Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1056

    1056/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005 tas- 27 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

    ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5–9 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 187–191 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1056/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    187


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1056/2005

    tas-27 ta’ Ġunju 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment it-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 104(14) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Inizjalment, il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir kien jikkonsisti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (4) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997 dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (5). Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir wera l-utilità tiegħu fl-iffissar tad-dixxiplina fiskali, u b'hekk ikkontribwixxa għal livell għoli ta' stabbilità makroekonomika b'inflazzjoni baxxa u rati baxxi ta' imgħax, li huwa neċessarju biex jistimula tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' l-impjiegi.

    (2)

    Fl-20 ta' Marzu 2005 l-Kunsill adotta rapport intitolat “It-titjib ta' l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir” li għandu l-għanijiet li jtejjeb il-governanza u l-appartenenza nazzjonali tal-qafas fiskali permezz tat-tisħiħ tal-punti ċentrali ekonomiċi u l-effettività tal-Patt, kemm fl-elementi preventivi kif ukoll dawk korrettivi tiegħu, li jissalvagwardja s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għal perijodu fit-tul, li jippromwovi t-tkabbir u li jevita li jiġu imposti piżijiet eċċessivi fuq ġenerazzjonijiet futuri. Ir-rapport kien kontrofirmat mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2005 (6), li ddikjara li r-rapport jaġġorna u jikkomplimenta l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li issa huwa parti integrali minnu.

    (3)

    Skond ir-rapport ta' l-Ecofin ta' l-20 ta' Marzu 2005 kontrofirmat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2005, l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw it-Trattat u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod effettiv u f'waqtu, permezz tas-sostenn bejn il-pari u l-pressjoni mill-pari, u li jaġixxu f'kooperazzjoni mill-qrib u kostruttiva fil-proċess ta' sorveljanza ekonomika u fiskali, sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-effettività fir-regoli tal-Patt.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jeħtieġ li jiġi emendat sabiex jippermetti l-applikazzjoni sħiħa tat-titjib miftiehem ta' l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (5)

    Il-prinċipju ta' gwida għall-applikazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv huwa l-korrezzjoni bla telf ta' żmien ta' defiċit eċċessiv. Il-proċedura għandha tibqa' sempliċi, trasparenti u ekwa.

    (6)

    Il-kunċett ta' eċċess eċċezzjonali 'l fuq mill-valur ta' referenza li jirriżulta minn riċessjoni ekonomika severa għandu jiġi rivedut. Meta jsir dan, għandha titqies l-eteroġeneità ekonomika ta' l-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Il-Kummissjoni għandha dejjem tħejji rapport abbażi ta' l-Artikolu 104(3) tat-Trattat. Fir-rapport tagħha, hi għandha teżamina jekk japplikawx l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 104(2). Ir-rapport tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 104(3) għandu jirrifletti b'mod xieraq l-iżviluppi fil-pożizzjoni ekonomika fil-perijodu medju u fil-pożizzjoni ta' l-estimi fil-perijodu medju. Barra minn hekk, għandha tingħata konsiderazzjoni debita lil kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat, huwa rilevanti sabiex jiġi valutat b'mod komprensiv f'termini kwalitattivi l-eċċess 'il fuq mill-valur ta' referenza.

    (8)

    Għandha tingħata konsiderazzjoni bir-reqqa lill-valutazzjonijiet ta' l-estimi kollha fil-qafas tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv għal eċċess qrib il-valur ta' referenza li jirrifletti l-implimentazzjoni ta' riformi tal-pensjoni li jintroduċu sistema b'diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju u ffinanzjat kollu, għaliex l-implimentazzjoni ta' dawk ir-riformi twassal għal deterjorazzjoni fuq perijodu qasir tal-pożizzjoni ta' l-estimi, filwaqt li s-sostenibbiltà fuq perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi titjieb tassew. B'mod partikolari, fil-valutazzjoni skond l-Artikolu 104(12) tat-Trattat dwar jekk id-defiċit eċċessiv ġiex ikkoreġut, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jivvalutaw l-iżviluppi fiċ-ċifri tad-defiċit ta' l-EDP filwaqt li jikkunsidraw ukoll l-ispiża netta tar-riforma għall-pilastru amministrat pubblikament.

