This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0072
Commission Regulation (EU) No 72/2010 of 26 January 2010 laying down procedures for conducting Commission inspections in the field of aviation security (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas- 26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas- 26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 23, 27.1.2010, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/04/2016
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32016R0472 | Sostituzzjoni | artikolu 2 punt 3 | 21/04/2016 |
27.1.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 23/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 72/2010
tas-26 ta’ Jannar 2010
li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u partikolarment l-Artikolu 15 tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex tkun issorveljata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet. L-organizzazzjoni tal-ispezzjonijiet taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa sabiex tkun ivverifikata l-effikaċja tal-programmi nazzjonali għall-kontroll tal-kwalità. |
(2) |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien matul it-tħejjija u t-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni. |
(3) |
Il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tinkludi fit-tims tagħha tal-ispezzjoni awdituri nazzjonali kkwalifikati li jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri. |
(4) |
L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni u r-rappurtar tagħhom għandhom jitwettqu skont proċedura stabbilita, li tinkludi metodoloġija standard. |
(5) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni jitranġaw fil-pront. |
(6) |
Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ twettaq spezzjonijiet ta’ segwitu sabiex tivverifika r-rettifika tan-nuqqasijiet. |
(7) |
Għandu jkun hemm proċess biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet meqjusa tant serji li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità. |
(8) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT U TIFSIRIET
Artikolu 1
Is-suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għat-twettiq ta’ spezzjonijiet mill-Kummissjoni biex tkun issorveljata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 mill-Istati Membri. L-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom ikopru lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri u l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet magħżulin li japplikaw l-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni. L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu b’mod trasparenti, effikaċi, armonizzat u konsistenti.
Artikolu 2
It-tifsiriet
Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:
1. |
“awtorità xierqa” tfisser l-awtorità nazzjonali maħtura minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008; |
2. |
“spezzjoni mill-Kummissjoni” tfisser eżaminazzjoni, mill-ispetturi tal-Kummissjoni, tal-kontrolli eżistenti tal-kwalità u tal-miżuri, tal-proċeduri u tal-istrutturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili eżistenti sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008; |
3. |
“spettur tal-Kummissjoni” tfisser persuna kkwalifikata kif xieraq impjegata mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru biex twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità fuq livell nazzjonali, f’isem l-awtorità xierqa u magħżula biex tieħu sehem fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni; |
4. |
“Kumitat” tfisser il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008; |
5. |
“nuqqas” tfisser nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008; |
6. |
“awditur nazzjonali” tfisser persuna impjegata mill-Istat Membru biex twettaq attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità fuq livell nazzjonali f’isem l-awtorità xierqa; |
7. |
“test” tfisser prova tal-miżuri tas-sigurtà tal-avjazzjoni, fejn tigi ssimulata l-intenzjoni li titwettaq azzjoni ta’ interferenza kontra l-liġi bil-għan li tiġi eżaminata l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti tas-sigurtà; |
8. |
“miżura ta’ kumpens” tfisser miżura temporanja jew firxa ta’ miżuri bil-għan li jillimitaw sal-massimu possibbli l-impatt ta’ nuqqas identifikat waqt it-twettiq ta’ spezzjoni qabel ma tkun tista’ ssir il-korrezzjoni sħiħa. |
KAPITOLU II
REKWIŻITI ĠENERALI
Artikolu 3
Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri
1. Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha ta’ spezzjoni. Għandu jkun hemm din il-kooperazzjoni matul il-fażijiet ta’ tħejjija, ta’ sorveljanza u ta’ rrappurtar.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li n-notifika tal-ispezzjoni tinżamm kunfidenzjali sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-ispezzjoni ma jkunx kompromess.
Artikolu 4
L-eżerċizzju tal-poteri tal-Kummissjoni
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw l-awtorità tagħhom li jispezzjonaw l-attivitajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tal-awtorità xierqa skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 u ta’ kwalunkwe ajruport, operatur u entità soġġetti għal dak ir-Regolament.
2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li, fuq talba, l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiġi vvalutata l-konformità mal-istandards komuni.
3. Kull fejn l-ispetturi tal-Kummissjoni jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ dmirijiethom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jużaw kwalunkwe mezz fil-limiti tas-setgħat ġuridiċi tagħhom biex jassistu lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompitu kollu tagħha.
Artikolu 5
Il-kriterji għall-kwalifika tal-ispetturi tal-Kummissjoni
Sabiex jikkwalifikaw għall-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom ikollhom l-esperjenza teoretika u prattika rilevanti u għandhom ikunu lestew b’suċċess it-taħriġ.
Dan it-taħriġ għandu:
(a) |
ikun mogħti mis-servizzi tal-Kummissjoni; |
(b) |
ikun inizjali u rikorrenti; |
(c) |
jiżgura standard ta’ prestazzjoni xierqa għall-għanijiet li jiġi stabbilit jekk il-miżuri tas-sigurtà humiex implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 jew le. |
It-taħriġ inizjali għandu jinkludi eżami.
