Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0391

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 391/2007 tal-11 ta' April 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd

ĠU L 97, 12.4.2007, p. 30–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Information about publishing Official Journal not found, p. 492–500 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/391/oj

9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

492


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 391/2007

tal-11 ta' April 2007

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 rigward in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' sistemi ta' monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 (1) li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar, b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Komunità ilha tiffinanzja azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll u infurzar tas-sajd mill-1990, b'konformità mal-għanijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (2);

(2)

Mingħajr inċentivi se jkun diffiċli li jinkiseb titjib għal sistema ta' kontroll effiċjenti fil-Komunità kollha, partikolarment meta fejn xieraq, ikollhom jiġu ttestjati u introdotti teknoloġiji ġodda.

(3)

L-evidenza turi li r-riżorsi tal-Istati Membri xorta għadhom mhux biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Partikolarment, qiegħda tintalab għajnuna Komunitarja biex tgħin lill-Istati Membri jgħelbu d-differenzi eżistenti fil-kontroll tas-sajd u l-kapaċitajiet ta' sorveljanza tagħhom;

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 jipprovdi, fost azzjonijiet oħra, għal miżuri finanzjarji Komunitarji għan-nefqa li ssir fil-kontroll l-ispezzjoni u s-sorveljanza tas-sajd għall-perjodu 2007-2013;

(5)

L-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 jipprovdi lista ta' azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll u tal-infurzar tas-sajd li għandhom jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għal assistenza finanzjarja Komunitarja;

(6)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, l-Istati Membri għandhom ikollhom indikazzjonijiet ċari tar-regoli li għandhom isegwu sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja Komunitarja għan-nefqa li ssir fil-qasam tal-kontroll u tal-infurzar tas-sajd

(7)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-fondi Komunitarji disponibbli għal azzjonijiet bħal dawn jiġu allokati b'mod effiċenti bl-iskop li jitnaqqsu d-dgħufijiet b'tali mod li l-kontrolli jiġu mwettqa bi standard għoli;

(8)

L-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-programmi tagħhom u l-impatt tan-nefqa tagħhom fuq il-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza, kull sena u matul il-perjodu kollhu bejn l-2007-2013;

(9)

Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri, mill-1 ta'Jannar 2007 talbiet għar-rimbors relatat ma' nfiq approvat abbażi tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 1995/527 (KE) (3), 2001/431/KE (4) u 2004/465/KE (5), għandhom jiġu sottomessi skont l-Anness VI u VII għal dan ir-Regolament;

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 rigward il-kontribut finanzjarju tal-Komunità għan-nefqa mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll applikabbli għall-Politika Komuni tas-Sajd fil-perjodu 2007-2013.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-programm annwali ta' kontroll tas-sajd” ifisser programm annwali imfassal minn Stat Membri skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006;

(b)

L-impenn baġitarju” ifisser l-operazzjoni li twarrab l-appropjazzjonijiet meħtieġa biex ikopru pagamenti sussegwenti biex ikun onorat impenn legali.

(c)

L-impenn legali” ifisser l-att li bih l-awtorità ta’ awtorizzazzjoni tal-Istat Membru tidħol fi jew tistabbilixxi obbliġu li jirriżulta f’nefqa.

Artikolu 3

Il-programmi annwali ta' kontroll tas-sajd

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jirċievu l-kontribut finanzjarju għan-nefqa mġarrba skont l-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għandhom jinnotifikaw il-programm anwali ta' kontroll tas-sajd sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.

2.   Barra mill-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, l-Istati Membri fil–programm tagħhom ta' kontroll tas-sajd, għal kull proġett, għandhom jiddikjaraw:

(a)

tbassir annwali tar-rimbors li jkun se jintalab;

(b)

il-miżuri previsti sabiex il-pubbliku jkun infurmat li l-proġett irċieva appoġġ finanzjarju mill-Komunità;

(c)

meta l-proġett jikkonċerna x-xiri u l-immodernizzar tal-bastimenti u l-inġenji tal-ajru: l-ispeċifikazzjoni tat-tip ta' bastiment jew ajruplan;

(d)

deskrizzjoni ta' kull mezz disponibbli mill-amministrazzjoni għall-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd, imfassla skont l-Anness I.

