Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0431

2007/431/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

ĠU L 161, 22.6.2007, pp. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/431/oj

22.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 161/63


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ġunju 2007

li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

(2007/431/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni” u “l-ILO” rispettivament) ġiet adottata fis-7 ta’ Frar 2006 mis-sessjoni marittima tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol ta’ l-ILO mlaqqgħa f’Ġinevra.

(2)

Il-Konvenzjoni tagħti kontribut maġġuri lis-settur tat-tbaħħir f’livell internazzjonali billi tippromwovi kondizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien deċenti għall-baħħara u kondizzjonijiet aktar ġusti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi u s-sidien tal-bastimenti u jkun għalhekk mixtieq li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati mill-aktar fis possibbli.

(3)

Il-Konvenzjoni tqiegħed il-bażi għal kodiċi internazzjonali dwar ix-xogħol marittimu billi tistabbilixxi standards minimi tax-xogħol.

(4)

Il-Komunità tfittex li tikseb il-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti għal kulħadd fl-industrija marittima.

(5)

L-Artikolu 19, paragrafu 8 tal-Kostituzzjoni ta’ l-ILO jgħid li ‘fl-ebda każ m’għandha l-adozzjoni ta’ kwalunkwe Konvenzjoni jew Rakkomandazzjoni mill-Konferenza, jew ir-ratifika ta’ kwalunkwe Konvenzjoni minn xi Membru, titqies li taffettwa kwalunkwe liġi, għotja, użanza jew ftehim li jiżgura kondizzjonijiet aktar favorevoli għall-ħaddiema konċernati minn dawk previsti fil-Konvenzjoni jew ir-Rakkomandazzjoni.

(6)

Xi dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali.

(7)

Il-Komunità ma tistax tirratifika l-Konvenzjoni, billi l-Istati biss jistgħu jkunu parti għaliha.

(8)

Il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lill-Istati Membri li huma marbutin bir-regoli Komunitarji dwar il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali bbażati fuq l-Artikolu 42 tat-Trattat biex jirratifikaw il-Konvenzjoni fl-interess tal-Komunità, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati biex jirratifikaw, għall-partijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, adottata fis-7 ta’ Frar 2006.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tagħhom tar-ratifika tal-Konvenzjoni mad-Direttur Ġenerali ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol mill-aktar fis possibbli, preferibbilment qabel il-31 ta’ Diċembru 2010. Il-Kunsill ser jirrevedi l-progress dwar ir-ratifika qabel Jannar 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. GLOS


(1)  Opinjoni ta’ l-14.3.2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top