Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R0006

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta' Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji

ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1–24 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/6/oj

32002R0006



Official Journal L 003 , 05/01/2002 P. 0001 - 0024


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002

tat-12 ta' Diċembru 2001

dwar id-disinji Komunitarji

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Sistema unifikata sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li għalih tingħata protezzjoni uniformi b'effett uniformi fit-territorju kollu Komunitarju tmexxi 'l quddiem il-miri Komunitarji kif stabbiliti fit-Trattat.

(2) Il-pajjiżi Benelux biss daħħlu liġi għall-protezzjoni uniformi tad-disinji. Fl-Istati Membri l-oħra kollha, il-protezzjoni tad-disinji hija materja tal-liġijiet nazzjonali relevanti u hija limitata għat-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat. Disinji identiċi jistgħu għalhekk jiġu protetti b'mod differenti fl-Istati Membri differenti u għall-benefiċċju ta' sidien differenti. Dan iwassal b'mod inevitabbli għal konflitti fil-kors tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(3) Id-differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward id-disinji jipprevjenu u joħolqu distorsjoni tal-kompetitizzjoni mal-Komunità kollha. F'paragun mal-kummerċ domestiku fil-prodotti li jinkorporaw disinn, u fil-kompetizzjoni bejniethom, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġewwa l-Komunità jiġu pprevenuti u mgħawġa bin-numru kbir ta' l-appikazzjonijiet, l-uffiċċji, il-proċediment/proċedura/proċeduri, il-liġijiet, il-liġijiet esklużivi ċirkoskritti nazzjonalment u n-nefqa amministrattiva magħquda ma' l-ispejjeż għolja u d-drittijiet ta' l-applikanti li jikkorrispondu magħhom. Id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali taddisinji [4] tikkontribwixxi sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni.

(4) Billi l-effett tal-protezzjoni tad-disinji huwa limitat għat-territorju ta' l-Istati Membri individwali sewwa jekk il-liġijiet tagħhom huma mqarrba lejn xulxin u sewwa jekk le, dan iwassal għal qasma possibbli tas-suq intern rigward il-prodotti li jinkorporaw disinn li jkun bla ħsara għad-drittijiet nazzjonali miżmuma minn individwi differenti, u għalhekk jikkostitwixxu xkiel għall-moviment liberu tal-merkanzija.

(5) Dan juri l-ħtieġa għal ħolqien ta' disinn Komunitarju li jkun jista' jiġi applikat f'kull wieħed mill-Istati Membri, minħabba li b'dan il-mod biss jista jkun possibbli li jinkseb, permezz ta' applikazzjoni waħda magħmula lill-Uffiċċju ta' l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinn) skond proċedura waħdiena taħt liġi waħda, disinn wieħed għal żona waħda li tikkomprendi l-Istati Membri kollha.

(6) Ġaladarba l-miri ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri, il-protezzjoni ta' dritt wieħed tad-disinn għal żona waħda li tikkomprendi l-Istati Membri kollha, ma tistax tinkiseb b'mod suffiċjenti u tista', għalhekk, tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddikjarat f'dan l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hemm minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn il-miri.

(7) Il-protezzjoni mtejba għad-disinji industrijali mhux biss tippromwovi l-kontribuzzjoni tad-disinjaturi individwali għas-somma ta' l-eċċellenza Komunitarja fil-qasam, imma wkoll tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' prodotti ġodda u l-investiment fil-produzzjoni tagħhom.

(8) Konsegwentement sistema iktar aċċessibbli tal-protezzjoni tad-disinji addattata għall-ħtiġiet tas-suq intern hija essenzjali għall-industriji Komunitarji.

(9) Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta' dan ir-Regolament fuq il-liġijiet dwar id-disinji għandhom jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet rispettivi fid-Direttiva 98/71/KE.

(10) L-innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta' protezzjoni tad-disinji lill-karatteristiċi ddettati biss b'funzjoni teknika. Huwa mifhum illi dan ma jintitolax illi disinn għandu ikollu kwalità estetika. Bl-istess mod, l-interoperabbiltà tal-prodotti ta' għamliet differenti ma għandhiex tiġi mfixkla bl-estensjoni tal-protezzjoni għad-disinn ta' oġġetti mekkaniċi tat-twaħħil. B'konsegwenza ta' dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal-protezzjoni.

(11) L-oġġetti mekkaniċi tat-twaħħil tal-prodotti modulari jistgħu madankollu jikkostitwixxu element importanti tal-karatteristiċi innovattivi tal-prodotti modulari u jippreżentaw gwadann maġġuri fil-marketing, u għalhekk għandhom ikunu eliġibbli għall-protezzjoni.

(12) Il-protezzjoni ma għandhiex tiġi mifruxa fuq dawk il-partijiet komponenti li ma jidhrux matul l-użu normali ta' prodott, lanqas għal dawk il-karatteristiċi ta' din il-parti li ma jidhrux meta l-parti tiġi mmuntata, jew li fihom infushom ma jwettqux il-ħtiġiet rigward in-novità u l-karattru individwali. B'konsegwenza ta' dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal-protezzjoni.

(13) It-tqarrib fuq skala sħiħa tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-użu tad-disinji protetti bl-għan li jippermettu t-tiswija ta' prodott kumpless hekk li jirrestawraw id-dehra oriġinali tiegħu, meta d-disinn jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta' prodott kompless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett, ma setax jinkiseb permezz tad-Direttiva 98/71/KE. Ġewwa l-qafas tal-proċedura tal-konċiljazzjoni dwar id-Direttiva msemmija, il-Kummissjoni ndaħlet li tagħmel rivista tal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva tliet snin wara t-temma taż-żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva b'mod partikolari għas-setturi industrijali l-iktar affettwati. F'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa approprjat li ma tiġi kkonferita l-ebda protezzjoni bħala disinn Komunitarju lil disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta' prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn u li jintuża bl-għan tat-tiswija ta' prodott kumpless sabiex jirrestawra d-dehra oriġinali tiegħu, sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-politika tiegħu dwar din il-kwistjoni fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

(14) L-istima dwar jekk disinn ikollux karattru individwali għandha tkun imsejsa fuq jekk l-impressjoni ġenerali prodotta minn utent informat li jara d-disinn, tiddiferixxix biċ-ċar minn dik prodotta fuqu bil-corpus tad-disinn eżistenti, filwaqt li jqis in-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew inkorporat, u b'mod partikolari s-settur industrijali li għalih jappartjeni u l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

(15) Disinn Komunitarju għandu, safejn u sakemm possibbli, iservi l-ħtiġiet tas-setturi industrijali kollha fil-Komunità.

(16) Uħud minn dawn is-setturi jipproduċu numri kbar ta' disinji għal prodotti li spiss ikollhom ħajja qasira fis-suq meta l-protezzjoni mingħajr il-piż tal-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tkun ta' vantaġġ u t-tul taż-żmien tal-protezzjoni jkun ta' sinifikat inqas. Mill-banda l-oħra, jeżistu setturi ta' l-industrija li jivvalutaw il-vantaġġi tar-reġistrazzjoni minħabba ċ-ċertezza legali ikbar li tipprovdi u li teħtieġ il-possibbiltà ta' skond iktar fit-tul tal-protezzjoni li tikkorrispondi mal-ħajja mbassra fis-suq tal-prodotti tagħhom.

(17) Dan isejjaħ għal żewġ għamliet ta' protezzjoni, waħda għal disinn fuq skond qasir mhux irreġistrat u l-oħra għal disinn fuq skond itwal u rreġistrat.

(18) Disinn Komuntarju rreġistrat jeħtieġ il-ħolqien u ż-żamma fl-ordni ta' reġistru li fih għandhom jiġu rreġistrati dawk l-applikazzjonijiet kollha li jħarsu l-kondizzjonijiet formali u li jkunu ġew assenjati data għall-infilzar. Din is-sistema ta' reġistrazzjoni ma għandhiex fil-prinċipju tkun imsejsa fuq eżami sostantiv dwar il-konformità mal-ħtiġiet għall-protezzjoni qabel ir-reġistrazzjoni, hekk li b'hekk iżżomm għal minimu fuq l-applikanti l-piż tar-reġistrazzjoni u piżijiet oħra.

(19) Disinn Komunitarju ma għandux jiġi megħjun jitwettaq għajr jekk id-disinn ikun ġdid u għajr jekk jippossjedi wkoll karattru individwali f'paragun ma' disinji oħra.

(20) Huwa wkoll meħtieġ illi d-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu jitħallew jittestjaw fis-suq il-prodotti li jinkorporaw id-disinn qabel ma jiddeċiedu jekk ikunux jixtiequ l-protezzjoni li tirriżulta minn disinn Komunitarju rreġistrat. Għal dan l-għan huwa meħtieġ li jiġi pprovdut illi l-iżvelar tad-disinn mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu fit-titolu, jew żvelar abbużiv matul perjodu taż-żmien ta' 12-il xahar qabel id-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat ma għandux ikunu ta' preġudizzju fl-istima tan-novità jew tal-karattru individwali tad-disinn fil-kwistjoni.

(21) In-natura esklużiva tad-dritt ikkonferit bid-disinn Komunitarju rreġistrat hija konsistenti maċ-ċertezza legali ikbar tiegħu. Huwa approprjat illi d-disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkostitwixxi dritt biss sabiex jipprevjeni milli jiġi kkupjat. Għalhekk, il-protezzjoni ma għandhiex tinfirex għall-prodotti tad-disinji li jkunu r-riżultat ta' disinn li jkun wasal għalih disinjatur ieħor b'mod indipendenti. Dan id-dritt għandu jinfirex ukoll għall-kummerċ fil-prodotti li jinkorporaw disinji b'kontravenzjoni.

(22) L-infurzar ta' dawn id-drittijiet għandu jitħalla għal-liġijiet nazzjonali. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu pprovduti ċerti sanzjonijiet bażiċi u uniformi fl-Istati Membri kollha. Dawn għandhom jagħmulha possibbli, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni li taħtha jiġi mfittex l-infurzar, li jitwaqqfu l-atti tal-kontravenzjonijiet.

(23) Kull persuna terza li tista' tistabbilixxi illi tkun b'rieda tajba bdiet tuża saħansitra b'għanijiet kummerċjali ġewwa l-Komunità, jew kienet għamlet tħejjijiet serji u effettivi għal dan l-għan, dwar disinn inkluż fl-iskop tal-protezzjoni ta' disinn Komunitarju rreġistrat, li ma jkunx ġie kkupjat minn dan ta' l-aħħar, tista tkun intitolata għall-isfruttament limitat ta' dan id-disinn.

(24) Hija l-mira fundamentali ta' dan ir-Regolament illi l-proċedura sabiex jinkiseb disinn Komunitarju rreġistrat għandha tippreżenta l-ispejjeż u d-diffikultajiet minimi lill-applikanti, hekk li tintgħamel disponibbli fil-pront lill-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju kif ukoll lid-disinjaturi individwali.

(25) Dawk is-setturi ta' l-industrija li jipproduċu numri kbar ta' disinji bil-possibbiltà ta' ħajja qasira fuq perjodi qosra taż-żmien li minnhom x'uħud jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu kummerċjalizzati jsibu vantaġġ fid-disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Iktar minn hekk, teżisti wkoll il-ħtieġa li dawn is-setturi jkollhom rikors eħfef għad-disinn Komunitarju rreġistrat. Għalhekk, l-għażla li jiġu magħquda flimkien numru ta' disinji f'applikazzjoni waħda u multipla tissodisfa din il-ħtieġa. Madankollu, id-disinji li jkunu jinsabu f'applikazzjoni multipla jistgħu jiġu ttrattati b'mod indipendenti minn xulxin għall-għanijiet ta' l-infurzar tad-drittijiet, il-liċenzji, id-drittijiet in rem, l-impost fuq it-twettiq, il-proċeduri tal-falliment, iċ-ċediment, it-tiġdid, l-assenjazzjoni, il-pubblikazzjoni ddiferita jew id-dikjarazzjoni ta' l-invalidità.

(26) Il-pubblikazzjoni normali wara r-reġistrazzjoni ta' disinn Komunitarju jista' f'ċerti każijiet jeqred jew jhedded is-suċċess ta' ħidma kummerċjali li tinvolvi d-disinn. Il-faċilità ta' diferiment tal-pubblikazzjoni għal perjodu raġonevoli taż-żmien toffri soluzzjoni f'dawn il-każijiet.

