Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0145

    145/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 145/2005 tat- 28 ta’ Jannar 2005 li jimponi dazju provviżorju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU L 27, 29.1.2005, p. 4–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 80–99 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/145/oj

    15.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    80


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 145/2005

    tat-28 ta’ Jannar 2005

    li jimponi dazju provviżorju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku) u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-PROĊEDURA

    1.   IL-BIDU

    (1)

    Fit-30 t’April 2004, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż (l-avviż tal-bidu) ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (2), il-bidu ta’ proċedura ta’ anti-dumping rigward l-importazzjonijiet fil-Komunità tal-karbonat tal-barju li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-RPĊ jew il-pajjiż ikkonċernat).

    (2)

    Il-proċedura nbdiet minħabba ilment ippreżentat f’Marzu 2004 minn Solvay Barium Strontium GmbH (l-entità li għamlet l-ilment), l-uniku produttur tal-karbonat tal-barju fil-Komunità li jirrappreżenta 100 % mill-produzzjoni Komunitarja. L-ilment kien jinkludi evidenza ta’ dumping ta’ l-imsemmi prodott u ta’ dannu materjali li jirriżulta minnu, li tqieset biżżejjed sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċedura.

    2.   IL-PARTIJIET IKKONĊERNATI MILL-PROĊEDURA

    (3)

    Il-Kummissjoni uffiċjalment informat lill-entità li għamlet l-ilment, lill-produtturi li jesportaw, lill-importaturi, lill-fornituri u lill-utenti li kien magħruf li huma kkonċernati, u lir-rappreżentanti tar-RPĊ, bil-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati ngħataw opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu.

    (4)

    Il-produttur li għamel l-ilment, il-produtturi li jesportaw, l-importaturi, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet ta’ l-utenti esprimew l-opinjonijiet tagħhom. Il-partijiet interessati kollha, li talbu biex jinstemgħu u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ngħataw smigħ.

    (5)

    Sabiex il-produtturi li jesportaw fir-RPĊ jitħallew iressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (MET) jew trattament individwali (IT), jekk huma xtaqu dan, il-Kummissjoni bagħtet formoli ta’ talbiet għal MET u IT lill-kumpaniji Ċiniżi li kien magħruf li huma kkonċernati. Ħames kumpaniji talbu MET skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jew IT, jekk l-investigazzjoni tistabbilixxi li huma ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għal MET.

    (6)

    Fl-avviż tal-bidu, il-Kummissjoni indikat li minħabba n-numru kbir apparenti ta’ esportaturi/produtturi u ta’ importaturi, f’din l-investigazzjoni seta’ jiġi applikat it-teħid ta’ kampjuni. Madankollu, meta jitqies in-numru inqas milli mistenni ta’ produtturi li jesportaw fir-RPĊ u ta’ importaturi u ta’ utenti fil-Komunità, li indikaw li kienu lesti li jikkooperaw, kien deċiż li mhemmx għalfejn jittieħdu kampjuni.

    (7)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha li kien magħruf li huma kkonċernati u lill-kumpaniji l-oħra kollha li ppreżentaw irwieħhom fl-iskadenzi stabbiliti fl-avviż tal-bidu. Kienu riċevuti risposti mingħand il-produttur Komunitarju li għamel l-ilment, ħames importaturi mhux relatati, fornitur wieħed tal-materja prima, sitt utenti, assoċjazzjoni waħda ta’ l-utenti u ħames produtturi li jesportaw fir-RPĊ.

    (8)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa għal determinazzjoni provviżorja tad-dumping, tad-dannu li rriżulta u ta’ l-interess Komunitarju. Saru żjarat ta’ verifika fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Produttur Komunitarju:

    Solvay Barium Strontium GmbH, il-Ġermanja.

    (b)

    Produtturi li jesportaw fir-RPĊ:

    Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd,

    Zaozhuang Yongli Chemical Co.,

    Guizhou Hongkaj Chemical Co. Ltd u Hengyang Hong Xiang Co. Ltd relatata,

    Guizhou Red Star Developing Co.,

    Hebei Xinji Chemical Group Co. Ltd.

    (c)

    Importaturi mhux relatati:

    Kimpe Sarl, Franza,

    Norkem BV, l-Olanda.

    (d)

    Utenti Komunitarji:

    Ilpea SpA, l-Italja.

    (9)

    Minħabba l-ħtieġa li jkun stabbilit valur normali għall-produtturi li jesportaw fir-RPĊ li seta’ ma jingħatalhomx MET, saret żjara ta’ verifika sabiex ikun stabbilit il-valur normali fuq il-bażi tad-data minn pajjiż analogu fl-uffiċċji tal-kumpanija li ġejja:

    Chemical Products Corporation (CPC), Cartersville, produttur fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    3.   IL-PERJODU TA’ INVESTIGAZZJONI

    (10)

    L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2003 (IP). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu minn Jannar 2000 sa tmiem l-IP (il-perjodu meqjus).

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    1.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT

    (11)

    Il-prodott ikkonċernat huwa ċertu karbonat tal-barju b’kontenut ta’ stronzju ta’ aktar minn 0,07 % skond il-piż u b’kontenut ta’ kubrit ta’ aktar minn 0,0015 % skond il-piż, kemm jekk f’forma ta’ trab, f’forma pressata b’mod imrammel jew f’forma ridotta fi trab b’mod imrammel, li joriġina fir-RPĊ, li jaqa’ fil-kodiċi NM ex 2836 60 00.

    2.   IL-PRODOTT SIMILI

    (12)

    Ma nstabet l-ebda differenza bejn il-prodott ikkonċernat u l-karbonat tal-barjum prodott u mibjugħ fis-suq domestiku fir-RPĊ u fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika (USA), li għamluha ta’ pajjiż analogu sabiex ikun stabbilit il-valur normali rigward l-importazzjonijiet mir-RPĊ. Tabilħaqq, il-karbonat tal-barju prodott u mibjugħ fl-USA għandu l-istess karatteristiċi u użi fiżiċi u kimiċi bażiċi meta pparagunat ma’ dak esportat mir-RPĊ lejn il-Komunità. Barra minn hekk, ma nstabet l-ebda differenza bejn il-prodott ikkonċernat u l-karbonat tal-barju prodott mill-industrija Komunitarja u mibjugħ fis-suq Komunitarju. It-tnejn jikkondividu l-istess karatteristiċi u użi fiċiżi u kimiċi. Konsegwentement, il-karbonat tal-barju prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ u l-karbonat tal-barju prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu, kif ukoll il-karbonat tal-barju prodott u mibjugħ fil-Komunità mill-industrija Komunitarja għandu l-istess karatteristiċi u użi fiżiċi u kimiċi bażiċi. Għalhekk, ġie konkluż li t-tipi kollha ta’ karbonat tal-barju jitqiesu li huma simili fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    C.   ID-DUMPING

    1.   IT-TRATTAMENT TA’ EKONOMIJA TAS-SUQ

    (13)

    Fl-investigazzjonijiet ta’ anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali għandu jkun iddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 6 ta’ l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi li nstab li kienu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    (14)

    Fil-qosor, u għal faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji, li l-kumpaniji applikanti jridu juru li ġew sodisfatti, ġew stabbiliti f’forma mqassra hawn taħt:

    id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż tan-negozju jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-swieq, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat,

    ir-rekords kontabbli jiġu vverifikati b’mod indipendenti skond standards internazzjonali tal-kontabbiltà u jiġu applikati għall-finijiet kollha,

    mhemm l-ebda tgħawwiġ sinifikanti li nġarr mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq,

    iċ-ċertezza u l-istabbiltà legali ġew ipprovduti mil-liġijiet dwar il-fallimenti u l-proprjetà,

    il-kambji tal-muniti jitwettqu skond ir-rata tas-suq.

    (15)

    Ħames produtturi li jesportaw fir-RPĊ talbu MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u mlew il-formola ta’ talba għal MET għall-produtturi li jesportaw.

    (16)

    It-talba ta’ żewġ kumpaniji ġiet miċħuda fuq il-bażi ta’ l-ewwel analiżi tal-formola ta’ talba għal MET li naqset milli turi li l-kriterji kollha kienu sodisfatti. B’mod partikolari, dawn il-kumpaniji, li kienu għalkollox jew b’mod predominanti proprjetà ta’ l-Istat u kellhom bord tad-diretturi għalkollox jew b’mod predominanti magħmul minn diretturi nnominati mill-Istat, ma setgħux juru li ma kien hemm l-ebda interferenza sinifikanti min-naħa ta’ l-Istat fid-deċiżjonijiet tan-negozju tagħhom. Għat-tliet kumpaniji li baqa’, il-Kummissjoni fittxet u vverifikat fl-uffiċċji ta’ dawn il-kumpaniji l-informazzjoni kollha mressqa fl-applikazzjonijiet għal MET u li qieset li kienet meħtieġa.

    (17)

    L-investigazzjoni wriet li żewġ kumpaniji ssodisfaw il-kriterji kollha meħtieġa u għalhekk ingħataw MET. Il-prodotturi li jesportaw fir-RPĊ li ngħataw MET huma:

    Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd

    Zaozhuang Yongli Chemical Co.

    (18)

    It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor id-determinazzjoni għat-tliet kumpaniji li ma ngħatalhomx MET kontra kull wieħed mill-ħames kriterji kif ġew stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

    Kumpanija

    Kriterji

    Artikolu

    2(7)(c)

    inċiż 1

    Artikolu

    2(7)(c)

    inċiż 2

    Artikolu

    2(7)(c)

    inċiż 3

    Artikolu

    2(7)(c)

    inċiż 4

    Artikolu

    2(7)(c)

    inċiż 5

    1

    Mhux sodisfatti

     

     

     

     

    2

    Mhux sodisfatti

    Mhux sodisfatti

    Mhux sodisfatti

    Sodisfatti

    Sodisfatti

    3

    Mhux sodisfatti

     

     

     

     

    Sors: Ir-risposti għall-kwestjonarju li ġew ivverifikati ta’ l-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw.

