Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0348

2011/348/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2009 dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

ĠU L 159, 17.6.2011, p. 107–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/348/oj

Related international agreement

17.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/107


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Novembru 2009

dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

(2011/348/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 170 flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem il-Komunità, Ftehim dwar Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”).

(2)

In-negozjati rriżultaw fil-Ftehim li ġie inizjalizzat fit-28 ta’ Jannar 2009.

(3)

Jeħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat suġgett għall-konklużjoni tiegħu f’data futura,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jiffirmaw il-Ftehim, f’isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja kif pprovdut mill-Artikolu 7(2) tal-Ftehim mal-iffirmar, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni formali tiegħu.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BORG


Top

17.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/108


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ’il quddiem “il-Komunità”,

minn naħa waħda, u

IR-RENJU ĦAXEMITA TAL-ĠORDAN, minn hawn ’il quddiem “il-Ġordan”,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 170 flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2), u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3), tiegħu;

WARA LI KKUNSIDRAW l-importanza tax-xjenza u tat-tekonoloġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Partijiet u r-referenza li saret fl-Artikolu 43 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002;

WARA LI KKUNSIDRAW il-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-istrateġija tal-UE biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, fil-qafas li fih il-partijiet iltaqgħu u ftehmu dwar Pjan ta’ Azzjoni, li waħda mill-prijoritajiet tiegħu kienet “biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija”. Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-Politika Ewropea tal-Viċinat huwa konformi mal-Programm Eżekuttiv tal-Gvern tal-Ġordan (2007-2009) għall-Kuluna Al Urdun/l-Aġenda Nazzjonali, li għandha l-għan li tiżviluppa proċess ta’ riforma soċjoekonomika sostenibbli;

BILLI l-Komunità Ewropea u l-Ġordan wettqu attivitajiet komuni ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni, f’diversi oqsma ta’ interess komuni, u li jkun ta’ vantaġġ reċiproku li kull wieħed minnhom jieħu sehem fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tal-ieħor, fuq bażi reċiproka;

WAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu qafas formali għall-koperazzjoni fir-riċerka xjentifika u teknoloġika li jagħmilha possibbli li jkunu estiżi u intensifikati l-isforzi ta’ koperazzjoni fl-oqsma ta’ interess komuni u li jinkoraġġixxu l-użu tar-riżultati ta’ din il-koperazzjoni huma u jqisu l-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom;

WAQT LI JIXTIEQU jiftħu ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka lill-pajjiżi mhux membri tal-UE u partikolarment lill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran,

FTIEHMU SKONT KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ambitu u prinċipji

1.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ koperazzjoni bejn il-Komunità u l-Ġordan fl-oqsma ta’ interess komuni fejn qed isegwu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fix-xjenza u fit-teknoloġija.

2.   L-attivitajiet koperattivi għandhom jitwettqu fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:

Il-promozzjoni ta’ soċjetà msejsa fuq l-għarfien biex irawmu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku taż-żewġ Partijiet;

Il-benefiċċju reċiproku bbażat fuq bilanċ kumplessiv ta’ vantaġġi;

L-aċċess reċiproku għall-attivitajiet u proġetti ta’ riċerka mwettqa minn kull Parti;

L-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni li tista’ tiffaċilita l-attivitajiet ta’ koperazzjoni;

L-iskambju u l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

Il-parteċipazzjoni u l-finanzjament f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-partijiet.

Artikolu 2

Mezzi ta’ koperazzjoni

1.   L-entitajiet legali stabbiliti fil-Ġordan, kif definiti fl-Anness I, li jinkludu kemm il-persuni naturali kif ukoll il-persuni legali privati jew pubbliċi, għandhom jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti ta’ koperazzjoni tal-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (minn hawn ’il quddiem “Il-Programm Kwadru”), suġġetti għat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti minn jew imsemmija fl-Annessi I u II.