(27) Proċedura għas-smigħ tal-kawżi li jirrigwardaw il-validità ta' disinn Komunitarju rreġistrat f'post wieħed waħdu ġġib magħha tifdil fl-ispejjeż u fil-ħin meta pparagunata mal-proċeduri li jinvolvu l-qrati nazzjonali.

(28) Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu pprovduti s-salvagwardji li jinkludu dritt għall-appell quddiem Bord ta' l-Appell, u fl-aħħarnett quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-proċedura għandha tassisti l-iżvilupp ta' interpretazzjoni uniformi tal-ħtiġiet li jirregolaw il-validità tad-disinji Komunitarji.

(29) Huwa essenzjali illi d-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komuniatrju jkunu jistgħu jiġu infurzati f'manjiera effiċjenti fit-territorju kollu tal-Komunità.

(30) Is-sistema tal-litiga għandha tevita safejn u sakemm possibbli "ix-xiri mill-foru". Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari ta' ġurisdizzjoni internazzjonali.

(31) Dan ir-Regolament ma jipprekludix illi jiġu applikati lid-disinji protetti bid-disinji Komunitarji dwar il-liġijiet industrijali tal-proprjetà jew il-liġijiet relevanti l-oħra ta' l-Istati Membri, bħalma huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tad-disinji miksuba bir-reġistrazzjoni jew dawk li għandhom x'jaqsmu mad-disinji, il-marki tal-fabbrika, il-patenti u l-mudelli ta' utilità mhux irreġistrati, il-kompetizzjoni mhux ġusta jew il-lijabbiltà ċivili.

(32) Fin-nuqqas ta' l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar id-drittijiet ta' l-awtur, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-kumulu tal-protezzjoni taħt id-disinn Komunitarju u taħt il-liġijiet tad-drittijiet ta' l-awtur, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu safejn u sakemm iwasslu l-liġi tad-drittijiet ta' l-awtur u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi kkonferita din il-protezzjoni.

(33) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni [5],

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Id-disinn Komunitarju

1. Disinn li jikkonforma mal-kondizzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Regolament huwa minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala "disinn Komunitarju".

2. Disinn għandu jkun protett:

(a) b' "disinn Komunitarju mhux irreġistrat", jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f'dan ir-Regolament;

(b) b'"disinn Komunitarju rreġistrat", jekk magħmul disponibbli għall-pubbliku fil-manjiera pprovduta f'dan ir-Regolament.

3. Disinn Komunitarju għandu jkollu karattru unitarju. Għandu jkollu effett egwali fil-Komunità kollha. Ma jistax jiġi rreġistrat, ittrasferit jew ċedut jew ikun is-suġġett ta' deċiżjoni li tiddikjarah invalidu, u lanqas ma jista' jiġi pprojbit l-użu tiegħu, għajr rigward il-Komunità kollha. Dan il-prinċipju u l-implikazzjoni tiegħu għandhom japplikaw għajr jekk ipprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Uffiċċju

L-Uffiċċju ta' l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinn), minn issa 'l quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju", stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar il-marka tal-fabbrika Komunitarja [6], minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala "ir-Regolamnet dwar il-marka tal-fabbrika Komunitarja", għandu jwettaq il-kompiti fdati lilu b'dan ir-Regolament.

TITOLU II

IL-LIĠI DWAR ID-DISINJI

Taqsima 1

Ħtiġiet għall-protezzjoni

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolment:

(a) "disinn" ifisser id-dehra ta' prodott fl-intier tiegħu jew f'parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta', b'mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta' l-ornamenti tiegħu;

(b) "prodott" ifisser kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, inklużi fost ħwejjeġ oħra l-partijiet maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless, imballaġġ, muntatura, simboli grafiċi u tipi tipografiċi, imma jeskludi l-programmi tal-kompjuter;

(ċ) "prodott kumpless" ifisser prodott li jkun kompost minn komponenti multipli li posthom jista' jiġi mibdul hekk illi l-prodott jista jiġi żarmat jew armat mill-ġdid.

Artikolu 4

Ħtiġiet għall-protezzjoni

1. Disinn għandu jiġi protett b'disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

2. Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta' prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

(a) jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa' tidher matul l-użu normali ta' dan ta' l-aħħar; u

(b) safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

3. "Użu normali" fit-tifsira tal-paragrafu (2)(a) għandu jfisser l-użu mill-aħħar utent, bl-esklużjoni taż-żamma fl-ordni, is-servizz jew ix-xogħol tat-tiswija.

Artikolu 5

Novità

1. Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

(a) fil-każ ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

(b) fil-każ ta' disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f'dettalji immaterjali.

Artikolu 6

Karattru individwali

1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

(a) fil-każ ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

(b) fil-każ ta' disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp taddisinn.

Artikolu 7

Żvelar

1. Bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b), skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b'mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-kondizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.

2. Żvelar ma għandux jittieħed f'kunsiderazzjoni bl-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6 u jekk disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni bħala disinn Komunitarju rreġistrat ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

(a) mid-disinjatur, is-suċċessur tiegħu fit-titolu, jew persuna terza b'riżultat tat-tagħrif ipprovdut jew l-azzjoni meħuda mid-disinjatur jew mis-suċċessur tiegħu it-titolu; u

(b) matul il-perjodu taż-żmien ta' 12-il xahar mid-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll jekk id-disinn ikun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku bħala konsegwenza ta' abbuż fejn ikollhom x'jaqsmu d-disinjatur jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu.

Artikolu 8

Disinji ddettati mill-funzjoni teknika tagħhom u d-disinji ta' l-interkonnessjonijiet

1. Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu.

2. Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li għandhom neċessarjament jiġu riprodotti fl-għamla u l-qisien tagħhom sabiex jippermettu illi l-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li għalih issir l-applikazzjoni sabiex jiġi magħqud jew imdaħħal fi jew b'kuntrast ma' prodott ieħor hekk illi l-ebda wieħed miż-żewġ prodotti ma jkun jista' jwettaq il-funzjoni tiegħu.

3. Minkejja l-paragrafu 2, disinn Komunitarju għandu jsostni ruħu skond il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikoli 5 u 6 f'disinn li jservi l-għan li jippermetti l-immuntar jew l-għaqda multipla ta' prodotti li jibdlu lilhom infushom b'mod reċiproku f'sistema modulari.

Artikolu 9

Disinji li jmorru kontra l-politika pubblika jew il-moralità

Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti f'disinn li jmur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità.

Taqsima 2

Skop u l-iskond tal-protezzjoni

Artikolu 10

Skop tal-protezzjoni

1. L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b'disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat.

2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.

Artikolu 11

Bidu u l-iskond tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju mhux irreġistrat

1. Disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jkun protett b'disinn Komunitarju mhux irreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta' tliet snin mid-data li fiha d-disinn kien magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba.

2. Għall-għan tal-paragrafu 1, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku ġewwa l-Komunità jekk ikun ġie ppubblikat, esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra hekk illi, fil-kors normali tal-kummerċ, dawn l-okkażjonijiet ma jkunux ġew magħrufa b'mod raġonevoli liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Komunità. Id-disinn ma għandux, madankollu, jitqies li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għar-raġuni waħdiena illi kien żvelat lil persuna terza taħt il-il-konjizzjonijiet espliċiti jew impliċiti tal-kunfidenzjalità.

Artikolu 12

Bidu u l-iskond tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat

Mar-reġistrazzjoni mill-Uffiċċju, disinn li jissodisfa l-ħtiġiet fit-Taqsima 1 għandu jiġi protett b'disinn Komunitarju rreġistrat għall-perjodu taż-żmien ta' ħames snin mid-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni. Il-pussessur tad-dritt jista' jkollu l-iskond tal-protezzjoni mġedded għal perjodu taż-żmien jew iktar ta' ħames snin il-wieħed, sa skond totali ta' 25 sena mid-data ta' l-infilzar.

Artikolu 13

Tiġdid

1. Ir-reġistrazzjoni ta' disinn Komunitarju rreġistrat għandha tiġġedded fuq it-talba tal-pussessur tad-dritt jew ta' kull persuna awtorizzata espressament minnu, sakemm ikun tħallas id-dritt tat-tiġdid.

2. L-Uffiċċju għandu jgħarraf lill-pussessur ta' dritt ta' disinn Komunitarju rreġistrat u lil kull persuna li jkollha dritt fir-reġistru tad-disinji Komunitarji riferit fl-Artikolu 72, minn issa 'l quddiem imsejjaħ bħala "ir-reġistru rigward id-disinn Komunitarju rreġistrat", bit-temma tar-reġistrazzjoni fi żmien biżżejjed qabel it-temma msemmija. In-nuqqas li jingħata dan it-tagħrif ma għandux jinvolvi r-responsabbiltà ta' l-Uffiċċju.

3. It-talba għat-tiġdid għandha tiġi sottomessa u d-dritt tar-reġistrazzjoni għandu jitħallas f'perjodu taż-żmien ta' sitt xhur li jagħlaq fl-aħħar jum li fih ittemm il-protezzjoni. Fin-nuqqas ta' dan, it-talba tista' tiġi sottomessa u d-dritt imħallas f'perjodu taż-żmien itwal ta' sitt xhur mid-data riferita fl-ewwel sentenza, sakemm dan id-dritt addizzjonali jitħallas f'dan il-perjodu itwal taż-żmien.

4. It-tiġdid għandu jkollu effett mill-jum li jiġi wara t-temma tar-reġistrazzjoni eżistenti. It-tiġdid għandu jiddaħħal fir-reġistru.

Taqsima 3

Dritt għad-disinn Komunitarju

Artikolu 14

Dritt għad-disinn Komunitarju

1. Id-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jagħti dritt legali lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu.

2. Jekk żewġ persuni jew iktar ikunu żviluppaw disinn, id-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jagħtihom id-dritt legali konġuntement.

3. Madankollu, meta disinn jiġi żviluppat minn impjegat fit-twettiq ta' dmirijietu jew wara l-ordnijiet mogħtija lilu minn min iħaddmu, id-dritt għad-disinn Komunitarju għandu jkun vestit f'min iħaddem, għajr jekk miftiehem jew speċifikat xorta oħra bil-liġijiet nazzjonali.

Artikolu 15

Talbiet li jkollhom x'jaqsmu ma' l-intitolament għal disinn Komunitarju

1. Jekk disinn Komunitarju jiġi żvelat jew issir talba għalih minn persuna li ma tkunx intitolata għalih skond l-Artikolu 14, jew jekk disinn Komunitarju jiġi applikat għalih minn din il-persuna jew irreġistrat f'isem din il-persuna, il-persuna intitolata għalih tista', mingħajr preġudizzju għal kull rimedju ieħor li jista' jkun miftuħ għaliha, tagħmel talba biex tiġi rrikonoxxuta bħala l-pussessur leġittimu tad-disinn Komunitarju.

2. Meta persuna tkun intitolata għal disinn Komunitarju konġuntement, din il-persuna tista', skond il-paragrafu 1, tagħmel talba sabiex tiġi rrikonoxxuta bħala pussessur konġunt.

3. Il-proċeduri legali skond il-paragrafi 1 jew 2 għandhom jiġu preskritti għal tliet snin wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' disinn Komunitarju rreġistrat jew id-data ta' l-iżvelar ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika jekk il-persuna li ma tkunx intitolata għad-disinn Komunitarju kienet qiegħda taġixxi b'rieda ta' ingann fiż-żmien meta saret l-applikazzjoni jew kien żvelat jew kien assenjat lilha.

4. Fil-każ ta' disinn Komunitarju rerġistrat, għandu jiddaħħal fir-reġistru dan li ġej:

(a) li jissemma illi jkunu ġew istitwiti proċeduri legali skond il-paragrafu 1;

(b) id-deċiżjoni finali jew kull temma oħra tal-proċeduri;

(ċ) kull bidla fil-pussess ta' disinn Komunitarju rreġistrat li tirriżulta mid-deċiżjoni finali.

Artikolu 16

Effetti ta' sentenza tal-qorti dwar l-intitolament għal disinn Komunitarju rreġistrat

1. Meta jkun hemm bidla sħiħa fil-pussess ta' disinn Komunitarju rreġistrat b'riżultat tal-proċeduri legali skond l-Artikolu 15(1), il-liċenzji u d-drittijiet l-oħra għandhom jiskadu mad-dħul fir-reġistru tal-persuna intitolata.