3.   Regoli dettaljati rigward l-eliġibilità ta' ċerti azzjonijiet huma stipulati fl-Anness II, IIiu IV.

Artikolu 4

L-impenn tan-nefqa

L-Istati Membri għandhom jidħlu f'impenji legali u baġitarji għal azzjonijiet li ġew ikkunsidrati eliġibbli għall-kontribut finanzjarju skont id-deċiżjoni provduta fl-Artikolu 21 tar-Regolament(KE) Nru 861/2006 fi żmien 12-il xahar mill-aħħar tas-sena li fiha jkunu ġew innotifikati b'tali deċiżjoni.

Artikolu 5

Nefqa eliġibbli

Sabiex tkun eliġibbli għal rimbors, in-nefqa għandha:

(a)

tkun prevista fil-programm ta' kontroll tas-sajd, u

(b)

tkun relatata mal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(a) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

(c)

tikkonċerna proġetti b'nefqa li taqbeż EUR 40 000, eskluż il-VAT, ħlief meta l-proġett jikkonċerna azzjoni msemmija fl-Artikolu 8(a)(ii) jew (v) tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 jew meta jkun iġġustifikat b'mod xieraq;

(d)

tkun riżultat ta' impenji legali u baġitarji li daħlu għalihom l-Istati Membri skont l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament;

(e)

tikkonċerna proġetti implimentati skont l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament.

(f)

tikkonforma mar-regoli Komunitarji speċifiċi, fejn japplikaw dawn ir-regoli.

Artikolu 6

Nefqa eliġibbli relatata ma' ċerti azzjonijiet

1.   In-nefqa li tkun saret għal teknoloġiji ġodda ta' kontroll għandha tkun eliġibbli sakemm tkun saret b'mod konformi mal-Anness II u li tkun intużat għall-attivitajiet ta' monitoraġġ u kontroll tas-sajd, kif iddikjarat mill-Istati Membri kkonċernati.

2.   In-nefqa li tkun saret għax-xiri u l-immodernizzar ta' inġenji tal-ajru u bastimenti għandha tkun eliġibbli sakemm tkun saret b'mod konformi mal-Anness III u li dawn ikunu qed jintużaw għall-attivitajiet ta' monitoraġġ u kontroll tas-sajd, kif iddikjarat mill-Istati Membri kkonċernati, tal-anqas għal 25 % tal-attività tagħhom.

3.   In-nefqa li tkun saret għat-taħriġ u għall-programmi ta' skambju u dwar seminars u għodda tal-midja għandha tkun eliġibbli sakemm tkun saret b'mod konformi mal-Anness IV. Tali nfiq jista' jkopri, inter alia:

(a)

metodoloġija għas-sorveljanza tas-sajd;

(b)

leġiżlazzjoni Komunitarja li tikkontrolla l-Politika Komuni tas-Sajd u, partikolarment, il-kontroll;

(c)

l-użu ta' tekniki għall-kontroll tas-sajd;

(d)

l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tas-sistema ta' kontroll applikabbli, skont ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Artikolu 7

Nefqa mhux eliġibbli

1.   In-nefqa ma għandiex tkun eliġibbli jekk tkun saret qabel l-1 ta' Jannar tas-sena li fiha jkun ġie sottomess il-programm annwali għall-kontroll tas-sajd lill-Kummissjoni

2.   It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) m'għandhiex tkun meqjusa bħala spiża eliġibbli għar-rimbors.

3.   Il-lista indikativa ta' oġġetti li n-nefqa tagħhom ma tkunx eliġibbli hija stipulata fl-Anness V

Artikolu 8

Implimentazzjoni tal-proġetti

1.   Il-proġetti għandhom jinbdew u jitlestew skont l-iskeda stipulata fil-programm annwali għall-kontroll tas-sajd.

2.   L-iskeda għanda tistabbilixxi d-data prevista għall-bidu u għat-tmiem tal-proġetti.

Artikolu 9

Nuqqas ta' implimentazzjoni u d-dewmien tal-proġetti

Meta Stat Membru jiddeċiedi li ma jimplimentax parti minn proġett jew proġett kollu li għalih tkun ngħatat kontribuzzjoni finanzjarja, jew isir xi dewmien, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-miktub, u jgħid:

(a)

l-implikazzjonijiet għall-programm annwali għall-kontroll tas-sajd tiegħu, inklużi dawk ta' natura finanzjarja;

