Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0047

    Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal- 5 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 116, 9.5.2009, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/47/oj

    9.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 116/18


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2009/47/KE

    tal-5 ta’ Mejju 2009

    li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (3) tawtorizza lill-Istati Membri biex japplikaw rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa li m’għandhomx ikunu inqas minn 5 % u jkunu applikabbli biss għal lista restrittiva ta’ provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi.

    (2)

    Il-Komunikazzjoni dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT li l-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2007 kkonkludiet li l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa tal-VAT għal servizzi pprovduti lokalment ma tipperikolax b’mod reali l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u tista’, taħt ċerti kondizzjonijiet, ikollha effetti pożittivi f’termini ta’ ħolqien ta’ impjiegi u fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali. Għalhekk, huwa xieraq li titħalla l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa għas-servizzi li jeħtieġu ħafna ħaddiema koperti bid-dispożizzjonijiet temporanji applikabbli sa tmiem l-2010 kif ukoll għas-servizzi tar-ristoranti u tal-catering.

    (3)

    Fir-rigward tal-provvista ta’ xorb alkoħoliku u/jew mhux alkoħoliku fil-qafas tas-servizzi tar-ristoranti u tal-catering, jista’ jkun ġustifikat li jkun previst trattament differenti ta’ dak ix-xorb mit-trattament previst fil-qafas tal-provvista tal-oġġetti tal-ikel; huwa xieraq li jiġi espliċitament previst li Stat Membru jista’ jinkludi jew jeskludi l-provvista ta’ xorb alkoħoliku u/jew mhux alkoħoliku meta jkun qed japplika rata mnaqqsa għall-provvista ta’ servizzi tar-ristoranti u tal-catering msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (4)

    Id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata wkoll sabiex tippermetti l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa jew xi eżenzjoni rispettivament f’numru limitat ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi għal raġunijiet soċjali jew ta’ saħħa u sabiex ir-referenza għall-kotba fl-Anness III tagħha tiġi ċċarata u aġġornata għall-progress tekniku.

    (5)

    Il-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE li jikkonċernaw derogi eżistenti u l-lista tal-Anness IV tagħha ser ikunu koperti mil-lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom tista’ tiġi applikata rata mnaqqsa abbażi ta’ din id-Direttiva. Għal raġunijiet ta’ ċarezza dawk id-dispożizzjonijiet u l-Anness IV tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jitħassru.

    (6)

    Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ trasposizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

    (7)

    Għalhekk, id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

    “Artikolu 104a

    Ċipru jista’ japplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa previsti fl-Artikolu 98 għall-provvista ta’ gass likwidu tal-petroljum (LPG) f’ċilindri.”;

    (2)

    l-Artikolu 105 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 105

    1.   Il-Portugall jista’ japplika waħda miż-żewġ rati mnaqqsa previsti fl-Artikolu 98 għan-nollijiet tal-pontijiet fiż-żona ta’ Lisbona.

    2.   Il-Portugall jista’, fil-każ ta’ transazzjonijiet imwettqa fir-reġjuni awtonomi tal-Azores u Madeira u għall-importazzjoni diretta lejn dawk ir-reġjuni, japplika rati aktar baxxi minn dawk li japplikaw fil-pajjiż kontinentali.”;

    (3)

    il-Kapitolu 3 tat-Titolu VIII għandu jitħassar;

    (4)

    il-punt li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 111 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011:

    “(c)

    minn Malta għall-provvista ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem u l-farmaċewtiċi.”;

    (5)

    fl-Artikolu 114(1), it-tieni subparagrafu għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu wkoll japplikaw tali rata għall-ħwejjeġ tat-tfal u għaż-żraben tat-tfal u s-sistemazzjoni fid-djar.”;

    (6)

    l-Artikolu 115 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 115

    L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1991, kienu qed japplikaw rata mnaqqsa għall-ħwejjeġ tat-tfal, iż-żraben tat-tfal jew għas-sistemzzjoni fid-djar fejn joqogħdu jistgħu jkomplu japplikaw din ir-rata għall-provvista ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi.”;

    (7)

    l-Artikolu 116 għandu jitħassar;

    (8)

    fl-Artikolu 117, il-paragrafu 1 għandu jitħassar;

    (9)

    fl-Artikolu 125, il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

    (10)

    l-Artikolu 127 għandu jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011;

    (11)

    fl-Artikolu 128, il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

    (12)

    fl-Artikolu 129, il-paragrafu 1 għandu jitħassar;

    (13)

    l-Anness III għandu jiġi emendat skont l-Anness ta’ din id-Direttiva;

    (14)

    l-Anness IV għandu jitħassar.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KALOUSEK


    (1)  Opinjoni tad-19 ta’ Frar 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tal-25 ta’ Frar 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


    ANNESS

    L-Anness III għad-Direttiva 2006/112/KE huwa b’dan emendat kif ġej:

    1.

    il-punt 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(6)

    il-provvista, inkluż b’self mil-libreriji, ta’ kotba dwar il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ (inklużi opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili), gazzetti u rivisti, li m’humiex materjal iddedikat kollu kemm hu jew b’mod sostanzjali għar-reklamar;”;

    2.

    il-punti li ġejjin huma mdaħħla:

    “(10a)

    tiġdid u tiswija ta’ djar privati, għajr il-materjali li jiffurmaw parti sinifikanti mill-valur tas-servizz ipprovdut;

    (10b)

    tindif ta’ twieqi u tindif fi djar privati;”;

    3.

    il-punt li ġej huwa mdaħħal:

    “(12a)

    is-servizzi tar-ristoranti u tal-catering, billi huwa possibbli li l-provvista ta’ xorb (alkoħoliku u/jew mhux alkoħoliku) tiġi eskluża;”;

    4.

    il-punti li ġejjin huma miżjuda:

    “(19)

    tiswija minuri ta’ roti (bicycles), żraben u merkanzija tal-ġilda, ilbies u bjankerija tad-dar (inklużi t-tiswija u l-alterazzjoni);

    (20)

    servizzi ta’ kura domestika bħall-għajnuna fid-dar u l-kura taż-żgħar, tax-xjuħ, tal-morda jew ta’ persuni b’diżabbiltà;

    (21)

    hairdressing.”.


    Top