2. Jekk, qabel ikun ġie rreġistrat il-ftuħ ta' proċeduri legali skond l-Artikolu 15(1), il-pussessur ta' disinn Komunitarju rreġistrat jew ta' liċenzja jkun sfrutta ġewwa l-Komunità d-disinn Komunitarju rreġistrat jew ikun għamel tħejjijiet serji u effettivi sabiex jagħmel dan, jista' jissokta b'dan l-isfruttament sakemm jitlob fil-perjodu taż-żmien stabbilit mir-Regolament ta' l-implimentazzjoni għal liċenzja mhux esklużiva mill-pussessur il-ġdid li ismu jiddaħħal fir-reġistru. Il-liċenzja għandha tiġi konċessa għal perjodu raġonevoli ta' żmien u b'kondizzjonijiet raġonevoli.

3. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika jekk il-pussessur ta' disinn Komunitarju rreġistrat jew min ikollu l-liċenzja kienu qegħdin jaġixxu b'rieda ta' ngann fiż-żmien meta bdew jisfruttaw id-disinn jew jagħmlu t-tħejjijiet għal dan.

Artikolu 17

Preżunzjoni favur il-pussessur irreġistrat tad-disinn

Il-persuna li f'isimha jkun irreġistrat id-disinn Komunitarju rreġistrat jew, qabel ir-reġistrazzjoni, il-persuna li f'isimha tkun ġiet infilzata l-applikazzjoni, għandha titqies li hija l-persuna intitolata f'kull proċediment quddiem l-Uffiċċju kif ukoll f'kull proċediment ieħor.

Artikolu 18

Dritt tad-disinjatur jiġi ċitat

Id-disinjatur għandu jkollu d-dritt, bl-istess mod bħall-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew il-pussessur ta' dan, li jiġi ċitat bħala ta' hekk quddiem l-Uffiċċju u fir-reġistru. Jekk id-disinn ikun ir-riżultat tax-xogħol ta' tim, iċ-ċitazzjoni tat-tim tista' tieħu l-post tad-disinjaturi individwali.

Taqsima 4

Effetti tad-disinn Komunitarju

Artikolu 19

Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju

1. Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b'mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta' prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta' dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.

2. Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu, madankollu, jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu d-dritt li jipprevjeni l-atti riferiti fil-paragrafu 1 biss jekk l-użu kkontestat jirriżulta għaliex ikun ġie kkupjat id-disinn protett.

L-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta' kreazzjoni minn disinjatur li jista' jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur.

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika wkoll għal disinn Komunitarju rreġistrat bla ħsara għad-differiment tal-pubblikazzjoni sakemm ma jkunux ġew magħmula d-dħul rilevanti fir-reġistri u l-infilzar ma jkunx ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku skond l-Artikolu 50(4).

Artikolu 20

Limitazzjoni tad-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju

1. Id-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju ma għandhomx jiġu eżerċitati rigward:

(a) l-atti magħmula b'mod privat jew għal għanijiet mhux kummerċjali;

(b) l-atti magħmula għal għanijiet esperimentali;

(ċ) l-atti tar-riproduzzjoni bl-għan li jagħmlu ċerti ċitazzjonijiet jew għat-tagħlim, sakemm dawn l-atti jkunu kompatibbli mal-prattika tal-kummerċ ġust u ma jippreġudikawx mingħajr ħtieġa l-isfruttament normali tad-disinn, u li jissemma s-sors.

2. B'żieda ma' dan, id-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju ma għandhomx jiġu eżerċitati rigward:

(a) it-tagħmir fuq il-bastimenti u l-vetturi ta' l-ajru rreġistrati f'pajjiż terz meta dawn jidħlu temporanjament fit-territorju tal-Komunità;

(b) l-importazzjoni fil-Komunità ta' l-i spare parts u l-aċċessorji bl-għan tat-tiswija ta' dawn il-vetturi u bastimenti;

(ċ) it-twettiq tat-tiswija fuq dawn il-vetturi u bastimenti.

Artikolu 21

Eżawriment tad-drittijiet

Id-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju ma għandhomx jestendu għall-atti li jkollhom x'jaqsmu ma' prodott li fihom jiġi inkorporat, jew li għalihom jiġi applikat disinn inkluż ġewwa l-iskop tal-protezzjoni tad-disinn Komunitarju, meta l-prodott ikun inħareġ fis-suq fil-Komunità mill-pussessur tad-disinn Komunitarju jew bil-kunsens tiegħu.

Artikolu 22

Drittijiet ta' l-użu minn qabel rigward disinn Komunitarju rreġistrat

1. Għandu jeżisti dritt għall-użu minn qabel għal kull persuna terza li tista' tistabbilixxi illi qabel id-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni, jew, jekk ikun hemm talba ta' prijorità, qabel id-data tal-prijorità, tkun bdiet b'rieda tajba l-użu ġewwa l-Komunità, jew kienet għamlet tħejjijiet serji u effettivi għal dan l-għan, ta' disinn inkluż fl-iskop tal-protezzjoni ta' disinn Komunitarju rreġistrat, li ma jkunx ikkupjat minn dan ta' l-aħħar.

2. Id-dritt għall-użu minn qabel għandu jintitola lill-persuna terza li tisfrutta d-disinn għall-għanijiet li għalihom ikun ġie effettwat l-użu, jew li għalihom ikunu saru tħejjijiet serji u effettivi, qabel id-data ta' l-infilzar jew tal-prijorità tad-disinn Komunitarju rreġistrat.

3. Id-dritt għall-użu minn qabel ma għandux jestendi għall-konċessjoni ta' liċenzja lil persuna oħra sabiex tisfrutta d-disinn.

4. Id-dritt ta' l-użu minn qabel ma jistax jiġi ttrasferit għajr, meta l-persuna terza tkun negozju, flimkien ma' dik il-parti tan-negozju li fil-kors tagħha ikun sar l-att jew saru t-tħejjijiet.

Artikolu 23

Użu governattiv

Kull dispożizzjoni fil-liġijiet ta' Stat Membru illi tippermetti l-użu tad-disinji nazzjonali mill-gvern jew li għalih tista' tiġi applikata għad-disinji Komunitarji, imma biss safejn u sakemm dan l-użu jkun meħtieġ għall-ħtiġiet tad-difiża jew tas-sigurtà essenzjali.

Taqsima 5

Invalidità

Artikolu 24

Dikjarazzjoni ta' l-invalidità

1. Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jiġi ddikjarat invalidu fuq applikazzjoni lill-Uffiċċju skond il-proċedura fit-Titoli VI u VII jew minn qorti tad-disinji Komunitarji fuq il-bażi ta' kontrotalba fil-proċeduri tal-kontravenzjonijiet.

2. Disinn Komunitarju jista' jiġi ddikjarat invalidu saħansitra wara li jkun skada jew ġie ċedut id-disinn Komunitarju.

3. Disinn Komunitarju mhux irreġistrat għandu jiġi ddikjarat invalidu minn qorti tad-disinji Komunitarji fuq applikazzjoni lil din il-qorti jew fuq il-bażi ta' kontrotalba fil-proċeduri tal-kontravenzjonijiet.

Artikolu 25

Raġunijiet għall-invalidità

1. Disinn Komunitarju jista' jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:

(a) jekk id-disinn ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(a);

(b) jekk ma jwettaqx il-ħtiġiet ta' l-Artikoli 4 sa 9;

(ċ) jekk, bis-saħħa ta' deċiżjoni tal-qorti, il-pussessur tad-dritt ma jkunx intitolat għad-disinn Komunitarju skond l-Artikolu 14;

(d) jekk disinn Komunitarju jkun f'konflitt ma' disinn minn qabel li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn Komunitarju, u li jkun protett minn data minn qabel id-data msemmija minn disinn Komunitarju rreġistrat jew minn applikazzjoni għal dan id-disinn, jew bi dritt rigward disinn irreġistrat ta' Stat membru, jew b'applikazzjoni għal dan id-dritt;

(e) jekk jintuża sinjal distintiv f'disinn sussegwenti, u l-liġijiet Komunitarji jew il-liġijiet ta' Stat Membru li jirregolaw dan is-sinjal jikkonferixxu fuq il-pussessur tad-dritt għas-sinjal id-dritt li jipprojbixxi dan l-użu;

(f) jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux awtorizzat ta' xogħol protett bil-liġjiet tad-drittijiet ta' l-awtur ta' Stat Membru;

(g) jekk id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta' kull oġġett elenkat fl-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali minn issa 'l quddiem imsejħa bħala "il-Konvenzjoni ta' Pariġi", jew tal-badges, l-emblemi u l-armi tar-razza l-oħra għajr dawk koperti bl-Artikolu 6ter u li jkunu ta' interess pubbliku partikolari fi Stat Membru.

2. Ir-raġuni pprovduta fil-paragrafu (1)(ċ) tista' tiġi invokata biss mill-persuna intitolata għad-disinn Komunitarju skond l-Artikolu 14.

3. Ir-raġunijiet ipprovduti fil-paragrafu (1)(d), (e) u (f) jistgħu jiġu invokati biss mill-applikant għad-dritt ta' iktar qabel jew mill-pussessur tiegħu.

4. Ir-raġuni pprovduta fil-paragrafu (1)(g) tista' tiġi invokata biss mill-persuna jew l-entità interessati fl-użu.

5. Il-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal-libertà ta' l-Istati Membri li jipprovdu illi r-raġunijiet ipprovduti fil-paragrafi (1)(d) u (g) jistgħu jiġu invokati wkoll mill-awtorità approprjata ta' l-Istat Membru fil-kwistjoni fuq l-inizjattiva tagħha nnfisha.

6. Disinn Komunitarju rreġistrat li jkun ġie ddikjarat invalidu skond il-paragrafu (1)(b), (e), (f) jew (g) jista' jinżamm f'għamla emendata, jekk f'din l-għamla jħares il-ħtiġiet għall-protezzjoni u tinżamm l-identità tad-disinn. "Iż-żamma fl-ordni" f'għamla emendata tista' tinkludi r-reġistrazzjoni akkumpanjata mit-tneħħija parzjali tat-talba tal-pussessur ta' disinn Komunitarju rreġistrat jew id-dħul fir-reġistru b'deċiżjoni tal-qorti jew b'deċiżjoni ta' l-Uffiċċju li jiddikjaraw l-invalidità parzjali ta' disinn Komunitarju rreġistrat.

Artikolu 26

Konsegwenzi ta' l-invalidità

1. Disinn Komunitarju għandu jitqies li ma kellux, sa mill-bidu tiegħu, l-effetti speċifikati f'dan ir-Regolament, safejn u sakemm ikun ġie ddikjarat invalidu.

2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkollhom x'jaqsmu mat-talbiet għall-kumpens rigward il-ħsara kkawżata min-negliġenza jew bin-nuqqas ta' rieda tajba min-naħa tal-pussessur ta' disinn Komunitarju, jew minħabba l-għoti mhux ġust tas-sinjurija, l-effett retroattiv ta' l-invalidità tad-disinn Komunitarju ma għandu jaffettwa:

(a) l-ebda deċiżjoni dwar kontravenzjoni li tkun kisbet l-awtorità minn deċiżjoni finali u li tkun ġiet infurzata minn qabel id-deċiżjoni dwar l-invalidità;

(b) l-ebda kuntratt konkluż minn qabel id-deċiżjoni finali, safejn u sakemm ikun twettaq qabel id-deċiżjoni; madankollu tista' ssir talba għall-ħlas lura, safejn u sakemm iġġustifikata miċ-ċikostanzi, tas-somom imħallsa skond il-kuntratt rilevanti għar-raġunijiet ta' l-ekwità.

TITOLU III

DISINJI KOMUNITARJI BĦALA OĠĠETTI TA' PROPRJETÀ

Artikolu 27

Meta d-disinji Komunitarji jiġu ttrattati bħala drittijiet nazzjonali tad-disinji

1. Għajr jekk l-Artikoli 28, 29, 31, 31 u 32 jipprovdu xorta oħra, disinn Komunitarju bħala oġġett ta' proprjetà għandu jiġi ttrattat fl-intier tiegħu, u għaż-żona kollha tal-Komunità, bħala dritt ta' disinn nazzjonali ta' l-Istat Membru li fih:

(a) il-pussessur ikollu s-sede jew id-domiċilju tiegħu fid-data rilevanti; jew

(b) meta ma japplikax il-punt (a), il-pussessur ikollu stabbiliment fid-data rilevanti.