    (19)

    Il-kumpaniji kkonċernati ngħataw opportunità li jikkummentaw dwar is-sejbiet li ssemmew aktar ’il fuq.

    (20)

    Safejn hija kkonċernata l-kumpanija 2, l-azzjonisti tal-kumpanija relatata tagħha ma setgħux jiġu identifikati u ma setax jiġi stabbilit fl-aħħar mill-aħħar min kien jikkontrolla l-kumpanija. Għalhekk ma setgħetx tiġi eskluża interferenza sinifikanti min-naħa ta’ l-Istat. Għalkemm, il-kumpanija kkontestat dan il-fatt, ma setgħet tipprovdi l-ebda informazzjoni jew evidenza li kienet turi li kienet prinċipalment ikkontrollata minn intraprendituri privati u kienet ħielsa minn interferenza sinifikanti min-naħa ta’ l-Istat. Għalhekk, kien konkluż li l-kriterji stabbiliti fl-inċiż 1 ta’ l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma kinux sodisfatti.

    (21)

    Għall-istess kumpanija, l-investigazzjoni żvelat defiċjenzi sinifikanti fil-kontabbilità vverifikata. B’hekk, l-awdituri tal-kumpanija stess kellhom xi riservi rigward, fost l-oħrajn, il-figuri tal-bejgħ imniżżla fil-kotba, il-valutazzjoni ta’ l-assi u d-deprezzament. Madankollu, ma saret l-ebda korrezzjoni sabiex ikunu rrettifikati n-nuqqasijiet identifikati mill-awdituri u l-kumpanija ma setgħet tagħti l-ebda spjegazzjoni għaliex s’issa ma tqisux ir-riservi li wrew l-awdituri. Meta jitqiesu dawn in-nuqqsijiet, ma kienx ikun possibbli li jsir kalkolu tad-dumping affidabbli fuq din il-bażi. Għalkemm il-kumpanija kkontestat dawn il-konlużjonijiet, hija ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni raġonevoli għaliex il-kontabbiltà tagħha hija affidabbli minkejja dawn in-nuqqasijiet. Minħabba l-elementi stabbiliti aktar ’il fuq li jixħtu dubju fuq l-affidabbiltà tal-kontabbiltà u minħabba li l-problemi identifikati mill-awdituri ma kinux korretti, qed jiġi konkluż li l-kriterju stabbilit fl-inċiż 2 ta’ l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma ġiex sodisfatt.

    (22)

    Fl-aħħarnett, safejn huwa kkonċernat l-akkwist ta’ l-assi tal-kumpanija 2, il-kumpanija ma setgħetx tispjega f’liema kundizzjonijiet uħud mill-assi tal-kumpanija kienu ttrasferiti mill-kumpanija eżistenti qabel li kienet proprjetà kollettiva. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-kundizzjonijiet ta’ l-inċiż 3 ta’ l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma kinux sodisfatti. Il-kumpanija 2 ma qablitx ma’ dawn il-konklużjonijiet, iżda ma pprovdiet l-ebda informazzjoni jew evidenza rigward it-trasferiment ta’ l-assi li kien juri li ma kien hemm l-ebda tgħawwiġ sinifikanti mir-reġim preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq. It-talba li saret mill-kumpanija 2 għalhekk ma kintx fondata u kienet miċħuda.

    (23)

    Ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv u l-partijiet direttament ikkonċernati kienu informati b’mod xieraq. L-industrija Komunitarja ngħatat l-opportunità li tikkummenta, u ma opponietx id-determinazzjoni ta’ l-MET.

    2.   IT-TRATTAMENT INDIVIDWALI (IT)

    (24)

    Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, għall-pajjiżi li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, jiġi stabbilit dazju mal-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, ħlief f’dawk il-każi fejn il-kumpaniji jistgħu juru, skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li (a) huma ħielsa li jibagħtu lura f’pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (b) il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ l-esportazzjoni tagħhom, kif ukoll il-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu ddeterminati bil-libertà kollha; (c) il-maġġoranza ta’ l-ishma huma ta' persuni privati. L-uffiċjali ta’ l-Istat fil-bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet ewlenin fit-tmexxija jew huma minoranza jew irid jintwera li l-kumpanija, minkejja kollox, hija biżżejjed indipendenti mill-interferenza ta’ l-Istat; (d) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jitwettqu skond rati tas-suq, u (e) kwalunkwe interferenza min-naħa ta’ l-Istat mhix tali li tippermetti l-elużjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi jingħataw rati differenti ta’ dazju.

    (25)

    It-tliet produtturi li jesportaw li ma ngħatalhomx MET talbu wkoll trattament individwali. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat jekk dawn it-tliet produtturi li jesportaw urewx li huma konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    (26)

    Instab li żewġ kumpaniji (kumpanija 1 u 3) kienu għalkollox jew b’mod predominanti proprjetà ta’ l-Istat u kellhom bord tad-diretturi li kien jikkonsisti b’mod sħiħ jew fl-intier tiegħu minn diretturi nnominati mill-Istat. Dawn il-kumpaniji ma setgħux juru li kienu biżżejjed indipendenti minn interferenza min-naħa ta’ l-Istat u konsegwentement ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku.

    (27)

    Għalkemm it-tielet produttur li jesporta (il-kumpanija 2) kien parzjalment proprjetà ta’ persuni privati, ma setax juri fl-aħħar mill-aħħar min kien jikkontrollah u għalhekk ma setgħetx tiġi eskluża interferenza sinifikanti min-naħa ta’ l-Istat. Konsegwentement, il-kumpanija ma setgħetx turi li kienet tissodisfa l-kriterju ta’ l-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku.

    (28)

    Barra minn hekk, għat-tliet kumpaniji kollha, instab li hemm riskju ta’ elużjoni tal-miżuri jekk dawn l-esportaturi jingħataw rata tad-dazju individwali. Dan ir-riskju jirriżulta parzjalment mill-influwenza min-naħa ta’ l-Istat li ssemmiet aktar ’il fuq f’ħidmet tnejn mill-kumpaniji, u l-fatt li lanqas l-esportatur l-ieħor ma seta’ juri n-nuqqas ta’ influwenza sinifikanti min-naħa ta’ l-Istat. Barra minn hekk, meta titqies in-natura ta’ kommodità tal-prodott ikkonċernat, li ma jistax jiġi identifikat bħala li ġie prodott minn produttur partikolari, ir-riskju ta’ elużjoni tal-miżuri permezz ta’ esportazzjoni permezz ta’ kumpanija b’dazju aktar baxx tqies ukoll li kien sinifikanti. Il-kumpaniji, għaldaqstant, ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 9(5)(e) tar-Regolament bażiku.

    (29)

    Konsegwentement, l-ebda wieħed mit-tliet produtturi li jesportaw ma ssodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Għalhekk kien konkluż li l-IT m’għandu jingħata lill-ebda wieħed mill-produtturi li jesportaw li lilhom ma ngħatax MET.

    3.   IL-VALUR NORMALI

    3.1.   Id-determinazzjoni ta’ valur normali għall-produtturi li jesportaw kollha li ma ngħatawx MET

    (a)   Il-pajjiż analogu

    (30)

    Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx MET irid jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet jew tal-valur mibni f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq (il-pajjiż analogu).

    (31)

    Fl-avviż tal-bidu, l-USA kienu previsti bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xieraq sabiex jiġi stabbilit valur normali għar-RPĊ. Il-partijiet interessati kienu mistiedna jikkummentaw dwar din l-għażla.

    (32)

    Tliet produtturi li jesportaw ikkontestaw din l-għażla fejn sostnew li l-livell ta’ żvilupp ekonomiku, il-proċess ta’ manifattura u l-aċċess għall-materja prima kienu differenti fl-USA u fir-RPĊ. Barra minn hekk, kien argumentat li l-livell ta’ kompetizzjoni fl-USA kien baxx meta jitqies li kien hemm biss produttur wieħed tal-karbonat tal-barju u li s-suq domestiku kien protett minn dazji ta’ anti-dumping. Il-Korea t’Isfel, ir-Russja u l-Indja kienu proposti bħala pajjiż analogi alternattivi.

    (33)

    Il-Kummissjoni fittxet kooperazzjoni minn pajjiżi analogi potenzjali oħrajn bħall-Indja, il-Ġappun u l-Brażil. Madankollu, l-ebda wieħed mill-produtturi f’dawn il-pajjiżi ma kien lest li jikkoopera.

    (34)

    Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Korea t’Isfel ma kinitx pajjiż analogu xieraq għaliex ma kellha l-ebda sors domestiku ta’ baritina, l-aktar materja prima importanti, u biss produzzjoni insinifikanti ta’ karbonat tal-barju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni warrbet lir-Russja bħala pajjiż analogu xieraq għaliex il-karbonat tal-barju prodott fir-Russja kien ta’ kwalità ferm aktar baxxa u għalhekk ma kienx paragunabbli mal-prodott magħmul fir-RPĊ u fil-Komunità. L-investigazzjoni żvelat ukoll li s-suq domestiku fil-Brażil kien żgħir u li l-livell ta’ protezzjoni kien ogħla milli fl-USA. Għalhekk, ma tqiesx li l-Brażil kien pajjiż analogu xieraq. Barra minn hekk, ma kienet disponibbli l-ebda evidenza li tindika li kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi proposti bħala pajjiż analogu alternattiv kien aktar adattat mill-USA.

    (35)

    Rigward l-USA, instab li l-volum tal-produzzjoni kien sostanzjali u rappreżentativ rigward l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-karbonat tal-barju.

