EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0626

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 626/2014 tal- 10 ta' Ġunju 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

ĠU L 174, 13.6.2014, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/626/oj

13.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/26


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 626/2014

tal-10 ta' Ġunju 2014

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti, minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala n-“Nomenklatura Magħquda” jew “NM”, li hija stabbilita fl-Anness I għal dak ir-Regolament.

(2)

Jeżistu opinjonijiet diverġenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni (fl-intestaturi tan-NM 2207 u 3824) ta' taħlitiet li fihom l-alkoħol etiliku użat bħala materja prima għall-produzzjoni tal-fjuwils għall-vetturi bil-mutur.

(3)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi ċċarat l-ambitu tas-subintestatura tan-NM 2207 20 rigward l-alkoħol etiliku denaturat.

(4)

Is-subintestatura tan-NM 2207 20 għandha tkopri alkoħol etiliku b'saħħa alkoħolika skont il-volum ta' 50 % jew ogħla, b'mod partikolari taħlitiet ibbażati fuq l-alkoħol etiliku użati għall-produzzjoni ta' fjuwil għall-vetturi motorizzati, denaturat biż-żieda ta' ċerti sustanzi mal-alkoħol etiliku sabiex isir inadegwat għall-konsum uman b'mod irriversibbli.

(5)

L-istandard Ewropew EN 15376, intitolat “Karburanti għall-karozzi — Etanol bħala bażi għat-taħlit mal-petrol — Rekwiżiti u metodi ta' ttestjar” u approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fl-24 ta' Diċembru 2010, jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni Ewropea bl-istandards tekniċi volontarji li jippromwovi l-kummerċ ħieles u jikkompletaw is-suq uniku. Fil-punt 4.3 huwa jipprovdi lista tad-denaturanti rrakkomandati li mhumiex ta' ħsara għas-sistemi tal-vetturi. Is-sustanzi msemmija fil-lista huma: petrol tal-karozzi li jikkonforma ma' EN 228, etil terzjarju butil eteru (ETBE), metil terzjarju butil eteru (MTBE), alkoħol butil terzjarju (TBA), 2-metil-1-propanol (isobutanol), u 2-propanol (isopropanol). Wieħed jew aktar minn dawn id-denaturanti jistgħu jintużaw fit-taħlita, ħlief l-isobutanol u l-isopropanol li huma faċilment separabbli mit-taħlita. Għalhekk huma meħtieġ li huma dejjem jintużaw flimkien ma' denaturant ieħor.

(6)

Nota Addizzjonali ġdida għandha għalhekk tiżdied fil-Kapitolu 22 tal-Parti Tnejn tan-NM biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tagħha madwar l-Unjoni.

(7)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fil-limiti ta' żmien preskritt mill-president tal-kumitat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 22 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-Nota addizzjonali 12 li ġejja:

“12.

Is-subintestatura 2207 20 tkopri taħlit ta' alkoħol etiliku użat bħala materja prima għall-produzzjoni tal-fjuwils għal vetturi bil-mutur ta' qawwa alkoħolika skont il-volum, ta' 50 % jew ogħla u denaturat permezz ta' sustanza minn dawn li ġejjin jew aktar:

(a)

Petrol tal-karozzi (konformi ma' EN 228);

(b)

Tert-butil etil eter (etil-tertio-butil-eter, ETBE);

(c)

Metil tert butil eteru (MTBE);

(d)

2-metilpropan-2-ol (tert-butil alcoħol, (alkoħol butil terzjarju, TBA);

(e)

2-metilpropan-1-ol (2-metil- 1-propanol, isobutanol);

(f)

propan-2-ol (isopropil alcoħol, 2-propanol, isopropanol).

Id-denaturanti msemmija fil-punti (e) u (f) tal-ewwel paragrafu għandhom jintużaw f'kombinazzjoni ma' tal-anqas waħda mis-sustanzi denaturanti elenkati fil-punti minn (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

F'isem il-President

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.


Top