalità ta' sewqan sportiv, jitfi s-sistema start-stop jew juża s-sistema ta' għażla manwali tal-gerijiet. L-Applikant ipprovda analiżi marbuta ma' xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet: meta l-kundizzjonijiet tat-triq jew tal-karozza ma jippermettux il-coasting, meta s-sewwieq imiss il-pedala tal-brejk jew juża s-sistema ta' għażla manwali tal-gerijiet. Aspetti oħra tal-imġiba tas-sewwieq rigward ir-riattivazzjoni manwali tal-coasting ma ġewx eżaminati. Il-Kummissjoni tikkonkludi li għandhom jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet sabiex it-teknoloġija tal-coasting tissodisfa l-kriterji ta' responsabbiltà stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiżguraw li l-funzjoni tal-coasting ma tkunx tista' tiġi diżattivata mis-sewwieq, jew, meta l-funzjoni tkun diżattivata mod ieħor, eż. permezz ta' strateġija ta' kontroll intelliġenti ta' gearbox awtomatika jew bi kwalunkwe apparat ieħor, tiġi attivata awtomatikament mill-ġdid, immedjatament wara l-avveniment ta' diżattivazzjoni. Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, soġġett għal din il-kundizzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant turi li l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 intlaħqu. |
(6) |
Sabiex jiġi ddeterminat kemm jiġi evitat CO2 permezz ta' din it-teknoloġija innovattiva meta vettura tiġi mgħammra biha, jinħtieġ li tiġi ddefinita l-vettura ta' referenza li magħha se tiġi mqabbla l-effiċjenza tal-vettura mgħammra bit-teknoloġija innovattiva, kif previst fl-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa xieraq li bħala vettura ta' referenza titqies vettura li jkollha l-funzjoni tal-coasting installata, imma li fuqha, din il-funzjoni tkun diżattivata. Jekk ma jkunx possibbli li tiġi diżattivata l-funzjoni tal-coasting, għandu jkun żgurat li l-funzjoni tal-coasting ma tkunx qed taħdem matul il-proċedura ta' ttestjar. |
(7) |
L-Applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis tas-CO2 mill-użu tat-teknoloġija tal-“coasting”. Għadd ta' fatturi fil-formuli huma derivati mill-analiżi tal-influwenza tal-imġiba tas-sewwieq fuq it-teknoloġija tal-“coasting”. Il-Kummissjoni tqis li l-għadd ta' vjaġġi inklużi fil-bażi tad-dejta huwa biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li t-teknoloġija innovattiva se twassal għal tnaqqis fis-CO2. Madankollu, biex jitnaqqsu l-inċertezzi marbuta mal-iffrankar tas-CO2 mit-teknoloġija innovattiva, ikun meħtieġ għadd akbar ta' dejta robusta u indipendenti, li tinkludi analiżi addizzjonali ta' kemm iseħħ sewqan meta t-trażmissjoni tal-magna u l-batterija jkunu qed jitħaddmu fit-temperatura xierqa ta' tħaddim u kemm tkun il-proporzjon ta' ħin ta' sewqan fuq inklinazzjonijiet qawwija għan-niżla, meta l-funzjoni tal-coasting tkun mitfija. |
(8) |
Fil-formuli huwa meħtieġ fattur ta' konverżjoni biex jiġi kkalkulat l-iffrankar potenzjali ta' CO2 u b'hekk tiġi indirizzata d-differenza bejn l-emissjonijiet ta' CO2 mit-test standard tan-NEDC u dawk fil-kundizzjonijiet modifikati tal-ittestjar tan-NEDC għall-vettura ta' referenza. F'diskussjonijiet mal-industrija ġiet ipprovduta dejta limitata dwar valuri rilevanti għall-parametru-c abbażi tas-simulazzjonijiet. Dawn urew riżultati differenti li jiddependu fuq il-karatteristiki tat-trażmissjoni u parametri oħra tal-vettura. Għal dawn id-dejta, il-parametru-c jidher li jaqa' fil-medda bejn 0,96 u 0,99. L-Applikant għadu ma pprovdiex evidenza b'saħħitha għall-użu ta' valur speċifiku għal c. Fid-dawl ta' dan, huwa determinat li għandu jintuża valur għal c fin-naħa l-baxxa tal-medda identifikata biex b'hekk tiġi pprovduta ċertezza dwar l-iffrankar probabbli ta' CO2 li jista' jinkiseb. Il-fattur ta' konverżjoni c għalhekk huwa stabbilit għal valur ta' 0,96 (imqabbel ma' 0,97 fl-applikazzjoni, li għalih l-ebda ġustifikazzjoni ma ġiet ipprovduta). |
(9) |
