This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0629
Commission Implementing Regulation (EU) No 629/2013 of 28 June 2013 laying down further exceptional measures as regards the release of out-of-quota sugar and isoglucose on the Union market at reduced surplus levy during the 2012/13 marketing year
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 629/2013 tat- 28 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi miżuri ulterjuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 629/2013 tat- 28 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi miżuri ulterjuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013
ĠU L 179, 29.6.2013, p. 55–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2014
29.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 179/55 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 629/2013
tat-28 ta’ Ġunju 2013
li jistabbilixxi miżuri ulterjuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2012/2013
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 64(2) u l-Artikolu 186, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Matul is-sena tas-suq taz-zokkor tal-2011/2012, il-prezz medju tal-Unjoni għaz-zokkor abjad bil-kwantità mal-ħruġ mill-fabbrika laħaq livell ta’ 175 % tal-prezz ta’ referenza ta’ EUR 404/tunnellata u kien ta’ madwar EUR 275/tunnellata ogħla mill-prezz tas-suq dinji. Il-prezz tal-Unjoni issa huwa stabbli f’livell ta’ madwar EUR 700/tunnellata, li huwa l-ogħla livell milħuq minn mindu saret ir-riforma tal-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor u jfixkel il-fluwidità ottimali tal-provvista taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni. Iż-żieda mistennija ta’ dan il-livell tal-prezz diġà għoli matul is-sena tas-suq 2012/2013 tissostanzja r-riskju ta’ tfixkil serju fis-suq li kellu jitwaqqaf permezz tal-miżuri meħtieġa. Fit-18 ta’ Jannar, il-15 ta’ Frar u t-22 ta’ Marzu 2013 il-Kummissjoni adottat ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 36/2013 (2), (UE) Nru 131/2013 (3) u (UE) Nru 281/2013 (4) li jipprovdu miżuri eċċezzjonali maħsuba biex jindirizzaw it-tfixkil tas-suq. Minkejja l-miżuri meħuda, il-prezzijiet attwali rreġistrati fis-suq juru li huwa meħtieġ li jiġu adottati aktar miżuri biex jindirizzaw it-tfixkil persistenti tas-suq. |
(2) |
Abbażi tal-istima tal-provvista u d-domanda għall-2012/2013, l-istokkijiet aħħarin għas-suq taz-zokkor mistennija jkunu aktar baxxi b’tal-anqas 0,5 miljun tunnellata meta mqabbla mal-2011/2012. Din iċ-ċifra diġà tqis l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn ċerti ftehimiet preferenzjali. |
(3) |
Min-naħa l-oħra, l-aspettattivi ta’ ħsad tajjeb iwasslu biex il-produzzjoni tiġi stmata għal madwar 4 600 000 tunnellata żejda tal-kwota taz-zokkor stabbilita fl-Artikolu 56 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Filwaqt li jitqiesu l-impenji kuntrattwali prevedibbli tal-produtturi taz-zokkor fir-rigward ta’ ċerti użi industrijali previsti fl-Artikolu 62 ta’ dak ir-Regolament u l-impenji tal-esportazzjoni għall-2012/2013 għaz-zokkor barra mill-kwota, xorta waħda jibqgħu disponibbli kwantitajiet sostanzjali taz-zokkor barra mill-kwota ta’ mill-inqas 1 200 000. Parti minn dan iz-zokkor tista’ ssir disponibbli sabiex ittaffi l-provvista ristretta tas-suq tal-ikel taz-zokkor tal-Unjoni u biex jiġu evitati żidiet eċċessivi fil-prezzijiet. |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata l-fluwidità tas-suq, jeħtieġ li jiġi rilaxxat iz-zokkor barra mill-kwota. Għandu jkun possibbli li tittieħed tali miżura kull darba li jkun meħtieġ matul is-sena tas-suq 2012/2013. |
(5) |
Skont l-Artikoli 186 u 188 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistgħu jittieħdu miżuri, meta meħtieġ, biex jirrimedjaw it-tfixkil fis-suq jew ir-riskju ta’ tfixkil, fejn, b’mod partikolari, dawn jirriżultaw minn żieda sinifikanti tal-prezzijiet fl-Unjoni, sakemm dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri oħra disponibbli skont dak ir-Regolament. Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali tas-suq, ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma jipprevedix miżuri speċifiċi mmirati biex jillimitaw ix-xejra għolja fil-prezz taz-zokkor u li jippermettu l-provvista taz-zokkor bi prezzijiet raġonevoli fis-suq tal-Unjoni, għajr dawk imsejsa fuq l-Artikolu 186 ta’ dak ir-Regolament. |