    (36)

    Safejn huma kkonċernati l-livell ta’ żvilupp ekonomiku u l-proċessi differenti ta’ produzzjoni, tqies li tabilħaqq jista’ jkun hemm xi differenzi. L-USA hija ekonomija ferm industrijalizzata u l-produttur fl-USA kien juża metodu ta’ produzzjoni aktar avvanzat u aktar effiċjenti minn dak li kien jintuża fir-RPĊ. Madankollu, għandu jkun innotat li anki jekk dawn id-differenzi jaffetwaw il-valur normali, normalment għandhom jirriżulta f’valur normali aktar baxx fl-USA u b’hekk ikunu ta’ vantaġġ għall-produtturi li jesportaw Ċiniżi. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, jekk ikun hemm għalfejn, jista’ jsir aġġustament xieraq. Ikun xi jkun il-każ, għalkemm varjazzjonijiet lokali fil-proċessi ta’ produzzjoni ma jistgħux jiġu esklużi, ma ntweriex li fi kwalunkwe pajjiż partikolari għajr l-USA il-proċess ta’ produzzjoni ikun aktar paragunabbli ma’ dak li jintuża fir-RPĊ.

    (37)

    Rigward il-kompetizzjoni fis-suq domestiku ta’ l-USA, il-produttur ta’ l-USA kien suġġett għal kompetizzjoni minn importazzjonijiet mir-RPĊ, mill-Ġermanja u mill-Messiku. L-importazzjonijiet ta’ dawn il-pajjiżi kienu jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 30 % tas-suq, li kien meqjus bħala ammont sostanzjali. Għaldaqstant kien konkluż li fl-USA kien hemm livell ġust ta’ kompetizzjoni.

    (38)

    Safejn huwa kkonċernat l-aċċess għall-materja prima, instab li l-USA, flimkien mar-RPĊ, kienu wieħed mill-akbar produtturi tal-baritina u kellhom riservi sostanzjali tal-baritina. Għalhekk kien konkluż li l-aċċess għall-materja prima f’termini ta’ disponibbiltà kien paragunabbli fl-USA u fir-RPĊ.

    (39)

    Minħabba dak li ntqal aktar ’il fuq, kien provviżorjament konkluż li l-Istati Uniti jikkostitwixxu pajjiż analogu xieraq skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

    (b)   Id-determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu

    (40)

    Skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ma ngħatawx MET kien stabbilit fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni vverifikata riċevuta mill-produttur fil-pajjiż analogu rigward l-ispejjeż domestiċi u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq ta’ l-USA għal tipi paragunabbli ta’ prodott.

    (41)

    Il-valur normali kien stabbilit billi intużat il-metodoloġija deskritta fil-qosor fil-premessi 43 sa 47 u 53 sa 59. Il-bejgħ domestiku fl-USA kien rappreżentattiv, għalkemm ċerti tipi ta’ prodott ma kinux jinbiegħu fl-andament ordinarju tal-kummerċ, jigifieri nbiegħu b’telf. Għal dawn it-tipi ta’ prodott, il-valur normali kien mibni skond l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku, billi ġie miżjud ammont raġonevoli ta’ spejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u ammont raġonevoli ta’ marġni ta’ profitt ma’ l-ispiża tal-manifattura. Peress li l-bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat kien rappreżentattiv, l-SG&A tal-kumpanija tqies li kienu afiddabbli u ntużaw. Safejn huwa kkonċernat il-marġni ta’ profitt, il-marġni ta’ profitt tal-kumpanija stess irrealizzat għall-bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat ma setax jintuża għaliex, globalment, dan il-bejgħ sar b’telf. Peress li ma kkoopera l-ebda produttur ieħor fl-USA, il-Kummissjoni użat il-marġni ta’ profitt applikabbli għall-produzzjoni u għall-bejgħ ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti skond l-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament bażiku.

    (42)

    Għat-tipi l-oħra kollha ta’ prodott, il-valur normali kien stabbilit bħala l-prezz medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-bejgħ domestiku lil klijenti mhux relatati mill-produttur li kkoopera fl-USA, aġġustat kif ġie deskritt aktar ’l isfel.

    3.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi li jesportaw li ngħataw MET

    (43)

    Safejn hija kkonċernata d-determinazzjoni tal-valur normali, għal kull produttur li jesporta li jikkoopera, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet jekk il-bejgħ domestiku totali tal-karbonat tal-barju tiegħu kienx rappreżentattiv meta pparagunat mal-bejgħ totali mill-esportazzjoni lejn il-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku tqies li kien rappreżentattiv meta l-volum totali ta’ tali bejgħ kien jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum tal-bejgħ totali mill-esportazzjoni tal-produttur lejn il-Komunità. Fuq din il-bażi, għaż-żewġ produtturi li jesportaw, il-bejgħ domestiku globali tal-prodott ikkonċernat matul l-IP sar fi kwantitajiet rappreżentattivi.

    (44)

    Sussegwentement, il-Kummissjoni identifikat dawk it-tipi tal-prodott ikkonċernat mibjugħa f’ambitu domestiku li kienu identiċi jew direttament paragunabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

    (45)

    Għal kull tip mibjugħ mill-produtturi li jesportaw fis-swieq domestiċi tagħhom u li nstab li kien direttament paragunabbli mat-tip ta’ karbonat tal-barju mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità, kien stabbilit jekk il-bejgħ domestiku kienx biżżejjed rappreżentattiv għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip partikolari ta’ karbonat tal-barju tqies li kien biżżejjed rappreżentattiv meta l-volum tal-bejgħ domestiku totali ta’ dak it-tip matul l-IP kien jirrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum tal-bejgħ totali tat-tip paragunabbli tal-karbonat tal-barju esportat lejn il-Komunità. Minħabba din l-analiżi, it-tipi kollha tal-prodott ħlief wieħed inbiegħu fi kwantitajiet rappreżentattivi.

    (46)

    Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ karbonat tal-barju, mibjugħ f’ambitu domestiku fi kwantitajiet rappreżentattivi, setax jitqies bħala li sar fl-andament ordinarju tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi jiġi stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti tat-tip ta’ karbonat tal-barju in kwistjoni.

    (47)

    It-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku tqies li kienu profittabbli fejn il-prezz ta’ unità ta’ tip ta’ prodott speċifiku kien daqs jew aktar mill-ispiża tal-produzzjoni. L-ispiża tal-produzzjoni għal kull tip ta’ prodott mibjugħ fis-suq domestiku matul l-IP għalhekk kienet iddeterminata.

    (48)

    Produttur li jesporta wieħed talab aġġustament għall-ispejjeż tal-bidu fuq il-bażi li l-produzzjoni b’rati normali ta’ l-użu tal-kapaċità bdew biss wara li beda l-IP. Il-kumpanija bdiet tipproduċi l-karbonat tal-barju biss ftit qabel ma beda l-IP. Il-kumpanija argumentat li wara li xtrat il-linji ta’ produzzjoni tagħha, hija investit ammonti sostanzjali f’tiswijiet qabel il-produzzjoni bħala test u fl-aħħar bdiet il-produzzjoni normali. Ġie sostnut li l-fażi medja tal-bidu għaż-żewġ linji ta’ produzzjoni kienet ta’ 11-il xahar u li l-produzzjoni normali kellha tibda tmien xhur wara l-bidu ta’ l-IP.

    (49)

    B’kuntrast għal dak li ġie sostnut minn dan il-produttur li jesporta, instab li l-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ ta’ kull xahar kienu fuq l-istess livell matul l-IP kollu u f’uħud mill-każi saħansitra qabżu l-volumi ta’ kull xahar prodotti u mibjugħa fil-perjodu fejn allegatament intlaħqu rati normali ta’ l-użu tal-kapaċità. Il-volumi tal-bejgħ sostanzjali matul l-IP kollu ma kinux jindikaw bejgħ minn sempliċi produzzjoni bħal test. Konsegwentement, ġie konkluż li l-kumpanija pproduċiet b’rati normali ta’ l-użu tal-kapaċità matul l-IP kollu. Barra minn hekk, il-kumpanija ma wrietx li matul l-allegata fażi tal-bidu, l-ispejjeż ta’ l-unitajiet ta’ produzzjoni kienu ogħla milli fil-perjodu fejn allegament intlaħqu rati normali ta’ l-użu tal-kapaċità. Ikun xi jkun il-każ, anki jekk l-ispejjeż kienu jkunu ogħla, dan ma kienx ikun konsegwenza ta’ volumi ta’ produzzjoni aktar baxxi kif jintwera biċ-ċar aktar ’il fuq. Konsegwentement, ġie konkluż li t-talba għal aġġustament rigward l-ispejjeż tal-bidu kienet kontradittorja u ma kienet ikkonfermata mill-ebda evidenza u għalhekk ġiet miċħuda.

    (50)

    L-istess produttur sostna li l-metodu ta’ deprezzament li ntuża mill-kumpanija għal “investimenti fuq assi fissi” ma kienx raġonevolment jirrifletti l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. L-investimenti li saru kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż inizjali tat-tiswija tal-linji ta’ produzzjoni wara li ġew akkwistati u kienu spjegati f’sena finanzjarja waħda, meta jitqies li l-kumpanija qieset li l-ħajja utli ta’ l-assi msewwija kellha tkun ta’ inqas minn sena. Il-kumpanija stenniet li mbagħad wara dan il-perjodu tagħmel aktar investimenti. Meta jitqies, madankollu, li ma kienet meħtieġa l-ebda tiswija ulterjuri fil-linji ta’ produzzjoni, il-ħajja effettiva ta’ l-investimenti kienet itwal milli oriġinarjament kien mistenni. Il-kumpanija sostniet li l-perjodu ta’ deprezzament b’hekk għandu jkun adattat skond ir-realtà ekonomika u li l-ispejjeż kif imniżżla fil-kotba tal-kontabbiltà għandhom jiġu aġġustati b’mod xieraq skond l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku.