2. Fil-każ ta' disinn Komunitarju rreġistrat, għandu japplika l-paragrafu 1 skond id-dħul fir-reġistru.

3. Fil-każ ta' pussessuri konġunti, jekk tnejn jew iktar iwettqu l-kondizzjoni fil-paragrafu 1, l-Istat Membru riferit f'dan il-paragrafu għandu jiġi stabbilit:

(a) fil-każ ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat, b'riferiment għall-pussessur konġunt rilevanti innominat minnhom bi ftehim komuni;

(b) fil-każ ta' disinn Komunitarju rreġistrat, b'riferiment għall-ewwel wieħed mill-pussessuri konġunti fl-ordni li biha huma msemmija fir-reġistru.

4. Meta l-paragrafi 1, 2, u 3 ma japplikawx, l-Istat Membru riferit fil-paragrafu 1 għandu jkun l-Istat Membru li fih tkun lokata s-sede ta' l-Uffiċċju.

Artikolu 28

Trasferiment tad-disinn Komunitarju rreġistrat

It-trasferiment ta' disinn Komunitarju rreġistrat għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) fuq it-talba ta' wieħed mill-partijiet, trasferiment għandu jiddaħħal fir-reġistru u jiġi ppubblikat;

(b) saż-żmien li fih it-trasferiment ikun iddaħħal fir-reġistru, is-suċċessur fit-titolu ma jistax jinvoka d-drittijiet li joħorġu mir-reġistrazzjoni ta' disinn Komunitarju;

(ċ) meta jkun hemm limiti li għandhom jiġu osservati fit-trattati ma' l-Uffiċċju, is-suċċessur fit-titolu jista' jagħmel id-dikjarazzjoni korrispondenti lill-Uffiċċju ġaladarba t-talba għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tkun ġiet irċevuta mill-Uffiċċju.

(d) id-dokumenti kollha li bis-saħħa ta' l-Artikolu 66 jeħtieġu notifika lill-pussessur ta' disinn Komunitarju rreġistrat għandhom jiġu indirizzati mill-Uffiċċju lill-persuna rreġistrata bħala l-pussessur jew bħala r-rappreżentant tiegħu, jekk ikun ġie maħtur wieħed.

Artikolu 29

Drittijiet in rem dwar disinn Komunitarju rreġistrat

1. Disinn Komunitarju rreġistrat jista' jingħata bħala garanzija jew ikun is-suġġett ta' drittijiet in rem.

2. Fuq it-talba ta' wieħed mill-partijiet, id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiddaħħlu fir-reġistru u jiġu ppubblikati.

Artikolu 30

Qbid tat-twettiq biex jitħallas id-dejn

1. Disinn Komunitarju rreġistrat jista' jiġi maqbud fit-twettiq tiegħu sabiex jitħallas id-dejn.

2. Rigward il-proċedura tal-qbid tat-twettiq biex jiħallas id-dejn fejn jidħol disinn Komunitarju rreġistrat, għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva l-qrati u l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru stabbiliti skond l-Artikolu 27.

3. Fuq it-talba ta' wieħed mill-partijiet, il-qbid tat-twettiq sabiex jitħallas id-dejn għandu jiddaħħal fir-reġistru u jiġi ppubblikat.

Artikolu 31

Proċeduri rigward falliment

1. Il-proċeduri waħdiena rigward falliment li fihom jista' jkun involut disinn Komunitarju għandhom ikunu dawk miftuħa fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun hemm iċ-ċentru fejn ikunu lokati l-interessi ewliena ta' debitur.

2. Fil-każ tal-pussess konġunt ta' disinn Komunitarju, għandu japplika paragrafu 1 rigward is-sehem tal-proprjetarju konġunt.

3. Meta disinn Komunitarju jkun involut fi proċeduri ta' falliment, fuq it-talba ta' l-awtorità kompetenti nazzjonali għandu jsir dħul fir-reġistru b'dan l-effett u jiġi ppubblikat fil-Bullettin tad-Disinji Komunitarji riferit fl-Artikolu 73(1).

Artikolu 32

Liċenzji

1. Disinn Komunitarju jista' jingħata liċenzja għall-Komunità kollha jew għal parti minnha. Liċenzja tista tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

2. Mingħajr preġudizzju għal kull proċediment legali msejjes fuq il-liġijiet tal-kuntratti, il-pussessur jista' jinvoka d-drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju kontra wieħed bil-liċenzja li jikser kull dispożizzjoni fil-kuntratt tiegħu tal-liċenzja rigward it-tul taż-żmien tagħha, l-għamla li fiha jista' jintuża d-disinn, il-firxa tal-prodotti li għalihom tkun ġiet konċessa l-liċenzja u l-kwalità tal-prodotti ffabbrikati minn min ikollu l-liċenzja.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-liċenzja, min ikollu l-liċenzja jista' jiftaħ proċeduri rigward il-ksur ta' disinn Komunitarju biss jekk il-pussessur tad-dritt jagħti l-kunsens tiegħu għal dan. Madankollu, il-pussesur ta' liċenzja esklużiva jista' jiftaħ dawn il-proċeduri jekk il-pussessur tad-dritt għad-disinn Komunitarju, wara li jkun ta avviż ta' dan, ma jressaqx personalment il-proċeduri tal-kontravenzjoni f'perjodu approprjat taż-żmien.

4. Min ikollu liċenzja għandu jkun intitolat, bl-għan li jikseb kumpens għall-ħsara sofferta minnu, li jintervjeni f'kawża ta' kontravenzjoni miġjuba mill-pussessur tad-dritt għal disinn Komunitarju.

5. Fil-każ ta' disinn Komunitarju rreġistrat, il-konċessjoni jew it-trasferiment ta' liċenzja rigward dan id-dritt għandha, fuq it-talba ta' wieħed mill-partijiet, tiddaħħal fir-reġistru u tiġi ppubblikata.

Artikolu 33

Effetti vis-à-vis partijiet terzi

1. L-effetti vis-à-vis l-partijiet terzi fl-atti legali riferiti fl-Artikoli 28, 29, 30 u 32 għandhom jiġu rregolati bil-liġijiet ta' l-Istati Membri stabbiliti skond l-Artikolu 27.

2. Madankollu, rigward id-disinji Komunitarji rreġistrati, l-atti legali riferiti fl-Artikoli 28, 29 u 32 għandu jkollhom effett biss vis-à-vis partijiet terzi fl-Istati Membri kollha wara d-dħul fir-reġistru. Madankollu, dan l-att, qabel ma hekk jiddaħħal, għandu jkollu effett vis-à-vis partijiet terzi li jkunu kisbu d-drittijiet għad-disinn Komunitarju rreġistrat wara d-data ta' dan l-att imma li kienu jafu bl-att fid-data li fiha nkisbu d-drittijiet,

3. Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għal persuna li tikseb id-disinn Komunitarju rreġistrat jew dritt li jirrigwarda d-disinn Komunitarju rreġistrat permezz tat-trasferiment ta' l-impriża kollha jew b'kull mezz ieħor universali tas-suċċessjoni.

4. Sakemm jasal iż-żmien li fih jidħlu fis-seħħ ir-regoli komuni ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-falliment, l-effetti vis-à-vis il-partijiet terzi fil-proċeduri tal-falliment għandhom ikunu rregolati bil-liġijiet ta' l-Istati Membri li fihom dawn il-proċeduri jinġiebu għall-ewwel darba taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali li jistgħu jiġu applikati f'dan il-qasam.

Artikolu 34

Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat bħala oġġett tal-proprjetà

1. Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat bħala oġġett tal-proprjetà għandu jiġi ttrattat fl-intier tiegħu, u għaż-żona kollha tal-Komunità, bħala dritt nazzjonali tad-disinji ta' l-Istat Membru stabbilit skond l-Artikolu 27.

2. L-Artikoli 29, 29, 30, 31, 32 u 33 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-applikazzjonijiet għad-disinji Komunitarji rreġistrati. Meta l-effett ta' waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tkun bil-kondizzjoni tad-dħul fir-reġistru, din il-formalità għandha tiġi mwettqa mar-reġistrazzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat li jirriżulta.

TITOLU IV

APPLIKAZZJONI GĦAL DISINN KOMUNITARJU RREĠISTRAT

Taqsima 1

Infilzar ta' l-applikazzjonijiet u l-kondizzjonijiet li jirregolawhom

Artikolu 35

Infilzar u l-kunsinna ta' l-applikazzjonijiet

1. Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandu jiġi infilzat, fuq l-għażla ta' l-applikant:

(a) fl-Uffiċċju; jew

(b) fl-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru; jew

(ċ) fil-pajjiżi Benelux, fl-Uffiċċju tad-Disinji tal-Benelux.

2. Meta l-applikazzjoni tiġi infilzata fl-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru jew fl-Uffiċċju tad-Disinji tal-Benelux, dawn l-uffiċċji għandhom jieħdu l-passi kollha sabiex jikkunsinnaw l-applikazzjoni lill-Uffiċċju fi żmien ġimagħtejn mill-infilzar. L-applikant jista' jiġi mġiegħel iħallas dritt li ma għandux jaqbeż l-ispejjeż amministrattivi ta' l-irċevuta u l-kunsinna ta' l-applikazzjoni.

3. Hekk kif l-Uffiċċju jkun irċieva applikazzjoni li tkun ġiet ikkunsinnata minn uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru jew mill-Uffiċċju tad-Disinji tal-Benelux, għandu jgħarraf lill-applikant kif xieraq, fejn jindika d-data ta' meta tkun ġiet irċevuta fl-Uffiċċju.

4. Mhux inqas minn 10 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar il-ħidma tas-sistema ta' l-infilzar ta' l-applikazzjonijiet għad-disinji Komunitarji rreġistrati, akkumpanjat b'kull proposta għal reviżjoni li jidhrilha approprjata.

Artikolu 36

Kondizzjonijiert li għandhom iħarsu l-applikanti

1. Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandu jkun fiha:

(a) talba għar-reġistrazzjoni;

(b) tagħrif li jidentifika l-applikant;

(ċ) rappreżentazzjoni tad-disinn xieraq għar-riproduzzjoni. Madankollu, jekk l-oġġett ta' l-applikazzjoni jkun disinn ta' żewġ dimensjonijiet u l-applikazzjoni tkun fiha talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 50, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn tista' tinbidel b'mudell.

2. L-applikazzjoni għandu barra minn hekk ikun fiha indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat.

3. B'żieda ma' dan, l-applikazzjoni jista' jkun fiha:

(a) deskrizzjoni li tispjega r-rappreżentazzjoni jew il-mudell;

(b) talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 50;

(ċ) tagħrif li jidentifika r-rappreżentant jekk l-applikant ikun ħatar wieħed;

(d) il-klassifika tal-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li magħhom jkun maħsub li jiġi applikat skond il-klassi;

(e) iċ-ċitazzjoni tad-disinjatur jew tat-tim tad-disinjaturi jew dikjarazzjoni dwar ir-responsabbiltà ta' l-applikant illi d-disinjatur jew it-tim tad-disinjaturi jkunu rrinunzjaw għad-dritt li jiġu ċitati.

4. L-applikazzjoni għandha tkun bla ħsara għall-ħlas ta' dritt tar-reġistrazzjoni u ta' dritt tal-pubblikazzjoni. Meta talba għad-differiment skond paragrafu 3(b) tiġi infilzata, id-dritt tal-pubblikazzjoni jinbidel fi dritt għad-differiment tal-pubblikazzjoni.

5. L-applikazzjoni għandha tħares il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

6. It-tagħrif li jkun jinsab fl-elementi msemmija fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3(a) sa (d) ma għandux jaffettwa l-iskop tal-protezzjoni tad-disinn bħala ta' hekk.

Artikolu 37

Applikazzjonijiet multipli

1. Numru ta' disinji jistgħu jiġu magħquda flimkien f'applikazzjoni multipla għad-disinji Komunitarji rreġistrati. Għajr fil-każijiet ta' tiżjin, din il-possibbiltà hija bla ħsara għall-kondizzjoni illi l-prodotti li fihom huwa maħsub li jiġu inkorporati d-disinji jew li magħhom huwa maħsub li jiġu applikati lkoll jappartjenu għall-istess klassi tal-Klassifika Internazzjonali tad-Disinji Industrijali.

