Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0994

    Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 299, 27.10.2012, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/05/2017; Imħassar b' 32017D0684

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/994/oj

    27.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 299/13


    DEĊIŻJONI Nru 994/2012/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Ottubru 2012

    li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill Ewropew talab lill-Istati Membri biex mill-1 ta' Jannar 2012 jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet bilaterali ġodda u eżistenti kollha tagħhom ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha f'forma adatta, wara li tikkunsidra l-ħtieġa għall-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

    (2)

    L-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri adatti kollha sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jevitaw jew jeliminaw kwalunkwe inkompatibbiltà bejn il-liġi tal-Unjoni u l-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

    (3)

    Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-enerġija jeħtieġ li l-enerġija importata fl-Unjoni tkun irregolata għalkollox mir-regoli li jistabbilixxu suq intern tal-enerġija. Suq intern tal-enerġija li ma jiffunzjonax tajjeb iqiegħed lill-Unjoni f'pożizzjoni vulnerabbli u żvantaġġata fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u jimmina l-benefiċċji potenzjali tiegħu għall-konsumaturi u l-industrija Ewropej. Livell għoli ta' trasparenza fir-rigward tal-ftehimiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija jippermetti lill-Unjoni tieħu azzjoni kkoordinata, fl-ispirtu ta' solidarjetà, sabiex tiżgura li ftehimiet bħal dawn jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u effettivament tiżgura l-provvista tal-enerġija. Tali trasparenza tkun ta' benefiċċju wkoll sabiex tinkiseb kemm kooperazzjoni interna aktar mill-qrib fl-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni dwar l-enerġija kif ukoll l-objettivi ta' politika fit-tul tal-Unjoni dwar l-enerġija, il-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

    (4)

    Mekkaniżmu ġdid ta' skambju ta' informazzjoni għandu għalhekk jiġi stabbilit. Huwa għandu biss ftehimiet intergovernattivi li għandhom impatt fuq is-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni peress li ż-żewġ kwistjonijiet huma marbuta flimkien. Il-valutazzjoni tal-bidu dwar jekk ftehim intergovernattiv, jew test ieħor li jirreferi għalih espliċitament ftehim intergovernattiv, għandux impatt fuq is-suq intern tal-enerġija jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri; f' każ ta' dubju, Stati Membri għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni. Fil-prinċipju, ftehimiet li ma għadhomx fis-seħħ jew ma għadhomx jiġu applikati ma jkollhomx impatt fuq is-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni u għalhekk m'għandhomx ikunu koperti minn dan il-mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni għandu jinkludi b'mod partikolari kull ftehim intergovernattiv li għandu impatt fuq il-provvista ta' gass, żejt jew elettriku permezz ta' infrastruttura fissa jew li għandu impatt fuq l-ammont ta' enerġija importata fl-Unjoni.

    (5)

    Ftehimiet intergovernattivi li għandhom jiġu nnotifikati fl-intier tagħhom lill-Kummissjoni abbażi ta' atti oħra tal-Unjoni għandhom ikunu esklużi mill-mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni. Madankollu, dik l-eżenzjoni ma għandhiex tapplika għall-ftehimiet intergovernattivi ma' pajjiżi terzi li jkollhom impatt fuq l-iżvilupp u l-użu tal-infrastruttura tal-gass u tal-provvisti tal-gass u li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-il-punt (a) tal-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass (3). Tali ftehimiet għandhom jiġu nnotifikati skont ir-regoli stipulati f'din id-Deċiżjoni. Biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, notifika ppreżentata f'konformità ma' din id-Deċiżjoni għandha titqies li tissodisfa l-obbligu stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010.

    (6)

    Ftehimiet intergovernattivi li jikkonċernaw kwistjonijiet fl-ambitu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma għandhomx ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni ma toħloqx obbligi fir-rigward ta' ftehimiet bejn entitajiet kummerċjali . Madankollu, hija ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fuq bażi volontarja, ftehimiet kummerċjali li jissemmew espliċitament fil-ftehimiet intergvernattivi. Barra minn hekk, minħabba li huwa possibbli li l-ftehimiet kummerċjali jinkludu dispożizzjonijiet regolatorji, l-operaturi kummerċjali li jinnegozjaw ftehimiet kummerċjali ma' operaturi minn pajjiżi terzi għandu jkollhom il-possibbiltà li jfittxu gwida mill-Kummissjoni sabiex jevitaw li jinħolqu konflitti potenzjali mal-liġi tal-Unjoni.