    (51)

    Rigward id-dikjarazzjoni t’aktar ’il fuq, qed jitqies li spejjeż tat-tiswija ogħla min-normal fl-ewwel sena tas-sjieda ta’ tagħmir użat mhumiex rari u li tali spejjeż ogħla jitniżżlu fil-kotba tal-kontabbiltà fl-ewwel sena jikkorrispondi għal prassi normali tal-kontabbiltà. Il-metodoloġija magħżula mill-kumpanija għalhekk ma kinitx irraġonevoli, imma kienet tikkorrispondi għal prattika normali. Il-fatt li wara ma saret l-ebda spiża ulterjuri għal tiswijiet ma jiġġustifikax devjazzjoni mill-prattika normali tal-kontabbiltà. It-talba tal-kumpanija sabiex l-ispejjeż ikunu aġġustati f’dan ir-rigward għalhekk ma kinitx iġġustifikata u kienet miċħuda.

    (52)

    Il-produttur li jesporta l-ieħor sostna li l-valur ta’ prodott sekondarju (il-kubrit) għandu jitnaqqas mill-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Il-kubrit jiġi pproċċessat ulterjorment minn gass (H2S) li jiġi rilaxxat awtomatikament meta jkun prodott il-karbonat tal-barju. Madankollu, il-kumpanija ma kellha l-ebda mezz tekniku sabiex tkejjel il-kwantità ta’ gass użat fil-produzzjoni tal-kubrit u għalhekk ma setgħetx tikkwantifika t-talba tagħha. Barra minn hekk, fis-sistema tal-kontabbiltà tal-kumpanija, il-kubrit u l-prodott ikkonċernat kienu ttrattati bħala żewġ prodotti separati u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-karbonat tal-barju kienu stabbiliti mingħajr ma tqies il-valur tal-kubrit. Fuq din il-bażi, it-talba kienet provviżorjament miċħuda.

    (53)

    Kif issemma fil-premessa 46, kien stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ profittabbli lil klijenti indipendenti fis-suq domestiku tat-tip ta’ prodott in kwistjoni. F’każi fejn il-volum tal-bejgħ tat-tip ta’ karbonat tal-barju, mibjugħ bi prezz nett tal-bejgħ daqs jew aktar mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, kien jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) ta’ dak it-tip kien daqs jew aktar mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala l-medja mkejla (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip li sar matul l-IP, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ kienx profittabbli jew le. F’każi fejn il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip ta’ karbonat tal-barju kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, ikkalkulat bħala l-medja mkejla (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-bejgħ profittabbli ta’ dak it-tip biss, sakemm dan il-bejgħ kien jirrapreżenta 10 % jew aktar tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip.

    (54)

    F’każi fejn il-volum tal-bejgħ profittabbli ta’ kwalunkwe tip ta’ prodott kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, tqies li dan it-tip partikolari ma nbiegħx fi kwantitajiet biżżejjed biex il-prezz domestiku jipprovdi bażi xierqa ħalli jkun stabbilit il-valur normali.

    (55)

    B’riżultat ta’ l-analiżi t’aktar ’il fuq, instab li t-tipi kollha tal-prodott, ħlief wieħed, inbiegħu fl-andament ordinarju tal-kummerċ minħabba l-prezz.

    (56)

    Għat-tipi kollha ta’ prodott li jew ma nbiegħux fi kwantitajiet rappreżentattivi jew li ma nbiegħux fl-andament ordinarju tal-kummerċ minħabba l-prezz, il-prezzijiet domestiċi tal-produttur li jesporta in kwistjoni ma setgħux jintużaw sabiex ikun stabbilit il-valur normali u kellu jiġi applikat metodu ieħor.

    (57)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat valur normali mibni, skond l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku.

    (58)

    Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien mibni fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-manifattur ta’ kull produttur li jesporta flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u għall-profitt.

    (59)

    Peress li l-SG&A u l-profitt irrealizzat minn kull wieħed mill-produttur li jesportaw ikkonċernati fis-suq domestiku kienu jikkostitwixxu data affidabbli fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-SG&A u l-profitt tal-produttur li jesporta intużaw fil-każi kollha fejn il-valur normali kien mibni.

    4.   IL-PREZZIJIET TA’ L-ESPORTAZZJONI

    (60)

    Għall-produtturi li jesportaw u li kkooperaw Ċiniżi kollha li ngħataw MET, il-bejgħ mill-esportazzjoni kien iddeterminat fuq bażi ta’ kumpanija individwali. Il-bejgħ mill-esportazzjoni kollu lejn il-Komunità tal-produtturi li jesportaw ikkonċernati sar direttament lil klijenti indipendenti fil-Komunità u għalhekk, il-prezz ta’ l-esportazzjoni kien stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezzijiet effettivament imħallsa jew li jistgħu jitħallsu.

    5.   IL-PARAGUN

    (61)

    Il-valur normali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni kienu pparagunati fuq bażi ex-fabbrika fuq l-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex ikun żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffetwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Ingħataw aġġustamenti xierqa fil-każi kollha fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u sostnuti minn evidenza vverifikata.

    (62)

    Fuq din il-bażi, saru konċessjonijiet għad-differenzi fl-ispejjeż ta’ l-ippakkjar, fl-ispiża tal-kreditu, fl-iskonti u fir-ribassi, fil-kummissjonijiet, fil-ġarr intern tal-merkanzija, fl-assigurazzjoni, fl-immaniġġjar, fis-servizzi ta’ wara l-bejgħ u fil-livell tal-kummerċ. Safejn għandhom x’jaqsmu l-ispejjeż bankarji, sar aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

    (63)

    Safejn huwa kkonċernat il-livell tal-kummerċ, instab li l-maġġoranza tal-bejgħ domestiku fl-USA sar lil utenti aħħarija, filwaqt li l-bejgħ mill-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ sar esklussivament lid-distributuri. L-aġġustament kien ikkalkulat fuq il-bażi tad-differenza medja fil-prezzijiet tal-bejgħ lill-utenti aħħarija u tal-bejgħ lid-distributuri fis-suq domestiku ta’ l-USA skond l-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku.

    (64)

    Instab ukoll li fir-RPĊ kienu aċċessibbli kwantitajiet kbar tal-materja prima ewlenija, il-baritina, mingħajr l-ebda proċess speċifiku ta’ tħaffir fil-minjieri filwaqt li fl-USA l-baritina kienet tinsab fil-minjieri jew fis-superfiċje jew taħt l-art. Barra minn hekk, il-materja prima fiċ-Ċina tiġi ttrasportata lejn fabbriki fil-qrib li prattikament ma jinvolvi l-ebda spiża għat-trasport, filwaqt li fl-USA l-ispiża biex il-baritina tiġi ttrasportata mill-minjieri lejn il-fabbriki kienet sostanzjali.

    (65)

    Għalhekk tqies li aġġustamenti xierqa għall-valur normali fl-USA kienu ġġustifikati sabiex il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-karbonat tal-barju fl-USA jinġiebu għal livell paragunabli ma’ dawk fir-RPĊ. Għalhekk, il-valur normali kien aġġustat billi tqiesu d-differenzi ewlenin fil-kundizzjonijiet tal-produzzjoni, jiġifieri d-differenzi fl-ispejjeż għall-produzzjoni u għat-trasport tal-materja prima ewlenija, il-baritina.

    (66)

    Fl-aħħarnett, instab li fl-USA ntefqu spejjeż ambjentali sostanzjali, filwaqt li fir-RPĊ ma kienx hemm tali spejjeż. Għalhekk, il-valur normali kien aġġustat b’mod xieraq.

    6.   IL-MARĠNI TAD-DUMPING

    6.1.   Għall-produtturi li jesportaw li kkooperaw li ngħataw MET

    (67)

    Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping għal kull produttur li jesporta kien stabbilit fuq il-bażi ta’ pargun bejn il-valur normali medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) u l-prezz ta’ l-esportazzjoni medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal kull tip ta’ prodott, kif ġie ddeterminat aktar ’il fuq.

    (68)

    Il-marġnijiet provviżorji tad-dumping għall-produtturi li jesportaw li kkooperaw li ngħatalhom MET, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF nett ħieles fuq il-fruntiera, qabel id-dazju, huma:

    Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd

    11,2  %

    Zaozhuang Yongli Chemical

    24,4  %.

    6.2.   Għall-produtturi li jesportaw l-oħra kollha

    (69)

    Sabiex ikun ikkalkulat il-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu applikabbli għall-esportaturi l-oħra kollha fir-RPĊ, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet il-livell ta’ kooperazzjoni. Sar paragun bejn l-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fir-RPĊ, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ l-Eurostat, u r-risposti effettivi għall-kwestjonarju riċevuti mingħand l-esportaturi fir-RPĊ li ma ngħatalhomx MET. Fuq din il-bażi, kien stabbilit li l-livell ta’ kooperazzjoni kien qrib il-100 %.

    (70)

    Il-marġni tad-dumping għall-esportaturi li kkooperaw li ma ngħatalhomx MET li baqa’ konsegwentement kien ikkalkulat billi l-valur normali medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għall-pajjiż analogu kien ipparagunat mal-prezz ta’ l-esportazzjoni medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) irrapportat mill-esportaturi li kkooperaw sabiex wieħed jasal għal marġni tad-dumping medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għall-esportaturi li kkooperaw li baqa’.

    (71)

    Fuq din il-bażi, il-livell tad-dumping għall-pajjiż kollu kien provviżorjament stabbilit fuq livell ta’ 34,0 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera Komunitarja.

    D.   ID-DANNU

    1.   ID-DEFINIZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

    (72)

    L-uniku produttur Komunitarju li kkoopera kien responsabbli għal 100 % mill-produzzjoni Komunitarja tal-karbonat tal-barju matul l-IP. Għalhekk jitqies li jikkostitwixxi l-industrija Komunitarja fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(1) u ta’ l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

    (73)

    Peress li l-industrija Komunitarja b’hekk hija kkostitwita minn produttur wieħed biss, il-figuri kollha relatati ma’ ta’ l-aħħar kellhom jiġu indiċjati għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

    2.   IL-KONSUM KOMUNITARJU

    (74)

    Il-konsum Komunitarju kien stabbilit fuq il-bażi tal-volumi tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fuq is-suq Komunitarju flimkien ma’ l-importazzjonijiet mir-RPĊ u minn pajjiżi terzi oħra, fuq il-bażi ta’ l-Eurostat. Bejn l-2000 u l-2002, il-konsum Komunitarju tal-karbonat tal-barju naqas b’10 % minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli b’mod ġenerali. Wara, irkupra għal-livell ta’ l-2000, filwaqt li l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu, kif jidher fit-tabella t’hawn taħt.