Artikolu 6
Il-parteċipazzjoni tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni
1. L-Istati Membri għandhom ipoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni awdituri nazzjonali li kapaċi jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni kif ukoll fil-fażijiet relatati tat-tħejjija u tar-rappurtar.
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dettalji ta’ mill-anqas awditur nazzjonali wieħed, iżda ta’ mhux aktar minn ħamsa, li jistgħu jissejħu biex jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni.
3. Lista bl-awdituri nazzjonali kollha nnominati mill-Istati Membri u li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 għandha tiġi kkomunikata ta’ kull sena lill-Kumitat.
4. Awditur nazzjonali m’għandux jipparteċipa fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni fl-Istat Membru fejn hu impjegat.
5. It-talbiet biex l-awdituri nazzjonali jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità xierqa kmieni biżżejjed, normalment mill-anqas xahrejn qabel ma tkun se titwettaq l-ispezzjoni.
6. L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-awdituri nazzjonali fl-ispezzjoni mill-Kummissjoni għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni, skont ir-regoli tal-Komunità.
KAPITOLU III
PROĊEDURI GĦAT-TWETTIQ TAL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI
Artikolu 7
In-notifika tal-ispezzjonijiet
1. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtorità xierqa dwar spezzjoni li tkun ser titwettaq fit-territorju tagħha tal-anqas xahrejn qabel.
2. Kwestjonarju ta’ qabel l-ispezzjoni li għandu jimtela mill-awtorità xierqa għandu, fejn xieraq, jiġi kkomunikat fl-istess waqt man-notifika tal-ispezzjoni, flimkien ma’ talba għal kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti. Il-kwestjonarju mimli u kwalunkwe dokumentazzjoni mitluba għandhom jingħataw lill-Kummissjoni tal-anqas ġimagħtejn qabel ma tkun skedata li tibda l-ispezzjoni.
3. F’każ fejn il-Kummissjoni jkollha tagħrif li jissuġġerixxi l-eżistenza, f’ajruport, ta’ nuqqasijiet li jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità, l-awtorità xierqa tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi kkonsultata u l-perjodu ta’ notifika bil-quddiem ta’ spezzjoni jista’ jitqassar għal ġimagħtejn. F’dan il-każ, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw.
Artikolu 8
It-tħejjija tal-ispezzjonijiet
1. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu attivitajiet ta’ tħejjija sabiex jiżguraw l-effiċjenza, l-eżattezza u l-konsistenza fl-ispezzjonijiet.
2. L-awtorità xierqa għandha tiġi pprovduta bl-ismijiet tal-ispetturi tal-Kummisjoni li għandhom il-mandat iwettqu spezzjoni, flimkien ma’ dettalji oħra kif xieraq.
3. Għal kull spezzjoni l-awtorità xierqa għandha taħtar koordinatur li għandu jagħmel l-arranġamenti prattiċi assoċjati mal-attività tal-ispezzjoni li tkun ser titwettaq. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-koordinatur lill-Kummissjoni fi żmien tliet ġimgħat minn meta jirċievu n-notifika tal-ispezzjoni.
Artikolu 9
It-twettiq tal-ispezzjonijet
1. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu l-ispezzjonijiet b’mod effiċjenti u effikaċi, b’rispett sħiħ għas-sigurtà u s-sikurezza tagħhom stess u ta’ ħaddieħor. L-ispetturi tal-Kummissjoni li l-imġiba tagħhom matul spezzjoni ma tilħaqx dawn l-istandards jistgħu jiġu esklużi minn spezzjonijiet oħra mill-Kummissjoni.
2. Għandha tintuża metodoloġija standard sabiex tkun issorveljata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008.
It-twettiq tal-ispezzjonijiet għandu jissejjes fuq ġbir sistematiku tat-tagħrif bl-użu ta’ teknika minn dawn li ġejjin jew ta’ aktar minn waħda minnhom:
(a) |
osservazzjonijiet |
(b) |
verifiki |
(c) |
intervisti |
(d) |
eżaminazzjoni tad-dokumenti u |
(e) |
testijiet. |
3. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn rappreżentant tal-awtorità xierqa meta jwettqu l-attivitajiet tal-ispezzjoni. L-imġiba tal-akkumpanjatur ma għandhiex tippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-attivitajiet tal-ispezzjoni.
4. L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom iġorru karta tal-identità li tawtorizza l-ispezzjonijiet f’isem il-Kummissjoni u karta tal-identifikazzjoni tal-ajruport li tippermetti aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa għall-ispezzjoni. Il-format tal-karta tal-identifikazzjoni tal-ajruport ma għandhiex tippreġudika l-effiċjenza jew l-effikaċja tal-attivitajiet tal-ispezzjoni.