(b)

ir-raġunijiet għad-dewmien jew tan-nuqqas ta' implimentazzjoni;

(c)

il-qafas ta' żmien ġdid previst għall-implimentazzjoni

Artikolu 10

Avvanzi

1.   Fuq talba motivata ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tagħti somma bil-quddiem għal kull proġett li tkun sa 50 % tal-kontribut finanzjarju mogħtija permezz tad-deċiżjoni provduta fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006. Is-somma mħallsa bil-quddiem għandha titnaqqas minn kwalunkwe pagament temporanju kif ukoll mill-pagament finali tal-kontribut finanzjarju, għal dak il-proġett, lill-Istat Membru kkonċernat.

2.   It-talba mill-Istat Membru għandha tiġi akkumpanjata minn kopja ċċertifikata tal-kuntratt bejn l-amministrazzjoni rilevanti u l-fornitur.

3.   Jekk ma jsirx impenn legali li jorbot mill-awtorità tal-Istat Membru fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe somma mħallsa bil-quddiem li tkun ngħatat għandha titħallas lura minnufih.

Artikolu 11

Talba għal ħlas lura

1.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom għar-rimborż lill-Kummissjoni fi żmien disa' xhur mid-data li fiha tkun saret in-nefqa.

2.   It-talbiet għar-rimborż għandhom jinkludu l-oġġetti mniżżlin fl-Anness VI u għandhom jiġu mfasslin skont il-formula stipulata fl-Anness VII.

3.   Meta jippreżentaw it-talbiet għar-rimborż, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw u jiċċertifikaw li n-nefqa tkun saret f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 861/2006, f'dan ir-Regolament u fid-deċiżjoni provduti fl-Artikoli 21 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, u mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. It-talba għandha tinkludi stqarrija rigward l-akkuratezza u l-veraċità tal-kontijiet trażmessi, b'konformità mal-formola stabbilita fl-Anness VII.

4.   Talbiet għal somma ta’ anqas minn EUR 20 000 ma għandhomx jiġu pproċessati, sakemm mhux iġġustifikati kif jixraq. It-talbiet jistgħu jiġu mqassmin mill-ġdid fi gruppi.

5.   Talbiet għal proġetti li ma kinux tlestew skont l-iskeda msemmija fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament jistgħu jiġu aċċettati biss jekk id-dewmien ikun iġġustifikat b'mod xieraq. Meta talbiet bħal dawn ma jiġux aċċettati, l-approprjazzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu ddiżimpenjati.

6.   Jekk il-Kumissjoni tikkonsidra li t-talbiet mhumiex konformi mal-kundizzjonijeit stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 861/2006, f'dan ir-Regolametn, fid-deċiżjoni provduta fl-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006, jew mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-għotja ta' kuntratti pubbliċi, hi għandha titlob lill-Istat Membru biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-każ f'perjodu ta' żmien limitat. Jekk l-eżami jikkonferma n-nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta li tirrimborża n-nefqa kollha, jew parti minnha u, fejn jixraq, titlob għar-rimborż ta’ ħlasijiet mhux dovuti.

Artikolu 12

Munita

1.   Il-programmi għall-kontroll ta' sajd, it-talbiet għal rimborż tan-nefqa u talbiet għal ħlas bil-quddiem għandhom jinħadmu f’Euro.

2.   Ir-rimborż għandu jsir bl-Euro abbażi tar-rata ta' kambju ppublikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-ġurnata li toħroġ l-ordni ta' pagament jew tal-irkupru mid-dipartiment tal-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandhom jispeċifikaw ir-rata tal-kambju użata.

Artikolu 13

Verifiki u korrezzjonijiet finanzjarji

L-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri bi kwalunkwe informazzjoni li dawk l-istituzzjonijiet jistgħu jitolbu għall-verifiki u l-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

Artikolu 14

Rapporti mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni biex tkun tista' tivverifika kif ġie użat il-kontribut finanzjarju u tivvaluta l-impatt fuq il-kontroll, l-ispezzjoni u l-attivitajiet ta' sorveljanza tal-miżuri provduti fir-Regolament

2.   L-Istati Membri għandhom ukoll:

(a)

jissottomettu, sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, rapport ta' valutazzjoni intermedjarja lill-Kummissjoni dwar il-programm għall-kontroll tas-sajd tagħhom għas-sena ta' qabel li jkopri dan li ġej:

(i)

il-proġetti mlestija u r-rata ta' eżekuzzjoni tal-programm għall-kontroll tas-sajd;

(ii)

previżjoni tat-talbiet għar-rimborż għas-sena attwali u dik ta' wara;

(iii)

l-impatt tal-proġetti fuq il-programmi għall-kontroll tas-sajd, billi japplikaw l-indikaturi mniżżlin fil-programm;

(iv)

kwalunkwe aġġustament li sar lill-programm għall-kontroll tas-sajd.

