Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0091

2006/91/KE: Direttiva tal-Kunsill 2006/91/KE tas- 7 ta’ Novembru 2006 dwar il-kontroll tas-San José Scale (verżjoni kodifikata)

ĠU L 312, 11.11.2006, p. 42–44 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 549–551 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Imħassar b' 32016R2031

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/91/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

549


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/91/KE

tas-7 ta’ Novembru 2006

dwar il-kontroll tas-San José Scale

(verżjoni kodifikata)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 69/466/KEE tat-8 ta' Diċembru 1969 dwar il-kontroll tas-San José Scale (3) ġiet emendata sostanzjalment (4). Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ razzjonalità jkun aħjar illi ssir il-kodifikazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva

(2)

Il-produzzjoni tal-pjanti dikotiledoni ta’ l-injam u l-frott tagħhom għandha post importanti fil-biedja tal-Komunità.

(3)

Il-frott ta’ din il-produzzjoni huwa konstantement mhedded minn organiżmi li jagħmlu ħsara.

(4)

Permezz tal-protezzjoni ta’ dawn il-pjanti kontra organiżmi bħal dawn li jagħmlu ħsara, mhux biss għandha tinżamm il-kapaċità produttiva iżda wkoll tiżdied il-produttività fil-biedja.

(5)

Miżuri protettivi li jħarsu kontra d-dħul ta’ l-organiżmi li jagħmlu ħsara fl-Istati Membri individwali jkollhom biss effett limitat jekk dawn l-organiżmi ma jiġux fl-istess ħin ikkontrollati b’mod simultanju u metodiku kullimkien fil-Komunità u jekk ma jiġux imwaqqfa milli jinfirxu.

(6)

Wieħed mill-organiżmi li l-aktar jagħmel ħsara lill-pjanti dikotiledoni ta’ l-injam huwa s-San José Scale (Quadraspidiotus perniciosus Comst.).

(7)

Dan l-organiżmu li jagħmel il-ħsara nstab f’diversi Stati Membri u hemm żoni fil-Komunità li huma kkontaminati.

(8)

Hemm riskju permanenti għall-koltivazzjoni tal-pjanti dikotiledoni ta’ l-injam fil-Komunità kollha jekk ma jittieħdux miżuri effettivi sabiex dan l-organiżmu li jagħmel il-ħsara jiġi kkontrollotat u sabiex dan jitwaqqaf milli jinfirex.

(9)

Sabiex dan l-organiżmu li jagħmel il-ħsara jinqered għal kollox, għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet minimi għall-Komunità. Fejn hu meħtieġ, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet ulterjuri jew aktar stretti.

(10)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B ta' l-Anness I,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tittratta l-miżuri minimi li għandhom jittieħdu fl-Istati Membri sabiex is-San José Scale (Quadraspidiotus perniciosus Comst.) tiġi kkontrollata u ma titħalliex tinfirex.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“pjanti” tfisser pjanti ħajjin u partijiet ħajjin ta’ pjanti bl-eċċezzjoni tal-frott u ż-żerriegħa;

(b)

“pjanti jew frott ikkontaminati” tfisser pjanti jew frott li fuqhom jinstabu wieħed jew aktar mill-insetti San José Scale, sakemm ma jiġix ikkonfermat li dawn ikunu mejta;

(ċ)

“Pjanti li jospitaw is-San José Scale” tfisser il-pjanti tal-ġeneru Acer L., Cotoneaster Ehrh., Crataegus L., Cydonia Mill., Euonymus L., Fagus L., Juglans L., Ligustrum L., Malus Mill., Populus L., Prunus L., Pyrus L., Ribes L., Rosa L., Salix L., Sorbus L., Syringa L., Tilia L., Ulmus L., Vitis L.;

(d)

“imxietel” tfisser il-pjantazzjonijiet fejn jitkabbru l-pjanti maħsuba sabiex jiġu maqtugħa u mħawla post ieħor, immultiplikati jew imqassma bħala pjanti b’għeruq individwali.