    (8)

    L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kull ftehim intergovernattiv eżistenti, kemm jekk daħal fis-seħħ jew qed jiġi applikat proviżorjament skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, u kull ftehim intergovernattiv ġdid.

    (9)

    Trasparenza akbar fir-rigward ta' ftehimiet intergovernattivi futuri li ser jiġu nnegozjati jew li qed jiġu nnegozjati bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija tista' tikkontribwixxi għall-konsistenza fl-approċċi tal-Istati Membri għal tali ftehimiet, kif ukoll għall-konformità mal-liġi tal-Unjoni, u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar negozjati fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi ġodda jew l-emendi fil-ftehimiet intergovernattivi eżistenti. Fejn l-Istati Membri jagħmlu dik l-għażla, il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata regolarment dwar il-progess tan-negozjati. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jistiednu lill-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.

    Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll il-possibbiltà li tipparteċipa bħala osservatur fuq talba tagħha, soġġett għall-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà wkoll jitolbu lill-Kummissjoni biex tgħinhom matul in-negozjati tagħhom ma' pajjiżi terzi. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tipprovdi pariri dwar kif tiġi evitata inkompatibbilta' mal-liġi tal-Unjoni, u li tiġbed l-attenzjoni għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-prinċipju ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri.

    (10)

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompatibbiltà tal-ftehimiet intergovernattivi eżistenti mal-liġi tal-Unjoni. F'każ ta' inkompatibbiltà, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex isibu soluzzjoni adegwata biex jeliminaw l-inkompatibbiltà identifikata.

    (11)

    Sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar u biex jiġu evitati kunflitti possibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar ftehim intergovernattiv ġdid ma' pajjiż terz qabel jew matul in-negozjati dwaru. Meta Stat Membru, li jkun innegozja ftehim intergovernattiv, ikun informa b'dan lill-Kummissjoni qabel l-għeluq tan-negozjati u jkun ippreżentalha l-abbozz ta' ftehim intergovernattiv, il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tinforma lil dak l-Istat Membru bl-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim negozjat mal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha d-dritt tibda proċedimenti ta' ksur f'konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) meta tqis li Stat Membru ma jkunx osserva l-obbligi tiegħu skont it-TFUE.

    (12)

    Il-ftehimiet intergovernattivi ratifikati, finali kollha koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sabiex l-Istati Membri l-oħrajn kollha jistgħu jkunu infurmati.

    (13)

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha li tirċievi disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha f'forma elettronika sigura. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta t-talbiet mill-Istati Membri sabiex tittratta l-informazzjoni ippreżentata lilha bħala kunfidenzjali. Madankollu, it-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx jirrestrinġu l-aċċess tal-Kummissjoni nnifisha għal informazzjoni kunfidenzjali, minħabba li jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni komprensiva għall-valutazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli biex tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-klawżola ta' kunfidenzjalità. It-talbiet għall-kunfidenzjalità għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (4).

    (14)

    Jekk Stat Membru jqis li ftehim intergovernattiv huwa kunfidenzjali, huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'sommarju tiegħu għall-finijiet tal-kondiviżjoni ta' dak is-sommarju mal-Istati Membri l-oħrajn.

    (15)

    Skambju permanenti ta' informazzjoni dwar il-ftehimiet intergovernattivi fil-livell tal-Unjoni għandu jippermetti l-iżvilupp tal-aħjar prattiki. Abbażi ta' dawk l-aħjar prattiki, il-Kummissjoni, fejn ikun adatt f'kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fir-rigward tal-politiki esterni tal-Unjoni, għandha tiżviluppa klawżoli fakultattivi bħala mudell sabiex jintużaw fil-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. L-użu ta' tali klawżoli mudell għandu jkollu l-għan li jevita konflitti ta' ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-liġi tal-kompetizzjoni u r-regoli tas-suq intern tal-enerġija, u konflitti ma' ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni. L-użu tagħhom għandu jkun fakultattiv, u għandu jkun possibbli li jiġi adattat il-kontenut tagħhom għal kwalunkwe ċirkostanza partikolari.