     

    2000

    2001

    2002

    IP

    Il-konsum Komunitarju

    (tunnellata metrika)

    137 742

    130 243

    124 568

    136 722

    3.   L-IMPORTAZZJONIJIET MILL-PAJJIŻ IKKONĊERNAT

    (a)   Il-volum u s-sehem mis-suq

    (75)

    Il-volum ta’ l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju mir-RPĊ fil-Komunità żdied minn 54 167 tunnellata metrika fl-2000 għal 63 742 tunnellata metrika fl-IP, jiġifieri bi 18 % tul il-perjodu meqjus. Għandu jiġi nnotat li fl-2002 l-importazzjonijiet naqsu għal 48 900 tunnellata metrika, qabel ma rkupraw malajr fl-IP.

    (76)

    Fl-2000, is-sehem mis-suq korrispondenti kien ta’ madwar 40 % u tul il-perjodu meqjus żdied bi 19 %, prinċipalment minħabba ż-żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet mir-RPĊ fl-2003.

    (b)   Il-prezzijiet

    (77)

    Il-prezzijiet medji għall-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b’mod kostanti minn EUR 253/tunnellata metrika fl-2000 għal EUR 186/tunnellata metrika waqt l-IP.

    (c)   It-traħħis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali (price undercutting)

    (78)

    Sabiex ikun analizzat it-traħħis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali, il-prezzijiet tal-bejgħ medji u mkejla (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal kull tip ta’ prodott ta’ l-industrija Komunitarja lil klijenti mhux relatati fis-suq Komunitarju, aġġustati għal bażi barra mill-fabbrika, kienu pparagunati mal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni medji u mkejla (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) korrispondenti ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati, stabbiliti fuq bażi CIF b’aġġustament xieraq għad-dazji doganli u għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni. Il-paragun sar wara t-tnaqqis tar-ribassi u ta’ l-iskonti.

    (79)

    B’differenza għall-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-industrija Komunitarja tiggarantixxi prodott stabbli skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-klijenti b’dejjem eżattament l-istess impuritajiet u toffri servizzi lil klijent bħala analiżi fil-laboratorji. Il-valur tas-suq ta’ dawn is-servizzi tqies fil-paragun tal-prezzijiet billi sar aġġustament ta’ 25 % għall-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni riċevuta mill-industrija Komunitarja.

    (80)

    Diversi importaturi u utenti sostnew li l-industrija Komunitarja titlob prezzijiet ogħla minħabba r-reattività akbar tal-prodott tagħha. Dan l-argument kellu jiġi miċħud peress li l-esportaturi tar-RPĊ jistgħu jipprovdu prodotti ekwivalenti għal kull grad prodott mill-industrija Komunitarja minħabba l-progress tekniku li sar f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, l-aktar grad reattiv tal-karbonat tal-barju jammonta għal inqas minn 5 % tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja. Għalhekk, tqies li ma kienx hemm għalfejn isir aġġustament għad-differenzi fir-reattività.

    (81)

    Il-paragun wera li, matul l-IP, il-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ inbiegħ fil-Komunità bi prezzijiet li huma irħas mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja bi 28 % sa 31 %, meta espressi bħala perċentwal tal-prezzijiet ta’ l-aħħar.

    4.   IS-SITWAZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

    (82)

    Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċijiet rilevanti kollha li għandhom influwenza fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja.

    (83)

    Kien analizzat jekk l-industrija Komunitarja għadiex fil-proċess li tirkupra mill-effetti tas-sussidji jew tad-dumping ta’ l-imgħoddi, imma ma nstabet l-ebda evidenza li dan għandu jkun il-każ.

    (a)   Il-produzzjoni

    (84)

    Il-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja naqset bi 13 % tul il-perjodu meqjus. Bejn l-2000 u l-2001, il-produzzjoni baqgħet stabbli u sussegwentement naqset.

    (b)   Il-kapaċità u l-użu tal-kapaċità

    (85)

    Tul il-perjodu meqjus, l-użu tal-kapaċità naqas b’14 %. Dan mhux spjegat minn żieda żgħira ta’ 2 % fil-kapaċità totali tal-produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ta’ bejn l-2001 u l-2002 tul il-perjodu meqjus.

    (c)   Il-bejgħ, il-prezzijiet u s-sehem mis-suq

    (86)

    Il-volum tal-bejgħ lil partijiet mhux relatati fil-Komunità naqas bi 17 % mill-2000 sa l-IP (il-bejgħ lil klijenti mhux relatati kien jikkonsisti f’inqas minn 1 % tal-volum tal-bejgħ totali), biex b’hekk is-sehem mis-sehem tnaqqas bejn 55 % u 60 % bejn 45 % u 50 %. Peress li l-prezz medju għal kull tunnellata metrika naqas b’ 7 %, il-fatturat niżel bi 23 %.

    (d)   L-inventarji

    (87)

    Bejn l-2000 u l-2001, il-ħażniet tal-prodotti lesti kważi ttriplaw. Dawn tnaqqsu konsiderevolment tul is-sentejn segwenti u matul l-IP kienu jammontaw għal kważi d-doppju ta’ l-2000.

    (e)   L-impjiegi, il-produttività u l-pagi

    (88)

    Tul il-perjodu meqjus, l-impjiegi fl-industrija Komunitarja naqsu b’10 %. Matul l-istess żmien, il-pagi żdiedu gradwalment b’10 %; ikkalkulat fuq il-bażi tat-tunnellati metriċi prodotti għal kull impjegat l-ewwel żdiedu bi 3 % bejn l-2000 u l-2002 u sussegwementement niżlu bi kważi 6 %.

    (f)   It-tkabbir

    (89)

    Filwaqt li bejn l-2000 u l-IP il-konsum Komunitarju baqa’ bażikament stabbli, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja naqas bi 17 %. Min-naħa l-oħra, il-volum ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati tela’ bi 18 %. It-tendenza kienet saħansitra aktar evidenti bejn l-2002 u l-IP, bil-konsum Komunitarju jitla’ b’madwar 10 %, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja jaqa’ b’aktar minn 10 % u l-importazzjonijiet mir-RPĊ jitilgħu b’aktar minn 30 %. B’hekk, il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja niżel minkejja domanda dejjem akbar fil-perjodu bejn l-2002 u l-IP. Konsegwentement, is-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja niżel bi kważi 9 punti perċentwali, l-aktar minħabba l-importazzjonijiet mir-RPĊ. B’kuntrast, bejn l-2002 u l-IP, is-sehem mis-suq Ċiniż żdied b’aktar minn 7 punti perċentwali.

    (g)   L-investiment

    (90)

    Bejn l-2000 u l-2001, l-investimenti aktar minn irduppjaw. Fl-2002, baqgħu stabbli qabel ma fl-2003 irritornaw għal-livell ta’ l-2000. L-investimenti saru prinċiplament għall-protezzjoni ambjentali u għall-manutenzjoni.

    (h)   Il-profittabbiltà, il-qligħ fuq l-investiment, il-likwidità u l-ħila li jinġabar kapital

    (91)

    Tul il-perjodu kollu meqjus, il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja tal-prodott simili ma kienx profittabbli. Filwaqt li l-industrija Komunitarja fl-2000 kienet kważi wasslet f’livell fejn la tagħmel telf u lanqas profitt, is-sitwazzjoni ddeterjorat u l-bejgħ xejn ma kien profittabbli matul l-IP (aktar minn – 10 %).

    (92)

    Il-qligħ fuq l-investiment, espress bħala profitti/telf b’relazzjoni għall-valur nett kontabbli ta’ l-assi kien ukoll negattiv tul il-perjodu kollu meqjus u ddeterjora sena wara sena. Fl-IP, il-qligħ fuq l-investiment kien ta’ bejn – 25 % u – 20 %.

    (93)

    Bejn l-2000 u l-IP, il-likwidità ġġenerata mill-prodotti magħmula u mibjugħa fil-Komunità naqset f’daqqa. Filwaqt li kienet għadha ferm pożittiva fl-2000, saret negattiva fl-2001 u niżlet matul is-sentejn segwenti fejn kienet tammonta għal aktar minn — EUR 1 000 000 matul l-IP.

    (94)

    Peress li l-investimenti kienu ferm baxxi, ma nstabx li l-industrija Komunitarja kienet qed tesperjenza diffikultajiet fil-ħila tagħha li tiġbor il-kapital jew fil-forma ta’ self mill-banek jew bħala ishma mill-kumpanija ġenitur.

    (i)   Id-daqs tal-marġni tad-dumping

    (95)

    Meta jitqiesu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping mill-pajjiż ikkonċernat, l-impatt tal-marġnijiet effettivi tad-dumping ma jistax jitqies li kien negliġibbli.

    5.   KONKLUŻJONI DWAR ID-DANNU

    (96)

    L-eżami tal-fatturi li ssemmew aktar ’il fuq juri li bejn l-2000 u l-IP, is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ddeterjorat konsiderevolment. Tul il-perjodu meqjus, il-volum tal-bejgħ niżel bi 17 % fejn irriżulta f’telf sinifikanti fis-sehem mis-suq. Il-prezzijiet medji niżlu u konsegwentement il-fatturat naqas b’mod saħansitra aktar sinifikanti. Il-volum tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità segwew l-istess tendenza. Minħabba dawn l-iżviluppi negattivi, tul il-perjodu meqjus, il-profittabbiltà, il-qligħ fuq l-investiment u l-likwidità ddeterjoraw konsiderevolment.

