Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0590

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 590/2008 tat- 23 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jidderoga minn dak ir-Regolament

ĠU L 163, 24.6.2008, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/06/2011; Imħassar b' 32011R0543

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/590/oj

24.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 163/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 590/2008

tat-23 ta’ Ġunju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1580/2007 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jidderoga minn dak ir-Regolament

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 tas-26 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex u li jemenda d-Direttivi 2001/112/KE u 2001/113/KE u r-Regolamenti (KEE) Nru 827/68, (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96, (KE) Nru 2826/2000, (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 318/2006 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 42(b), (f) u (j) tiegħu.

Billi:

(1)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 jipprovdi li assistenza finanzjarja nazzjonali tista’ tingħata f’reġjuni fejn il-livell ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi huwa partikolarment baxx. Din l-assistenza għandha tkun addizzjonali għall-fond operattiv. Il-programm ta’ operazzjoni għandu jiġi emendat jekk ikun meħtieġ, sabiex jippermetti organizzazzjoni tal-produtturi li tinkludi appoġġ addizzjonali fil-programm ta’ operazzjoni tagħha. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżidu l-limitu tal-persentaġġ stipulat fl-Artikolu 67(2)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 (2) liema ammont jista’ jiżdied mal-fond ta’ operazzjoni inizjalment approvat.

(2)

L-Artikolu 82(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jipprovdi li l-ħlas għall-ispejjeż tat-trasport għal distribuzzjoni b’xejn għandu jkun suġġett għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti li jiċċertifikaw l-ispejjeż imġarrba tat-trasport reali. Madankollu, l-ispejjeż tat-trasport relatati mad-distribuzzjoni b'xejn huma ffinanzjati minn ammonti b'rata fissa stipulati fl-Anness XI ta’ dak ir-Regolament, għalhekk ma hemmx bżonn ta’ dan it-tagħrif, iżda minflok għandu jkun meħtieġ tagħrif fuq id-distanza li tintuża bħala bażi għal kalkolu ta’ l-ammont b’rata fissa.

(3)

Huwa xieraq li tinbidel id-data stipulata fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament (KE) Nru 1580 2007 sa meta l-Istati Membri għandhom jippreżentaw talba lill-Kummissjoni għall-awtorizzazjoni biex tingħata assistenza finanzjarja nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-31 ta’ Jannar, sabiex titqies il-possibbiltà eżistenti li Stati Membri jippostponu l-approvazzjoni ta’ programmi u fondi ta’ operazzjoni sa l-20 ta’ Jannar.

(4)

L-Artikolu 97(1) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula li l-Istati Membri għandhom jitolbu rimbors Komunitarju ta’ l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata li fil-fatt tkun imħallsa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, qabel l-1 ta’ Marzu tas-sena wara l-implimentazzjoni annwali tal-programmi ta’ operazzjoni. Billi l-Istati Membri jħallsu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi sal-15 ta’ Ottubru tas-sena wara s-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm, id-data ta’ l-iskadenza għat-talba ta’ rimbors mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, għandha għalhekk tiġi estiża sa l-ta’ Jannar tat-tieni sena wara s-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm.

(5)

Ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 116(2) tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jħallsu wara d-data ta’ l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament meta dan huwa neċessarju. Madankollu skadenza finali għandha tiġi stipulata għal dawn il-pagamenti għal raġunijiet ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Serje ta’ dispożizzjonijiet simili għandha tkun miżjuda wkoll ma’ l-Artikolu 116(3) ta’ dak ir-Regolament għall-istess raġunijiet.

(6)

Il-Punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jirrimborsaw l-kontribuzzjoni Komunitarja fejn ir-riċevituri ta’ prodotti rtirati mis-suq għandhom ikunu obbligati li jħallsu lura l-valur tal-prodotti li rċevew kif ukoll l-ispejjeż relatati ta’ distribuzzjoni, ppakkjar u ta’ trasport minħabba irregolaritajiet. Mandankollu, l-organizzazzjonijiett tal-produtturi ma għandhomx ikun responsabbli għal irregolaritajiet attribwiti lir-riċevituri ta’ prodotti rtirati mis-suq u għalhekk dan ir-rekwiżit għandu jitneħħa.

(7)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza u l-ugwaljanza ġuridika bejn l-Istati Membri, għandu jkun iċċarat li għal programmi ta’ operazzjoni implimentati fid-dispożizzjonijiet ta’ l-2007 li huma identiċi ma’ dawn li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 544/2001 ta’ l-20 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi r-regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 rigward l-għajnuna [assistenza] finanzjarja addizzjonali għall-fondi operazzjonali (3), għandhom ikomplu japplikaw.

