Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1184

1184/2006/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 ta' l- 24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta' kompetizzjoni għall-produzzjoni ta', u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (Verżjoni kodifikata)

ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 463–465 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1184/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

463


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1184/2006

ta' l-24 ta’ Lulju 2006

li japplika ċerti regoli ta' kompetizzjoni għall-produzzjoni ta', u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli

(Verżjoni kodifikata)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-kontenut tar-Regolament tal-Kunsill Nru 26 ta' l-4 ta' April 1962 li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (2) ġie emendat (3). Għal aktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Bis-saħħa ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat waħda mill-kwistjonijiet li trid tiġi deċiża taħt il-politika agrikola komuni hi dwar jekk ir-regoli ta' kompetizzjoni mniżżlin fit-Trattat għandhomx jiġu applikati għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu ssupplimentati fid-dawl ta' l-iżviluppi f'dik il-politika.

(3)

Ir-regoli dwar il-kompetizzjoni relatati mal-ftehim, mad-deċiżjonijiet u mal-prattiċi msemmijin fl-Artikolu 81 tat-Trattat u ma' l-abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti għandhom jiġu applikati għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli, sakemm l-applikazzjoni tagħhom ma tfixkilx il-funzjonament ta' organizzazzjonijiet nazzjonali ta' swieq agrikoli jew ma theddidx il-ksib ta' l-objettivi tal-politika agrikola komuni.

(4)

Għandha tingħata attenzjoni speċjali fil-każ ta' organizzazzjonijiet ta' bdiewa li għandhom l-objettiv partikolari ta' produzzjoni jew kummerċjalizzazzjoni konġunta ta' prodotti agrikoli jew l-użu ta' faċilitajiet konġunti, sakemm tali azzjoni konġunta ma teskludix l-kompetizzjoni jew thedded il-ksib ta' l-objettivi ta' l-Artikolu 33 tat-Trattat.

(5)

Sabiex jiġi evitat sew li jiġi kompromess l-iżvilupp ta’ politika agrikola komuni u sew biex tiġi żgurata ċ-ċertezza fil-liġi u t-trattament mhux diskriminatorju ta' l-impriżi konċernati, il-Kummissjoni għandu jkollha kompetenza esklussiva, soġġetta għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi jekk il-kondizzjonijiet previsti fiż-żewġ premessi preċedenti rigward il-ftehim, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi msemmija fl-Artikolu 81 tat-Trattat, humiex sodisfatti.

(6)

Sabiex jiġu implimentati, bħala parti mill-iżvilupp tal-politika agrikola komuni, ir-regoli dwar l-għajnuna għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tfassal lista ta' l-għajnuna eżistenti, ġdida jew proposta, sabiex tagħmel osservazzjonijiet xierqa lill-Istati Membri u sabiex tipproponilhom miżuri xierqa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikoli 81 sa 86 tat-Trattat u d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom għandhom, soġġetti għall-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, japplikaw għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kollha msemmija fl-Artikoli 81(1) u 82 tat-Trattat li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċ tal-prodotti msemmija fl-Anness I għat-Trattat.

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 81(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal tali ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi msemmija fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament li huma parti integrali minn organizzazzjoni ta' suq nazzjonali jew li huma meħtieġa għall-kisba ta' l-objettivi mniżżla fl-Artikolu 33 tat-Trattat.

B’mod partikolari, dan m'għandux japplika għall-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi tal-bdiewa, l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa, jew l-assoċjazzjonijiet ta' dawn l-assoċjazzjonijiet li jappartjienu lil Stat Membru wieħed u li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-bejgħ ta' prodotti agrikoli jew l-użu ta' faċilitajiet konġunti għall-ħażna, it-trattament jew l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli, u li skond dawn ma hemm l-ebda obbligu li jintalbu prezzijiet identiċi, għajr jekk il-Kummissjoni ssib li l-kompetizzjoni hija b’hekk eskluża jew li l-objettivi ta' l-Artikolu 33 tat-Trattat huma mhedda.

2.   Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u tisma’ lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' l-impriżi kkonċernati u lil kull persuna fiżika jew ġuridika oħra li hi tqis xierqa, il-Kummissjoni għandu jkollha l-kompetenza esklussiva, soġġetta għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tistabbilixxi, permezz ta' deċiżjoni li għandha tiġi ppubblikata, liema ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi jissodisfaw il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1.

Il-Kummissjoni għandha hekk tiddetermina fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' awtorità kompetenti ta' Stat Membru jew ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi interessati.

3.   Il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni. Għandha tqis l-interess leġittimu ta' l-impriżi f'dik li hija l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 3

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88(1) u ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 88(3) tat-Trattat għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija għall-produzzjoni jew għall-kummerċ tal-prodotti mniżżlin fil-lista fl-Anness I għat-Trattat.

Artikolu 4

Ir-Regolament Nru 26 għandu jitħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PEKKARINEN


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2006 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU 30, 20.4.1962, p. 993/62. Regolament kif emendat bir-Regolament Nru 49 (ĠU 53, 1.7.1962, p. 1571/62).

(3)  Ara l-Anness I.


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma’ l-emenda tiegħu

Regolament tal-Kunsill Nru 26

(ĠU 30, 20.4.1962, p. 993/62)

Regolament tal-Kunsill Nru 49

(ĠU 53, 1.7.1962, p. 1571/62)

L-Artikolu 1(1)(g) biss


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament Nru 26

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2), l-ewwel subparagafu

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(3)

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Anness I

Annes II


Top