L-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, kif definiti fl-Anness 1, għandhom jipparteċipaw fil-programmi ta’ riċerka u proġetti f’temi tal-Ġordan ekwivalenti għal dawk tal-Programm Kwadru taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal entitajiet tal-Ġordan, suġġetti għat-termini u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II jew imsemmija hemmhekk.

2.   Il-koperazzjoni tista’ tieħu waħda mill-forom u l-mezzi li ġejjin:

Diskussjonijiet regolari dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet għal politika u ppjanar ta’ riċerka fil-Ġordan u fil-Komunità;

Diskussjonijiet dwar koperazzjoni, żvilupp u prospetti;

L-għoti f’waqtu ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi u proġetti ta’ riċerka tal-Ġordan u tal-Komunità, u dwar ir-riżultati ta’ xogħol magħmul fil-qafas ta’ dan il-Ftehim;

Laqgħat konġunti;

Żjarat u skambji ta’ ħaddiema, inġiniera u tekniċi ta’ riċerka, għal għanijiet ta’ taħriġ;

Skambju u qsim ta’ apparat, materjali u servizzi ta’ prova;

Kuntatti bejn il-amministraturi ta’ programmi jew proġetti tal-Ġordan u tal-Komunità;

Parteċipazzjoni ta’ esperti f’seminars, simpożja u laqgħat ta’ ħidma;

Skambju ta’ informazzjoni dwar il-prattika, il-liġijiet, ir-regolamenti u l-programmi li għandhom x’jaqsmu mal-koperazzjoni taħt dan il-Ftehim,

Taħriġ fl-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija;

Aċċess reċiproku għal informazzjoni xjentifika u teknoloġika fl-ambitu ta’ din il-koperazzjoni;

Kwalunkwe modalità oħra li tkun adottata mill-Kumitat Konġunt bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġordan għall-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, kif definit fl-Artikolu 4, u meqjus f’konformità mal-politiki u l-proċeduri applikabbli fiż-żewġ Partijiet.

Artikolu 3

Titjib tal-koperazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz, fil-limiti tal-qafas tal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom, biex jiffaċilitaw il-moviment u r-residenza ħielsa tar-riċerkaturi li jipparteċipaw fl-attivitajiet koperti min dan il-Ftehim u biex jiffaċilitaw il-moviment transkonfinali tal-merkanzija maħsuba għall-użu f’attivitajiet bħal dawn.

2.   Fejn, skont ir-regoli tagħha stess, il-Komunità unilateralment tagħti finanzjament lil entità legali tal-Ġordan li tipparteċipa f’attività koperativa indiretta tal-Komunità, il-Ġordan se jiżgura li ma jkunux imposti ħlasijiet jew taxxi fuq dik it-tranżazzjoni.

Artikolu 4

Amministrazzjoni tal-Ftehim Kumitat Konġunt ta’ Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

1.   Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ attivitajiet taħt dan il-Ftehim għandhom jitwettqu f’isem il-Ġordan, mill-Kunsill Ogħla għax-Xjenza u t-Teknoloġija u, f’isem il-Komunità, mill-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi tal-Partijiet (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenti Eżekuttivi”).

2.   L-Aġenti Eżekuttivi għandhom jistabbilixxu kumitat konġunt imsejjaħ “Il-Kumitat Konġunt bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġordan għall-Koperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika” (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat Konġunt”), li l-funzjonijiet tiegħu għandhom jinkludu:

Jiżgura, jevalwa u jirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll jimmodifika l-Annessi tiegħu jew jadotta oħrajn ġodda li jqisu l-evoluzzjonijiet tal-politika xjentifika tal-Partijiet, suġġetti għat-twettiq minn kull wieħed mill-Partijiet tal-proċeduri interni tiegħu għal dak l-għan;

Jidentifika, fuq bażi annwali, setturi potenzjali fejn il-koperazzjoni għandha tiġi żviluppata u mtejba u jeżamina kwalunkwe miżura għal dan l-għan;