(8)

L-Artikolu 47(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 jgħid li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li tkopri l-perjodi semestrali tista’ ssir biss jekk il-pjan ta’ għarfien jinqasam f’perjodi semestrali. Madankollu applikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru għal pjanijiet approvati qabel l-2008 skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (4). Huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni għal miżura transitorja biex tippermetti applikazzjonijiet bħal dawn f’dan il-każ.

(9)

Għal skopijiet ta’ ċertezza ġuridika, u biex tiġi żgurata transizzjoni mingħajr xkiel bejn l-iskema skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 u dik skond ir-Regolament (KE) Nru 1182/2007, huwa importanti li jiġi ċċarat li r-rati ta’ għajnuna jridu jibqgħu l-istess għal pjanijiet ta’ għarfien aċċettati skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 li jkomplu jibbenefikaw minn aċċettazzjoni skond l-Artikolu 55(4) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 għal gruppi ta’ produtturi li mhumiex fl-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara dik id-data, u li mhumiex fir-reġjuni l-aktar l-bogħod [imbiegħda] tal-Komunità kif imsemmi fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat jew fil-Gżejjer minuri ta’ l-Eġew kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 tat-18 ta’ Settembru 2006 li jistipula miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-Gżejjer minuri ta’ l-Eġew u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 [titolu mhux uffiċjali] (5) u għal gruppi ta’ produtturi li bbenefikaw mill-Artikolu 14(7) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96.

(10)

Għal skopijiet ta’ ċertezza ġuridika, u biex jitħarsu d-drittijiet akkwistati, huwa importanti li jiġi ċċarat li l-pagamenti ta’ kumpens ta’ l-irtirar tal-Komunità u l-kontrolli relatati li jikkonċernaw l-irtirar fl-2007 iżda li kienu għadhom ma sarux sal-31 ta’ Diċembru 2007 għaldaqstant jistgħu jsiru wara dik id-data skond ir-regoli li jkunu fis-seħħ f’dik id-data.

(11)

Għal skopijiet ta’ ċertezza ġuridika, u biex jitħarsu aspettazzjonijiet leġittimi, irid jiġi ċċarat li ma għandhomx jiġu applikati sanzjonijiet fuq applikazzjoni għal għajnuna għal programmi ta’ operazzjoni implimentati fl-2007 għal azzjonijiet jew nuqqas tagħhom f’dak il-perjodu li huma aktar ħorox minn dawk li japplikaw skond il-leġiżlazzjoni li tkun fis-seħħ dakinhar.

(12)

Ir-Regolament (KE) Nru 1580/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(13)

Minħabba d-diffikultajiet ta’ l-Istati Membri biex jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 għal programmi ta’ operazzjoni implimentati fl-2007 u l-2008, huwa xieraq li jiġu adottati regoli transitorji biex jippermettu derogi mid-dati stipulati fl-Artikolu 94 ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1580/2007 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 67(2), il-punt (ċ) jinbidel b'dan li ġej:

“(ċ)

iżidu l-ammont tal-fond ta’ operazzjoni b’massimu ta’ 25 %, u jnaqqsuh b’persentaġġ li għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri, ta’ l-ammont inizjalment approvat sakemm l-għanijiet ġenerali tal-progamm ta’ operazzjoni huma miżmuma. Stati Membri jistgħu jżidu dan il-persentaġġ f’każ ta’ għaqdiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi kif imsemmija fl-Artikolu 31(1) u f'każ ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 94a.”

(2)

Fl-Artikolu 82(2), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(d)

id-distanza bejn il-pajjiż ta’ rtirar u l-post ta’ kunsinna.”

(3)

Fl-Artikolu 94(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jippreżentaw talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni li jħallsu assistenza finanzjarja nazzjonali skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 għal programmi ta’ operazzjoni implimentati fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari sal-31 ta’ Jannar ta’ dik is-sena.”

(4)

Wara l-Artikolu 94, għandu jiddaħħal l-Artikolu 94a li ġej:

“Artikolu 94a

Emendi għall-programm ta’ operazzjoni

Organizzazzjoni tal-produtturi li tixtieq tapplika għal assistenza finanzjarja nazzjonali għandha, jekk hu neċessarju, temenda l-programm ta’ operazzjoni tagħha skond l-Artikolu 67.”

(5)

Fl-Artikolu 97, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jitolbu rimbors Komunitarju ta’ l-assistenza finanzjarja nazzjonali approvata li fil-fatt tkun imħallsa lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, qabel l-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara s-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ operazzjoni.

