Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0778

2012/778/: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 4 ta’ Diċembru 2012 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/587/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’Malta

ĠU L 342, 14.12.2012, pp. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/778/oj

14.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/43


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-4 ta’ Diċembru 2012

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2009/587/KE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’Malta

(2012/778/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Lulju 2009, permezz tad-Deċiżjoni 2009/587/KE (1), wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), il-Kunsill iddeċieda li f’ Malta kien hemm defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika f’Malta kien laħaq sa 4,7 % tal-PDG fl-2008, u b’hekk qabeż sew il-valur ta’ 3 % bħala valura ta’ referenza tal-PDG, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ’il fuq minn 60 % tal-valur ta’ referenza tal-PDG mill-2003 u kien ta’ 64,1 % tal-PDG fl-2008 (2).

(2)

Ukoll fis-7 ta’ Lulju 2009, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjoni lil Malta b’konformità mal-Artikolu 104(7) tat-TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (3), bil-ħsieb li tintemm din is-sitwazzjoni sa mhux aktar tard mill-2010. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)

Fis-16 ta’ Frar 2010, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill ikkonkluda li kienet ittieħdet azzjoni effettiva f’konformità mar-rakkomandazzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 104(7) tat-TKE iżda li wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tiegħu f’ Malta kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi, li ma kinux mistennija, għall-finanzi tal-gvern, u b’konsegwenzi sfavorevoli kbar. Il-Kunsill għalhekk adotta rakkomandazzjoni riveduta għal Malta b’konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li estendiet l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’ sena, jiġifieri sal-2011. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(4)

Taħt l-Artikolu 126(12) tat-TFUE, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie kkoreġġut.

(5)

Taħt l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-TFUE, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jagħtu notifika ta’ dejta dwar defiċit u dejn tal-gvern u valuri varjabbli assoċjati oħrajn darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4).

(6)

Meta jikkunsidra jekk Deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, Deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta’ previżjoni.

(7)

Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka minn Malta qabel l-1 ta’ April 2012 u fuq il-bażi tal-previżjoni tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, jidhru ġġustifikati l-konklużjonijiet li ġejjin:

Wara l-quċċata tal-2008, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika naqas gradwalment, sakemm laħaq 2,7 % tal-PDG fl-2011, taħt il-valur ta’ 3 % bħala valur ta’ referenza tal-PDG. It-titjib sinifikanti fi tqabbil mal-2010, meta d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 3,6 % tal-PDG, kien prinċipalment dovut għal żieda fid-dħul b’ 0,7 % tal-PDG. L-impatt nett ta’ miżuri ta’darba għat-tnaqqis tad-defiċit fl-2011 huwa stmat fil-previżjoni tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni għal 0,7 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ baġitarju aġġustat ċiklikament mingħajr miżuri ta’ darba u temporanji, huwa stmat li tjieb b’punt perċentwali (1) tal-PDG fl-2011, iktar mill-isforz mitlub ta’ mill-anqas ¾ % tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill.

Il-previżjoni tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni tipproġetta li d-defiċit se jkompli nieżel għal 2,6 % tal-PDG fl-2012, prinċipalment bis-saħħa ta’ miżuri għal żieda fid-dħul, li l-biċċa l-kbira minnhom huma meqjusa bħala ta’ darba; l-impatt nett tal-miżuri ta’ darba għat-tnaqqis tad-defiċit huwa stmat għal 1 % tal-PDG. Fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, jiġifieri mingħajr ma jiġu inkorporati l-miżuri ta’ konsolidament li jinsabu fil-baġit tal-2013, li ġie adottat wara d-data tat-tmiem tal-previżjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa pproġettat li jikber għal 2,9 % tal-PDG fl-2013, qabel ma jonqos għal darb’oħra, għal 2,6 % tal-PDG, fl-2014, biex b’hekk jibqa’ taħt il-valur ta’ 3 % bħala valur ta’ referenza tal-PDG matul il-perjodu tal-previżjoni. Il-Programm ta’ Stabbiltà ta’ April 2012 jimmira għal defiċits aktar baxxi, ta’ 2,2 %, 1,7 % u 1,1 % tal-PDG fl-2012, 2013 u 2014 rispettivament. Id-differenza bejn il-previżjoni tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-mira tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2012 hija prinċipalment spjegata minn tkabbir aktar dinamiku fid-dħul f’ dan tal-aħħar.