5. It-testijiet għandhom jitwettqu biss wara notifika bil-quddiem u f’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtorità xierqa.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkunu awtorizzati jġorru oġġetti li jintużaw għall-għanijiet tat-testijiet, fosthom dawk li huma, jew li jidhru qishom oġġetti pprojbiti, f’kull żona li għaliha huwa meħtieġ l-aċċess waqt spezzjoni u matul it-tranżitu minn u għal spezzjoni, skont kwalunkwe protokoll miftiehem.
7. L-awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa mill-aktar fis prattikabbli dwar kwalunkwe nuqqas serju identifikat waqt spezzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 10, fi tmiem l-ispezzjoni l-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom, kull fejn ikun prattikabbli, jagħtu taqsira informali orali tas-sejbiet tagħhom fuq il-post.
Artikolu 10
Ir-rapport tal-ispezzjoni
1. Fi żmien sitt ġimgħat minn meta titlesta spezzjoni, għandu jiġi kkomunikat rapport ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni lill-awtorità xierqa.
L-awtorità xierqa għandha twassal minnufih is-sejbiet rilevanti lill-ajruport, l-operaturi jew l-entitajiet li tkun saritilhom l-ispezzjoni.
2. Ir-rapport għandu jagħti s-sejbiet tal-ispetturi, fosthom kwalunkwe nuqqas identifikat. Ir-rapport jista’ jkun fih rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju.
3. Meta tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, għandhom japplikaw il-klassifikazzjonijiet li ġejjin:
(a) |
konformi bis-sħiħ |
(b) |
konformi, iżda hu mixtieq xi titjib |
(c) |
mhux konformi |
(d) |
mhux konformi, b’nuqqasijiet serji |
(e) |
ma japplikax |
(f) |
mhux ikkonfermat. |
Artikolu 11
It-tweġiba tal-awtorità xierqa
1. Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport ta’ spezzjoni, l-awtorità xierqa għandha tagħti lill-Kummissjoni tweġiba bil-miktub għar-rapport li:
(a) |
tindirizza s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet; |
(b) |
tipprovdi pjan ta’ azzjoni, li jispeċifika l-azzjonijiet u l-iskadenzi, sabiex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas identifikat. |
2. Fil-każ ta’ spezzjoni ta’ segwitu, it-tweġiba tal-awtorità xierqa għandha tingħata fi żmien sitt ġimgħat mid-data li fiha jintbagħat ir-rapport tal-ispezzjoni.
3. F’każ fejn ir-rapport tal-ispezzjoni ma jidentifika l-ebda nuqqas, ma għandha tkun meħtiega l-ebda tweġiba.
Artikolu 12
Ir-rettifika tan-nuqqasijiet
1. Ir-rettifika tan-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjoni għandha titwettaq fil-pront. Fejn ir-rettifika ma tkunx tista titwettaq fil-pront, għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens.
2. L-awtorità xierqa għandha tikkonferma r-rettifika tan-nuqqasijiet lill-Kummissjoni bil-miktub. Din il-konferma għandha tissejjes fuq l-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-konformità mwettqa mill-awtorità xierqa.
3. L-awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa meta rapport ta’ spezzjoni jitqies li ma jeħtieġx aktar azzjoni.
Artikolu 13
L-ispezzjonijiet ta’ segwitu
1. Wara li tirċievi t-tweġiba mingħand l-awtorità xierqa u kwalunkwe kjarifika ulterjuri meħtieġa, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjoni ta’ segwitu.
2. L-awtorità xierqa għandha tingħata mill-anqas notifika minn ġimagħtejn qabel dwar spezzjoni ta’ segwitu li tkun ser titwettaq fit-territorju tagħha.
3. Dawn l-ispezzjonijiet ta’ segwitu għandhom jikkonċentraw prinċipalment fuq l-oqsma fejn ikunu ġew identifikati n-nuqqasijiet waqt l-ispezzjoni inizjali mill-Kummissjoni.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 14
It-tagħrif lill-Kumitat
Il-Kumitat għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, kif ukoll dwar ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tiegħu.
Artikolu 15
In-notifika lill-awtoritajiet xierqa dwar nuqqasijiet serji
1. Awtorità xierqa għandha tiġi mgħarrfa minnufih jekk spezzjoni f’ajruport fit-territorju tagħha tikxef nuqqas serju meqjus li għandu impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità. Dan it-tagħrif għandu jiġi kkomunitkat fil-pront lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri l-oħra kollha.
2. L-awtoritajiet xierqa għandhom ukoll jiġu mgħarrfa minnufih meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif kredibbli dwar l-azzjoni ta’ rettifika, fosthom dwar il-miżuri ta’ kumpens, li jikkonferma li n-nuqqasijiet innotifikati skont dan l-Artikolu ma għadx għandhom impatt sinifikanti fuq il-livell ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fil-Komunità.
Artikolu 16
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sa mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO