Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0208

    2013/208/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

    ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/208(1)/oj

    30.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 118/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-22 ta’ April 2013

    dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

    (2013/208/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 145 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ forza ta’ xogħol b’ħiliet, imħarrġa u li tadatta u swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bl-għan li jiksbu l-objettivi definiti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (2)

    L-Istrateġija Ewropa 2020 proposta mill-Kummissjoni tippermetti lill-Unjoni li ddawwar l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, akkumpanjat minn impjiegi ta’ livell għoli, produttività u koeżjoni soċjali. Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta r-Rikomandazzjoni tiegħu dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (3). Barra minn hekk, fil- 21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/707/UE tiegħu dwar linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (4) (“il-linji gwida dwar l-impjiegi”). Dawk il-linji gwida jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ħames miri ewlenin, elenkati taħt il-linji gwida integrati rilevanti, jikkostitwixxu objettivi kondiviżi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li jikkunsidraw il-pożizzjonijiet inizjali relattivi tagħhom u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, kif ukoll il-pożizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi tal-Unjoni. L-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-objettivi tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol tal-Istrateġija Ewropa 2020.

    (3)

    Il-linji gwida integrati huma f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010. Huma jagħtu gwida preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri skont l-Artikolu 148(4) tat-TFUE, b’mod parallel mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istati Membri skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE. Il-linji gwida dwar l-impjiegi għandhom ukoll jifformaw il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

    (4)

    L-eżamini tal-abbozz tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri, li jinsabu fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi adottat mill-Kunsill fit-28 ta’ Frar 2013, turi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw il-prijoritajiet li ġejjin: li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u li jonqos il-qgħad strutturali, jitrawmu ħaddiema ta’ ħila skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u ssir promozzjoni ta’ xogħol ta’ kwalità u t-tagħlim tul il-ħajja, tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni t-taħriġ f’kull livell u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar.

    (5)

    Il-linji gwida dwar l-impjiegi adottati fl-2010 għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 sabiex jiżguraw fowkus fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Sal-aħħar tal-2014, kwalunkwe aġġornament tal-linji gwida dwar l-impjiegi għandu jibqa’ strettament limitat. Fl-2011 u l-2012, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew miżmuma. Huma għandhom jinżammu għall-2013.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jesploraw l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew meta jiġu biex jimplimentaw il-linji gwida dwar l-impjiegi,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri kif imniżżel fl-Anness għad-Deċiżjoni 2010/707/UE, jinżammu għall-2013 u għandhom ikunu kkunsidrati mill-Istati Membri fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. COVENEY


    (1)  Opinjoni tas-6 ta’ Frar 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tat-13 ta’ Frar 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28.

    (4)  ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46.


    Top