(b)

Jissottomettu, sal-31 ta' Marzu 2014, rapport ta' valutazzjoni finali lill-Kummissjoni li jkopri dan li-ġej:

(i)

il-proġetti li tlestew;

(ii)

in-nefqa tal-proġetti;

(iii)

l-impatt tal-programmi għall-kontroll tas-sajd, billi japplikaw l-indikaturi mniżżlin fil-programmi;

(iv)

kwalunkwe aġġustament li sar lill-programmi għall-kontroll tas-sajd.

(v)

l-impatt tal-kontribut finanzjarju fuq il-programmi għall-kontroll tas-sajd fuq il-perjodu 2007-2013 kollu.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri, mill-1 ta'Jannar 2007 talbiet għar-rimbors relatat mal-kontribut finanzjarju għan-nefqa approvata abbażi tad-Deċiżjonijiet 1995/527 (KE), 2001/431/KE u 2004/465/KE, għandhom jiġu sottomessi f’konformità mal-Anness VI u VII għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 11 ta' April 2007.

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 301, 14.12.1995, p. 30.

(4)  ĠU L 154, 9.6.2001, p. 22.

(5)  ĠU L 157, 30.4.2004, p. 114. Il-verżjoni kkoreġuta bil-ĠU L 195, 2.6.2004, p. 36.


ANNESS I

Spjegazzjoni tal-mezzi disponibbli għall-istati Membri għall-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd

Id-deskrizzjoni tal-mezzi disponibbli għall-Istati Membri għall-kontroll tas-sajd, kif imsemmija fl-Artilkolu 3(2) (d) ta' dan ir-Regolament, għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni qasira tal-korpi amministrattivi responsabbli mill-kontroll tas-sajd fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

(b)

deskrizzjoni qasira tar-riżorsi umani, it-tagħmir (partikolarment l-għadd ta' bastimenti, inġenji tal-ajru u ħelikopters disponibbli) u l-azzjonijiet ewlenin li saru s-sena ta' qabel biex jitwettqu d-dmirijiet skont ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(c)

Il-baġit annwali allokat għall-kontroll tas-sajd, maħdum f’Euro, bid-dettalji dwar investimenti u dwar spejjeż tal-operat tal-mezzi għal-kontroll tas-sajd (dejta skont il-kategorija; inklużi r-riżorsi umani).


ANNESS II

Lista indikattiva ta' oġġetti ta' nefqa eliġibbli relatati mal-implimentazzjoni tat-teknoloġiji ta' kontroll

L-infiq li ġej jitqies bħala eliġibbli:

(a)

ix-xiri, l-installazzjoni u l-assistenza għal, teknoloġiji tal-kompjuter u l-istabbiliment ta' netwerks tal-IT, inklużi l-kapaċità tar-remote sensing, biex ikun hemm skambju effiċjenti u ta' dejta protetta b'konnessjoni mal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd. L-ispiża mġarrba għall-assistenza teknika hi koperta matul l-ewwel sentejn minn meta tkun saret l-installazzjoni.

(b)

ix-xiri u l-installazzjoni ta:

(i)

tagħmir ta' lokalizzazzjoni awtomatika li jippermetti l-monitoraġġ ta' bastimenti mill-bogħod, minn ċentru ta' monitoraġġ tas-sajd permezz ta' sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS);

(ii)

tagħmir elettroniku li jirrekordja u jirraporta, li jippermetti t-trażmissjoni ta' dejta relata mal-attivitajiet tas-sajd.

It-tagħmir irid ikun konformi mar-rekwiżiti stipulati fir-regoli Komunitarji rilevanti.

(c)

ix-xiri ta' kompjuters personali, tablet PCs u apparat diġitali ta’ assistenza personali (PDAs) iddisinjati biex jaħżnu u jipproċessaw dejta relatata mal-attivitajiet tas-sajd.