Jiddiskuti regolarment dwar l-orjentazzjonijiet u l-prijoritajiet futuri ta’ politiki u ppjanar ta’ riċerka fil-Ġordan u l-Komunità u l-prospetti ta' koperazzjoni futura fi ħdan dan il-Ftehim;

Jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inklużi l-identifikazzjoni u r-rakkomandazzjoni ta’ żidiet mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) u miżuri konkreti biex jitjieb l-aċċess reċiproku kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

3.   Il-Kumitat Konġunt, li għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Aġenti Eżekuttivi, għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ tal-anqas darba fis-sena, darba fil-Komunità u darba fil-Ġordan. Il-laqgħat straordinarji għandhom isiru kull meta jkun hemm bżonn u bi qbil bejn il-Partijiet. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt se jintbagħtu għall-informazzjoni lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.

Artikolu 5

Finanzjament

Il-parteċipazzjoni reċiproka fl-attivitajiet ta’ riċerka taħt dan il-Ftehim huma stabbiliti skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness I u huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni, ir-regolamenti, il-politiki u l-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-programmi li jkunu fis-seħħ fit-territorju ta’ kull Parti.

Meta Parti waħda tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Parteċipanti tal-Parti l-oħra f’konnessjoni mal-Attivitajiet ta’ Koperazjoni Indiretti, kwalunkwe għajnuna u kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ xort’oħra mill-Parti li qed tiffinanzja lill-Parteċipanti tal-Parti l-oħra f’appoġġ għal dawk l-attivitajiet għandha tkun eżentata mit-taxxa u d-dwana.

Artikolu 6

Disseminazzjoni u użu tar-riżultati u t-tagħrif

Id-disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati miksuba u/jew skambjati kif ukoll dawk tal-informazzjoni, amministrazzjoni, attribuzzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa skont dan il-Ftehim huma suġġetti għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

1.   L-Annessi I u II jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim. Il-mistoqsijiet jew kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li jkunu lestew il-proċeduri interni tagħhom għall-konklużjoni tiegħu. Sa meta jitlestew il-proċeduri msemmija mill-Partijiet, huma għandhom japplikaw dan il-Ftehim provviżorjament hekk kif jiffirmawh. Jekk Parti tinnotifika lill-oħra li ma tkunx se tikkonkludi l-Ftehim, b’dan huwa miftiehem reċiprokament li l-proġetti u l-attivitajiet varati taħt din l-applikazzjoni provviżorja u li jkunu għadhom għaddejjin meta ssir in-notifika msemmija hawn fuq, għandhom jitkomplew sa meta jitlestew skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim.

3.   Iż-żewġ Partijiet jistgħu jitterminaw dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin fuq notifika ta’ sitt xhur. Il-proġetti u l-attivitajiet li jkunu għaddejjin fil-ħin tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom ikomplu sa meta jitlestew taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Ftehim.

4.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sa meta waħda mill-Partijiet tagħti notifika bil-miktub lill-Parit l-oħra tal-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. F’każ bħal dan, dan il-Ftehim għandu jieqaf ikollu effett sitt xhur wara r-riċezzjoni ta’ tali notifika.

5.   Jekk waħda mill-Partijiet tiddeċiedi li tirrevedi l-programmi u l-proġetti ta’ riċerki tagħha msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 1, l-Aġent Eżekuttiv ta’ dik il-Parti għandu jinnotifika lill-Aġent Eżekuttiv tal-Parti l-oħra dwar il-kontenut eżatt ta’ dawn ir-reviżjonijiet. B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim jiġi tterminat taħt kondizzjonijiet miftiehma reċiprokament jekk waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-oħra bl-intenzjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim fi żmien xahar wara l-adozzjoni tar-reviżjonijiet riferiti aktar ’il fuq f’dan il-paragrafu.

6.   Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jiġi applikat u fuq il-kondizzjonijiet preskritti f’dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan. Dan ma għandux jostakola t-twettiq ta’ azzjonijiet koperattivi fl-ibħra miftuħa, fl-ispazju barra mill-atmosfera tad-dinja, jew fit-territorju ta’ pajjiżi terzi, skont il-liġi internazzjonali.

B’XIEHDA TA’ DAN, is-sottoskritti, billi huma debitament awtorizzati għal dan mill-Komunità Ewropea u mir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul duplikatament fi Brussell, fit-tletin jum ta’ Novembru 2009, bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bl-Għarbi, b’kull test ugwalment awtentiku.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā –

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image

Image

Image

За Хашемитското кралство Йордания

Por el Reino Hachemí de Jordania

Za Jordánské hášimovské království

For Det Hashemitiske Kongerige Jordan

Für das Haschemitische Königreich Jordanien

Jordaania Hašimiidi Kuningriigi nimel

Για το Χασεμιτικό Βασίλειο της Ιορδανίας

For the Hashemite Kingdom of Jordan

Pour le Royaume hachémite de Jordanie

Per il Regno Hashemita di Giordania

Jordānijas Hāšimītu Karalistes vārdā –

Jordanijos Hašimitų Karalystės vardu

A Jordán Hasimita Királyság részéről

Għar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan

Voor het Hasjemitisch Koninkrijk Jordanië

W imieniu Jordańskiego Królestwa Haszymidzkiego

Pelo Reino Hachemita da Jordânia

Pentru Regatul Hașemit al Iordaniei

Za Jordánske hašimovské král’ovstvo

Za Hašemitsko kraljevino Jordanijo

Jordanian hašemiittisen kuningaskunnan puolesta

För Hashemitiska konungariket Jordanien

Image

Image


ANNESS I

TERMINI U KONDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ ENTITAJIET LEGALI FL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA U FIL-ĠORDAN

Għall-għan ta’ dan il-Ftehim, entità legali tfisser kull persuna naturali, jew legali maħluqa taħt il-liġi nazzjonali tal-post tal-istabbiliment tagħha jew taħt il-liġi Komunitarja jew il-liġi internazzjonali, li għandha personalità legali u li hija intitolata li jkollha drittijiet u obbligi ta’ kull xorta f’isimha proprju.

I.   Termini u kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti fil-Ġordan f’azzjonijiet indiretti tal-Programm ta’ Qafas

1.

Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti fil-Ġordan f’azzjonijiet indiretti tal-Programm Kwadru għandha ssegwi l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 167 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Barra dan, entitajiet legali stabbiliti fil-Ġordan jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti mwettqa skont l-Artikolu 164 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.

Il-Komunità tista’ tagħti fondi lill-entitajiet legali stabbiliti fil-Ġordan li qed jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti msemmija fil-punt 1 taħt it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni meħuda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006) ta’ stabbiliment ta’ regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (1) skont l-Artikolu 167 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Regolamenti Finanzjarji tal-Komunità Ewropea u kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tkun tapplika.

3.

Ftehim ta’ għotja konkluż mill-Komunità ma’ kwalunkwe entità legali stabbilita fil-Ġordan sabiex twettaq azzjoni indiretta għandu jipprovdi li l-kontrolli u l-verifiki jsiru minn, jew taħt l-awtorità, tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej.

Fi spirtu ta’ koperazzjoni u interess reċiproku, l-Awtoritajiet rilevanti tal-Ġordan għandhom jipprovdu kull assistenza raġonevoli u possibbli kif ikun meħtieġ jew ta’ għajnuna taħt iċ-ċirkostanzi biex jitwettqu tali kontrolli u verifiki.

II.   Termini u kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fi programmi u proġetti ta’ riċerka tal-Ġordan

1.

Kwalunkwe entità legali stabbilita fil-Komunità, maħluqa taħt il-liġi nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taħt il-liġi tal-Komunità, tista’ tipparteċipa fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp tal-Ġordan flimkien mal-entitajiet legali tal-Ġordan.

2.

