Choisissez les fonctionnalités expérimentales que vous souhaitez essayer

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 32014R0623

    Regolament ta' delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 623/2014 tal- 14 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” fir-rigward tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 174, 13.6.2014, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Statut juridique du document En vigueur

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/623/oj

    13.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 174/12


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 623/2014

    tal-14 ta' Frar 2014

    li jistabbilixxi deroga mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” fir-rigward tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f'“Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3)(b) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (Orizzont 2020) u jistipula l-involviment tal-Unjoni fi sħubiji pubbliċi u privati, inklużi f'impriżi konġunti, f'oqsma ewlenin fejn ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-miri kompetittivi usa' tal-Unjoni u jgħinu jittrattaw l-isfidi soċjetali.

    (2)

    Il-parteċipazzjoni f'azzjonijiet indiretti skont Orizzont 2020 għandha tkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1290/2013. Madankollu, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi tal-impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-Trattat fil-qasam tal-industriji b'bażi bijoloġika, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat ġiet delegata lill-Kummissjoni għat-tul kollu ta' Orizzont 2020.

    (3)

    L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika (IK BBI) twaqqfet bir-[Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 (3) fil-qasam tal-industriji b'bażi bijoloġika għal perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024 sabiex tiġi implimentata l-Inizjattiva Tekonoloġika Konġunta dwar l-Industriji b'Bażi Bijoloġika.

    (4)

    Ġew identifikati ħtiġijiet operattivi speċifiċi sabiex jiffaċilitaw u jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' tipi speċifiċi ta' parteċipanti. Dawk il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi huma r-riżultat tal-frammentazzjoni attwali ta' dan is-settur industrijali li għadu jibda b'ħafna partijiet interessati industrijali żgħar u medji. Il-parteċipazzjoni ta' dawk il-partijiet interessati flimkien mal-istabbilimenti ta' edukazzjoni sekondarja u għolja u stabbilimenti oħra fl-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika għandha tiġi ffaċilitata u mħeġġa wkoll minħabba l-importanza rikonoxxuta tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex jinkiseb livell ottimali ta' effett ta' lieva fuq l-investiment privat, dawk il-partijiet interessati biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament ta' azzjonijiet minbarra azzjonijiet ta' innovazzjoni mill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika.

    (5)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita deroga mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013 sabiex tiġi limitata l-eliġibbiltà għall-finanzjament, għal azzjonijiet minbarra azzjonijiet ta' innovazzjoni, għal entitajiet bħal intrapriżi żgħar u medji jew stabbilimenti tal-edukazzjoni sekondarja u għolja,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1290/2013, fir-rigward tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika, il-parteċipanti li ġejjin biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'Bażi Bijoloġika għal azzjonijiet fil-qasam tal-industriji b'bażi bijoloġika minbarra l-azzjonijiet innovattivi:

    (a)

    intrapriżi żgħar u medji;

    (b)

    stabbilimenti tal-edukazzjoni sekondarja u għolja;

    (c)

    entitajiet legali mingħajr skop ta' qligħ, inklużi dawk li jwettqu r-riċerka jew l-iżvilupp teknoloġiku bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħhom;

    (d)

    iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka;

    (e)

    organizzazzjonijiet internazzjonali b'interess Ewropew.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81

    (2)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 560/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b'bażi Bijoloġika (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 130).


    Haut