    (16)

    Peress li jeżisti s-suq intern tal-enerġija u minħabba l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta' dawk l-objettivi meta jinnegozjaw ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija li għandhom impatt fuq il-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija.

    (17)

    L-għarfien reċiproku mtejjeb tal-ftehimiet intergovernattivi eżistenti u ġodda għandu jagħti lok għal koordinazzjoni aħjar fi kwistjonijiet tal-enerġija bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Tali koordinazzjoni mtejba għandha tippermetti lill-Istati Membri jibbenifikaw b'mod sħiħ mill-piż politiku u ekonomiku tal-Unjoni u tippermetti lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet għall-problemi identifikati fil-qasam tal-ftehimiet intergovernattivi.

    (18)

    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li ttejjeb ir-rwol strateġiku ġenerali tal-Unjoni permezz ta' approċċ koordinat b'saħħtu u effettiv fil-konfront ta' pajjiżi produtturi, ta' transitu u konsumaturi.

    (19)

    Il-mekkaniżmu ta' skambju tal-informazzjoni, inklużi valutazzjonijiet li għandhom isiru mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha, huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-ksur tar-regoli, l-għajnuna mill-istat u l-kompetizzjoni.

    (20)

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk din id-Deċiżjoni hijiex suffiċjenti u effettiva biex tiżgura l-konformità tal-ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-Unjoni u livell għoli ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija.

    (21)

    Peress li l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward ta' ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' jinkiseb aħjar, minħabba l-effetti ta' din id-Deċiżjoni, fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-objettiv,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward ta' ftehimiet intergovernattivi fil-qasam tal-enerġija kif definiti fl-Artikolu 2, sabiex jinkiseb il-funzjonament ottimali tas-suq intern ta' l-enerġija.

    2.   Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal ftehimiet intergovernattivi li, fl-intier tagħhom, huma diġà soġġetti għal proċeduri speċifiċi oħrajn ta' notifika skont il-liġi tal-Unjoni.

    Minkejja l-ewwel subpargrafu, din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal ftehimiet intergovernattivi li għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “ftehim intergovernattiv” tfisser kull ftehim legalment vinkolanti bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar li jkollu impatt fuq l-operat jew il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni; madankollu, fejn tali ftehim vinkolnati jkopri wkoll kwistjonijiet oħrajn, dawk id-dispożizzjonijiet biss li jirrigwardaw l-enerġija, inklużi d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għal dawk id-dispożizzjonijiet relatati mal-enerġija, għandhom jikkostitwixxu “ftehim intergovernattiv”;

    (2)

    “ftehim intergovernattiv eżistenti” tfisser ftehim intergovernattiv li jkun daħal fis-seħħ jew qed jiġi applikat proviżorjament qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni

    1.   Sas 17 ta’ Frar 2013 l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-ftehimiet intergovernattivi kollha eżistenti, inklużi l-annessi u l-emendi kollha għal dawk il-ftehimiet. Fejn dawk il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti jirreferu espliċitament għal testi oħra, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw ukoll dawk it-testi l-oħra lill-Kummissjoni, safejn ikun fihom elementi li jħallu impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni. Madankollu, dak l-obbligu ma għandhux japplika fir-rigward ta' ftehimiet bejn entitajiet kummerċjali.

    Il-ftehimiet intergovernattivi eżistenti li diġà kienu kkomunikati lill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, għandhom jitqiesu bħala li ġew ippreżentati għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, sakemm dik il-komunikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu. Sas 17 ta’ Frar 2013 l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk hemmx xi parti minn tali ftehimiet intergovernattivi li għandha titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni pprovduta tistax tkun kondiviża mal-Istati Membri l-oħra

    Fejn, skont dan il-paragrafu, Stat Membru jippreżenta ftehimiet intergovernattivi eżistenti li jaqgħu wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punt (a) tal-Artikolu 13(6) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 lill-Kummissjoni, huwa għandu jitqies li jkun issodisfa l-obbligu ta' komunikazzjoni stabbilit f'dak il-paragrafu.