Artikolu 3

Meta tiġi rreġistrata okkorrenza ta’ San José Scale, l-Istati Membri għandhom jifirdu ż-żona kkontaminata b'żona ta’ sigurtà kbira biżżejjed sabiex tiżgura l-protezzjoni taż-żoni ta’ madwarha.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li fiż-żoni kkontaminati u fiż-żoni ta’ sigurtà, il-pjanti li jospitaw is-San José Scale jiġu ttrattati b’mod adatt sabiex dan l-organiżmu li jagħmel il-ħsara jiġi kkontrollat u ma jitħalliex jinfirex.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li:

(a)

il-pjanti kkontaminati kollha fl-imxietel għandhom jinqerdu;

(b)

il-pjanti l-oħra kollha kkontaminati jew li hemm suspett li huma kkontaminati u li jkunu qed jikbru f’żona kkontaminata għandhom jiġu ttrattati b’mod li dawk il-pjanti u l-frott frisk tagħhom ma jkunux għadhom ikkontaminati meta jiġu mċaqalqa;

(ċ)

il-pjanti kollha bl-għeruq li jospitaw is-San José Scale li jkunu qed jikbru f’żona kkontaminata, u partijiet minn dawn il-pjanti li huma maħsuba għall-multiplikazzjoni u li huma prodotti f’dik iż-żona jistgħu jiġu miżrugħa mill-ġdid fiż-żona kontaminata jew trasportati ’l barra minnha biss jekk ma jkunx instab li kienu kkontaminati u jekk ikunu ġew ittrattati b’mod li kull insett tas-San José Scale li jista’ jkun għadu preżenti jinqered.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fiż-żoni ta’ sigurtà l-pjanti li jospitaw is-San José Scale jiġu kkontrollati uffiċjalment u spezzjonati ta’ lanqas darba fis-sena sabiex kull okkorrenza ta’ San José Scale tinkixef.

Artikolu 7

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li f’kull lott ta’ pjanti (barra minn dawk li huma miżrugħa fl-art) u l-frott frisk li fihom tkun instabet il-kontaminazzjoni, il-pjanti u l-frott ikkontaminati għandhom jinqerdu u l-pjanti u l-frott l-ieħor fil-lott jiġu ttrattati jew ipproċessati b’tali mod li l-insetti San José Scale li jistgħu jkunu għadhom preżenti jinqerdu.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal-lottijiet ta' frott frisk li huma ftit ikkontaminati.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jirrevokaw il-miżuri meħuda sabiex tiġi kkontrollata s-San José Scale jew sabiex ma titħallhiex tinfirex biss meta s-San José Scale ma tinstabx aktar preżenti.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu ż-żamma tas-San José Scale.

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw:

(a)

derogi mill-miżuri msemmija fl-Artikoli 4 u 5, l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 9 għal finijiet xjentifiċi u pitosanitarji, testijiet u xogħol ta’ għażla;

(b)

b’deroga mill-punt (b) ta' l-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(1), l-ipproċessar minnufih tal-frott frisk ikkontaminat;

(ċ)

b’deroga mill-punt (b) ta' l-Artikolu 5 u Artikolu 7(1), iċ-ċaqliq ta' frott frisk ikkontaminat fiż-żona kkontaminata.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jingħataw biss f'każ li jeżistu kontrolli xierqa li jiggarantixxu li dawn ma jippreġudikawx il-kontroll tas-San José Scale u ma joħolqux ir-riskju li dan l-organiżmu li jagħmel il-ħsara jinfirex.

Artikolu 11

L-Istati Membri jistgħu jadottaw dawk il-miżuri ulterjuri jew aktar stretti li jkunu meħtieġa sabiex is-San José Scale tiġi kkontrollata jew ma titħallhiex tinfirex.

Artikolu 12

Id-Direttiva 69/466/KEE hija b'dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżlin fil-Parti B ta' l-Anness I.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINALUOMA


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-5 ta' Lulju 2006 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 323, 24.12.1969, p. 5 Direttiva kif emendata bid-Direttiva 77/93/KEE (ĠU L 26, 31.1.1977, p. 20).

(4)  Ara Parti A ta' l-Anness I, ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


ANNESS I

PARTI A

Direttiva imħassra flimkien ma’ l-emenda tagħha

Direttiva tal-Kunsill 69/466/KEE

(ĠU L 323, 24.12.1969, p. 5)

 

Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE

(ĠU L 26, 31.1.1977, p. 20)

Artikolu 19 biss


PARTI B

Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 12)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

69/466/KEE (1)

9 ta' Diċembru 1971

77/93/KEE (2)  (3)  (4)

1 ta' Mejju 1980


(1)  Għall-Irlanda u r-Renju Unit: 1 ta' Lulju 1973.

(2)  Skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 77/93/KEE, l-Istati Membri jistgħu, fuq talba, ikunu awtorizzati li jikkonformaw ma' ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fi żmien data wara l-1 ta' Mejju 1980, iżda mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1981.

(3)  Għall-Greċja 1 ta' Jannar 1983.

(4)  Għal Spanja u l-Portugall: 1 ta' Marzu 1987.


ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni

Direttiva 69/466/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1-11

Artikoli 1-11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Anness I

Annes II


Top