Suġġett għall-punt 1 u għall-Anness II, id-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità li jipparteċipaw fi proġetti ta’ riċerka tal-Ġordan fi ħdan il-programmi ta’ riċerka u żvilupp, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta’ proposti u għall-għoti u l-konklużjoni ta’ kuntratti f’tali proġetti għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-gvern tal-Ġordan li jirregolaw l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, kif applikabbli għall-entitajiet legali tal-Ġordan u li jiżguraw trattament ekwu, filwaqt li titqies in-natura tal-koperazzjoni bejn il-Ġordan u l-Komunità f’dan il-qasam.

Il-finanzjament ta’ entitajiet legali stabbiliti fil-Komunità li jipparteċipaw fil-proġetti rilevanti tal-Ġordan fi ħdan il-programmi ta’ riċerka u żvilupp għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-direttivi tal-gvern tal-Ġordan li jirregolaw l-operat ta’ programmi bħal dawn, kif applikabbli għall-entitajiet legali li mhumiex mill-Ġordan.

III.   Tagħrif dwar l-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni

Il-Ġordan u l-Kummissjoni Ewropea għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni regolarment tagħrif dwar opportunitajiet attwali ta’ programmi u parteċipazzjoni għall-benefiċċju tal-entitajiet legali stabbiliti fiż-żewġ Partijiet.


(1)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS II

PRINĊIPJI DWAR L-ALLOKAZZJONI TA’ DRITTIJIET TAL-PROPJETÀ INTELLETTWALI

I.   Applikazzjoni

Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim, “proprjeta intelletwali” għandu jkollha t-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967.

Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, “għarfien” għandha tfisser ir-riżultati, li jinkludu l-informazzjoni, kemm jekk jistgħu jkunu prottetti jew le, kif ukoll drittijiet tal-awtur jew drittijiet rilevanti għal tali informazzjoni wara l-applikazzjonijiet għal, jew il-ħruġ ta’ privattivi, disinni, varjetajiet ta’ pjanti, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari jew forom simili ta’ protezzjoni.

II.   Drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ entitajiet legali tal-Partijiet f’attivitajiet indiretti ta’ koperazzjoni

1.

Kull Parti għandha tiżgura ruħha li t-trattament li tagħti lid-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u lill-obbligi tal-entitajiet legali stabbiliti fit-territorji tal-Parti l-oħra li jipparteċipaw f’attivitajiet indiretti ta’ koperazzjoni mwettqa skont dan il-Ftehim u lid-drittijiet u lill-obbligi relatati li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni, għandu jkun konsistenti mal-liġijiet u mar-regolamenti u mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li huma applikabbli għall-Partijiet, inkluż il-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intelletwali, l-Anness 1C għall-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ kif ukoll l-Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971 tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-Ħarsien tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u l-Att ta’ Stokkolma tal-14 ta’ Lulju 1967 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Ħarsien tal-Proprjetà Industrijali.

2.

Kull Parti għandha tiżgura ruħha li l-parteċipanti f’attivitajiet koperattivi indiretti tal-Parti l-oħra għandu jkollhom l-istess trattament rigward il-Proprjetà Intelletwali kif jingħata lill-parteċipanti tal-ewwel Parti skont ir-regoli rilevanti ta’ parteċipazzjoni ta’ kull programm jew proġett ta’ riċerka, jew skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħha.

III.   Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-Partijiet

1.

Ħlief jekk ikun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-għarfien iġġenerat mill-Partijiet matul l-attivitajiet imwettqa ġewwa l-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim:

(a)

il-Parti li tiġġenera tali għarfien għandha tkun is-sid ta’ dak l-għarfien. Fejn is-sehem rispettiv tagħhom fix-xogħol ma jistax ikun aċċertat, għandu jkollhom id-dritt tas-sjieda konġunta tat-tali għarfien;

(b)

il-Parti li tippossjedi t-tagħrif għandha tagħti drittijiet ta’ aċċess għalih lill-Parti l-oħra għat-twettiq ta’ attivitajiet riferiti fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim. Dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jingħataw mingħajr ħlas tad-drittijiet.