(d)

proġetti pilota relatati ma' teknoloġiji ġodda dwar il-kontroll ta' attivitajiet ta' sajd u l-implimentazzjoni tagħhom.


ANNESS III

Il-lista indikattiva ta' oġġetti ta' nefqa eliġibbli relatati max-xiri u l-immodernizzar ta' inġenji tal-ajru u bastimenti użati għal skopijiet ta' kontroll tas-sajd

L-infiq li ġej jitqies bħala eliġibbli:

(a)

Inġenji tal-ajru bil-ġwienaħ fissi, Vetturi ta' l-Ajru u ħelikopters mingħajr ekwipaġġ u t-tagħmir tagħhom iddisinjati għal skopijiet ta' kontroll. Partikolarment, it-tagħmir għad-detezzjoni, il-komunikazzjoni u n-navigazzjoni, u s-softwer li huwa installat abbord u li huwa parti mill-bastiment jew inġenju tal-ajru użat għall-ispezzjonar u għas-sorveljanza tal-attivitajiet ta' sajd u li jippermetti skambju ta' dejta bejn il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet ta' kontroll tas-sajd;

(b)

It-tagħmir li jieħu post tagħmir ieħor li jkun għadda żmienu iddisinjat biex ittejjeb l-effiċjenza tal-kontroll tas-sajd. In-nefqa imġarrba għall-modernizzar tal-kamra tal-magna, u tal-faċilitajiet ta' imbark u varar fil-kabina tat-tmun hija eliġibbli wkoll;

(c)

Dgħajjes tal-imbark (bħal seariders u RIBs), inkluż it-tagħmir installat, il-magni, davits u krejnijiet użati għall-varar (inklużi is-sistemi idrawliċi u l-installazzjoni), bidliet li jsir lill-bastiment prinċipali sabiex jadatta għad-dgħajjes tal-imbark (bħat-tisħiħ tal-gverta u tas-soprastruttura);

(d)

Oġġetti prinċipali għas-sistema ta' propulsjoni tal-bastiment, bħas-sistemi ta' skrejjen, il-gearboxes, u l-magni prinċipali ġodda u l-magni awżiljarji;

(e)

It-tagħmir li jassigura l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bħal tagħmir ta' kkriptar u deċifraturi;

(f)

Kompjuters personali reżistenti għall-ilma installati abbord.


ANNESS IV

Il-lista indikattiva ta' oġġetti ta' nefqa eliġibblibi relatati mat-taħriġ u l-programmi ta' skambju, is-seminars u l-istrumenti tal-midja

(a)

L-infiq li ġej jitqies bħala eliġibbli

(i)

Il-kiri ta' kmamar għal-lekċers;

(ii)

Ix-xiri jew il-kiri ta' tagħmir użat għat-taħriġ u għas-seminars;

(iii)

Il-ħlas għall-għalliema li ma jkunux qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta' persuni fis-servizz ċivili Komunitarju jew ta' Stat Membru.

(iv)

Spejjeż ta' vjaġġar u spejjeż ta’ kuljum imġarrba minn spetturi, prosekuturi pubbliċi, imħallfin u sajjieda li jattendu l-korsijiet kif ukoll minn persunal tat-taħriġ;

(v)

Kwalunkwe' nefqa relatata ma' xiri jew stampar ta' materjal meħtieġ għas-seminar, taħriġ jew kotba tal-midja, kartelluni, CDs, DVDs, vidjows, fuljetti, strixxuni.

(b)

In-nefqa hi eliġibbli jekk tikkonforma mar-regoli nazzjonali rilevanti.


ANNESS V

Il-lista indikattiva ta' oġġetti ta' nefqa mhux eliġibbli

L-infiq li ġej jitqies bħala mhux eliġibbli:

(a)

Kuntratti ta' kiri jew twellija;

(b)

Tagħmir li mhux użat esklussivament għal skopijiet ta' kontroll tas-sajd, bħal kompjuters personali, laptops, skenners, printers, telefon ċellulari, l-istandards tat-telefon, walkie-talkies, rutelli tal-kejl, rigi u tagħmir simili ieħor, vidjows u kameras;

(c)

Ħwejjeġ u żraben, bħal uniformijiet, tuti ta' protezzjoni, eċċ. u tagħmir personali ġenerali;

(d)

Spejjeż tal-operat u ta’ manutenzjoni, bħal spejjeż tat-telekomunikazzjoni, ta' interessi finanzjarji, poloz ta' assigurazzjoni, fjuwil;

(e)

Spare parts meħtieġa biex kull oġġett eliġibbli jinżamm f'kundizzjoni tajba;

(f)

Vetturi u muturi;

(g)

Binjiet u siti;

(h)

Salarji u indennità.