    (9)

    L-iskadenzi proċedurali għal deċiżjonijiet tal-Kunsill fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv għandhom jiġu estiżi sabiex jippermettu lill-Istat Membru kkonċernat ifassal aħjar l-azzjoni tiegħu fi ħdan il-proċedura ta' l-estimi nazzjonali u jiżviluppa pakkett ta' miżuri aktar koerenti. B'mod partikolari, l-iskadenza għall-Kunsill biex jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat għandha tiġi stabbilita, bħala regola, għal erba' xhur wara d-dati ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' l-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea (7). Dan jindirizza l-każijiet fejn id-data statistika ta' l-estimi ma ġietx ivvalidata mill-Kummissjoni (Eurostat) ftit wara d-dati ta' rappurtar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 3605/93.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata korrezzjoni f'waqta ta’ l-iżbilanċi eċċessivi, huwa meħtieġ għall-Istati Membri li jinsabu f'sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv li jieħdu azzjoni effettiva u li jiksbu titjib fiskali minimu annwali fil-bilanċ aġġustat ċiklikament, netti minn miżuri ta' darba u fil-miżuri temporanji tagħhom. Bħala punt ta' referenza, pajjiżi f'defiċit eċċessiv ser ikunu meħtieġa jiksbu sforz fiskali minimu annwali f'termini aġġustati ċiklikament, netti minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji.

    (11)

    Il-perijodi ta' żmien massimi li fihom l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni u miżuri effettivi għandhom jiġu estiżi biex jippermettu tfassil aħjar ta' l-azzjoni fil-proċedura ta' l-estimi nazzjonali u l-iżvilupp ta' pakketti ta' miżuri artikolati aktar.

    (12)

    Jekk l-Istat Membru kkonċernat ħa azzjoni effettiva b'rispons għal rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat jew ta avviż maħruġ taħt l-Artikolu 104(9) u avvenimenti ekonomiċi avversi u mhux mistennija b'konsegwenzi negattivi maġġuri għall-finanzi tal-gvern jimpedixxu l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kunsill, għandu jkun possibbli għall-Kunsill li joħroġ rakkomandazzjoni riveduta taħt l-Artikolu 104(7) jew avviż rivedut taħt l-Artikolu 104(9).

    (13)

    Il-perijodu massimu ġenerali attwali ta' 10 xhur mid-dati tar- rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93 sakemm id-deċiżjoni li jiġu imposti sanzjonijiet tkun konsistenti ma' l-iskadenzi emendati f'kull pass tal-proċedura u l-possibbiltà li jinħarġu rakkomandazzjonijiet riveduti taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat jew avviżi riveduti taħt l-Artikolu 104(9). Għalhekk il-perijodu massimu ġenerali għandu jkun aġġustat skond dawn l-emendi.

    (14)

    Id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv fil-każ tar-Renju Unit, li huma stabbiliti fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1467/97, jeħtieġu wkoll li jiġu modifikati biex jirriflettu dak it-tibdil,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1)

    Fl-Artikolu 2, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti bil-paragrafi li ġejjin:

    “2.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill, meta jivvalutaw u jiddeċiedu dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv skond l-Artikolu 104(3) sa (6) tat-Trattat, jistgħu jikkunsidraw eċċess 'il fuq mill-valur ta' referenza li jirriżulta minn riċessjoni ekonomika severa bħala eċċezzjonali fis-sens tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 104(2)(a) jekk l-eċċess 'il fuq mill-valur ta' referenza jirriżulta minn rata ta' tkabbir ta' volum tal-GDP annwali negattiva jew minn telf akkumulat ta' l-output matul perijodu prolungat ta' tkabbir tal-volum baxx ħafna tal-GDP annwali meta paragunat mal-potenzjal tiegħu.

    3.   Il-Kummissjoni, meta tħejji rapport taħt l-Artikolu 104(3) tat-Trattat għandha tqis il-fatturi rilevanti kollha kif indikat f'dak l-Artikolu. Ir-rapport għandu jirrifletti b'mod xieraq l-iżviluppi fil-pożizzjoni ekonomika fil-perijodu medju (b'mod partikolari t-tkabbir potenzjali, il-kondizzjonijiet ċikliċi prevalenti, l-implimentazzjoni ta' linji politiċi fil-kuntest ta' l-aġenda ta' Lisbona u linji politiċi biex jiġu mrawma r-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni) u żviluppi fil-pożizzjoni ta' l-estimi fil-perijodu medju (b'mod partikolari, l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali fi ‘żminijiet tajbin’, is-sostenibbiltà tad-dejn, l-investiment pubbliku u l-kwalità globali tal-finanzi pubbliċi). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħti konsiderazzjoni debita lil kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat, huwa rilevanti sabiex issir valutazzjoni komprensiva f'termini kwalitattivi ta' l-eċċess 'il fuq mill-valur ta' referenza u li l-Istat Membru ippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Kunsill. F'dak il-kuntest, ser tingħata konsiderazzjoni speċjali lill-isforzi ta' l-estimi biex jiżdiedu jew jinżammu f'livell għoli l-kontributi finanzjarji biex titrawwem solidarjetà internazzjonali u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika Ewropea, notevolment l-unifikazzjoni ta' l-Ewropa jekk din għandha effett ħażin fuq it-tkabbir u l-piż fiskali ta' Stat Membru. Valutazzjoni globali bilanċjata għandha tinkludi dawn il-fatturi kollha.