It-talba għandha tkun akkompanjata minn evidenza li turi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 kienu milħuqa fi tlett snin ta’ l-erba’ snin ta’ qabel, kif ukoll id-dettalji ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi konċernati, l-ammont ta’ assistenza attwalment imħallsa u spjegazzjoni tal-fond ta’ operazzjoni maqsum bejn l-ammont totali, il-kontribuzzjonijiet mill-Komunità, l-Istat Membru (assistenza finanzjarja nazzjonali) u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri.”

(6)

L-Artikolu 116 huwa emendat kif ġej:

(a)

ir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti wara l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 71 fejn dan huwa neċessarju sabiex dan il-paragrafu jkun applikat. Madankollu dawk il-pagamenti li jsiru tard ma jistgħux fi kwalunkwe każ isiru wara l-15 ta’ Ottubru tat-tieni sena wara s-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm.”

(b)

wara l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti wara l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 71 fejn dan huwa neċessarju sabiex dan il-paragrafu jkun applikat. Madankollu dawk il-pagamenti li jsiru tard ma jistgħux fi kwalunkwe każ isiru wara l-15 ta’ Ottubru tat-tieni sena wara s-sena ta’ l-implimentazzjoni tal-programm.”

(7)

Fil-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122, it-tieni sentenza tiġi mħassra.

(8)

Fl-Artikolu 152, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   B’deroga mill-Artikolu 47(2) ta’ dan ir-Regolament, gruppi ta’ produtturi li qed jimplimentaw pjanijiet rikonoxxuti [ta’ għarfien] li għalihom japplika l-Artikolu 55(4) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 u li mhumiex maqsuma f’perjodi semestrali jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal għajnuna li jkopru l-perjodi semestrali. Dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jkopru biss l-perjodi semestrali li jikkorrispondu għal tqassim annwali tas-sena li jaħbat qabel l-2008.

5.   B’deroga mill-Artikolu 96, fir-rigward ta’ programmi ta’ operazzjoni implimentati fl-2007, assistenza finanzjarja addizzjonali għal fondi ta’ operazzjoni għandha tkun iffinanzjata mill-FAEG f’livell ta’ 50 % ta’ l-assistenza finanzjarja mogħtija lill-organizzazzjoni tal-produtturi.

6.   Il-pjanijiet ta’ għarfien aċċettati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 li għandhom ikomplu jibbenefikaw minn dik l-aċċettazzjoni skond l-Artikolu 55(4) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 għal gruppi ta’ produtturi li mhumiex fl-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara dik id-data, u li mhumiex fir-reġjuni l-aktar l-bogħod [imbiegħda] tal-Komunità kif imsemmi fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat jew fil-Gżejjer minuri ta’ l-Eġew kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 għandhom jiġu ffinanzjati bir-rati stipulati fl-Artikolu 7(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007.

Pjanijiet ta’ għarfien aċċettati skond ir-Regolament (KE) Nru 2200/96 li bbenefikaw mill-Artikolu 14(7) ta’ dak ir-Regolament u għadhom jibbenefikaw minn għarfien skond l-Artikolu 55(4) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 għandhom ikunu ffinanzjati bir-rati stipulati fl-Artikolu 7(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007.

7.   Il-pagamenti għal kumpens ta’ l-irtirar tal-Komunità u l-kontrolli relatati li jikkonċernaw l-irtirar fl-2007 iżda li kienu għadhom ma sarux sal-31 ta’ Diċembru 2007 għaldaqstant jistgħu jsiru wara dik id-data skond it-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 hekk kif kien jeżisti f'dik id-data.

8.   Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal għajnuna magħmula għal programmi ta’ operazzjoni implimentati fl-2007 jew qabel, u fir-rigward ta’ azzjonijiet jew nuqqas tagħhom mwettqa f’dak il-perjodu, għandha tapplika sanzjoni skond it-Taqsima 3 tal-Kapitolu V tat-Titolu III iżda kienet tapplika sanzjoni anqas ħarxa jew ebda sanzjoni skond il-leġiżlazzjoni li tkun fis-seħħ dakinhar, għandha tapplika dik is-sanzjoni anqas ħarxa, jew skond il-każ, ebda sanzjoni.”

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007, fir-rigward ta’ programmi ta’ operazzjoni implimentati fl-2007 u l-2008, l-Istati Membri għandhom jissottomettu talba lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni li jħallsu assistenza finanzjarja nazzjonali skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1182/2007 sa l-1 ta’ Lulju 2008.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p.1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 498/2008 (ĠU L 146, 5.6.2008, p. 7).

(3)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 20.

(4)  ĠU L 297, 21.11.1996, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(5)  ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1


Top