ANNESS VI

Il-kontenut ta' talbiet għal rifużjoni

Talbiet għar-rifużjonijiet għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

Ittra li tistipula l-ammont totali li għalih qed issir talba ta' rifużjoni. L-ittra għandha tistipula b'mod ċar:

(i)

id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li għaliha din tirreferi (l-Artikolu u l-Anness rilevanti);

(ii)

l-ammont mitlub mill-Kummissjoni, f’Euro, eskluż il-VAT;

(iii)

it-tip ta’ talba (ħlas ta’ qabel il-finanzjament, pagament temporanju, ħlas tal-bilanċ);

(iv)

Il-kont bankarju li fih għandu jsir it-trasferiment.

(b)

dikjarazzjoni tan-nefqa, billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness VII (waħda għal kull deċiżjoni tal-Kummissjoni).

(c)

lista li tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-isem(ismijiet) tal-proġett(i) u r-referenza għall-programm(i) annwali tal-kontroll tas-sajd li minnhu(minnhom) jagħmel(jagħmlu) parti;

(ii)

ir-referenza għall-kuntratt li huma relatati miegħu l-fatturi;

(iii)

lista tal-fatturi mehmużin li jirrelataw mal-proġett (in-numru tal-fatturi u l-ammonti, Eskluż il-VAT).

(d)

rigward kull proġett li għalih hemm talba ta' rifużjoni:

(i)

kopja attestata jew oriġinali tal-fatturi;

(ii)

ir-rata tal-kambju applikata, jekk il-fatturi ma jkunux ġew imfissra bl-Euro;

(iii)

il-kopja oriġinali jew attestata tal-prova tal-pagament ta' kull fattura mehmuża;

(iv)

dokument li jistipula l-ħlas bin-nifs fil-ġejjieni (fejn japplika) u d-dati previsti tal-pagamenti tagħhom

(v)

kopja attestata tal-kuntratt relatat ma' din il-fattura;

(vi)

l-użu għas-sena kollha tal-bastiment, tal-inġenju tal-ajru jew tal-vettura tal-ajru mingħajr ekwipaġġ użati għall-kontroll tas-sajd, f'termini ta' persentaġġ u ta' ġranet;

(vii)

Informazzjoni dwar l-għoti ta' akkwist pubbliku: Għandha tiġi mehmuża l-fotokopja tal-avviżi tas-sejħa għall-offerti ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Jekk l-avviżi ma jkunux ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, il-benefiċarji għandhom jiċċertifikaw li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-akkwisti pubbliċi ġiet irrispettata u għandhom jagħtu ġustifikazzjoni għala l-proċeduri Komunitarji ma jkunux ġew segwiti. In-nefqa mġarrba għal bastimenti u inġenji tal-ajru li se jintużaw kompletament jew parzjalment għal skopijiet ta' kontroll tas-sajd ma jistgħux igawdu minn eżenzjonijiet mir-regoli Komunitarji ta' akkwist b'referenza għal Artikolu 296 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunita Ewropea.

(viii)

Spjegazzjoni qasira tal-azzjoni, li tistipula fid-dettal l-għanijiet li ntlaħqu, akkumpanjata b'valutazzjoni qasira dwar l-impatt tal-investiment fil-kontroll u s-sorvelljanza tas-sajd. Għandha tinkludi wkoll tbassir tal-użu tal-oġġetti fil ġejjieni.

(ix)

F'każ ta' nefqa fuq proġetti pilota jew strumenti tal-midja, għandu jiġi inkluż ir-rapport jew id-dokument finali.

(x)

F'każ ta' taħriġ u seminars, għandha titniżżel kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-suġġett, il-kelliema u l-parteċipanti.


ANNESS VII

Dikjarazzjoni tan-nefqa

Image

Test ta 'immaġni

Top