Element ewlieni fid-determinazzjoni tal-iffrankar ta' CO2 huwa l-proporzjon tad-distanza li tivvjaġġa vettura li fih tkun attivata l-funzjoni tal-coasting. Il-fattur tal-użu huwa determinat permezz ta' osservazzjoni tad-distanza koperta f'kundizzjonijiet ta' coasting mill-applikant fit-testijiet meta mqabbla mad-distanza tal-coasting f'kundizzjonijiet modifikati tan-NEDC. L-Applikant ippropona valur ta' 1. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li dan il-valur ma jistax jiġi ġustifikat mid-dejta pprovduta. L-użu tad-dejta tal-Applikant tirriżulta f'valur ta' 0,87 għall-fattur tal-użu. Madankollu l-Applikant ma pprovdiex biżżejjed dejta biex ikun hemm ċertezza li fatturi oħra li jirriżultaw fid-diżattivazzjoni tal-funzjoni tal-coasting tqiesu kompletament. Għalhekk jitqies li hu xieraq li l-inċertezzi jiġu indirizzati permezz ta' aġġustament proporzjonat ulterjuri, li jirriżulta f'fattur tal-użu ta' 0,8. Dan jitqies li jipprovdi marġni xierqa biex dawn l-inċertezzi jiġu indirizzati u biex jitqies is-sinifikat statistiku tagħhom. Din il-konklużjoni tista' terġa' tiġi eżaminata mill-ġdid jekk għadd suffiċjenti ta' dejta robusta u indipendenti ssir disponibbli. |
(10) |
Barra minn hekk, u bi ftehim mal-Applikant, il-Kummissjoni jidhrilha li hu xieraq li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-assunzjonijiet attwali dwar it-tħaddim tal-cruise control billi l-fattur tal-użu jiġi aġġustat aktar peress li l-coasting jiġi diżattivat meta l-cruise control jiġi attivat. L-Applikant ma pprovda l-ebda informazzjoni f'dan ir-rigward fl-applikazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni identifikat li d-dejta hija disponibbli minn riċerka li saret fl-Istati Uniti dwar l-użu tal-cruise control. Din turi li, meta jkun installat, il-cruise control jintuża għal madwar nofs id-distanza vjaġġata. Dan ifisser li l-fattur tal-użu għandu jitnaqqas bin-nofs f'każijiet fejn huwa installat il-cruise control. L-Applikant ikkonferma din il-konklużjoni u għalhekk il-fattur tal-użu jitnaqqas bin-nofs għal valur ta' 0,4 meta l-vettura tkun mgħammra bil-cruise control. Din il-konklużjoni tista' terġa' tiġi eżaminata mill-ġdid jekk għadd suffiċjenti ta' dejta robusta u indipendenti ssir disponibbli. |
(11) |
Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija tagħti riżultati preċiżi u affidabbli li huma riproduċibbli minn parti terza fir-rigward tal-vetturi Porsche fis-segment S (karozzi tat-tip sport coupé) imsemmija fl-applikazzjoni. |
(12) |
Barra min hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Applikant wera b'mod sodisfaċenti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub mit-teknoloġija innovattiva huwa tal-anqas ta' 1 g CO2/km għall-vetturi Porsche fis-segment S imsemmija fl-applikazzjoni. |
(13) |
Peress li l-effetti tal-funzjoni tal-coasting mhumiex koperti mit-test tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet tas-CO2 imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament u tal-Kunsill (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (5), il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-funzjoni tal-coasting tal-Porsche mhix koperta miċ-ċiklu tat-test standard. |
(14) |
Il-Kummissjoni rat li r-rapport ta' verifika tħejja mit-TÜV Nord u li r-rapport jappoġġa s-sejbiet imsemmija fl-applikazzjoni. |
(15) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li m'għandhomx jitqajmu oġġezzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-teknoloġija innovattiva kkonċernata, jekk jiġu introdotti l-kundizzjonijiet speċifikati hawn fuq sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà, u jekk isiru l-aġġustament msemmija għall-metodoloġija. |
(16) |
Bil-għan li jiġi ddeterminat il-kodiċi tal-eko-innovazzjoni ġenerali li għandu jintuża fid-dokumenti rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandu jiġi speċifikat il-kodiċi individwali li jrid jintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-funzjoni tal-coasting tal-Porsche AG, maħsuba għall-użu f'vetturi Porsche fis-segment S M1 (tat-tip sport coupé) hija approvata bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, bil-kundizzjoni li kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin hija ssodisfata:
(a) |
l-funzjoni tal-coasting ma tkunx tista' tiġi diżattivata, |
(b) |
jekk il-funzjoni, b'xi mod ieħor, tkun ġiet diżattivata, din terġa' tiġi attivata awtomatikament immedjatament wara l-avveniment ta' diżattivazzjoni. |
2. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-użu tal-funzjoni tal-coasting imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun iddeterminat bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness. Dan it-tnaqqis huwa differenzjat bejn dawk il-vetturi li jkollhom cruise control u dawk li ma għandhomx.