    2.   Fejn, wara l-ewwel valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni ta' ftehimiet ippreżentati lilha taħt il-paragrafu 1, b'mod partikolari mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u mal-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati għaldaqstant fi żmien disa’ xhur wara li jkunu ġew ippreżentati dawk il-ftehimiet.

    3.   Qabel jew waqt negozjati ma' pajjiż terz dwar ftehim intergovernattiv jew dwar l-emenda ta' ftehim intergovernattiv eżistenti, Stat Membru jista' jinforma lill-Kummissjoni bil-miktub bl-objettivi tan-negozjati, u bid-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu trattati fin-negozjati u jista' jikkomunika kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra lill-Kummissjoni. Fejn l-Istat Membru jagħti tali notofika dwar negozjati lill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata regolarment dwar il-progress tan-negozjati.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jindika lill-Kummissjoni jekk l-informazzjoni ppreżentata skont l-ewwel subparagrafu tistax tkun kondiviża mal-Istati Membri l-oħrajn kollha. Fejn l-Istat Membru kkonċernat għandu jindika li l-informazzjoni tista' tkun kondiviża, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni riċevuta aċċessibbli għall-Istati Membri kollha f'forma elettronika sigura, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe parti kunfidenzjali identifikata skont l-Artikolu 4.

    4.   Fejn Stat Membru jagħti notifika dwar negozjati lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni tista' tipprovdilu pariri dwar kif jevita l-inkompatibbiltà tal-ftehim intergovernattiv jew tal-emenda għal ftehim intergovernattiv eżistenti li qed jiġi nnegozjat mal-liġi tal-Unjoni.

    5.   Mar-ratifika ta' ftehim intergovernattiv jew ta' emenda għal ftehim intergovernattiv, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-ftehim intergovernattiv jew l-emenda, inkluż kwalunkwe anness għall-ftehim jew l-emenda, lill-Kummissjoni.

    Fejn il-ftehim intergovernattiv jew l-emenda għall-ftehim intergovernattiv jirreferu espliċitament għal testi oħra, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw ukoll dawk it-testi l-oħra kull fejn dawn fihom elementi li jħallu impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija jew fuq is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni. Madankollu, dak l-obbligu ma japplikax fir-rigward ta' ftehimiet bejn entitajiet kummerċjali.

    6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tagħmel aċċessibbli lill-Istati Membri l-oħrajn kollha d-dokumenti li tkun irċeviet skont il-paragrafi 1 u 5 f'forma elettronika sigura.

    7.   Fejn Stat Membru jagħti struzzjoni lill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 4, biex ma tagħmilx aċċessibbli lill-Istati Membri l-oħra ftehim intergovernattiv eżistenti, emenda għal ftehim intergovernattiv eżistenti jew ftehim intergovernattiv ġdid, huwa għandu jagħmel disponibbli sommarju tal-informazzjoni ppreżentata. Dak is-sommarju għandu jkun fih mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar il-ftehim jew l-emenda inkwistjoni:

    (a)

    is-suġġett;

    (b)

    l-għan u l-kamp ta' applikazzjoni;

    (c)

    it-tul ta' żmien;

    (d)

    il-partijiet kontraenti;

    (e)

    informazzjoni dwar l-elementi prinċipali.

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel is-sommarji aċċessibbli f'forma elettronika għall-Istati Membri l-oħrajn kollha.

    Artikolu 4

    Kunfidenzjalità

    1.   Meta jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(1) sa (6), Stat Membru jista' jindika jekk xi parti mill-informazzjoni, kemm jekk tkun ta' natura kummerċjali jew tkun informazzjoni oħra, li l-iżvelar tagħha jista' jkun ta' ħsara għall-attivitajiet tal-partijiet involuti, għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u jekk l-informazzjoni pprovduta tistax tkun kondiviża ma' Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta dawk l-indikazzjonijiet.

    2.   It-talbiet għall-kunfidenzjalità skont dan l-Artikolu ma għandhomx jirrestrinġu l-aċċess tal-Kummissjoni nnifisha għal informazzjoni kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali jkun limitat strettament għas-servizzi tal-Kummissjoni li jkollhom ħtieġa assoluta li jkollhom l-informazzjoni disponibbli.