2.

Ħlief jekk ikun miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għax-xogħlijiet xjentifiċi letterarji tal-Partijiet:

(a)

fil-każ fejn Parti tippubblika dejta, tagħrif u riżultati xjentifiċi u tekniċi, permezz ta’ ġurnali, artikoli, rapporti, kotba, inklużi vidjo u softwer, li joħorġu minn jew ikunu relatati ma’ attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, liċenzja dinjija, mhux esklussiva, irrevokabbli, libera mill-ħlas ta’ drittijiet għandha tingħata lill-Parti l-oħra biex tittraduċi, tirriproduċi, tadatta, tittrasmetti u tqassam pubblikament xogħlijiet bħal dawn;

(b)

il-kopji kollha ta’ dejta u tagħrif, imħarsa mid-drittijiet tal-awtur, li għandhom jitqassmu pubblikament u jkunu ppreparati taħt din it-taqsima għandhom juru l-ismijiet tal-awtur(i) tax-xogħol ħlief jekk awtur jirrufjuta b’mod espliċitu li jissemma’. Dawn għandu jkollhom ukoll rikonoxximent ċar u viżibbli tas-sostenn koperattiv tal-Partijiet.

3.

Ħlief jekk ikun miftiehem speċifikament mod ieħor mill-Partijiet, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għal tagħrif mhux żvelat tal-Partijiet:

(a)

f’komunikazzjoni mal-Parti l-oħra dwar tagħrif konness ma’ attivitajiet imwettqa skont dan il-Ftehim, kull Parti għandha tidentifika t-tagħrif li tixtieq li jibqa’ mhux żvelat permezz ta’ insinji konfidenzjali jew iskrizzjonijiet;

(b)

il-Parti li tirċievi tista’ taħt ir-reponsabbiltà tagħha proprja tikkomunika tagħrif mhux żvelat lil korpi jew persuni taħt l-awtorita tagħha għall-għanijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(c)

bil-kunsens miktub minn qabel tal-Parti li tipprovdi tagħrif mhux żvelat, il-Parti li tirċievi tista’ tiddissemina tali tagħrif mhux żvelat b’mod usa’ milli permess fil-punti (b). Il-Partijiet għandhom jikkoperaw fl-iżvilupp ta’ proċeduri għat-talba ta’ u l-kisba minn qabel ta’ kunsens bil-miktub għal disseminazzjoni usa’, u kull Parti se tipprovdi din l-approvazzjoni sal-punt permess mill-politika, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha;

(d)

it-tagħrif non-dokumentarju mhux żvelat jew tagħrif kunfidenzjali ieħor provdut f’seminars u laqgħat oħra bejn rappreżentanti tal-Partijiet organizzati taħt dan il-Ftehim, jew it-tagħrif li joħroġ mill-moviment tal-persunal, l-użu ta’ faċilitajiet jew azzjonijiet indiretti, għandu jibqa’ kunfidenzali meta r-riċevitur ta’ tali tagħrif mhux żvelat jew tagħrif kunfidenzali jew privileġġjat ieħor ikun mgħarraf bil-karattru kunfidenzali tat-tagħrif ikkomunikat fiż-żmien li tali komunikazzjoni tkun saret, skont il-punt (a);

(e)

kull Parti għandha tagħmel sforz biex tiżgura li tagħrif mhux żvelat li jkun wasal għandha taħt il-punti a) u d) ikun ikkontrollat kif ipprovdut hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li se tkun, jew tista’ raġonevolment tistenna li tkun, mhux fil-qagħda li tissodisfa d-dispożizzjonijiet kontra d-disseminazzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (d), għandha minnufih tgħarraf b’dan lill-Parti l-oħra. Wara dan il-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjoni biex ifasslu kif għandhom jimxu.

Top