(6) |
L-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-imposta fuq l-ammont żejjed fuq iz-zokkor u l-iżoglukożju li l-produzzjoni tagħhom taqbeż il-kwota f’livell għoli biżżejjed sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet żejda. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (5) stabbilixxa dik l-imposta għal EUR 500 kull tunnellata. |
(7) |
Għal kwantità limitata ta’ zokkor prodotta ’l fuq mill-kwota, għandha tiġi stabbilita imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed f’livell għal kull tunnellata li tippermetti trattament ġust tal-produtturi taz-zokkor fl-Unjoni, tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni u tgħin biex titnaqqas id-differenza bejn il-prezzijiet taz-zokkor fis-suq dinji u fl-Unjoni mingħajr ma toħloq riskji ta’ akkumulazzjoni ta’ ammonti żejda fis-suq tal-Unjoni. |
(8) |
Billi r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiffissa kwoti kemm għaz-zokkor kif ukoll għall-iżoglukożju, għandha tapplika miżura simili għal kwantità xierqa ta’ iżoglukożju prodott ’il fuq mill-kwota, billi dan il-prodott tal-aħħar, sa ċertu punt, huwa sostitut kummerċjali għaz-zokkor. |
(9) |
Bil-għan li tiżdied il-provvista, il-produtturi taz-zokkor u tal-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikati, mingħand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jippermettulhom li jbiegħu ċerti kwantitajiet, prodotti ’l fuq mil-limitu tal-kwota, fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed. |
(10) |
L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed għandha titħallas wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat. |
(11) |
Il-validità taċ-ċertifikati għandha tkun ta’ żmien limitat sabiex tinkoraġġixxi titjib malajr tas-sitwazzjoni tal-provvista. |
(12) |
L-iffissar tal-limiti massimi tal-kwantitajiet li għalihom jista’ japplika kull produttur f’perjodu wieħed ta’ applikazzjoni u r-restrizzjoni taċ-ċertifikati għal prodotti tal-produzzjoni tal-applikant stess għandhom jimpedixxu azzjonijiet spekulattivi fis-sistema maħluqa minn dan ir-Regolament. |
(13) |
Bl-applikazzjoni tagħhom, il-produtturi taz-zokkor għandhom jimpenjaw ruħhom li jħallsu l-prezz minimu għall-pitravi taz-zokkor użati fil-produzzjoni tal-kwantità taz-zokkor li jkunu applikaw għaliha. Għandhom jiġu speċifikati r-rekwiżiti minimi tal-eliġibbiltà għall-applikazzjonijiet. |
(14) |
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet li jkunu rċevew. Sabiex dawk in-notifiki jiġu ssimplifikati u standardizzati, xi mudelli għandhom isiru disponibbli. |
(15) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikati jingħataw biss fil-limiti kwantitattivi stipulati f’dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, għalhekk, jekk ikun meħtieġ, għandha tkun tista’ tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni applikabbli għall-applikazzjonijiet irċevuti. |
(16) |
L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-applikanti jekk il-kwantità li applikaw għaliha kinitx approvata parzjalment jew kompletament. |
(17) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tqiegħed mudelli għad-dispożizzjoni. |
(18) |
Kwantitajiet ta’ zokkor rilaxxati fis-suq tal-Unjoni ta’ kwantitajiet żejda taċ-ċertifikati maħruġa skont dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-imposta fuq l-ammont żejjed stipulata fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Huwa għalhekk xieraq li jiġi previst li kwalunkwe applikant li ma jwettaqx l-impenji tiegħu li jirrilaxxa fis-suq tal-Unjoni l-kwantità koperta minn ċertifikat li jingħatalu, għandu jħallas ukoll ammont ta’ EUR 500 kull tunnellata. Dan l-approċċ konsistenti huwa mmirat biex jevita l-abbuż tal-mekkaniżmu introdott b’dan ir-Regolament. |
(19) |
Sabiex jiġu stabbiliti prezzijiet medji għaz-zokkor tal-kwota u ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006 li jipprovdi regoli dettaljati għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-ġestjoni tas-suq intern taz-zokkor u l-iskema tal-kwoti (6), iz-zokkor kopert b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jitqies bħala zokkor tal-kwota. |