2. Minbarra d-drittijiet riferiti fl-Artikolu 3(4), l-applikazzjoni multipla għandha tkun bla ħsara għall-ħlas ta' dritt addizzjonali tar-reġistrazzjoni u dritt addizzjonali tal-pubblikazzjoni. Meta applikazzjoni multipla jkun fiha talba għad-differiment tal-pubblikazzjoni id-dritt addizzjonali tal-pubblikazzjoni għandu jinbidel bid-dritt addizzjonali tad-differiment tal-pubblikazzjoni. Id-drittijiet addizzjonali għandhom jikkorrispondu mad-drittijiet bażiċi għal kull wieħed mid-disinji addizzjonali.

3. L-applikazzjoni multipla għandha tħares il-kondizzjonijiet tal-preżentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

4. Kull wieħed mid-disinji li jkun jinsab f'applikazzjoni jew reġistrazzjoni multipla jista' jiġi ttrattat separatament mill-oħrajn bl-għan li jiġi applikat dan ir-Regolament. Jista' b'mod partikolari, separatament mill-oħrajn, jiġi infurzat, liċenzjat, ikun is-suġġett ta' dritt in rem, il-proċeduri tal-qbid tat-twettiq minħabba dejn jew falliment, jiġi ċedut, imġedded jew assenjat, ikun is-suġġett ta' pubblikazzjoni ddifferita jew iddikjarat invalidu. Applikazzjoni jew reġistrazzjoni multipla tista' tiġi maqsuma f'applikazzjonijiet jew reġistrazzjonijiet separati biss skond il-kondizzjonijiet iddikjarati fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 38

Data ta' l-infilzar

1. Id-data ta' l-infilzar ta' applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandha tkun id-data li fiha d-dokumenti li jkun fihom it-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 36(3) jiġu infilzati fl-Uffiċċju mill-applikant, jew, jekk l-applikazzjoni tkun ġiet infilzata fl-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru jew fl-Uffiċċju tad-Disinji tal-Benelux, ma' dan l-uffiċċju.

2. B'deroga mill-paragrafu 1, id-data ta' l-infilzar ta' applikazzjoni infilzata fl-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru jew fl-Uffiċċju tad-Disinji tal-Benelux u li jaslu l-Uffiċċju iktar minn xahrejn wara d-data li fiha d-dokumenti li jkun fihom it-tagħrif speċifikat fl-Artikolu 36(1) ikunu ġew infilzati għandha tkun id-data ta' meta jkunu ġew irċevuti dawn id-dokumenti mill-Uffiċċju.

Artikolu 39

Ekwivalenza ta' l-infilzar Komunitarju ma' l-infilzar nazzjonali

Applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat li jkun ġie mogħti data sabiex jiġi infilzat għandha tkun ekwivalenti fl-Istati Membri għall-infilzar regolari nazzjonali, inkluż meta jkun hemm talba approprjata għall-applikazzjoni msemmija.

Artikolu 40

Klassifika

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, għandu jsir użu mill-Anness mal-Ftehim li jistabbilixxi Klassifika Internazzjonali għad-Disinji Industrijali ffirmat f'Locarno fit-8 ta' Ottubru 1968.

Taqsima 2

Prijorità

Artikolu 41

Dritt tal-prijorità

1. Persuna li tkun infilzat applikazzjoni kif dovut għad-dritt ta' disinn jew għal mudell ta' utilità fi jew għal Stat parti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, jew tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jew is-suċċessuri tagħha fit-titolu, għandhom igawdu, bl-għan li jinfilzaw applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat rigward l-istess disinn, dritt tal-prijorità ta' sitt xhur mid-data ta' l-infilzar ta' l-ewwel applikazzjoni.

2. Kull infilzar li jkun ekwivalenti għall-infilzar regolari nazzjonali skond il-liġijiet nazzjonali ta' l-Istat fejn tkun intgħamlet jew skond ftehim bilaterali jew multi-nazzjonali għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala li joħolqu dritt tal-prijorità.

3. "Infilzar regolari nazzjonali" ifisser kull infilzar li jkun biżżejjed sabiex jistabbilixxi d-data li fiha l-applikazzjoni tkun infilzata, ikun xi jkun ir-riżultat ta' l-applikazzjoni.

4. Applikazzjoni sussegwenti għal disinn li kienet is-suġġett ta' l-ewwel applikazzjoni, u li tiġi infilzata fl-istess Stat jew rigward tiegħu, għandha titqies bħala l-ewwel applikazzjoni bl-għan li tiġi stabbilita l-prijorità, sakemm, fid-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni sussegwenti, l-ewwel applikazzjoni tkun ġiet irtirata, mitluqa jew irrifjutata mingħajr ma tiġi miftuħa għall-ispezzjon pubbliku u mingħajr ma tħalli ebda drittijiet bla mwettqa, u ma tkunx serviet bħala bażi għat-talba ta' prijorità. L-applikazzjoni preċedenti tista' ma sservix wara dan bħala bażi għat-talba ta' dritt għall-prijorità.

5. Jekk l-ewwel infilzar ikun sar fi Stat li ma jkunx parti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, jew tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-paragrafi 1 sa 4 għandhom japplikaw biss safejn u sakemm dan l-Istat, skond is-sejbiet ippubblikati, jikkonċedi, fuq il-bażi ta' l-infilzar magħmul l-Uffiċċju u bla ħsara għall-kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament, dritt għall-prijorità li jkollu effett ekwivalenti.

Artikolu 42

Talba għall-prijorità

Applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat li jixtieq jieħu vantaġġ mill-prijorità ta' applikazzjoni preċedenti għandu jinfilza dikjarazzjoni ta' prijorità u kopja ta' l-applikazzjoni ta' qabel. Jekk l-ilsien ta' din ta' l-aħħar ma jkunx wieħed mill-ilsna ta' l-Uffiċċju, l-Uffiċċju jista' jeħtieġ traduzzjoni ta' l-applikazzjoni preċedenti f'wieħed minn dawn l-ilsna.

Artikolu 43

Effett tad-dritt għall-prijorità

L-effett tad-dritt għall-prijorità għandu jkun dak illi d-data tal-prijorità għandha tgħodd bħala d-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għall-għanijiet ta' l-Artikoli 5, 6, 7, 22, 25(1)(d) u 50(1).

Artikolu 44

Prijorità ta' l-esibizzjoni

1. Jekk applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat ikun żvela prodotti li fihom ikun inkoporat id-disinn, jew li għalihom ikun applikat, f'esibizzjoni uffiċjali jew waħda internazzjonali magħrufa uffiċjalment li tidħol fit-termini tal-Konvenzjoni ta' l-Esibizzjonijiet Internazzjonali ffirmata f'Pariġi fit-22 ta' Novembru 1928 u l-aħħar irriveduta fit-30 ta' Novembru 1972, jista', jekk jinfilza l-applikazzjoni f'perjodu taż-żmien ta' sitt xhur mid-data ta' l-ewwel żvelar ta' dawn il-prodotti, jagħmel talba għad-dritt għall-prijorità minn din id-data fit-tifsira ta' l-Artikolu 43.

2. Applikant li jixtieq jagħmel talba għall-prijorità skond paragrafu 1, bil-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni, għandu jinfilza x-xhieda illi jkun żvela f'esibizzjoni l-prodotti li fihom ikun inkorporat id-disinn jew li għalihom jiġi applikat.

3. Il-prijorità f'esibizzjoni konċessa minn Stat Membru jew f'pajjiż terz ma testendix il-perjodu taż-żmien tal-prijorità stabbilit fl-Artikolu 41.

TITOLU V

PROĊEDURA TAR-REĠISTRAZZJONI

Artikolu 45

Eżami rigward il-ħtiġiet formali għall-infilzar

1. L-Uffiċċju għandu jeżamina jekk l-applikazzjoni tħarisx il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 36(1) għall-qbil ma' data ta' l-infilzar.

2. L-uffiċċju għandu jeżamina jekk:

(a) l-applikazzjoni tikkonformax mal-ħtiġiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 36(2), (3), (4) u (5) u, fil-każ ta' applikazzjoni multipla, l-Artikolu 37(1) u (2);

(b) l-applikazzjoni tissodisfax il-ħtiġiet formali stabbiliti fir-Regolament li jimplimenta l-Artikoli 36 u 37;

(ċ) jiġux issodisfati l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 77(2);

(d) jiġux sodisfatti l-ħtiġiet li jirrigwardaw il-talba għall-prijorità, jekk issir it-talba għall-prijorità.

3. Il-kondizzjoni għall-eżami dwar il-ħtiġiet formali ta' l-infilzar għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 46

Defiċjenzi li jistgħu jiġu rrimedjati

1. Meta, fit-twettiq ta' l-eżami fl-Artikolu 45, l-Uffiċċju jinnota illi jeżistu defiċjenzi li jistgħu jiġu kkorreġuti, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-applikant li jirrimedjahom fil-perjodu taż-żmien stabbilit.

2. Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 36(1) u l-applikant jikkonforma mat-talba ta' l-Uffiċċju fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-Uffiċċju għandu jagħti bħala d-data ta' l-infilzar id-data li fiha jiġu rrimedjati d-defiċjenzi. Jekk id-defiċjenzi ma jiġux irrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-applikazzjoni ma għandhiex tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat.

3. Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet, inkluż il-ħlas tad-drittijiet, kif riferit fl-Artikolu 45(2)(a), (b) u (ċ) u l-applikant jikkonforma mat-talba ta' l-Uffiċċju fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-Uffiċċju għandu jagħti bħala d-data ta' l-infilzar id-data li fiha kienet oriġinarjament infilzata. Jekk id-defiċjenzi jew in-nuqqas fil-ħlas ma jiġux irrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit, l-Uffiċċju għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

4. Jekk id-defiċjenzi jirrigwardaw il-ħtiġiet riferiti fl-Artikolu 45(2)(d), in-nuqqas li jiġu rrimedjati fil-perjodu taż-żmien stabbilit għandu jirriżulta fit-telfa tad-dritt għall-prijorità ta' l-applikazzjoni.

Artikolu 47

Raġunijiet għan-nuqqas tal-kapaċità tar-reġistrazzjoni

1. Jekk l-Uffiċċju, fit-twettiq ta' l-eżami skond l-Artikolu 45, jinnota illi d-disinn li għalih tkun qiegħda titfittex il-protezzjoni:

(a) ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(a); jew

(b) imur kontra l-politika pubblika jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità, għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

2. L-applikazzjoni ma għandhiex tiġi rrifjutata qabel ma l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jirtira jew jemenda l-applikazzjoni jew li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

Artikolu 48

Reġistrazzjoni

Jekk ikunu twettqu l-ħtiġiet illi għandha tissodisfa applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat u safejn u sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet irrifjutata bis-saħħa ta' l-Artikolu 47, l-Uffiċċju għandu jirreġistra l-applikazzjoni fir-Reġistru tad-disinji Komunitarji bħala disinn Komunitarju rreġistrat. Ir-reġistrazzjoni għandha ġġorr id-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni riferita fl-Artikolu 38.

Artikolu 49

Pubblikazzjoni

Mar-reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jippubblika d-disinn Komunitarju rreġistrat fil-Bullettin tad-Disinji Komunitarji kif imsemmi fl-Artikolu 73(1). Il-kontenut tal-pubblikazzjoni għandu jiġi huma ddikjarati fir-Regolament ta' implimentazzjoni ddikjarat fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 50

Differiment tal-pubblikazzjoni

1. L-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jista' jitlob, meta jinfilza l-applikazzjoni, illi l-pubblikazzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat jiġi ddifferit għal perjodu taż-żmien ta' 30 xahar mid-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni jew, jekk jagħmel talba għall-prijorità, mid-data tal-prijorità.

2. Fuq din it-talba, meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 48, għandu jiġi rreġistrat id-disinn Komunitarju rreġistrat, imma la r-rappreżentazzjoni tad-disinn u lanqas l-infilzar li jkollu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ma għandhom, bla ħsara għall-Artikolu 74(2), ikunu miftuħa għall-spezzjoni pubblika.

3. L-Uffiċċju għandu jippubblika fil-Bullettin tad-Disinji Komunitarji aċċenn għad-differiment tal-pubblikazzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat. L-aċċenn għandu jkun akkumpanjat bit-tagħrif li jidentifika l-pussessur tad-dritt għad-disinn Komunitarju rreġistrat, id-data ta' l-infilzar ta' l-applikazzjoni u kull partikolarità oħra stabbilita bir-Regolament ta' implimentazzjoni.

