This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008D0388
2008/388/EC: Commission Decision of 23 May 2008 imposing special conditions governing the import of sunflower oil originating in or consigned from Ukraine due to contamination risks by mineral oil (notified under document number C(2008) 2259) (Text with EEA relevance)
2008/388/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Mejju 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukraina minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni miż-żejt minerali. (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2259) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2008/388/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Mejju 2008 li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukraina minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni miż-żejt minerali. (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2259) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 136, 24.5.2008, p. 43–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 09/06/2008; Imħassar b' 32008D0433
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32008D0433 |
24.5.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 136/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-23 ta’ Mejju 2008
li timponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukraina minħabba riskji ta’ kontaminazzjoni miż-żejt minerali.
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 2259)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/388/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53 (2), l-ewwel subparagrafu tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) ġiet innotifikata fit-23 ta’ April 2008 li ż-żejt tal-ġirasol li joriġina mill-Ukraina nstab li hu kkontaminat b’livelli għolja ta’ żejt minerali. Din il-kontaminazzjoni minn żejt minerali aktar tard ġiet ikkonfermata f’diversi kunsinji ta’ żejt tal-ġirasol mhux raffinat li joriġina mill-Ukraina li ġew importati matul dawn l-aħħar xhur fil-Komunità. Żejt tal-ġirasol li fih livelli għolja ta’ żejt minerali mhuwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem u għalhekk jitqies li mhuwiex żgur. Is-sors ta’ kontaminazzjoni għadu mhux magħruf. |
(2) |
Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet ripetutament lill-awtoritajiet Ukraini biex jipprovdu tagħrif dwar l-oriġini tal-kontaminazzjoni u dwar il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni tagħha fil-futur. Intalbu wkoll assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Ukraini fir-rigward tat-twaqqif ta’ miżuri effettivi maħsuba biex jiggarantixxu t-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi xierqa tal-preżenza ta’ żejt minerali f’kunsinji ta’ żejt tal-ġirasol li jitilqu mill-Ukraina b’destinazzjoni l-Komunità Ewropea. |
(3) |
Fl-Ukraina għadhom għaddejjin investigazzjonijiet maħsuba biex jidentifikaw is-sors ta’ kontaminazzjoni. L-awtoritajiet Ukraini huma wkoll impenjati li jistabbilixxu sistema ta’ kontroll xierqa li se tiżgura li l-kunsinji kollha ta’ żejt tal-ġirasol li jridu jiġu esportati lejn l-Unjoni Ewropea jiġu ċċertifikati li ma fihomx livelli ta’ żejt minerali li jagħmlu ż-żejt tal-ġirasol ħażin għall-konsum mill-bniedem. Madankollu, id-dettalji ta’ din is-sistema ta’ kontroll għad iridu jingħataw lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tevalwa s-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni sabiex tivverifika l-preċiżjoni u l-affidabilità biex tiggarantixxi li ż-żejt tal-ġirasol esportat lejn il-Komunità ma fihx livelli ta’ żejt minerali, li jagħmlu ż-żejt tal-ġirasol ħażin għall-konsum mill-bniedem. Għandu jiġi żgurat li mhi se ssir l-ebda esportazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol lejn il-Komunità sakemm tidħol fis-seħħ din is-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni kif ukoll tiġi evalwata u aċċettata mill-Kummissjoni. L-evalwazzjoni tas-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni se titwettaq fuq il-bażi ta' tagħrif dettaljat mogħti mill-awtoritajiet Ukraini. |
(4) |
Minħabba l-livell ta’ riskju, l-Istati Membri għandhom jikkontrollaw il-Kunsinni ta’ żejt tal-ġirasol għall-preżenza ta’ żejt minerali waqt l-importazzjoni biex jingħataw garanziji ulterjuri għall-preċiżjoni u l-affidabilità tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni u kontroll li ġiet stabbilita mill-awtoritajiet Ukraini. |
(5) |
L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiż terz biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwali. |
(6) |
Sakemm tiġi evalwata u aċċettata s-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni li trid tiġi stabbilita mill-awtoritajiet Ukraini, ma għandha ssir l-ebda importazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukraina minħabba r-riskju ta’ kontaminazzjoni biż-żejt minerali. |
(7) |
L-Istati Membri ġew mgħarrfa bl-inċident ta' kontaminazzjoni u ħadu l-miżuri xierqa biex jirtiraw iż-żejt tal-ġirasol kontaminat u l-prodotti ta' l-ikel li fihom żejt tal-ġirasol kontaminat li diġà tqiegħdu fis-suq, kif hu rrakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea permezz tar-RASFF. |
(8) |
Minħabba l-urġenza, fl-istennija tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, u wara li ġew mgħarrfa l-awtoritajiet ta’ l-Ukraina, huwa xieraq li jiġu adottati dawn il-miżuri ta’ ħarsien interim f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 53(2), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
(9) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rriveduta f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 52 (2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni ta’ żejt tal-ġirasol, li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM 1512 11 91, li joriġina jew jiġi kkunsinjat mill-Ukraina (minn hawn ’il quddiem iż-żejt tal-ġirasol), sakemm il-kunsinna ta’ żejt tal-ġirasol ma tkunx akkumpanjata b’ċertifikat validu, li jiċċertifika n-nuqqas ta’ livelli mhux aċċettabbli ta’ żejt minerali u r-riżultat tat-teħid ta’ kampjuni u ta’ l-analiżi għall-preżenza ta’ żejt minerali.
2. Iċ-ċertifikat previst fil-paragrafu 1 għandu jkun validu biss għal importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ żejt tal-ġirasol fil-Komunità jekk it-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi tal-kunsinna u l-ħruġ taċ-ċertifikat ikunu saru wara li l-Kummissjoni Ewropea tkun evalwat u aċċettat formalment is-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni stabbilita mill-awtoritajiet Ukraini.
3. L-Istati Membri se jkunu mgħarrfa bid-dettalji tas-sistema ta’ kontroll u ċertifikazzjoni stabbilita mill-awtoritajiet Ukraini u bl-aċċettazzjoni formali tagħha mill-Kummissjoni permezz tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jieħdu kampjuni ta' u janalizzaw kull kunsinna ta' żejt tal-ġirasol li toriġina u tiġi kkunsinjata mill-Ukraina, akkumpanjata b'ċertifikat validu, ippreżentata għall-importazzjoni biex jiżguraw li ż-żejt tal-ġirasol ma fihx livelli ta’ żejt minerali, li jagħmlu ż-żejt tal-ġirasol ħażin għall-konsum mill-bniedem.
Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’riżultati mhux favorevoli permezz tas-Sistema Rapida ta' Twissija għall-Ikel u l-Għalf. Ir-riżultati favorevoli għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni kull tliet xhur.
Artikolu 2
Is-sitwazzjoni għandha tiġi evalwata mill-ġdid fi żmien sena l-aktar tard.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 23 ta’ Mejju 2008.
Għall-Kummissjoni
Androulla VASSILIOU
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).