    (97)

    B’hekk instab li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja ddeterjorat sa tali punt li qed jiġi pprovviżorjament konkluż li l-industrija Komunitarja batiet minn dannu materjali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(1) u 3(5) tar-Regolament bażiku.

    E.   IL-KAWŻALITÀ

    1.   INTRODUZZJONI

    (98)

    Skond l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping tal-karbonat tal-barju li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu lill-industrija Komunitarja sa punt li jista’ jiġi kklassifikat bħala materjali. Skond l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, kienu eżaminat wkoll fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, li fl-istess ħin setgħu kienu qed jagħmlu dannu lill-industrija Komunitarja, sabiex ikun żgurat li d-dannu possibbli kkważat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping.

    2.   L-EFFETT TA’ L-IMPORTAZZJONIJIET SUĠĠETTI GĦAL DUMPING

    (99)

    Tul il-perjodu meqjus, l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod sinifikanti f’termini ta’ volum (minn 54 167 tunnellata metrika għal 63 742 tunnellata metrika) u ta’ sehem mis-suq (b’aktar minn 7 punti perċentwali). L-aktar żieda importanti fil-volumi ta’ l-importazzjoni saret matul l-IP (żieda bi 30,4 % meta pparagunata ma’ l-2002), filwaqt li tul il-perjodu meqjus kollu l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni naqsu.

    (100)

    Dan kien jikkoniċidi ma’ tnaqqis fil-bejgħ u telf konsegwenti fis-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja ta’ kważi 9 punti perċentwali u bi tnaqqis fil-prezzijiet medji tal-bejgħ. L-industrija Komunitarja kellha tbaxxi l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha peress li, matul l-IP, l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping mir-RPĊ kienu ferm irħas. Minħabba l-prezzijiet baxxi tal-bejgħ, l-industrija Komunitarja ma setgħetx tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni u għalhekk ma kinitx profittabbli.

    3.   L-EFFETT TA’ FATTURI OĦRA

    (a)   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    (101)

    Tul il-perjodu meqjus, il-volum ta’ l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju minn pajjiżi terzi żdied minn 6 500 tunnellata metrika għal 8 700 tunnellata metrika, li, matul l-IP, jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ inqas minn 10 %. Il-pajjiżi terżi ewlenin l-oħra li jesportaw il-karbonat tal-barju lejn il-Komunità kienu l-Brażil u r-Russja.

    (102)

    Matul l-IP, il-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet mir-Russja kien jammonta għal EUR 278/tunnellata metrika. Dan ifisser li l-prodotti Russi kienu konsiderevolment aktar għaljin mill-importazzjonijiet mir-RPĊ u biss ftit irħas mill-prodotti mibjugħa mill-industrija Komunitarja. Skond l-importaturi u l-utenti, il-kwalità tal-karbonat tal-barju importat mir-Russja hija aktar baxxa mill-kwalità kemm tal-prodott ikkonċernat importat mir-RPĊ kif ukoll tal-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja. Minħabba l-fatt li l-karbonat tal-barju mir-Russja huwa ta’ kwalità aktar baxxa imma aktar għali mill-importazzjonijiet mir-RPĊ, dan mhux kompetittiv fis-suq Komunitarju. Meta pparagunat mal-prodott mibjugħ mill-industrija Komunitrja, il-kwalità tal-karbonat tal-barju mir-Russja hija ferm aktar baxxa u mhix ikkumpensata mid-differenza żgħira fil-prezz. Peress li l-prodott Russu mhux kompetittiv, tul il-perjodu meqjus is-sehem mis-suq tiegħu naqas. Għalhekk kien provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet mir-Russja ma kisrux ir-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi.

    (103)

    Matul l-IP, il-prezz medju ta’ l-importazzjonijiet mill-Brażil kien ta’ EUR 186/tunnellata metrika. Tul il-perjodu meqjus, is-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet mill-Brażil tela’ b’madwar 2 punti perċentwali. Meta jitqiesu ż-żieda ċkejkna fil-bejgħ u s-sehem mis-suq ta’ inqas minn 5 %, kien provviżorjament konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma kisrux ir-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi.

    (104)

    Minħabba s-sejbiet t’aktar ’il fuq, kien provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma kisrux ir-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu materjali kkawżat mill-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-industrija Komunitarja.

    (b)   L-iżvilupp tad-domanda

    (105)

    Rigward l-iżvilupp tad-domanda, bejn l-2000 u l-2002 il-konsum apparenti tal-karbonat tal-barju naqas imma l-industrija Komunitarja rnexxielha żżomm is-sehem mis-suq tagħha. Sussegwentement, il-bejgħ u s-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja niżlu, għalkemm il-konsum żdied konsiderevolment matul l-IP. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet Ċiniżi rnexxielhom jirbħu sehem mis-suq, fejn żdied b’aktar minn 7 punti perċentwali tul il-perjodu kkonċernat. Għalhekk, id-dannu materjali li batiet l-industrija Komunitarja ma jistax jiġi attribwit lil tnaqqis fid-domanda fis-suq Komunitarju.

    (c)   Il-varjazzjonijiet fil-munita

    (106)

    Uħud mill-partijiet interessati sostnew li d-deprezzament tad-dollaru Amerikan (USD) fil-konfornt ta’ l-euro ffavorixxa l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju fil-Komunità Ewropew. Il-maġġoranza vasta tat-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat fil-Komunità Ewropea tabilħaqq tniżżlu fil-fatturi bħala USD. Minn nofs l-2002, u b’mod sinifikanti matul l-IP, l-euro apprezzat fil-konfront ta’ l-USD biex b’hekk iffavoriet lill-esportazzjonijiet fiż-żona ta’ l-euro.

    (107)

    Madankollu, anki fuq il-bażi tar-rata tal-kambju prevalenti fil-bidu ta’ l-2002, l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu irħas mill-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja. Barra dan, din is-sitwazzjoni favorevoli tar-rata tal-kambju kien ikollha impatt anki fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn peress li fil-fatturi wkoll tniżżlu prinċipalment bħala USD. Il-fatt li l-varjazzjonijiet fil-munita ma kellhomx effett kbir fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, jindika li ma jistgħux jitqiesu bħala l-fattur kawżali ewlieni għall-fluss sinifikanti ta’ importazzjonijiet suġġetti għal dumping mill-pajjiż ikkonċernat.

    (108)

    Għalhekk, kien provviżorjament konkluż li, għalkemm l-apprezzament ta’ l-Euro rigward l-USD seta’ ffavorixxa l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju fil-Komunità Ewropea, mhux biżżejjed sabiex tinkiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u d-dannu materjali li batiet l-industrija Komunitarja.

    (d)   L-importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja

    (109)

    Ġie sostnut li l-industrija Komunitraja importat il-karbonat tal-barju mir-RPĊ u b’hekk ikkontribwiet għad-dannu li batiet hija stess. Madankollu, l-industrija Komunitarja ma xtrat l-ebda prodott mingħand ir-RPĊ wara l-2001 u kienet importatu qabel dik is-sena biss fi kwantitajiet neliġibbli (madwar 1 % tal-produzzjoni tagħha stess). Għalhekk, qed jiġi provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet mill-industrija Komunitarja tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ, jekk kien hemm, ma setgħux ikunu raġuni determinati għad-dannu materjali li batiet l-industrija Komunitarja.

    (e)   Fatturi ulterjuri

    (110)

    Diversi utenti u importaturi argumentaw li l-Komunità qed tbati dannu minħabba l-kompetizzjoni minn sospensjoni sospiża fl-ilma tal-karbonat tal-barju li telimina t-trab tossiku ġġenerat meta l-karbonat tal-barju jintuża f’forma ta’ trab. Is-sospensjoni tiġi prodotta mill-importaturi fil-Komunità, billi jintuża t-trab importat mir-RPĊ u wara l-importazzjoni jiġu miżjuda l-ilma u xi addittivi speċifiċi.

    (111)

    Dan l-argument irid jiġi miċħud għaliex l-industrija Komunitarja għandha l-għarfien kif tipproduċi sospensjoni imma ma tippromwovihx għaliex tqis li mhux ekonomiku li tittrasporta l-ilma. Għalhekk, f’kooperazzjoni ma’ kumpaniji Ewropej oħra, żviluppat tagħmir speċifiku għall-industrija tal-briks u tal-madum li jippermetti li l-utenti tal-karbonat tal-barju jħalltu t-trab ma’ l-ilma fil-punt tal-produzzzjoni, biex b’hekk jeliminaw ukoll il-ġenerazzjoni ta’ trab tossiku. B’hekk, l-industrija Komunitarja toffri prodott kompetittiv għas-sospensjoni. Madankollu, peress li s-sospensjoni tiġi prodotta b’karbonat tal-barju importat miċ-Ċina bi prezzijiet suġġetti għal dumping, tista’ tinbiegħ bi prezzijiet li huma aktar baxxi mill-prezzijiet tat-trab ipprovdut mill-industrija Komunitarja. Għalhekk, ma titqiesx bħala fattur ieħor li jikkawża dannu, għaliex l-impatt tas-sospensjoni jirriżulta huwa stess mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping. Tabilħaqq, li kieku l-prodott ikkonċernat ma kienx importat bi prezzijiet suġġetti għal dumping, il-prodott offrut mill-industrija Komunitarja li huwa f’kompetizzjoni mas-sospensjoni, kien ikun jista’ jikkompeti b’termini ġusti mas-sospensjoni.