4. Mat-temma tal-perjodu taż-żmien tad-differiment, jew f'kull data iktar bikrija fuq it-talba tal-pussessur tad-dritt, l-Uffiċċju għandu jiftaħ għall-ispezzjon pubbliku id-dħul kollha fir-reġistru u fl-inkartament li jkollu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni u għandu jippubblika d-disinn Komunitarju rreġistrat fil-Bullettin tad-Disinji Komunitarji, sakemm, fil-limiti taż-żmien stabbilit bir-Regolament ta' implimentazzjoni:

(a) jitħallsu d-dritt tal-pubblikazzjoni u, fil-każ ta' applikazzjoni multipla, id-dritt addizzjonali tal-pubblikazzjoni;

(b) meta jsir użu mill-għażla skond l-Artikolu 36(1)(ċ), il-pussessur tad-dritt ikun infilza rappreżentazzjoni tad-disinn fl-Uffiċċju.

Jekk il-pussessur tad-dritt jonqos milli jħares dawn il-ħtiġiet, id-disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies mill-bidunett li ma kellux l-effetti speċifikati f'dan ir-Regolament.

5. Fil-każ ta' l-applikazzjonijiet multipli, paragrafu 4 ma għandux għalfejn jiġi applikat għal uħud mid-disinji li jkunu jinsabu fiha.

6. Il-ftuħ ta' proċeduri legali fuq il-bażi ta' disinn Komunitarju rreġistrat matul il-perjodu taż-żmien tad-differiment tal-pubblikazzjoni għandu jkun bla ħsara għall-kondizzjoni illi t-tagħrif li jkun jinsab fir-reġistru u fl-inkartament li jkollu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni jkun ġie kkomunikat lill-persuna li kontra tagħha tkun ġiet miftuħa l-kawża.

TITOLU VI

IĊ-ĊEDIMENT U L-INVALIDITÀ TAD-DISINN KOMUNITARJU RREĠISTRAT

Artikolu 51

Ċediment

1. Iċ-ċediment ta' disinn Komunitarju rreġistrat għandu jiġi ddikjarat lill-Uffiċċju bil-miktub mill-pussessur tad-dritt. Ma għandux ikollu effett sakemm ikun imdaħħal fir-reġistru.

2. Jekk jiġi ċedut disinn Komunitarju rreġistrat li jkun bla ħsara għad-differiment tal-pubblikazzjoni għandu jitqies mill-bidunett li ma kellux l-effetti speċifikati f'dan ir-Regolament.

3. Disinn Komunitarju rreġistrat jista' jiġi ċedut b'mod parzjali sakemm l-għamla emendata tiegħu tikkonforma mal-ħtiġiet tal-protezzjoni u tinżamm l-identità tad-disinn.

4. Iċ-ċediment għandu jiġi rreġistrat biss bi ftehim mal-proprjetarju ta' dritt imdaħħal fir-reġistru. Jekk liċenzja tkun irreġistrata, iċ-ċediment għandu jiddaħħal fir-reġistru biss jekk il-pussessur tad-dritt għad-disinn Komunitarju rreġistrat jagħti provi illi jkun għarraf lil min ikollu l-liċenzja bl-intenzjoni tiegħu taċ-ċediment. Dan id-dħul għandu jintgħamel mat-temma tal-perjodu taż-żmien stabbilit bir-Regolament ta' implimentazzjoni.

5. Jekk tkun tressqet kawża quddiem qorti tad-disinji Komunitarji skond l-Artikolu 14 li jkollha x'taqsam ma' intitolament għal disinn Komunitarju rreġistrat, l-Uffiċċju ma għandux idaħħal iċ-ċediment fir-reġistru mingħajr il-qbil tal-pretendent.

Artikolu 52

Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità

1. Bla ħsara għall-Artikolu 25(3), (3) (4) u (5), kull persuna naturali jew legali, kif ukoll awtorità pubblika mogħtija s-setgħa li tagħmel dan, jistgħu jissottomettu lill-Uffiċċju applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat.

2. L-applikazzjoni għandha tiġi infilzata f'dikjarazzjoni rraġunata bil-miktub. Ma għandhiex titqies li tkun ġiet infilzata sakemm tkun tħallas dritt fuq l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità.

3. Applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ma għandhiex tkun ammissibbli jekk applikazzjoni li jkollha x'taqsam ma' l-istess suġġett u l-kawża, u tinvolvi l-istess partijiet, tkun ġiet aġġudikata dwar disinn Komunitarju rreġistrat u tkun kisbet l-awtorità ta' deċiżjoni finali.

Artikolu 53

Eżami ta' l-applikazzjoni

1. Jekk l-Uffiċċju jsib illi l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità hija ammissibbli, l-Uffiċċju għandu jeżamina jekk ir-raġunijiet għall-invalidità riferiti fl-Artikolu 25 jippreġudikawx iż-żamma fl-ordni ta' disinn Komunitarju rreġistrat.

2. Fl-eżami ta' l-applikazzjoni, li għandu jiġi kondott skond ir-Regolament ta' implimentazzjoni, l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, spiss daqs kemm ikun jinħtieġ, sabiex jinfilzaw osservazzjonijiet, f'perjodu taż-żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Uffiċċju, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra jew maħruġa minnu stess.

3. Id-deċiżjoni li tiddikjara disinn Komunitarju rreġistrat bħala invalidu għandha tiddaħħal fir-reġistru meta ssir finali.

Artikolu 54

Parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi

1. Fil-każ li tkun ġiet infilzata applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komuntarju rreġistrat, u sakemm ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni finali mill-Uffiċċju, kull parti terza li tipprova illi ġew imressqa kontra tagħha proċeduri għall-ksur tal-liġi dwar l-istess disinn tista' tidħol bħala parti fil-proċeduri ta' l-invalidità fuq talba sottomessa fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jkunu nfetħu l-proċeduri dwar il-kontravenzjoni.

L-istess għandu japplika rigward kull parti terza illi tipprova kemm li l-pussessur tad-dritt għad-disinn Komunitarju rreġistrat jieqaf mill-kontravenzjoni allegata tad-disinn u li jkun fetaħ proċeduri għal deċiżjoni mill-qorti illi ma jkunx qiegħed jikser id-disinn Komunitarju.

2. It-talba sabiex jidħol bħala parti għandha tiġi infilzata f'dikjarazzjoni rraġunata bil-miktub. Ma għandhiex titqies li tkun ġiet infilzata sakemm ma jkunx għadu tħallas id-dritt għall-invalidità riferit fl-Artikolu 52(2). Wara dan it-talba għandha, bla ħsara għal kull eċċezzjoni stabbilita fir-Regolament ta' implimentazzjoni, tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità.

TITOLU VII

APPELLI

Artikolu 55

Deċiżjonijiet suġġetti għall-appell

1. Għandu jkun hemm appell mid-deċiżjonijiet ta' l-eżaminaturi, l-Amministrazzjoni tat-Trademarks u d-Disinji u d-Diviżjoni Legali u d-Diviżjonijiet ta' l-Invalidità. Għandu jkollu effett sospensiv.

2. Deċiżjoni li ma ttemmx il-proċeduri rigward waħda mill-partijiet tista' tiġi appellata minnha biss flimkien mad-deċiżjoni finali, għajr jekk id-deċiżjoni tippermetti appell separat.

Artikolu 56

Persuni intitolati li jappellaw u li jkunu parti fil-proċeduri ta' l-appell

Kull parti fil-proċeduri affettwata b'mod negattiv b'deċiżjoni tista' tappella minnha. Kull parti oħra fil-proċeduri għandha tkun parti fil-proċeduri ta' l-appell bi dritt.

Artikolu 57

Limitu taż-żmien u l-għamla ta' l-appell

L-avviż ta' appell għandu jiġi infilzat bil-miktub fl-Uffiċċju fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata minnha. L-avviż għandu jitqies li jkun ġie infilzat biss meta jkun tħallas id-dritt għall-appell. Fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika dwar id-deċiżjoni, għandha tiġi infilzata dikjarazzjoni bil-miktub li tiffissa r-raġunijiet għall-appell.

Artikolu 58

Reviżjoni interlokutorja

1. Jekk id-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu tiġi kkontestata jikkunsidra illi l-appell huwa ammissibbli u msejjes tajjeb, għandu jirrettifika d-deċiżjoni tiegħu. Dan ma għandux japplika meta l-applikant jiġi opponut minn parti oħra fil-proċeduri.

2. Jekk id-deċiżjoni ma tiġix irrettifikata fi żmien xahar mid-dikjarazzjoni tar-raġunijiet, l-appell għandu jiġi rrimandat lill-Bord ta' l-Appell mingħajr dewmien u mingħajr kummenti dwar il-merti tiegħu.

Artikolu 59

Eżaminazzjoni ta' l-appelli

1. Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord ta' l-Appell għandu jeżamina jekk l-appell għandux jitħalla.

2. Fl-eżaminazzjoni ta' l-appell, il-Bord ta' l-Appell għandu jistieden lill-partijiet, spiss daqs kemm ikun jinħtieġ, sabiex jinfilzaw osservazzjonijiet, f'perjodu taż-żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Bord ta' l-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħra jew maħruġa minnu stess.

Artikolu 60

Deċiżjonijiet rigward l-appelli

1. Wara l-eżaminazzjoni dwar il-merti ta' l-appell, il-Bord ta' l-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-appell. Il-Bord ta l-Appell jista' jew jeżerċita l-poteri tiegħu ġewwa l-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli mid-deċiżjoni appellata minnha jew jirrimanda l-każ lil dan id-dipartiment għal iktar prosekuzzjoni.

2. Jekk il-Bord ta' l-Appell jirrimanda l-każ għal iktar prosekuzzjoni lid-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu kienet appellata minnha, dan id-dipartiment għandu jkun marbut bir-ratio dicendi tal-Bord ta' l-Appell, safejn u sakemm il-fatti jkunu l-istess.

3. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell għandu jkollhom effett biss mid-data tat-temma tal-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 61(5) jew, jekk tkun inġiebet kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-perjodu taż-żmien, mid-data tar-rifjut ta' din l-kawża.

Artikolu 61

Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1. Jistgħu jitressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell dwar l-appelli.

2. Il-kawża tista' titressaq għal raġunijiet ta' nuqqas ta' kompetenza, il-ksur ta' ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta' dan ir-Regolament jew kull regola oħra li jkollha x'taqsam ma l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter.

3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla jew tibdel deċiżjoni kkontestata.

4. Il-kawża għandha tkun miftuħa għal kull parti fil-proċeduri quddiem il-Bord ta' l-Appell affettwata b'mod negattiv bid-deċiżjoni tiegħu.

5. Il-kawża għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell.

6. L-Uffiċċju għandu jkun meħtieġ illi jieħu l-passi meħtieġa sabiex jikkonforma mal-ġudizzju tal-Qorti tal-Ġustizzja.

TITOLU VIII

PROĊEDURA QUDDIEM L-UFFIĊĊJU

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 62

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa d-deċiżjonijiet

Id-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa. Għandhom ikunu msejsa biss fuq raġunijiet jew xhieda li fihom il-partijiet interessati jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

Artikolu 63

Eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu

1. Fil-proċeduri quddiemu, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu. Madankollu, il-proċeduri li jkollhom x'jaqsmu ma' dikjarazzjoni ta' l-invalidità, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett f'din l-eżaminazzjoni bil-fatti, bix-xhieda u bl-argumenti pprovduti mill-partijiet u bir-rimedju mfittex.

2. L-Uffiċċju jista' ma jagħtix kas tal-fatti jew tax-xhieda li ma jiġux sottomessi fiż-żmien dovut mill-partijiet interessati.

Artikolu 64

Proċeduri legali bil-fomm

1. Jekk l-Uffiċċju jikkunsidra illi iktar jaqblu l-proċeduri bil-fomm, dawn għandhom jinżammu fuq l-istanza ta' l-Uffiċċju jew fuq it-talba ta' kull parti fil-proċeduri.

2. Il-proċeduri bil-fomm, inkluża l-għotja tad-deċiżjoni, għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, għajr jekk id-dipartiment li quddiemu jkunu qegħdin isiru l-proċeduri jiddeċiedi xorta oħra meta d-dħul tal-pubbliku jista' jkollu żvantaġġi gravi u mhux iġġustifikati, b'mod partikolari għal waħda mill-partijiet fil-proċeduri.

