Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0657

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 657/2013 tal- 10 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ komunikazzjoni vokali għall-Ajru Uniku Ewropew Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 190, 11.7.2013, p. 37–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 04/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1770

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/657/oj

    11.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 190/37


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 657/2013

    tal-10 ta’ Lulju 2013

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti ta’ spazjar bejn il-kanali ta’ komunikazzjoni vokali għall-Ajru Uniku Ewropew

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni ta’ Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament ta’ interoperabilità) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1079/2012 (3) jeħtieġ l-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art ibbażati fuq spazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz imnaqqas, bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ frekwenzi disponibbli għal komunikazzjonijiet vokali mill-ajru għall-art u li jippermetti żidiet fin-numru ta’ setturi tal-ispazju tal-ajru u l-kapaċità relatata tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

    (2)

    L-Artikolu 6(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1079/2012 kien maħsub biex jimponi mira fuq l-Istati Membri elenkati fl-Anness I, li biha n-numru ta’ konverżazzjonijet fi spazjar tal-kanali ta’ 8,33 kHz għandu jkunu ekwivalenti għal mill-inqas 25 % tan-numru totali ta’ assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi ta’ 25 kHz allokat lil kull ċentru ta’ kontroll fl-Istat Membru. Madankollu, it-test attwali ppubblikat tal-Artikolu 6(3) jista’ jiġi interpretat bħala li qed jimponi dazju inqas ambizzjuż li fil-fatt jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti, għall-Istati Membri b’aktar minn ċentru ta’ kontroll taż-żona wieħed, il-kompitu li jiġġeneraw frekwenzi addizzjonali.

    (3)

    L-għan tal-emenda huwa li jiċċara l-Artikolu 6(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1079/2012, għalhekk id-data oriġinali tal-applikazzjoni ta’ dak l-Att għandha tinżamm.

    (4)

    Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1079/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 6(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1079/2012 jinbidel b’dan li ġej:

    “3.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri elenkati fl-Anness I għandhom jimplimentaw għadd ta’ konverżjonijiet ġodda għall-ispazjar bejn il-kanali ta’ 8,33 kHz li jkun ekwivalenti għal mill-inqas 25 % tal-għadd totali ta’ assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi ta’ 25 kHz fir-reġistru ċentrali u allokati lil ċentru tal-kontroll speċifiku ta’ żona (“ACC” — Area Control Centre) fl-Istat Membru. Dawn il-konverżjonijiet ma għandhomx ikunu limitati għall-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi tal-ACC u ma għandhomx jinkludu l-assenjazzjonijiet ta’ frekwenzi għall-komunikazzjonijiet ta’ kontroll operazzjonali.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-7 ta’ Diċembru 2012.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

    (2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 320, 17.11.2012, p. 14.


    Top