    Artikolu 5

    Għajnuna mill-Kummissjoni

    Meta Stat Membru jagħti lill-Kummissjoni n-notifika dwar negozjati skont l-Artikolu 3(3), dak l-Istat Membru jista' jitlob l-għajnuna tal-Kummissjoni f'dawk in-negozjati.

    Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew fuq talba tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni bil-miktub tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista' tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.

    Fejn il-Kummissjoni tkun qed tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur, tista' tipprovdi pariri lill-Istat Membru kkonċernat dwar kif jevita l-inkompatibbiltà tal-ftehim intergovernattiv jew l-emenda li qed tiġi nnegozjata mal-liġi tal-Unjoni.

    Artikolu 6

    Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

    1.   Fejn Stat Membru qed jinnegozja ftehim intergovernattiv jew emenda għal ftehim intergovernattiv eżistenti u ma kienx possibbli għalih, abbażi tal-valutazzjoni tiegħu stess, jasal għal konklużjoni ċara dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim intergovernattiv jew l-emenda li qed tiġi nnegozjata mal-liġi tal-Unjoni, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan qabel l-għeluq tan-negozjati u jippreżentalha l-abbozz tal-ftehim jew l-emenda flimkien ma' kwalunkwe annes għalih/a.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' ġimgħat mid-data meta tirċievi l-abbozz tal-ftehim jew l-emenda, inklużi l-annessi għalihom, tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b'kull dubju li jista' jkollha dwar il-kompatibbiltà tal-abbozz ta' ftehim intergovernattiv jew emenda mal-liġi tal-Unjoni. Jekk il-Kummissjoni ma tagħti ebda tweġiba matul dak il-perijodu, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li ma għandha ebda dubju.

    3.   Fejn il-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 2 li għandha dubji, għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat bl-opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-abbozz ta' ftehim intergovernattiv jew emenda skont il-paragrafu 1 fi żmien 10 ġimgħat mid-data ta' riċeviment imsemmija fil-paragrafu 2 (il-perijodu ta' eżami). Bl-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, il-perijodu tal-eżami jista' jiġi estiż. Fin-nuqqas ta' opinjoni mill-Kummissjoni matul il-perijodu ta' eżami, il-Kummissjoni għandha titqies bħala li ma qajmet ebda oġġezzjoni.

    4.   Il-perijodi ta' żmien imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiqsaru bi qbil mal-Kummissjoni jekk iċ-ċirkostanzi jiġġustifikaw dan.

    Artikolu 7

    Koordinazzjoni bejn l-Istati Membri

    Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tippromwovi l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri bil-għan li:

    (a)

    jiġu riveduti l-iżviluppi fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u jitfittxu l-konsistenza u l-koerenza fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija ma' pajjiżi produtturi, ta' transitu u ta' konsum;

    (b)

    jiġu identifikati l-problemi komuni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u tiġi kkunsidrata l-azzjoni adatta sabiex jiġu indirizzati dawk il-problemi u, fejn ikun adatt, jiġu proposti s-soluzzjonijiet;

    (c)

    fuq il-bażi tal-aħjar prattika u b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, jiġu żviluppati klawżoli mudell fakultattivi li jekk jiġu applikati jtejbu sostanzjalment il-konformità tal-ftehimiet intergovernattivi futuri mal-liġi tal-Unjoni;

    (d)

    jingħata appoġġ, fejn ikun adatt, għall-iżvilupp ta' ftehimiet intergovernattivi multilaterali li jinvolvu diversi Stati Membri jew l-Unjoni kollha kemm hi.

    Artikolu 8

    Rappurtar u reviżjoni

    1.   Sal-1 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

    2.   B'mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta l-miżura kemm din id-Deċiżjoni tippromwovi l-konformità tal-ftehimiet intergovernattivi mal-liġi tal-Unjoni u livell għoli ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri rigward ftehimiet intergovernattivi. Huwa għandu jivvaluta wkoll l-impatt ta' din id-Deċiżjoni fuq in-negozjati ta' Stati Membri ma' pajjiżi terzi u jekk il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-proċeduri li tistabbilixxi humiex adatti.

    3.   Wara li tippreżenta l-ewwel rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-informazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 3, waqt li tieħu kont dovut tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 10

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. D. MAVROYIANNIS


    (1)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 65.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2012.

    (3)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.

    (4)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


    Top