3. Il-kodiċi individwali tal-eko-innovazzjoni li għandu jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip li trid tintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun “13”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).
(3) http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/guidelines_en.pdf.
(4) Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).
(6) Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru)(ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).
ANNESS
1. METODOLOĠIJA TAL-ITTESTJAR — INTRODUZZJONI
Sabiex jiġi determinat it-tnaqqis tas-CO2 li jista' jiġi attribwit għall-użu tat-teknoloġija tal-coasting tal-Porsche AG, ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dawl kollha li ġejjin:
(1) |
il-vetturi tal-ittestjar |
(2) |
il-proċedura tal-ittestjar biex tiġi ddefinita l-kundizzjoni modifikata tal-ittestjar (profil tal-veloċità NEDC modifikat); |
(3) |
il-proċedura tal-ittestjar li għandha tiġi segwita sabiex jiġi determinat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' vettura eko-innovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati; |
(4) |
il-proċedura tal-ittestjar li għandha tiġi segwita sabiex jiġi determinat it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati; |
(5) |
il-formuli biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tas-CO2; |
(6) |
il-formuli biex jiġu kkalkulati l-iżbalji statistiċi fl-iffrankar tas-CO2. |
1.1. IL-VETTURI TAL-ITTESTJAR
Għandhom jiġu pprovduti l-vetturi li ġejjin:
(a) vettura eko-innovattiva: vettura bit-teknoloġija innovattiva attivata.
(b) vettura ta' referenza: vettura bit-teknoloġija innovattiva diżattivata. Jekk ma jkunx possibbli li tiġi diżattivata t-teknoloġija, għandu jkun żgurat li l-funzjoni tal-coasting ma tkunx attivata matul il-proċedura ta' ttestjar.
1.2. IL-PROĊEDURA TAL-ITTESTJAR SABIEX JIĠU DETERMINATI L-EMISSJONIJIET TA' CO2 TA' VETTURA EKO-INNOVATTIVA TAĦT KUNDIZZJONIJIET TAL-ITTESTJAR MODIFIKATI (PROFIL TAL-VELOĊITÀ NEDC MODIFIKAT) (EMC);
Kundizzjonijiet u proċedura tal-kejl
L-emissjonijiet ta' CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta' vetturi eko-innovattivi jridu jkunu mkejla skont l-Anness 6 tar-Regolament NU/KEE Nru 101 (1) (Metodu ta' kejl tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi li jaħdmu b'magna tal-kombustjoni interna biss). Il-proċeduri li ġejjin kollha għandhom jiġu modifikati:
1.2.1. |
Prekondizzjonament tal-vettura; |
1.2.2. |
Id-definizzjoni ta' kurva tad-deċellerazzjoni libera (coast down); |
1.2.3. |
Ġenerazzjoni tal-profil tal-veloċità NEDC modifikat; |
1.2.4. |
Għadd ta' testijiet. |
1.2.1. Prekondizzjonament tal-vettura
Għandhom isiru test wieħed jew aktar komplut tat-tip NEDC għall-prekondizzjonament bit-teknoloġija innovattiva diżattivata (jew, meta dan ma jkunx possibbli, għandu jiġi żgurat li l-funzjoni tal-coasting ma tkunx qed topera matul il-proċedura ta' ttestjar), biex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-ittestjar sħun tal-magna, tal-mutur u tal-batterija.
