Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0796

2011/796/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Novembru 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-Influwenza Avjarja fi Cloppenburg, il-Ġermanja f’Diċembru 2008 u f’Jannar 2009 (notifikata bid-dokument numru C(2011) 8716)

ĠU L 320, 3.12.2011, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/796/oj

3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/41


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2011

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-Influwenza Avjarja fi Cloppenburg, il-Ġermanja f’Diċembru 2008 u f’Jannar 2009

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8716)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(2011/796/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta' finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b’setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Sabiex tinqered l-influwenza avjarja malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għan-nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-Artikolu 4(3), l-ewwel u t-tieni inċiżi, ta’ dik id-Deċiżjoni jidentifika l-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu jitħallsu biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), jistabbilixxi regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/581/KE tad-29 ta' Lulju 2009 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fi Cloppenburg, il-Ġermanja f'Diċembru 2008 u Jannar 2009 (3) ipprevediet kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fil-Ġermanja f'Diċembru 2008 u Jannar 2009.

(5)

Fit-3 ta' Settembru 2009, il-Ġermanja ressqet talba uffiċjali għal ħlas lura kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 jistipula li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni tiġi soġġetta għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

(7)

Id-Deċiżjoni 2009/581/KE pprevediet li l-ewwel somma ta' EUR 2 000 000 għandha titħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(8)

Awditjar skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 li twettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni żvela biss kwistjonijiet finanzjarji minuri.

(9)

Il-Ġermanja għaldaqstant, sa dan il-punt, ikkonformat mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(10)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, it-tieni somma tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fi Cloppenburg, il-Ġermanja f'Diċembru 2008 u Jannar 2009 għandha issa tiġi stabbilita.

(11)

Il-miżuri li tipprevedi din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tieni somma ta' EUR 4 000 000 għandha titħallas lill-Ġermanja bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta' finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju, hi indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 198, 30.7.2009, p. 83.


Top