Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0051

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta' Jannar 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jipprovdu temporanjament għal derogi minn ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' l-importazzjoni tal-ħamrija ikkontaminata mill-pestiċidi jew sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu għall-għanijiet ta' dekontaminazzjoni (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2005) 92)

    ĠU L 21, 25.1.2005, p. 21–24 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 297–300 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/51(1)/oj

    14.10.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    297


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta' Jannar 2005

    li tawtorizza lill-Istati Membri biex jipprovdu temporanjament għal derogi minn ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' l-importazzjoni tal-ħamrija ikkontaminata mill-pestiċidi jew sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu għall-għanijiet ta' dekontaminazzjoni

    (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2005) 92)

    (2005/51/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li huma ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skond id-Direttiva 2000/29/KE, ħamrija li toriġina f'ċertu pajjiżi terzi ma tistax bħala prinċipju tkun introdotta fil-Komunità.

    (2)

    L-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) tmexxi programm dwar il-prevenzjoni u r-rimi ta' pestiċidi li m'għadhomx jintużaw u li mhux mixtieqa biex tassisti pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jidentifikaw u jeliminaw kumuli ta' pestiċidi li m'għadhomx jintużaw u ħamrija kkontaminata minn dawn il-prodotti minħabba skular. Minbarra dan, żewġ strumenti internazzjonali li jorbtu legalment jindirizzaw il-produzzjoni, l-użu u rilaxx ta' sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu u t-tmexxija sana ta' skart li fih dawn is-sustanzi, bil-għan li jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn dawn is-sustanzi. Peress illi l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u pajjiżi b'ekonomiji fi transizzjoni mhux dejjem ikollhom faċilitajiet xierqa għad-distruzzjoni mingħajr periklu jew proċessar mill-ġdid ta' dawn il-kumuli u ħamrija ikkontaminata, ftehim internazzjonali u programmi jaħsbu minn qabel għat-trasbord ta' tali ħamrija għal faċilità tat-trattament għall-proċessar jew qerda.

    (3)

    Skond il-programm imsemmi hawn fuq, il-ħamrija għandha tkun ippakkjata u llejbiljata f'konformità mal-Kodiċi Internazzjonali tal-Prodotti Perikolużi Marittimi (Kodiċi IMDG), u jintużaw biss kontejners approvati min-Nazzjonijiet Uniti. It-trasbord għandu jikkonforma mal-Kodiċi IMDG u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 (2) dwar is-superviżjoni u l-kontroll tat-trasbord ta' skart fil-Komunità Ewropea, kemm għal ġewwa l-Komunità Ewropea kif ukoll għal barra.

    (4)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li m'hemmx riskju ta' tixrid ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti meta l-ħamrija hija ttrattata f'inċineraturi magħmulin apposta għal skart perikoluż, b'konformità mad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/76/KE (3) dwar il-ħruq ta' l-iskart, b'tali mod li jkun żgurat li l-pestiċidi jew il-kontenut tas-sustanza organika persistenti li tniġġes hija meqruda jew mibdula b'mod irreversibbli.

    (5)

    L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu awtorizzati jipprovdu għal derogi, għal perijodu limitat u soġġetti għal kondizzjonijiet speċifiċi, sabiex jippermettu l-importazzjoni ta' tali ħamrija kkontaminata.

    (6)

    L-awtorizzazzjoni biex jipprovdu għal derogi għandha tintemm jekk jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet speċifiċi mniżżla f'din id-Deċiżjoni mhumiex biżżejjed biex timpedixxi l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara jew li ma jikkonformax magħhom.

    (7)

    Il-miżuri li għalihom hemm ipprovdut f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri huma hawnhekk awtorizzati jipprovdu għal derogi mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fir-rigward tal-projbizzjonijiet msemmija fil-punt 14 tal-Parti A ta' l-Anness III għal dik id-Direttiva, u mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward tal-ħtiġijiet speċjali msemmija fil-punt 34 tas-Taqsima I tal-Parti A ta' l-Anness IV għal dik id-Direttiva għal ħamrija li toriġina f'ċertu pajjiżi terzi.

    L-awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti derogi, kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet speċifiċi pprovduti fl-Anness, u għandhom japplikaw biss għal ħamrija li hija introdotta fil-Komunità bejn l-1 ta' Marzu 2005 u tat-28 ta' Frar 2007 u destinata għat-trattament f'inċineraturi magħmulin apposta għal skart perikoluż.

    L-awtorizzazzjoni hija bla ħsara għal kwalunkwe awtorizzazzjoni oħra jew proċeduri li jistgħu jkunu meħtieġa taħt leġislazzjoni oħra.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel il-31 ta' Diċembru ta' kull sena ta' importazzjoni, bit-tagħrifi kif meħtieġ fil-punt 7 ta' l-Anness għal kull kunsinna ta' ħamrija importata qabel dik id-data skond din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-kunsinni kollha introdotti fit-territorju tagħhom skond din id-Deċiżjoni li sussegwentament instabu li ma kienux konformi ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tista' tiġi revokata jekk il-kondizzjonijiet imniżżla huma murija li mhumiex biżżejjed biex jimpedixxu l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fil-21 ta' Jannar 2005

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, ta' 1-10.7.2000, p. 1, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/102/KE, (ĠU L 309, tas-6.10.2004, p. 9).

    (2)  ĠU L 30, tas-6.2.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 (ĠU L 349, tal-31.12.2001, p. 1).