Artikolu 65

Teħid tax-xhieda

1. F'kull proċedura quddiem l-Uffiċċju l-mezz għall-għotja u għall-ksib tax-xhieda għandu jinkludi dan li ġej:

(a) is-smigħ tal-partijiet;

(b) it-talbiet għat-tagħrif;

(ċ) il-produzzjoni tad-dokumenti u l-oġġetti tax-xhieda;

(d) is-smigħ tax-xhud;

(e) l-opinjoni mill-esperti;

(f) id-dikjarazzjonijiet bil-miktub, iġġuramentati jew affermati jew li jkollhom effett simili skond il-liġijiet ta' l-Istat fejn titfassal id-dikjarazzjoni.

2. Id-dipartiment rilevanti ta' l-Uffiċċju jista' jikkummissjona lil wieħed mill-membri tiegħu sabiex jeżamina x-xhieda ppreżentata.

3. Jekk l-Uffiċċju jikkunsidra illi parti, xhud jew espert jagħtu x-xhieda tagħhom bil-fomm, għandha toħroġ ċitazzjoni lill-persuna interessata sabiex tidher quddiemu.

4. Il-partijiet għandhom jiġu mgħarrfa bis-smigħ ta' xhud jew ta' espert quddiem l-Uffiċċju. Għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti u li jagħmlu mistoqsijiet lix-xhud jew lill-espert.

Artikolu 66

Notifika

L-Uffiċċju għandu, bħala materja tas-soltu, jinnotifika lil dawk interessati bid-deċiżjonijiet u ċ-ċitazzjonijiet u b'kull avviż jew komunikazzjoni oħra li għalihom jiġi maħsub limitu taż-żmien, jew li dwarhom dawk interessati għandhom jiġu nnotifikati skond dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament jew tar-Regolament ta' implimentazzjoni, u li għalihom tkun ġiet ordnata notifika mill-President ta' l-Uffiċċju.

Artikolu 67

Restutio in integrum

1. L-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew il-pussessur tiegħu jew kull parti oħra fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju li, minkejja li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha meħtieġa fiċ-ċirkostanzi, ma kinux kapaċi josservaw il-limiti taż-żmien vis-à-vis l-Uffiċċju, għandu jkollhom, fuq applikazzjoni, id-drittijiet tagħhom stabbiliti mill-ġdid jekk in-nuqqas ta' osservanza fil-kwistjoni jkollha konsegwenza diretta, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, li tikkawża t-telf ta' kull dritt jew mezz ta' rimedju.

2. L-applikazzjoni għandha tiġi infilzata bil-miktub fi żmien xahrejn mit-tneħħija tal-kawża ta' nuqqas ta' konformità mal-limitu taż-żmien. L-att imħolli barra għandu jiġi kkompletat f'dan il-perjodu taż-żmien. L-applikazzjoni għandha tkun ammissibbli biss fis-sena li tiġi immedjatament wara t-temma tal-limitu taż-żmien mhux osservat. Fil-każ tan-nuqqas tas-sottomissjoni tat-talba għat-tiġdid tar-reġistrazzjoni jew in-nuqqas ta' dritt li għandu jitħallas mill-ġdid, il-perjodu iktar taż-żmien ta' sitt xhur ipprovdut fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 13(3) għandu jiġi mnaqqas mill-perjodu taż-żmien ta' sena.

3. L-applikazzjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun imsejsa u għandha tiddikjara l-fatti li fuqhom toqgħod. Ma għandhiex titqies li tkun ġiet infilzata sakemm ikun tħallas id-dritt sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid.

4. Id-dipartiment kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar l-att imħolli barra għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni.

5. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal-limiti taż-żmien riferiti fil-paragrafu 2 u l-Artikolu 41(1).

6. Meta applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew il-pussessur tiegħu jkollhom drittijiethom stabbiliti mill-ġdid, jistgħu jinvokaw jew li d-drittijiet tagħhom vis-à-vis parti terza li, b'rieda tajba, fil-kors tal-perjodu taż-żmien bejn it-telf tad-drittijiet fl-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat jew tar-reġistrazzjoni mill-ġdid tiegħu u l-pubblikazzjoni tiegħu, ikun ħareġ fis-suq il-prodotti li fihom ikun ġie inkorporat disinn, jew ikun ġie applikat għalih, inkluż fl-firxa tal-protezzjoni tad-disinji Komunitarji rreġistrati.

7. Parti terza li tapprofitta ruħha mid-dispożizzjonijiet ta' paragrafu 6 tista' tqajjem proċeduri ta' parti terza kontra d-deċiżjoni li jiġu stabbiliti mill-ġdid id-drittijiet ta' l-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew tal-pusessur tiegħu f'perjodu taż-żmien ta' xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta' l-aċċenn sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid dawn id-drittijiet.

8. Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jillimita d-dritt ta' Stat Membru milli jikkonċedi restitutio in integrum rigward il-limiti taż-żmien ipprovduti f'dan ir-Regolament u li jitħares vis-à-vis l-awtoritajiet ta' dan l-Istat Membru.

Artikolu 68

Riferiment għall-prinċipji ġenerali

Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet proċedurali f'dan ir-Regolament, ir-Regolament ta' implimentazzjoni, ir-Regolament tad-drittijiet jew ir-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' l-Appell, l-Uffiċċju għandu jqis il-prinċipji tal-liġijiet proċedurali rrikonoxxuti ġeneralment fl-Istati Membri.

Artikolu 69

Temma ta' l-obbligi finanzjarji

1. Id-drittijiet ta' l-Uffiċċju għall-ħlas tad-drittijiet għandhom jiġu preskritti milli jsiru għal erba' snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jkunu dovuti d-drittijiet.

2. Id-drittijiet kontra l-Uffiċċju għar-rifużjoni tad-drittijiet jew tas-somom tal-flus imħallsa b'eċċess ta' dritt għandhom jiġu preskritti milli jsiru wara erba' snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha jkun inħoloq id-dritt.

3. Il-perjodi taż-żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interrotti, fil-każ tal-paragrafu 1, b'talba għall-ħlas tad-dritt u, fil-każ tal-paragrafu 2, b'talba rraġunata bil-miktub. Ma' l-interruzzjoni għandu jerġa' jibda minnufih u għandu jtemm l-iktar tard sitt snin wara t-tmiem tas-sena li fiha jkun oriġinarjament inbeda, għajr jekk sadattant inkunu nfetħu l-proċeduri ġudizzjarji sabiex jiġi infurzat id-dritt. F'dan il-każ, il-perjodu taż-żmien għandu jtemm l-iktar kmieni sena qabel ma s-sentenza tikseb l-awtorità ta' deċiżjoni finali.

Taqsima 2

L-ispejjeż

Artikolu 70

Tqassim ta' l-ispejjeż

1. Il-parti t-telliefa fil-proċeduri għal deċiżjoni dwar dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat jew il-proċeduri ta' l-appell għandhom iġorru d-drittijiet miġrura mill-parti l-oħra kif ukoll l-ispejjeż kollha miġrura minnha essenzjali għall-proċeduri, inklużi l-vjaġġi u s-sosteniment u r-rimunerazzjoni ta' aġent, konsulent jew avukat, fil-limiti ta' l-iskali ffissati għal kull kategorija ta' spejjeż skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

2. Madankollu, meta kull waħda mill-partijiet tirbaħ uħud mis-suġġetti u titlef oħrajn, jew jekk ir-raġunijiet ta' l-ekwità hekk jiddettaw, id-Diviżjoni ta' l-Invalidità jew il-Bord ta' l-Appell għandhom jiddeċiedu taqsima differenti ta' l-ispejjeż.

3. Parti li ttemm il-proċeduri billi ċċedi d-disinn Komunitarju rreġistrat jew billi ma ġġeddidx ir-reġistrazzjoni tiegħu jew billi tirtira l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità jew l-appell, għandha ġġorr id-drittijiet u l-ispejjeż miġrura mill-parti l-oħra kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2.

4. Meta każ ma jwassalx għal sentenza, l-ispejjeż għandhom ikunu fid-diskrezzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Invalidità jew tal-Bord ta' l-Appell.

5. Meta l-partijiet jikkonkludu quddiem id-Diviżjoni ta' l-Invalidità jew il-Bord ta' l-Appell ftehim dwar l-ispejjeż li jkun differenti minn dak ipprovdut fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4, il-korp interessat għandu jieħu nota ta' dan il-ftehim.

6. Fuq talba, l-uffiċċju fejn jinżammu r-reġistri tad-Diviżjoni ta' l-Invalidità jew tal-Bord ta' l-Appell għandhom jiffissaw l-ammont ta' l-ispejjeż skond il-paragrafi preċedenti. L-ammont hekk stabbilit jista' jiġi studjat mill-ġdid b'deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Invalidità jew tal-Bord ta' l-Appell fuq talba infilzata fil-perjodu taż-żmien stabbilit mir-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 71

L-infurzar tad-deċiżjonijiet li jiffissaw l-ammont ta' l-ispejjeż

1. Kull deċiżjoni finali ta' l-Uffiċċju li tiffissa l-ammont ta' l-ispejjeż għandha tkun tista' tiġi infurzata.

2. L-infurzar għandu jkun irregolat bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fit-territorju tiegħu jitwettaq. L-ordni għall-infurzar tiegħu għandha tiġi mehmuża bħala appendiċi mad-deċiżjoni, mingħajr l-ebda formalità għajr il-verifika ta' l-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità nazzjonali li l-gvern ta' kull Stat Membru għandu jinnomina għal dan l-għan u li għandu jagħmel magħruf lill-Uffiċċju u lill-Qorti tal-Ġustizzja,

3. Meta dawn il-formalitajiet jitlestew fuq l-applikazzjoni tal-parti interessata, din ta' l-aħħar tista' tipproċedi għall-infurzar skond il-liġijiet nazzjonali, billi tressaq il-materja direttament quddiem l-awtorità kompetenti.

4. L-infurzar jista' jiġi sospiż biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-qrati ta' l-Istati Membri interessati għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fuq l-ilmenti li l-infurzar ikun qiegħed jitwettaq f'manjiera irregolari.

Taqsima 3

It-tagħrif lill-pubbiku u lill-awtoritajiet uffiċjali ta' l-Istati Membri

Artikolu 72

Reġistru tad-disinji Komunitarji

L-Uffiċċju għandu jżomm reġistru li jkun magħruf bħala r-reġistru tad-disinji Komunitarji, li għandu jkun fih dawk il-partikolaritajiet li tagħhom tkun ipprovduta r-reġistrazzjoni b'dan ir-Regolament jew bir-Regolament ta' implimentazzjoni. Ir-reġistru għandu jkun miftuħ għall-pubbliku, għajr safejn u sakemm l-Artikolu 52(2) jipprovdi xorta oħra.

Artikolu 73

Pubblikazzjonijiet perjodiċi

1. Dan l-Uffiċċju għandu jippubblika perjodikament Bullettin tad-Disinji Komunitarji li jkun fih id-dħul miftuħ għall-ispezzjoni pubblika fir-reġistru kif ukoll il-partikolaritajiet l-oħra li l-pubblikazzjoni tagħhom hija stabbilita b'dan ir-Regolament jew bir-Regolament ta' implimentazzjoni.

2. L-avviżi u t-tagħrif ta' karattru ġenerali maħruġ mill-President ta' l-Uffiċċju, kif ukoll kull tagħrif ieħor rilevanti għal dan ir-Regolament jew l-implimentazzjoni tiegħu, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Uffiċċju.

Artikolu 74

Spezzjon tal-files

1. Il-files li jkollhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjonijiet għad-disinji Komunitarji rreġistrati li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati jew il-files li jkollhom x'jaqsmu mad-disinji Komunitarji rreġistrati li jkunu bla ħsara għad-differiment tal-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 50 jew li, billi jkunu bla ħsara għal dan id-differiment, ikunu ġew ċeduti qabel jew fit-temma ta' dan il-perjodu taż-żmien, ma għandhomx ikunu disponibbli għall-ispezzjoni mingħajr il-kunsens ta' l-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew il-pussessur tad-dritt għalih.

2. Kull persuna li tista' tistabbilixxi interess tista' tispezzjona inkartament mingħajr il-kunsens ta' l-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat jew il-pussessur tiegħu qabel il-pubblikazzjoni jew wara ċ-ċediment ta' dan ta' l-aħħar fil-każ ipprovdut fil-paragrafu 1.