    4.   Jekk il-kondizzjoni doppja tal-prinċipju globali — li, qabel ma jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti msemmija fil-paragrafu (3), id-defiċit ġenerali tal-gvern jibqa' viċin il-valur ta' referenza u l-eċċess tiegħu 'il fuq mill-valur ta' referenza huwa temporanju — tintlaħaq, dawn il-fatturi għandhom ukoll jiġu kkunsidrati fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv, prevista fil-paragrafi (4), (5) u (6) ta' l-Artikolu 104 tat-Trattat. Il-valutazzjoni globali bilanċjata li għandha ssir mill-Kunsill għandha tinkludi dawn il-fatturi kollha.

    5.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill, f'kull valutazzjoni ta' l-estimi fil-qafas tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, għandhom jikkunsidraw b'mod xieraq l-implimentazzjoni ta' riformi tal-pensjoni li jintroduċu sistema b'diversi pilastri li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat kollu kemm hu.

    6.   Jekk il-Kunsill iddeċieda, abbażi ta' l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu l-fatturi rilevanti msemmija fil-paragrafu (3) ukoll fil-passi proċedurali sussegwenti ta' l-Artikolu 104, inkluż kif speċifikat fl-Artikoli 3(5) u 5(2) ta' dan ir-Regolament. Madankollu dawk il-fatturi rilevanti m'għandhomx jiġu kkunsidrati għad-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(12) tat-Trattat dwar l-abbrogazzjoni tad-deċiżjonijiet kollha tiegħu jew xi wħud minnhom taħt il-paragrafi (6) sa (9) u (11) ta' l-Artikolu 104.

    7.   Fil-każ ta' Stati Membri fejn id-defiċit jaqbeż il-valur ta' referenza, filwaqt li jibqa' viċin tiegħu, u fejn dan l-eċċess jirrifletti l-implimentazzjoni ta' riforma tal-pensjoni li tintroduċi sistema b'diversi pilasti li tinkludi pilastru mandatorju ffinanzjat kollu kemm hu, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw l-ispiża tar-riforma għall-pilastru amministrat pubblikament meta jiġu vvalutati l-iżviluppi fiċ-ċifri tad-defiċit ta' l-EDP. Għal dak il-għan, għandha tingħata konsiderazzjoni għall-ispiża netta tar-riforma fuq bażi digressiva lineari għall-perijodu transitorju ta' ħames snin. Din l-ispiża netta għandha tiġi kkunsidrata ukoll għad-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(12) tat-Trattat dwar l-abrogazzjoni tad-deċiżjonijiet kollha tiegħu jew xi wħud minnhom taħt il-paragrafi (6) sa (9) u (11) ta' l-Artikolu 104, jekk id-defiċit naqas sostanzjalment u kontinwament u laħaq livell li huwa viċin għall-valur ta' referenza.”

    2)

    L-Artikolu 3 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat, bħala regola fi żmien erba' xhur tad-dati ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93. Meta jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu fl-istess ħin jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru konċernat skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat.”

    (b)

    Il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit bil-paragrafu li ġej:

    “4.   Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat għandha tistabbilixxi skadenza ta' sitt xhur l-aktar, għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi wkoll skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, li għandha titlesta fis-sena ta' wara li ġie identifikat sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali. Fir-rakkomandazzjoni, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jikseb titjib annwali minimu ta' mill-inqas 0,5 % tal-GDP bħala punt ta' referenza, fil-bilanċ nett aġġustat ċiklikament minn miżura ta' darba u miżuri temporanji, sabiex jiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fi żmien l-iskadenza stabbilita fir-rakkomandazzjoni.

    5.   Jekk ittieħdet azzjoni effettiva f'konformità ma' rakkomandazzjoni taħt l-Artikolu 104(7) u jseħħu avvenimenti ekonomiċi avversi mhux mistennija b'konsegwenzi sfavorevoli maġġuri wara l-adozzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni, il-Kunsill jista' jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta taħt l-Artikolu 104(7). Ir-rakkomandazzjoni riveduta, meta jitqiesu l-fatturi rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament, tista' testendi notevolment l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'sena. Il-Kunsill għandu jivvaluta l-eżistenza ta' avvenimenti ekonomiċi avversi b'konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern fl-isfond tal-previżjonijiet ekonomiċi fir-rakkomandazzjoni tiegħu.”

    3)

    L-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 5

    1.   Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill biex jagħti avviż lill-Istat Membru parteċipant ikkonċernat biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit skond l-Artikolu 104(9) tat-Trattat għandha tittieħed fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva skond l-Artikolu 104(8). Fl-avviż, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jikseb titjib annwali minimu ta' mill-inqas 0,5 % tal-GDP bħala punt ta' referenza, fil-bilanċ nett aġġustat ċiklikament minn miżura ta' darba u miżuri temporanji, sabiex jiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-avviż.