    4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-KAWŻALITÀ

    (112)

    L-analiżi t’aktar ’il fuq wriet li kien hemm żieda sostanzjali fil-volum u fis-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat, speċjalment bejn l-2002 u l-IP, flimkien ma’ tnaqqis konsiderevoli fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom u livell għoli ta’ traħħis tal-prezzijiet matul l-IP. Din iż-żieda fis-sehem mis-suq ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx tikkoniċidi ma’ tnaqqis sinifikanti fis-sehem mis-suq ta’ l-industrija Komunitarja, li, flimkien mal-pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet, irriżultat, fost l-oħrajn, f’telf sostanzjali ta’ l-industrija Komunitarja matul l-IP. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-fatturi l-oħra li setgħu jagħmlu dannu lill-industrija Komunitarja żvela li l-ebda wieħed minn dawn ma seta’ kellu impatt negattiv sinifikanti jew seta’ jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping mir-RPĊ u d-dannu materjali li batiet l-industrija Komunitarja.

    (113)

    Fuq il-bażi ta’ l-analiżi t’aktar ’il fuq li għamlet distinzjoni xierqa u sseparat l-effetti tal-fatturi magħrufa kollha dwar is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja mill-effetti dannużi ta’ l-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping, qed jiġi provviżorjament konkluż li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ikkawżaw dannu materjali lill-Komunità fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    F.   L-INTERESS KOMUNITARJU

    1.   RIMARKA PRELIMINARI

    (114)

    Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar dumping dannuż, kienx hemm raġunijiet konvinċenti sabiex jiġi konkluż li mhux fl-interess Komunitarju li jiġu adottati miżuri f’dan il-każ partikolari. Id-determinazzjoni ta’ l-interess Komunitarju kienet ibbażata fuq apprezzament ta’ l-interessi differenti kollha involuti, jiġifieri dawk ta’ l-industrija Komunitarja, ta’ l-importaturi u ta’ l-utenti tal-prodott ikkonċernat.

    2.   L-INVESTIGAZZJONI

    (115)

    Sabiex ikun ivvalutat l-impatt probabbli ta’ l-impożizzjoni jew tan-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand il-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-industrija Komunitarja, lil 10 fornituri ta’ materja prima, lil 18-il importatur u lil 38 utent tal-prodott ikkonċernat. Irrispondew il-produttur Komunitarju, fornitur wieħed ta’ materja prima, ħames importaturi, sitt utenti u assoċjazzjoni waħda ta’ l-utenti.

    3.   L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

    (116)

    L-industrija Komunitarja linja tal-produzzjoni awtomatizzat għalkollox, fejn topera b’mod ferm effiċjenti fl-infiq rigward materjal mhux skond speċifikazzjoni u n-numru ta’ impjegati għal kull tunnellata metrika prodotta. Għamlet ukoll investimenti ta’ sostituzzjoni u kompliet tesporta.

    (117)

    Jitqies li l-impożizzjoni tal-miżuri se trodd il-kompetizzjoni ġusta fis-suq. Jekk il-miżuri jittieħdu, l-industrija Komunitarja se tkun tista’ tirbaħ mill-ġdid għallinqas parti mis-sehem mis-suq mitluf tagħha b’impatt pożittiv konsegwenti fuq il-profittabbiltà tagħha.

    (118)

    Kif issemma aktar ’il fuq, l-industrija Komunitarja batiet minn dannu materjal kkawżat minn importazzjonjiet suġġetti għal dumping li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat. Jekk ma jiġux imposti miżuri, huwa probabbli li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarju tiddeterjora ulterjorment. Dan jinvolvi telf ulterjuri ta’ impjiegi. L-effett ta’ dipressiv fuq il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping għandu jkompli jfixkel l-isforzi kollha ta’ l-industrija Komunitarja, b’mod partikolari, sabiex tirbaħ mill-ġdid livell profittabbli. Jekk ma jittieħdux miżuri se jipperikola l-preżenza tul perjodu twil ta’ żmien ta’ l-industrija u ma jistax jiġi eskluż li l-uniku produttur Komunitarja jkollu jagħlaq minħabba l-kompetizzjoni mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping jekk il-miżuri ma jiġux imposti.

    4.   IL-FORNITURI TAL-MATERJA PRIMA

    (119)

    Risposta waħda għall-kwestjonarju kienet riċevuta mingħand fornitur tal-materja prima li jipprovdi s-sulfat tal-barju naturali lill-industrija Komunitarja. Huwa l-uniku fornitur tal-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-karbonat tal-barju li jinsab fil-Komunità.

    (120)

    Jekk jiġu imposti miżuri u l-industrija Komunitarja tirbaħ mill-ġdid is-sehem mis-suq mitluf, il-fornitur tal-materja prima wkoll se jkun jista’ jbiegħ aktar mill-prodott tiegħu. Peress li l-materja prima kkonċernata tikkostitwixxi parti ewlenija mill-fatturat ta’ din il-kumpanija, dan se jtejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-fornitur tal-materja prima.

    (121)

    Jekk ma jiġux imposti miżuri, il-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja se jkompli jinżel u konsegwentement anki d-domanda tagħha għall-materja prima. Dan se jaffetwa b’mod negattiv il-profittabilità tal-fornitur tal-materja prima.

    5.   L-IMPORTATURI

    (122)

    Kienu riċevuti ħames risposti għall-kwestjonarju mingħand importaturi li kienu lkoll kontra l-impożizzjoni tal-miżuri.

    (123)

    Parti mill-prodott ikkonċernat importat f’forma ta’ trab mir-RPĊ jiġi sussegwentement ittrasformat mill-importaturi f’sospensjoni, billi jiġu miżjuda l-ilma u xi additivi speċjali. Peress li l-marġni ta’ profitt ta’ l-importaturi għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat u tas-sospensjoni fuq bażi medja u mkejla (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) huwa ta’ 6,8 %, l-importaturi se jkunu jistgħu jġorru parti miż-żidiet possibbli fil-prezzijiet u jgħaddu parti minnhom lill-klijenti tagħhom. Minħabba d-dazji relattivament baxxi li għandhom ikunu imposti fuq il-kumpaniji li joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u minħabba s-sorsi alternattivi disponibbli bla ebda dazju, iż-żidiet possibbli fil-prezzijiet se jkunu limitati.

    (124)

    Meta jitqies il-fatt li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat u tas-sospensjoni jammontaw bejn wieħed u ieħor għal madwar 15 % tal-fatturat totali ta’ l-importaturi, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-importaturi mhux se tkun serjament affetwata mill-impożizzjoni ta’ dazju.

    (125)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, kien provviżorjament konkluż li l-effett tal-miżuri ta’ anti-dumping, jekk ikun hemm, wisq probabbli mhux se jkollu impatt materjali fuq l-importaturi.

    6.   L-UTENTI

    (126)

    Kienu riċevuti sitt risposti għall-kwestjonarju mingħand utenti u sottomissjoni waħda mingħand assoċjazzjoni ta’ utenti. Saret żjara ta’ verifika waħda fil-kumpanija li xtrat l-akbar kwantità ta’ karbonat tal-barju matul l-IP. Is-sitt utenti li kkooperaw kienu jirrappreżentaw madwar 9 % tal-konsum Komunitarju totali tal-karbonat tal-barju matul l-IP. In-numru ta’ staff f’dawn il-kumpaniji direttament relatat mal-prodotti li jużaw il-karbonat tal-barju kien ta’ madwar 570 persuna. L-utenti li kkooperaw kollha, ħlief wieħed li qed jixtri mingħand l-industrija Komunitarja, ħadu pożizzjoni kontra l-impożizzjoni tad-dazji ta’ anti-dumping minħabba li jibżgħu li jitilfu sors irħis ta’ provvista, li jagħmel dannu lill-kompetittività tagħhom fis-suq eqreb tal-punt tal-bejgħ milli dak tal-manifattura jew tal-produzzjoni, fil-konfront ta’ kompetituri f’pajjiżi terzi.

    (127)

    L-utenti tal-karbonat tal-barju huma prinċipalment ikkonċentrati fil-produzzjoni tal-ħġieġ tas-settijiet tat-televiżjoni, fl-industrija tal-brikks u tal-madum, fis-settur taċ-ċeramika u fil-produzzjoni tal-ferrite. Fuq il-bażi tar-risposti għall-kwestjonarju u ta’ l-informazzjoni mressqa waqt smigħ, kien stabbilit li s-sehem tal-karbonat tal-barju fl-ispejjeż totali tal-produzzjoni ta’ l-utenti kien bejn wieħed u ieħor taħt it-8 %.

    (128)

    Id-dazji mhux se jirriżultaw fi tnaqqis sinifikanti fil-kompetizzjoni jew f’nuqqas ta’ provvista. Minflok, jista’ jkun previst li l-importazzjonijiet miċ-Ċina se jibqgħu disponibbli bi prezzijiet kompetittivi, peress li d-dazji individwali proposti għall-produtturi li jesportaw Ċiniżi huma taħt il-livelli tat-traħħis taħt il-prezz normali li nstab. Barra minn hekk, huma wkoll disponibbli sorsi alternattivi ta’ provvista minn pajjiżi terzi oħra bl-ebda dazju. Fuq il-bażi ta’ dan kollu, qed jiġi konkluż li l-utenti se jkomplu jkunu jistgħu jixtru karbonat tal-barju bi prezzijiet kompetittivi u huwa mistenni li l-impatt tad-dazji fuq il-kompetittività ta’ l-utenti fil-konfront tal-kompetituri tagħhom f’pajjiżi terzi se jkun limitat.

    (129)

    Kien sostnut li l-industrija Komunitarja mhix f’pożizzjoni li tissodisfa d-domanda kollha għall-karbonat tal-barju fil-Komunità. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-miżuri mhumiex maħsuba li jipprevjenu li l-importazzjonijiet jidħlu fil-Komunità imma li jiżguraw li dawn ma jsirux bi prezzijiet dannużi suġġetti għal dumping. Importazzjonijiet minn diversi oriġini se jkomplu jissodisfaw parti sinifikanti tad-domanda Komunitarja. Għalhekk, mhu mistenni l-ebda nuqqas fil-provvista.