Fis-snin wara l-iskadenza tal-2011 stabbilita mill-Kunsill, il-projezzjonijiet baġitarji tal-previżjoni tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni ma juru ebda titjib tal-bilanċ baġitarju aġġustat ċiklikament, mingħajr il-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, fl-2012, u jindikaw titjib ta’ ¼ ta’ punt perċentwali tal-PDG fl-2013. Dan huwa taħt il-valur referenzjarju ta’ 0,5 % tal-PDG għall-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju għal terminu medju meħtieġ mill-fergħa preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, b’mod partikolari taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (5). Dan l-aġġustament bil-mod huwa pproġettat fl-isfond ta’ kundizzjonijiet ċikliċi ġeneralment ibbilanċjati; jiġifieri d-diskrepanza fil-prodott hija stmata li tkun qrib iż-żero. Sadanittant, il-kompożizzjoni tat-tkabbir hija mistennija li tkun relattivament fqira mid-dħul mit-taxxi. Speċjalment fl-2012, it-tkabbir ekonomiku huwa mmexxi mill-esportazzjonijiet netti, filwaqt li d-domanda domestika hija pproġettata li tkun pjuttost dgħajfa meta mqabbla max-xejriet imgħoddija. Fl-2014, it-titjib huwa pproġettat li jammonta għal ½ punt perċentwali tal-PDG. Addizzjonalment, fl-2012, ir-rata reali tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, mingħajr miżuri diskrezzjonali għad-dħul, hija pproġettata li tkun taħt ir-rata referenzjarja ta’ referenza għal terminu medju ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG, kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Madankollu, abbażi ta’ ebda bidla fil-politika, it-tkabbir nett reali fin-nefqa sinifikatament jabqeż din ir-rata ta’ valur referenzjarju fl-2013 u l-2014.

Id-dejn gross tal-amminstrazzjoni pubblika bħala sehem tal-PDG ilu jtendi li jiżdied mill-2008 u laħaq 70,9 % tal-PDG fl-2011. Il-previżjoni tal-ħarifa tal-2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni tipproġetta li l-proporzjon tad-dejn se jibqa’ jiżdied sakemm jilħaq 72,4 % tal-PDG fl-2012, 73,1 % tal-PDG fl-2013 u 72,8 % tal-PDG fl-2014. B’kuntrast, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2012 jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn jibda jonqos wara l-2011, għal 67,4 % tal-PDG sal-2014. Id-differenza bejn iż-żewġ projezzjonijiet hija minħabba bilanċ pożittiv primarju inqas u aġġustament ogħla bejn il-fondi u l-flussi fil-previżjoni tal-ħarifa.

(8)

Il-Kunsill ifakkar li, mis-sena 2012 li hija s-sena wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, u għal perjodu ta’ tliet snin, Malta għandha tagħmel progress suffiċjenti lejn konformità mar-rekwiżit taħt il-kriterju tad-dejn, b’konformità mal-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(9)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv f’ Malta ġie kkoreġġut sal-iskadenza tal-2011 u d-Deċiżjoni 2009/587/KE għaldaqstant għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li l-qagħda ta’ defiċit eċċessiv f’Malta ġiet ikkoreġġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2009/587/KE hija b’dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Malta.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)   ĠU L 202, 4.8.2009, p. 42.

(2)  Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2008 ġew sussegwentament riveduti u attwalment qiegħdin 4,6 % tal-PDG u 62,0 % tal-PDG rispettivament.

(3)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10, Volum 1, p. 89).

(4)   ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(5)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10, Volum 1, p. 84).


Top