EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0912

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 912/2004 tad-29 ta'April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 dwar l-istabbiliment ta' stħarriġ tal-Komunità dwar il-produzzjoni industrijaliTest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 163, 30.4.2004, p. 71–72 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020R1197

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/912/oj

32004R0912



Official Journal L 163 , 30/04/2004 P. 0071 - 0072


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 912/2004

tad-29 ta'April 2004

li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 dwar l-istabbiliment ta' stħarriġ tal-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar l-istabbiliment ta' stħarriġ tal-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1) R-Regolament (KEE) Nru 3924/91 jipprovdi biex miżuri għall-aġġustament għall-progress tekniku li jikkonċernaw il-ġabra ta' data u l-ipproċessar ta' riżultati li jiġu preskritti mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta l-Kumitat tal-Programm Statistiku.

(2) Il-progress tekniku u leġislazzjoni sussegwenti, b'mod partikolari atti li jirrelataw mas-Sistema Ewropea Statistika tal-Kummerċ, jitolbu biex isiru aġġustamenti għall-kopertura u l-karatteristiċi ta'l-istħarriġ.

(3) Dawn l-aġġustamenti għandhom itejjbu l-kopertura ta' l-istatistika provduta mill-Istati Membri mingħajr ma jiżdied il-piż fuq l-operaturi ekonomiċi.

(4) Id-data statistika kompilata fi ħdan is-sistema tal-Komunità għandha tkun ta' kwalità sodisfaċenti u li tista' titqabbel minn Stat Membru għall-ieħor.

(5) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'dan ir-Regolament huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Programm Statistiku stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE. Euratom [2].

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-qasam kopert bl-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 1 tar-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru għandu jkun identifikat b'referenza għall-popolazzjoni ta' l-istħarriġ u l-unità ta' osservazzjoni.

Il-popolazzjoni ta' l-istħarriġ tal-perjodu ta' referenza għandha tkun intrapriżi li l-attività prinċipali tagħhom jew xi waħda mill-attivitajiet sekondarji tagħhom tkun elenkata fit-taqsima Ċ, D jew E tal-klassifikazzjoni ta' attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità Ewropea (NACE Rev.1.1), preskritta fir-Regolament (KE) Nru 29/2002 tad-19 ta' Diċembru 2001 [3], li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 [4].

L-unità ta' osservazzjoni għandha tkun intrapriża kif imfissra fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 [5] dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità. L-Istati Membri jistgħu jiġbru data billi jużaw unità statistika oħra bħala unità ta' osservazzjoni kemm-il darba huma jittrasmettu d-data ta' l-Intrapriża lill-Eurostat.

Artikolu 2

L-obbligu ta' l-unitajiet tal-popolazzjoni ta'l-istħarriġ li jipprovdu informazzjoni korretta u sħiħa fejn jintalbu mill-Istati membri msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 għandu jkun limitat għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni ta' l-istħarriġ elenkat fil-lista PRODCOM.

Artikolu 3

L-obbligu ta' l-Istati Membri li jadottaw metodi ta' stħarriġ imfassla biex jiffaċilitaw il-ġbir ta' data minn unitajiet li jirrappreżentaw ta' l-anqas 90 % tal-produzzjoni nazzjonali skond il-klassi NACE imsemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 għandu jkun implimentat bħala l-adozzjoni ta' l-Istati Membri tal-metodi ta' l-istħarriġ imfassla biex jippermettu l-ġbir ta' data, li jirrappreżenta ta' l-anqas 90 % tal-produzzjoni nazzjonali għal kull klassi NACE Rev.1.1 tat-Taqsimiet Ċ, D u E.

Artikolu 4

L-eżenzjoni ta' l-Istati Membri mill-ġbir ta' data msemmija fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 għandha tkun iċċarata b'referenza għall-produzzjoni nazzjonali ta' prodott.

L-Istati Membri ma humiex meħtieġa li jiġbru data dwar prodott, jekk it-total tal-produzzjoni nazzjonali ta' dak il-prodott tkun anqas minn 1 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-prodott fis-sena li tiġi qabel. Id-data fuq prodotti li ma tinġabarx minħabba din l-eżnezjoni għandha tkun rapportata bħala zero. L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dokumentazzjoni meħtieġa.

Artikolu 5

Il-ħelsien mill-obbligu ta' l-Istati membri li jwettqu l-istħarriġ PRODCOM imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 għandu jiġi estiż fil-każi fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jakkwistaw id-data meħtieġa, bl-użu ta' taħlita ta' sorsi u metodi differenti.

Artikolu 6

B'żieda ma' l-obbligu li jipprovdu informazzjoni fuq it-talba ta' l-Eurostat kif stipulat fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3921/91l-Istati membri għandhom ukoll jipprovdu lill-Ewrostat l-informazzjoni meħtieġa dwar il-metodi tagħhom ta' stħarriġ, kampjuni u kopertura għall-finijiet tad-dokumentazzjoni ta' konformità mal-prinċipji tal-metodoloġija PRODCOM kif preskritti fil-ktejjeb dwar il-metodoloġija PRODCOM.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' April 2004.

Għall-Kummissjoni

Joaquin Almunia

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 1.

[2] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

[3] ĠU L 6, ta' l-10.1.2002, p. 3.

[4] ĠU L 293, ta' l-24.10.1990, p. 1.

[5] ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 5.

--------------------------------------------------

Top