    (3)  ĠU L 332, tat-28.12.2000, p. 91.


    ANNESS

    Kondizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għal ħamrija li toriġina f'pajjiżi terzi li jibbenifikaw minn deroga li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni

    1.

    Il-ħamrija għandha tkun:

    a)

    ħamrija kkontaminata minn pestiċidi koperti mill-programm FAO dwar il-prevenzjoni u r-rimi ta' pestiċidi li m'għadhomx jintużaw u mhux mixtieqa jew programmi multilaterali simili, jew ħamrija kkontaminata b'sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu elenkati fil-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Sustanzi Organiċi Persistenti li Jniġġsu jew fil-Protokoll għall-Konvenzjoni ta' l-1979 dwar it-Tniġġis ta' l-Arja b'Medda Twila minn Fruntiera għal Oħra dwar sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu ;

    b)

    ippakkjati f'tankijiet jew boroż issiġillati f'konformità mal-Kodiċi IMDG, ittrasportati f'kontejners issiġillati għat-trasbord mis-sit ta' l-imbalaġġ fil-pajjiż ta' l-oriġini għall-faċilità tat-trattament li tinsab fil-Komunità f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill Nru 259/93;

    c)

    maħsuba biex tkun trattata fil-Komunità f'inċineraturi magħmulin apposta għal skart perikoluż, li jikkonformaw mad-Direttiva 2000/76/KE;

    2.

    Il-ħamrija għandha tingħata flimkien ma' ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-pajjiż ta' l-oriġini skond l-Artikolu 13.1(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE. Iċ-ċertifikat għandu jiddikjara taħt “Dikjarazzjoni addizzjonali”, l-indikazzjoni “Din il-kunsinna tissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżla fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/51/KE”.

    3.

    Qabel l-introduzzjoni fil-Komunità, l-importatur għandu jkun infurmat uffiċjalment bil-kondizzjonijiet imniżżla fil-punti 1 to 7 ta' dan l-Anness. L-importatur imsemmi għandu jgħarraf id-dettalji ta' kull introduzzjoni minn qabel biżżejjed lill-korpi uffiċjali responsabbli fl-Istat Membru ta' l-introduzzjoni, u jindika:

    a)

    il-kwantità u l-oriġini tal-ħamrija,

    b)

    id-data dikjarata ta' introduzzjoni u l-konferma tal-punt tad-dħul fil-Komunità,

    c)

    l-ismijiet, indirizzi u s-sit tal-postijiet imsemmija fil-punt 5 fejn il-ħamrija ser tkun trattata.

    L-importatur għandu jgħarraf lill-korpi uffiċjali kkonċernati bi kwalunkwe tibdil fid-dettalji t'hawn fuq malli dawn ikunu magħrufa.

    4.

    Il-ħamrija ser tiġi introdotta permezz ta' punti ta' dħul li jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru u nominati għall-għan ta' din id-deroga minn dak l-Istat Membru; dawn il-punti tad-dħul u l-isem u l-indirizz tal-korp uffiċjali responsabbli msemmi fid-Direttiva 2000/29/KE responsabbli għal kull punt għandhom ikunu mgħarrfa minn qabel biżżejjed mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u għandhom jinżammu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra meta jintalbu. Trasport dirett bejn il-punt tad-dħul u l-post tat-trattament għandu jkun żgurat. F'dawk il-każijiet fejn l-introduzzjoni fil-Komunità jseħħ fi Stat Membru għajr dak l-Istat Membru li qiegħed jagħmel użu minn din id-Deroga, l-imsemmija korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru ta' introduzzjoni għandhom jgħarrfu u jikkooperaw ma' l-imsemmija korpi uffiċċjali responsabbli ta' l-Istati Membri li qegħdin jagħmlu użu minn din id-deroga biex jiżguraw li hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

    5.

    Il-ħamrija għandha tkun trattata biss f'postijiet:

    a)

    għal xhiex l-ismijiet, l-indirizzi u l-postijiet ġew mgħarrfai skond il-punt 3 lill-korpi uffiċjali responsabbli relevanti, u

    b)

    irreġistrati uffiċjalment u approvati għall-għanijiet ta' din id-deroga mill-korpi uffiċjali responsabbli relevanti.

    F'dawk il-każijiet fejn il-postijiet jinsabu fi Stat Membru għajr dak l-Istat Membru li qiegħed jagħmel użu minn din id-deroga, l-imsemmija korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru, fil-mument ta' l-irċevuta tan-notifikazzjoni bil-quddiem mingħand l-importatur hawn fuq imsemmija, għandhom jgħarrfu lill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija ta' l-Istat Membru fejn il-ħamrija ser tiġi ttrattata u jagħtu l-ismijiet, l-indirizzi u s-siti tal-postijiet fejn il-ħamrija ser tkunu ttrattata;

    6.

    Fil-postijiet imsemmija fil-punt 5:

    a)

    il-ħamrija għandha tiġi ttrattata bħala skart perikoluż bil-protezzjonijiet kollha meħtieġa applikati, u

    b)

    il-ħamrija għandha tiġi ttrattata f'inċineraturi magħmulin apposta għal skart perikoluż, li jikkonformaw mad-Direttiva 2000/76/KE.

    7.

    L-Istat Membru li qed jagħmel użu minn din id-deroga għandu jikkomunika kull sena d-dettalji msemmija fil-punt (3) għal kull introduzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.


    Top