Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1260

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1260/2011 tat- 2 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2010 li jadotta l-pjan li jalloka lill-Istati Membri riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2011 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010

ĠU L 320, 3.12.2011, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1260/oj

3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/24


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1260/2011

tat-2 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2010 li jadotta l-pjan li jalloka lill-Istati Membri riżorsi li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-sena 2011 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fil-Komunità u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar l-OKS Unika) (1), u b'mod partikolari l-punti (f) u (g) tal-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-euro (2), b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Għandu jkun ikkunsidrat li d-disponibbiltà ta’ ħażniet ta’ intervent għall-provvista tal-iskema għat-tqassim tal-ikel lill-iktar persuni fil-bżonn fil-pjan annwali tal-2012 adottat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 562/2011 (3) hija sostanzjalment imnaqqsa meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, xieraq li jkun estiż il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan annwali tal-2011 adottat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2010 (4) sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkumplimentaw l-oġġetti tal-ikel li għandhom jingħataw lir-riċevituri finali skont il-pjan annwali tal-2012 b'riżorsi li jistgħu jkunu ffrankati mill-pjan annwali 2011.

(2)

Bħala riżultat tal-appelli mnedija kontra l-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti u d-dewmien fil-proċeduri ġudizzjarji rilevanti, il-Greċja ma kinetx kapaċi ttemm il-ħlasijiet għal ċertu xiri ta’ prodotti tal-ikel fis-suq u biex tirtira parti mill-kwantità allokata ta’ butir mill-ħażniet ta’ intervent tal-Unjoni. L-awtoritajiet Griegi ressqu talba lill-Kummissjoni għall-estensjoni tad-data tal-iskedenza stipulata bl-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2010 tal-14 ta’ Settembru 2010 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-forniment ta’ ikel mill-ħażniet ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (5) u tad-data ta’ skadenza stipulata bl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 945/2010. Il-Portugall ippreżenta talba simili relatata mal-iskadenza għall-operazzjonijiet ta’ pagament stabbiliti bl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010. Fl-isfond tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli affaċċjata minn dawn l-Istati Membri, xieraq li jkunu jistgħu jikkompletaw il-pagamenti tagħhom għall-prodotti mobilizzati fis-suq u li jkunu jistgħu jirtiraw il-kwantitajiet li baqa' ta’ stokkijiet ta’ intervent, sabiex dawn l-allokazzjonijiet jibqgħu disponibbli sabiex iżidu l-kwantità ta’ prodotti tal-ikel imqassma lil dawk l-iktar fil-bżonn. Għalhekk, jeħtieġ li tingħata estensjoni għal dawn iż-żewġ dati ta’ skadenza. Sabiex ikun żgurat trattament ugwali tal-Istati Membri, id-derogi għandhom ikopru l-pagamenti kollha għall-prodotti mobilizzati fis-suq u l-irtirar kollu tal-prodotti tal-ħalib mill-ħażniet ta’ intervent skont il-pjan annwali tal-2011. Peress li d-data ta’ skadenza għall-pagamenti għall-prodotti mobilizzati fis-suq kienet stabbilita għall-1 ta’ Settembru u għall-irtirar tal-prodotti tal-ħalib mill-ħażniet ta’ intervent tal-Unjoni fit-30 ta’ Settembru, dawn iż-żewġ derogi għandhom japplikaw b'mod retroattiv.

(3)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 945/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Għandu jiżdied l-Artikolu 3a li ġej:

“Artikolu 3a

B'deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, il-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-pjan ta’ tqassim annwali tal-2011 għandu jintemm fid-29 ta’ Frar 2012.”

(2)

Fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“B'deroga mill-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għall-pjan ta’ tqassim tal-2011, l-irtirar ta’ butir u tat-trab tal-ħalib xkumat mill-ħażniet tal-intervent għandu jseħħ bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru 2011. L-ispejjeż li joriġinaw miż-żamma tal-kwantitajiet allokati ta’ butir u ħalib xkumat fil-ħażniet ta’ intervent bejn it-30 ta’ Settembru u d-data tal-irtirar reali mill-ħażna ta’ intervent għandhom ikunu merfugħa mill-Istat Membru li għalih huma allokati l-prodotti skont il-pjan ta’ tqassim tal-2011.”

(3)

Għandu jiżdied l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

B'deroga mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għall-pjan ta’ tqassim annwali tal-2011, il-pagamenti għall-prodotti li għandhom ikunu pprovduti mill-operatur għandhom, fil-każ ta’ prodotti li għandhom ikunu mobilizzati fis-suq skont l-Artikolu 2(3)(iii) u (iv) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, jagħlqu qabel il-31 ta’ Diċembru 2011.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(2) u (3) għandu japplika mill-31 ta’ Awwissu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 349, 24.12.1998, p. 1.

(3)  ĠU L 152, 11.6.2011, p. 24.

(4)  ĠU L 278, 22.10.2010, p. 1.

(5)  ĠU L 242, 15.9.2010, p. 9.


Top