    (130)

    Fuq il-bażi ta’ dak li ngħad aktar ’il fuq, kien provviżorjament konkluż li l-effett tal-miżuri ta’ anti-dumping, jekk hemm, wisq probabbli mhux se jkollu impatt materjali fuq l-utenti.

    7.   EFFETTI LI JFIXKLU L-KOMPETIZZJONI U L-KUMMERĊ

    (131)

    Rigward l-effetti tal-miżuri possibbli fuq il-kompetizzjoni fil-Komunità, il-produtturi li jesportaw li kkooperaw ikkonċernati, meta jitqiesu l-pożizzjonijiet b’saħħithom fis-suq tagħhom, probabbilment se jkomplu jbiegħu l-prodotti tagħhom, għalkemm bi prezzijiet mhux suġġetti għal dumping. Tabilħaqq, ir-rati tad-dazji relattivament baxxi għaż-żewġ produtturi li jesportaw Ċiniżi li joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għandhom jippermettulhom joperaw f’kundizzjonijiet tas-suq ġusti fil-Komunità. B’hekk, meta titqies il-firxa globali tad-dazji imposti, huwa probabbli li se jkun hemm numru biżżejjed ta’ kompetituri ewlenin fis-suq Komunitarju, inklużi l-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, fil-Brażil, fir-Russja u fl-Indja. Għalhekk, l-utenti se jibqa’ jkollhom l-għażla ta’ fornituri differenti ta’ karbonat tal-barju. Jekk, min-naħa l-oħra, ma tkun imposta l-ebda miżura, il-ġejjieni ta’ l-uniku produttur Komunitarju se jkun f’riskju. L-għibien tiegħu għandu effettivament inaqqas il-kompetizzjoni fis-suq Komunitarju.

    8.   KONKLUŻJONI DWAR L-INTERESS KOMUNITARJU

    (132)

    Meta jitqiesu r-raġunijiet li ssemmew aktar ’il fuq, qed jiġi provviżorjament konkluż li f’dan il-każ mhemm l-ebda raġuni konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta’dazji ta’ anti-dumping.

    G.   IL-PROPOSTA GĦAL MIŻURI PROVVIŻORJI TA’ ANTI-DUMPING

    1.   IL-LIVELL TA’ L-ELIMINAZZJONI TAD-DANNU

    (133)

    Minħabba l-konklużjonijiet li ntlaħqu rigward id-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess Komunitarju, għandhom ikunu imposti miżuri provviżorji ta’ anti-dumping sabiex ikunu ipprevenut li l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping jikkawżaw dannu ulterjuri lill-industrija Komunitarja.

    (134)

    Sabiex ikun stabbilit il-livell tad-dazju, tqiesu l-livell tal-marġnijiet tad-dumping misjuba u l-ammont tad-dazju meħtieġ sabiex ikun eliminat id-dannu li batiet l-industrija Komunitarja.

    (135)

    Peress li l-industrija Komunitarja kienet ilha tbati mill-importazzjonijiet suġġetti għal dumping sa mill-1999, il-profitt li seta’ jinkiseb fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet suġġetti għal dumping kien ibbażat fuq il-marġni tal-profitt medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-prodott simili matul is-snin bejn l-1996 u l-1998. Fuq din il-bażi, instab li marġni ta’ profitt ta’ 7.2 % tal-fatturat seta’ jitqies bħala ammont minimu xieraq li l-industrija Komunitarja setgħet tistenna li tikseb fin-nuqqas ta’ dumping dannuż. Iż-żieda meħtieġa fil-prezz imbagħad kienet iddeterminata fuq il-bażi ta’ paragun tal-prezz ta’ l-importazzjoni medju u mkejjel (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi), kif ġie stabbilit għall-kalkoli tat-traħħis tal-prezzijiet taħt il-prezz normali, mal-prezz mhux dannuż tal-prodotti mibjugħa mill-industirja Komunitarja fis-suq Komunitarju. Il-prezz mhux dannuż inkiseb bl-aġġustament tal-prezz tal-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja mit-telf effettiv li sar matul l-IP u billi jiġi miżjud il-marġni ta’ profitt li ssemma aktar ’il fuq. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan il-paragun imbagħad kienet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF totali ta’ l-importazzjoni.

    (136)

    Peress li l-livell ta’ l-eliminazzjoni tad-dannu kien ogħla mill-marġni tad-dumping stabbilit, il-miżuri provviżorji għandhom ikunu bbażati fuq ta’ l-aħħar.

    2.   IL-MIŻURI PROVVIŻORJI

    (137)

    Fid-dawl ta’ dak li ngħad aktar ’il fuq, jitqies li skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti dazji provviżorji ta’ anti-dumping rigward l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ fuq il-livell tal-marġnijiet t’isfel tad-dumping u tad-dannu, skond ir-regola ta’ inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rati tad-dazju individwali kif ukoll id-dazju għall-pajjiż kollu għandhom jiġu stabbiliti b’mod xieraq fuq il-livell tal-marġnijiet tad-dumping misjuba.

    (138)

    Peress li l-prodott huwa funġibbli u d-differenzi fil-prezzijiet għat-tipi differenti ta’ prodott mhumiex sostanzjali, instab li d-dazju għandu jkun impost fil-forma ta’ ammont speċifiku għal kull tunnellata metrika sabiex tkun żgurata l-effiċjenza tal-miżuri u sabiex ikun skoraġġit kwalunkwe assorbiment tal-miżura ta’ anti-dumping permezz ta’ tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni. Dan l-ammont jirriżulta mill-applikazzjoni tal-marġni tad-dumping għall-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni fil-kalkolu tad-dumping matul l-IP.

    (139)

    Ir-rati tad-dazju ta’ anti-dumping ta’ kumpaniji individwali li ġew speċifikati f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni rigward dawn il-kumpaniji li nstabet matul dik l-investigazzjoni. Dawn ir-rati tad-dazju (b’ differenza għad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) b’hekk huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u li jiġu prodotti mill-kumpaniji u b’hekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikatament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u bl-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikatament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

    (140)

    Kwalunkwe talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju ta’ anti-dumping ta’ kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta’ l-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tkun indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (3) bl-informazzjoni rilevanti kollha, b’mod partikolari kwalunkwe modifikazzjoni fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u mal-bejgħ mill-esportazzjoni assoċjati ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv, se temenda r-Regolament b’mod xieraq billi taġġorna l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati individwali tad-dazju.

    (141)

    Il-prodott ikkonċernat huwa funġibbli, kif ġie spjegat aktar ’il fuq, u mhux ta’xi marka partikolari. Id-diskrepanza tar-rati individwali tad-dazju hija sinifikanti u hemm numru ta’ produtturi li jesportaw. Dawn l-elementi kollha jistgħu jiffaċilitaw it-tentattivi biex il-flussi ta’ l-esportazzjoni jiġu diretti mill-ġdid permezz ta’ l-esportaturi tradizzjonali li jibbenefikaw mill-aktar rati tad-dazju baxxi.

    (142)

    Konsegwentement, jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li tibbenefika minn rati ta’ dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’aktar minn 30 % fil-volum, il-miżuri individwali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala li probabbilment ma jkunux biżżejjed biex ipattu għad-dumping dannuż li nstab. Konsegwentement, u sakemm l-elementi rekwiżiti jiġu sodisfatti, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni sabiex il-miżuri jkunu korretti b’mod xieraq fil-forma jew fil-livell tagħhom.

    H.   ID-DISPOŻIZZJONI FINALI

    (143)

    Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jkun stabbilit perjodu li fih il-partijiet interessati li ppreżentaw irwieħhom fil-limitu ta’ żmien speċifikat fl-avviż tal-bidu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ. Barra minn hekk, għandu jkun iddikjarat li s-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji li saru għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma pproviżorji u jista’ jkollhom jitqiesu mill-ġdid għall-finijiet ta’ kwalunkwe miżura definittiva,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   B’dan qed jiġi impost dazju provviżorju ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-karbonat tal-barju b’kontenut ta’ stronzju ta’ aktar minn 0,07 % skond il-piż u b’kontenut ta’ kubrit ta’ aktar minn 0,0015 % skond il-piż, kemm jekk f’forma ta’ trab, f’forma ppressata b’mod imrammel jew f’forma ridotta fi trab b’mod imrammel, li jaqa’ fil-kodiċi NM ex 2836 60 00 (kodiċi TARIC 2836600010), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    2.   L-ammont tad-dazju provviżorju ta’ anti-dumping għandu jkun daqs ammont stabbilit kif ġie speċifikat aktar ’l isfel għall-prodotti magħmula mill-manifatturi li ġejjin:

    Il-pajjiż

    Il-manifattur

    Ir-rata tad-dazju

    (EUR/t)

    Il-kodiċi addizzjonali TARIC

    Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    Hubei Jingshan Chutian Barium Salt Corp. Ltd

    62, Qinglong Road, Songhe Town, Jingshan County

    Hubei Province, PRC

    20,6

    A606

    Zaozhuang Yongli Chemical Co.

    South Zhuzibukuang Qichun, Zaozhuang City Center District

    Shangdong Province, PRC

    45,7

    A607

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    60,8

    A999

    3.   Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità tal-prodott li jissemma fil-paragrafu 1 għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà, ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

    4.   F’każi fejn il-merkanzija tkun ġiet iddanneġġjata qabel id-dħul f’ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jitqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skond l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4), l-ammont ta’ dazju ta’ anti-dumping, ikkalkulat fuq il-bażi ta’ l-ammonti stabbiliti t’aktar ’il fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

    5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu li jiġu żvelati l-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien adottat dan ir-Regolament, jesprimu l-opinjoni tagħhom bil-miktub u japplikaw sabiex jinstemgħu oralment mill-Kummissjoni fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Skond l-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, il-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkummentaw dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Peter MANDELSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU C 104, 30.4.2004, p. 58.

    (3)  

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Direction B

    B-1049 Brussell.

    (4)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    Top