1.2.2. Id-definizzjoni tal-kurva tad-deċellerazzjoni libera (coast down);
Id-determinazzjoni ta' kurva tad-deċellerazzjoni libera (coast down) fil-modalità tal-coasting issir fuq dinamometru b'romblu wieħed, kif deskritt fil-passi mandatorji li ġejjin:
(a) |
twettiq tad-determinazzjoni tat-tagħbija tat-triq fuq id-dinamometru, skont il-proċeduri operazzjonali standard; |
(b) |
tlugħ tat-temperatura tal-karozza għat-temperatura operattiva bl-użu tal-proċedura ta' prekondizzjonament; |
(c) |
eżekuzzjoni ta' deċelerazzjoni libera fil-modalità coasting minn 120 km/h għal waqfa totali jew għall-aktar veloċità baxxa possibbli tal-coasting. |
1.2.3. Ġenerazzjoni tal-profil tal-veloċità NEDC modifikat (mNEDC);
1.2.3.1. Assunzjonijiet
(a) |
Is-sekwenza tat-test hija magħmula minn ċiklu urban magħmul minn erba' ċikli urbani elementari u minn ċiklu ekstraurban; |
(b) |
Ir-rampi ta' aċċellerazzjoni kollha huma identiċi għal dawk tal-profil NEDC; |
(c) |
Il-livelli ta' veloċità kostanti kollha huma identiċi għal dawk tal-profil NEDC; |
(d) |
Id-deċellerazzjoni matul il-fażijiet ta' deċellerazzjoni hija ugwali għal dawk fil-profil NEDC; |
(e) |
It-tolleranzi tal-veloċità u tal-ħin għandhom ikunu skont il-paragrafu 1.4 tal-Anness 7 tar-Regolament Nru 101 tan-NU/KEE. |
1.2.3.2. Limitazzjonijiet
(a) |
Id-devjazzjoni mill-profil NEDC għandha titnaqqas kemm jista' jkun u d-distanza kumplessiva għandha tikkonforma mat-tolleranzi speċifikati tal-NEDC. |
(b) |
Id-distanza fi tmiem kull fażi tad-deċellerazzjoni tal-profil mNEDC għandha tkun ugwali għad-distanzi fl-aħħar ta' kull fażi ta' deċellerazzjoni tal-profil NEDC. |
(c) |
Għall-fażijiet kollha ta' aċċellerazzjoni, veloċità kostanti u deċellerazzjoni għandhom jiġu applikati t-tolleranzi standard tal-NEDC. |
(d) |
Matul il-fażijiet tal-coasting, il-magna tal-kombustjoni interna tiġi diżakkoppjata u ma hija permessal-ebda attività ta' korrezzjoni tat-trajettorja tal-veloċità. |
1.2.3.3. Definizzjoni tal-limiti tas-sistema
(a) |
Limitu ta' veloċità l-aktar baxxa għall-coasting; Il-modalità tal-coasting għandha tiġi diżattivata f'veloċità ta' 15 km/h permezz tal-attivazzjoni tal-brejk. F'dan il-punt, kurva ta' deċellerazzjoni libera għandha tiġi segwita minn rampa ta' deċellerazzjoni kif deskritt fil-profil NEDC (vmin fil-Grafika 1); |
(b) |
Ħin minimu għat-twaqqif; Il-ħin minimu wara kull deċellerazzjoni tal-coasting għal waqfa totali jew fażi ta' veloċità kostanti huwa ta' 2 sekondi ( fil-Grafika 1); |
(c) |
Ħin minimu għal fażijiet ta' veloċità kostanti; Il-ħin minimu għal fażijiet ta' veloċità kostanti wara l-aċċellerazzjoni jew id-deċellerazzjoni tal-coasting huwa ta' 2 sekondi ( fil-Grafika 1). Għal raġunijiet tekniċi dan il-valur jista' jiżdied. |
1.2.4. Għadd ta' testijiet
Il-proċedura kollha tat-test fuq il-bank tat-test għandha tiġi rrepetuta tal-anqas tliet darbiet. Għandhom jiġu kkalkulati l-medja aritmetika tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vettura eko-innovattiva (EMC) u d-devjazzjoni standard rispettiva tal-medja aritmetika .
1.3. IL-PROĊEDURA TAL-ITTESTJAR SABIEX JIĠU DETERMINATI L-EMISSJONIJIET TA' CO2 TAL-VETTURA TA' REFERENZA TAĦT KUNDIZZJONIJIET TAL-ITTESTJAR MODIFIKATI (NEDC GĦALL-ISTARTJAR SĦUN)
1.3.1. Kundizzjonijiet u proċedura tal-kejl
l-emissjonijiet ta' CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta' vetturi eko-innovattivi jridu jkunu mkejla skont l-Anness 6 tar-Regolament UN/ECE Nru 101 (metodu ta' kejl tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi li jaħdmu b'magna ta' kombustjoni interna biss). Iż-żewġ proċeduri li ġejjin għandhom jiġu modifikati:
1.3.1.1. |
prekondizzjonament tal-vettura, |
1.3.1.2. |
għadd ta' testijiet. |
1.3.1.1. Prekondizzjonament tal-vettura
Għandhom isiru test wieħed jew aktar komplut tat-tip NEDC għall-prekondizzjonament bit-teknoloġija innovattiva diżattivata (jew, meta dan ma jkunx possibbli, għandu jiġi żgurat li l-funzjoni tal-coasting ma tkunx qed topera matul il-proċedura ta' ttestjar), biex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-ittestjar sħun tal-magna, tal-mutur u tal-batterija fir-rigward tat-temperaturi.