(20) |
Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (7) il-kontribuzzjonijiet u dazji oħra previsti fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor għandhom jikkostitwixxu riżorsi proprji. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita d-data tal-istipular tal-ammonti inkwistjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 2(2) u 6(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (8). |
(21) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Tnaqqis temporanju tal-imposta fuq l-ammont żejjed
1. B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006, l-ammont tal-imposta fuq l-ammont żejjed għal kwantità massima ta’ 150 000 tunnellata ta’ zokkor espressa f’zokkor abjad ekwivalenti, u ta’ 8 000 tunnellata ta’ iżoglukożju f’materja xotta, prodotti ’l fuq mill-kwota stipulata fl-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u rilaxxati fis-suq tal-Unjoni matul is-sena tas-suq 2012/2013, għandu jiġi stipulat għal EUR 148 kull tunnellata.
2. L-imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed prevista fil-paragrafu 1 għandha titħallas wara li tiġi aċċettata l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, u qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 6.
Artikolu 2
Applikazzjoni għal ċertifikati
1. Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-produtturi taz-zokkor u l-iżoglukożju għandhom japplikaw għal ċertifikat.
2. L-applikanti jistgħu jkunu biss impriżi li jipproduċu l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli jew l-iżoglukożju, li huma approvati skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u li ngħatatilhom allokazzjoni ta’ kwota tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2012/2013, skont l-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament.
3. Kull applikant ma jistgħax jippreżenta aktar minn applikazzjoni waħda għaz-zokkor u oħra għall-iżoglukożju għal kull perjodu ta’ applikazzjoni.
4. L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati għandhom jintbagħtu permezz ta’ faks jew posta elettronika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih kienet approvata l-impriża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-applikazzjonijiet elettroniċi jkunu akkumpanjati b’firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1999/93/KE (9).
5. Sabiex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-applikazzjonijiet għandhom jindikaw:
|
(b) |
il-kwantitajiet li għalihom qed issir l-applikazzjoni f’dan il-perjodu ta’ applikazzjoni, espressi f’tunnellati ta’ zokkor abjad ekwivalenti u tunnellati ta’ iżoglukożju f’materja xotta, ma għandhomx jaqbżu l-50 000 tunnellata fil-każ taz-zokkor u l-2 500 tunnellata fil-każ tal-iżoglukożju; |
(c) |
jekk l-applikazzjoni tirrigwarda z-zokkor, l-applikant għandu jimpenja ruħu li jħallas il-prezz minimu tal-pitravi, stipulat fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għall-kwantità ta’ zokkor koperta minn ċertifikati maħruġa skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament; |
(d) |
l-applikazzjoni għandha tinkiteb bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ippreżentata; |
(e) |
l-applikazzjoni għandha tindika referenza għal dan ir-Regolament u d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet; |
(f) |
l-applikant ma għandu jintroduċi l-ebda kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
6. Applikazzjoni li ma tiġix ippreżentata skont il-paragrafi minn 1 sa 5 ma għandhiex tkun ammissibbli.
7. Applikazzjoni ma tistax tiġi rtirata jew emendata wara li tintbagħat, anke jekk il-kwantità li ssir l-applikazzjoni għaliha tingħata biss parzjalment.
Artikolu 3
Preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet
Il-perjodu li matulu l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati għandu jintemm fl-10 ta’ Lulju 2013 f’nofsinhar, ħin ta’ Brussell.
Artikolu 4
Trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-ammissibilità tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li applikazzjoni mhijiex ammissibbli, għandhom jinformaw lill-applikant mingħajr dewmien.
2. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-ġurnata tal-Ġimgħa dwar l-applikazzjonijiet ammissibbli ppreżentati matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ qabel, permezz ta’ faks jew posta elettronika. Dik in-notifika ma għandhiex tinkludi d-dejta msemmija fl-Artikolu 2(5)(a)(i). L-Istati Membri li ma kellhom ebda applikazzjoni iżda li għandhom kwoti taz-zokkor jew tal-iżoglukożju allokati lilhom għas-sena tas-suq 2012/2013, għandhom jibagħtu wkoll in-notifiki tagħhom ta’ ebda applikazzjoni lill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien.
3. Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu definiti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni għamlet disponibbli lill-Istati Membri.
Artikolu 5
Limiti maqbuża
Meta l-informazzjoni nnotifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) tindika li l-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom jaqbżu l-limiti stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha:
(a) |
tistabbilixxi koeffiċjenti ta’ allokazzjoni, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kwantitajiet koperti minn kull applikazzjoni għal ċertifikat innotifikata; |
(b) |
tirrifjuta applikazzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx innotifikati. |
Artikolu 6
Ħruġ ta’ ċertifikati
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, fl-għaxar (10) jum ta’ xogħol ta’ wara ġimgħa li fiha jkun intemm il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ ċertifikati għall-applikazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(2).
2. Kull nhar ta’ Tnejn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ zokkor u/jew iżoglukożju li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati matul il-ġimgħa ta’ qabel.
3. Mudell taċ-ċertifkat jinsab fl-Anness.
Artikolu 7
Validità taċ-ċertifikati
Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi sa tmiem it-tieni xahar ta’ wara x-xahar tal-ħruġ.
Artikolu 8
Trasferibbiltà taċ-ċertifikati
La d-drittijiet u lanqas l-obbligi li jirriżultaw miċ-ċertifikati ma jistgħu jiġu trasferiti.
Artikolu 9
Rappurtar tal-prezzijiet
Għall-fini tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006, il-kwantità ta’ zokkor mibjugħa koperta b’ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandha titqies bħala zokkor tal-kwota.
Artikolu 10
Monitoraġġ
1. L-applikanti għandhom iżidu l-kwantitajiet li għalihom ingħataw ċertifikati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament man-notifiki tagħhom ta’ kull xahar previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 952/2006.
2. Qabel il-31 ta’ Ottubru 2013, kull detentur ta’ ċertifikat skont dan ir-Regolament għandu jippreżenta lill-awtorjitajiet kompetenti tal-Istati Membri prova li l-kwantitajiet kollha koperti biċ-ċertifikati tiegħu ġew rilaxxati fis-suq tal-Unjoni. Kull tunnellata koperta minn ċertifikat iżda li ma ġietx rilaxxata fis-suq tal-Unjoni, għal raġunijiet oħra minbarra forza maġġuri, għandha tkun soġġetta għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 352 kull tunnellata.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet li ma ġewx irrilaxxati fis-suq tal-Unjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw u jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-differenza bejn il-kwantità totali ta’ zokkor u iżoglukożju prodotta minn kull produttur ’il fuq mill-kwota, u bil-kwantitajiet li l-produtturi ddisponew minnhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 967/2006. Jekk il-kwantitajiet ta’ zokkor u ta’ iżoglukożju ’l fuq mill-kwota ta’ produttur li jifdal ikunu inqas mill-kwantitajiet maħruġa għal dak il-produttur skont dan ir-Regolament, il-produttur għandu jħallas ammont ta’ EUR 500 għal kull tunnellata ta’ dik id-differenza.
5. In-notifiki previsti fil-paragrafi 3 u 4 għandhom isiru sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2014.
Artikolu 11
Data ta’ stabbiliment
Għall-finijiet tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, id-data tal-istabbiliment tal-intitolament tal-Unjoni għandha tkun id-data li fiha titħallas l-imposta fuq l-ammont żejjed mill-applikanti skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 12
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(4) ĠU L 84, 23.3.2013, p. 19.
(5) ĠU L 176, 30.6.2006, p. 22.
(6) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 39.
(7) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
(8) ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.
(9) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.