    2.   Jekk ittieħdet azzjoni effettiva f'konformità ma' avviż taħt l-Artikolu 104(9) tat-Trattat u jseħħu avvenimenti ekonomiċi avversi b'konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern wara l-adozzjoni ta' dak l-avviż, il-Kunsill jista' jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, biex jadotta avviż rivedut taħt l-Artikolu 104(9) tat-Trattat. L-avviż rivedut, meta jitqiesu l-fatturi rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament, jista' jestendi notevolment l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'sena. Il-Kunsill għandu jivvaluta l-eżistenza ta' avvenimenti ekonomiċi avversi mhux mistennija b'konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern paragrunata ma’ l-isfond tal-previżjonijiet ekonomiċi fl-avviż tiegħu.”

    4)

    Fl-Artikolu 6, it-tieni sentenza, il-kliem “xahrejn” għandhom jiġi sostitwit bil-kliem “erba' xhur”.

    5)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Jekk Stat Membru parteċipant jonqos milli jikkonformi mad-deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) u (9) tat-Trattat, id-deċiżjoni tal-Kunsill biex jiġu imposti sanzjonijiet, skond l-Artikolu 104(11), għandhom jittieħdu bħala regola, fi żmien sittax-il xahar mid-dati ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93. Fil-każ li jiġi applikat l-Artikolu 3(5) jew 5(2) ta' dan ir-Regolament, l-iskadenza ta' sittax-il xahar tiġi emendata skond il-każ. Għandha tintuża proċedura mħaffa fil-każ ta' defiċit ippjanat deliberatament li l-Kunsill jiddeċiedi li huwa eċċessiv.”

    6)

    L-Artikolu 9 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-perijodu li matulu l-proċedura tibqa' sospiża m'għandux jiġi inkluż, la fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 6 u lanqas fil-perijodu msemmi fl-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.”

    (b)

    Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 3(4) u wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill jekk hija tqis li l-miżuri meħudin huma biżżejjed biex jiġi żgurat progress adegwat lejn il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kunsill, dment li jiġu implimentati fis-sħiħ u li l-iżviluppi ekonomiċi huma konformi mal-previżjonijiet. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinħareġ għall-pubbliku.”

    7)

    Ir-referenzi għall-Artikolu 104c, 109e, 109f u 201 tat-Trattat għandhom jinbidlu fir-Regolament kollu b'referenzi għall-Artikoli 104, 116, 117 u 269, rispettivament. Ir-referenza għall-Artikolu D tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea hija mibdula b'referenza għall-Artikolu 4.

    8)

    L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 għandu jiġi sostitwit bl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 27 ta’ Ġunju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-C. JUNCKER


    (1)  ĠU C 144, 14.6.2005, p. 16.

    (2)  L-Opinjoni tad-9 ta' Ġunju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (4)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (5)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1.

    (6)  L-Anness 2 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta' Marzu 2005.

    (7)  ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 351/2002 (ĠU L 55, 26.2.2002, p. 23).


    ANNESS

    “ANNESS

    LIMITI TA' ŻMIEN APPLIKABBLI GĦAR-RENJU UNIT

    1.

    Sabiex ikun żgurat trattament ugwali għall-Istati Membri kollha, il-Kunsill, meta jieħu deċiżjonijiet fit-Taqsimiet 2, 3 u 4 ta' dan ir-Regolament, għandu jieħu konsiderazzjoni tas-sena ta' l-estimi differenti tar-Renju Unit, bil-ħsieb li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward tar-Renju Unit f'punt fis-sena ta' l-estimi tiegħu simili għal dik li fiha ttieħdu jew ser jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-każ ta' Stati Membri oħrajn.

    2.

    Id-dispożizzjonijiet speċifikati fil-Kolonna I għandhom jiġu sostitwiti bid-dispożizzjonijiet speċifikati fil-Kolonna II.

    Kolonna I

    Kolonna II

    ‘bħala regola, fi żmien erba' xhur mid-dati ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 4 (2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3605/93’

    (l-Artikolu 3(3))

    ‘bħala regola, fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tas-sena ta' l-estimi li fiha seħħ id-defiċit’

    ‘is-sena ta' wara l-identifikazzjoni tiegħu’

    (l-Artikolu 3(4))

    ‘is-sena ta' l-estimi li tiġi wara l-identifikazzjoni tiegħu’

    ‘bħala regola, fi żmien sittax-il xahar mid-dati ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93’

    (l-Artikolu 7)

    ‘bħala regola, fi żmien tmintax-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' l-estimi li fiha seħħ id-defiċit’

    ‘is-sena preċedenti’

    (l-Artikolu 12(1))

    ‘is-sena ta' l-estimi preċedenti’”


    Top