1.3.1.2. Għadd ta' testijiet
Il-proċedura kollha tat-test fuq il-bank tat-test għandha tiġi rrepetuta tal-anqas tliet darbiet. Għandhom jiġu kkalkulati l-medja aritmetika tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vettura eko-innovattiva u d-devjazzjoni standard rispettiva tal-medja aritmetika .
1.4. IL-FORMOLI BIEX JIĠI KKALKULAT L-IFFRANKAR TAS-CO2
Biex jiġi kkalkulat l-iffrankar tas-CO2 miksub permezz tal-eko-innovazzjoni, għandha tintuża l-formula li ġejja:
Formula 1
fejn:
|
: |
l-iffrankar ta' CO2 [g CO2/km]; |
c |
: |
Il-parametru ta' konverżjoni huwa 0,96; |
|
: |
Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [g CO2/km]; |
EMC |
: |
Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura eko-innovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [g CO2/km]; |
UF |
: |
Il-fattur tal-użu tat-teknoloġija tal-coasting għat-teknoloġija tal-Porsche huwa ta' 0,8; dan il-valur huwa rappreżentattiv biss tas-segment S tal-Porsche (vetturi tat-tip sport coupé); meta l-vetturi jkunu mgħammra bil-cruise control, dan il-valur huwa ta' 0,4. |
1.5. DETERMINAZZJONI TAS-SINIFIKAT STATISTIKU TAR-RIŻULTATI
L-iżball standard tal-iffrankar totali tas-CO2 m'għandux jaqbeż iż-0,5 g ta' CO2/km u għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:
Formula 2
|
: |
Żball standard tal-iffrankar totali tas-CO2 [g CO2/km]. |
Fil-każ li din il-limitazzjoni ma tiġix issodisfata, sforzi ulterjuri, eż. aktar kejlijiet jew kejlijiet magħmula aħjar, għandhom jitqiesu sabiex titnaqqas l-inċertezza tal-kejl.
Il-formula sabiex jiġi kkalkulat l-iżball standard hija
Formula 3
fejn:
|
: |
Żball standard tal-iffrankar totali tas-CO2 [g CO2/km], |
c |
: |
Il-parametru ta' konverżjoni huwa 0,96; |
|
: |
Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [g CO2/km]; |
|
: |
Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura ta' referenza taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [g CO2/km]; |
EMC |
: |
Il-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura eko-innovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [g CO2/km]; |
|
: |
Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-vettura eko-innovattiva taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar modifikati [g CO2/km]; |
UF |
: |
Il-fattur tal-użu tat-teknoloġija tal-coasting għat-teknoloġija tal-Porsche huwa ta' 0,8; dan il-valur huwa rappreżentattiv biss tas-segment S tal-Porsche (vetturi tat-tip sport coupé); meta l-vetturi jkunu mgħammra bil-cruise control, dan il-valur huwa ta' 0,4; |
sUF |
: |
Id-devjazzjoni standard tal-medja aritmetika tal-fattur tal-użu, li huwa 0,024. |
1.6. PROVA LI L-LIMITU MINIMU TA' 1 g CO2/km INQABEŻ B'MOD STATISTIKAMENT SINIFIKANTI
Sabiex jintwera li l-valur ta' limitu 1,0 g CO2/km inqabeż b'rilevanza statistika, għandha tintuża l-formula li ġejja:
Formula 4
fejn:
MT |
: |
Il-livell limitu minimu [g CO2/km]; |
|
: |
l-iffrankar ta' CO2 [g CO2/km]; |
|
: |
Żball standard tal-iffrankar totali tas-CO2 [g CO2/km]. |
Meta l-iffrankar fl-emissjonijiet tas-CO2, bħala riżultat tal-kalkolu bl-użu tal-Formula 4, ikun taħt il-livell limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, għandu japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ta' dak ir-Regolament.
(1) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1435246393829&uri=CELEX:42007X0619(02)