Dan għandu japplika b'mod partikolari jekk il-persuna interessata ġġib il-provi illi l-applikant għad-disinn Komunitarju rreġistrat jew il-pussessur tiegħu jkunu ħadu passi bil-ħsieb li jinvokaw kontra tiegħu d-dritt għad-disinn Komunitarju rreġistrat.

3. Wara l-pubblikazzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat, l-inkartament jista' jiġi spezzjonat fuq talba.

4. Madankollu, meta inkartament jiġi spezzjonat skond il-paragrafi 2 jew 3, ċerti dokumenti fl-inkartament jistgħu jiġu miżmuma mill-ispezzjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' implimentazzjoni.

Artikolu 75

Kooperazzjoni amministrattiva

Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament jew fil-liġijiet nazzjonali, l-Uffiċċju u l-qrati jew l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom fuq talba jagħtu għajnuna lil xulxin billi jikkomunikaw it-tagħrif jew jiftħu l-files għall-ispezzjoni.

Meta l-Uffiċċju jiftaħ il-files għall-ispezzjoni mill-qrati, l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi jew l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali, l-ispezzjon ma għandux ikun bla ħsara għar-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 74.

Artikolu 76

Skambju tal-pubblikazzjonijiet

1. L-Uffiċċju u l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil xulxin fuq talba u għall-użu tagħhom infushom kopja jew iktar tal-pubblikazzjonijiet rispettivi tagħhom mingħajr ħlas.

2. L-Uffiċċju jista' jikkonkludi ftehim li jkollu x'jaqsam ma' l-iskambju jew il-provvista tal-pubblikazzjonijiet.

Taqsima 4

Rappreżentanza

Artikolu 77

Prinċipji ġenerali tar-rappreżentanza

1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-ebda persuna ma għandha tkun imġiegħla li tiġi rrappreżentata quddiem l-Uffiċċju.

2. Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-paragrafu 3, il-persuni naturali jew legali li ma jkollhom la d-domiċilju tagħhom u lanqas il-post prinċipali tan-negozju tagħhom jew stabbiliment tan-negozju jew stabbiliment kummerċjali reali u effettiv fil-Komunità għandhom jiġu rrappreżentati quddiem l-Uffiċċju stabbilit b'dan ir-Regolament, għajr dak ta' l-infilzar ta' applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat; ir-Regolament ta' implimentazzjoni jista' jippermetti eċċezzjonijiet.

3. Il-persuni naturali jew legali li jkollhom id-domiċilju tagħhom jew il-post ta' l-istabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv fil-Komunità jistgħu jkunu rrappreżentati quddiem l-Uffiċċju minn wieħed mill-impjegati tagħhom, li għandu jinfilza miegħu (l-Uffiċċju) awtorizzazzjoni ffirmata sabiex jiġu inklużi l-files, li d-dettalji tagħhom huma ddikjarati fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

Impjegat jew persuna legali li għalihom japplika dan il-paragrafu jistgħu jirrappreżentaw ukoll persuni legali oħra li jkollhom konnessjonijiet ekonomiċi ma' l-ewwel persuna legali, saħansitra jekk dawn il-persuni legali l-oħra ma jkollhom la d-domiċilju tagħhom u lanqas il-post prinċipali tan-negozju u lanqas stabbiliment industrijali jew kummerċjali reali u effettiv ġewwa l-Komunità.

Artikolu 78

Rappreżentanza professjonali

1. Ir-rappreżentanza ta' persuni naturali jew legali fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju skond dan ir-Rgolament jistgħu jiġu midħula għalihom biss minn:

(a) kull prattikant tal-liġi kkwalifikat f'wieħed mill-Istati Membri u li jkollu l-post tax-xogħol tiegħu ġewwa l-Komunità, safejn u sakemm ikun intitolat, ġewwa l-Istat Membru msemmi, li jaġixxi bħala rappreżentant fil-materji tal-proprjetà industrijali; jew

(b) kull rappreżentant professjonali li ismu jkun ġie mdaħħal fil-lista tar-rappreżentanti professjonali riferita fl-Artikolu 89(1)(b) tar-Regolament dwar il-marki Komunitarji tal-fabbrika; jew

(ċ) il-persuni li isimhom ikun imdaħħal fil-lista speċjali tar-rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn riferit fil-paragrafu 4.

2. Il-persuni riferiti fil-paragrafi 1(ċ) għandhom ikunu intitolati biss li jirrappreżentaw terzi persuni fil-proċeduri rigward il-materji tad-disinn quddiem l-Uffiċċju.

3. Ir-Regolament ta' implimentazzjoni għandu jipprovdi jekk u taħt liema kondizzjonijiet ir-rappreżentanti għandhom jinfilzaw ma' l-Uffiċċju awtorizzazzjoni ffirmata sabiex tiddaħħal fil-files.

4. Kull persuna naturali tista' tiġi mdaħħla fil-lista speċjali tar-rappreżentanti professjonali fil-materji tad-disinn, jekk twettaq il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandha tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri;

(b) għandha jkollha l-post tan-negozju jew ta' l-impjieg tagħha fil-Komunità;

(ċ) għandha tkun intitolata li tirrappreżenta persuni naturali jew legali fil-materji tad-disinn quddiem l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' Stat Membru jew quddiem l-Uffiċċju tad-Disinji tal-Benelux. Meta, f'dan l-Istat, l-intitolament f'materji tad-disinn ma jkunx bil-kondizzjoni tal-ħtieġa ta' kwalifiki professjonali speċali, il-persuni li japplikaw sabiex jiddaħħlu fil-lista għandhom ikunu ħadmu bi drawwa fil-materji tad-disinn quddiem l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' l-Istat imsemmi għal mill-inqas ħames snin. Madankollu, il-persuni li l-kwalifika personali tagħhom sabiex jirrappreżentaw persuni naturali jew legali f'materji tad-disinn quddiem l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà ta' wieħed mill-Istati Membri jkunu rrikonoxxuti uffiċjalment skond ir-regolamenti stabbiliti minn dan l-Istat ma għandhomx ikunu bla ħsara għall-kondizzjoni li jkunu eżerċitaw il-professjoni.

5. Id-dħul fil-lista riferita fil-paragrafu 4 għandu jiġi effettwat fuq talba akkumpanjata minn ċertfikat fornit mill-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta' l-Istat Membru interessat, li għandha tindika illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu msemmi.

6. Il-President ta' l-Uffiċċju jista' jikkonċedi eżenzjoni minn:

(a) il-ħtieġa tal-paragrafu 4(a) f'ċirkostanzi speċjali;

(b) il-ħtieġa tat-tieni sentenza tal-paragrafu 4(ċ) jekk l-applikant iforni prova illi kiseb il-kwalifika meħtieġa f'manjiera oħra.

7. Il-kondizzjonijiet li fuqhom persuna tista' titneħħa mil-lista għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni.

TITOLU IX

IL-ĠURISDIZZJONI U L-PROĊEDURA LEGALI FIL-KAWŻI LI JKOLLHOM X'JAQSMU MAD-DISINJI KOMUNITARJI

Taqsima 1

Il-ġurisdizzjoni u l-infurzar

Artikolu 79

Applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar

1. Għajr jekk speċifikat xorta oħra f'dan ir-Regolament, il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tas-Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussel fis-27 ta' Settembru 1968 [7], minn issa 'l quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar", għandha tapplika għall-proċeduri li jkollhom x'jaqsmu mad-disinji Komunitarji u l-applikazzjonijiet għal disinji Komunitarji rreġistrati, kif ukoll rigward il-proċeduri li jkollhom x'jaqsmu ma' kawżi fuq il-bażi tad-disinji Komunitarji u d-disinji nazzjonali li jgawdu protezzjoni simultanja.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar li jkunu ġew magħmula applikabbli bil-paragrafi 1 għandu jkollhom effett rigward kull Stat Membru fit-test tal-qari biss li jkun fis-seħħ rigward dan l-Istat f'kull ħin partikolari.

3. Fil-każ tal-proċeduri rigward il-kawżi u l-talbiet riferiti fl-Artikolu 85:

(a) ma għandhomx japplikaw l-Artikoli 2, 4, 5(1), (3), (4) u (5), 16(4) u 24 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar;

(b) l-Artikoli 17 u 18 għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet fl-Artikolu 82(4) ta' dan ir-Regolament;

(ċ) id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta' din il-Konvenzjoni li jkunu applikabbli għall-persuni ddomiċiljati fi Stat Membru għandhom japplikaw ukoll għall-persuni li jkollhom domiċilju f'kull Stat Membru imma jkollhom stabbiliment fih.

4. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ma għandux ikollhom effett rigward kull Stat Membru li għalih il-Konvenzjoni tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ. Sakemm jiġri dan id-dħul fis-seħħ, il-proċeduri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati f'dan l-Istat Membru b'kull konvenzjoni bilaterali jew multilaterali li tirregola r-relazzjoni tiegħu ma' kull Stat Membru interessat, jew, jekk ma teżisti l-ebda konvenzjoni minn din, bil-liġijiet domestiċi tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni, l-għarfien u l-infurzar tad-deċiżjonijiet

Taqsima 2

Il-kontroversji li jinteressaw il-ksur tal-liġi u l-validità tad-disinji Komunitarji

Artikolu 80

Qrati tad-disinji Komunitarji

1. L-Istati Membi għandhom jinnominaw fit-territorju tagħhom numru limitat kemm jista' jkun ta' qrati u tribunali nazzjonali ta' l-ewwel u t-tieni istanza (qrati tad-disinji Komunitarji) li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom b'dan ir-Regolament.

2. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni mhux iktar tard mis-6 ta' Marzu 2005 lista tal-qrati tad-disinji Komunitarji, fejn jindikaw isimhom u t-territorju tagħhom tal-ġurisdizzjoni.

3. Kull bidla magħmula wara l-komunikazzjoni tal-lista riferita fil-paragrafu 2 rigward in-numru, l-ismijiet jew il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati tad-disinji Komunitarji għandha tiġi kkomunikata mingħajr dewmien mill-Istat Membru interessat lill-Kummissjoni.

4. It-tagħrif riferit fil-paragrafi 2 u 3 għandu jiġi nnotifikat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Sakemm Stat Membru ma jkunx ikkomunika l-lista stabbilita fil-paragrafu 2, il-ġurisdizzjoni dwar kull proċediment li tirriżulta minn kawża koperta bl-Artikolu 81 li fuqha l-qrati ta' dan l-Istat ikollhom il-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 82 għandha tkun ma' dak il-qorti ta' l-Istat fil-kwistjoni li kien ikollu l-ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae fil-każ tal-proċeduri li għandhom x'jaqsmu mad-dritt ta' disinn nazzjonali ta' dan l-Istat.

Artikolu 81

Ġurisdizzjoni dwar il-ksur tal-liġi u l-validità

Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklużiva rigward:

(a) il-kawżi ta' kontravenzjoni u — jekk permessi bil-liġijiet nazzjonali — rigward kontravenzjoni mhedda tad-disinji Komunitarji;

(b) il-kawżi dwar id-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kontravenzjoni tad-disinji Komunitarji, jew permessi bil-liġijiet nazzjonali;

(ċ) il-kawżi dwar dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat;

(d) il-kontrotalbiet għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju mqajma f'konnessjoni mal-kawżi taħt (a).

Artikolu 82

Ġurisdizzjoni internazzjonali

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u kull dispożizzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar applikabbli bis-saħħa ta' l-Artikolu 79, il-proċeduri rigward il-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81, għandhom jinġiebu quddiem il-qrati ta' l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-konvenut jew, jekk ma jkunx iddomiċiljat f'wieħed mill-Istati Membri, f'kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

2. Jekk il-konvenut la jkun iddomiċiljat u lanqas ma jkollu stabbiliment f'wieħed mill-Istati Membri, dawn il-proċeduri għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta' l-Istat Membru li fih ikun iddomiċiljat il-kwerelant jew, jekk ma jkun iddomiċiljat fl-ebda Stat membru, f'kull Stat Membru li fih ikollu stabbiliment.

3. Jekk la l-konvenut u lanqas il-kwerelant ma jkunu hekk iddomiċiljati jew ikollhom l-istabbiliment, dawn il-proċeduri għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta' l-Istat Membru fejn għandu s-sede tiegħu l-Uffiċċju.

4. Minkejja l-paragrafi 1, 2, u 3:

(a) għandu japplika l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar jekk il-partijiet jiftiehmu illi għandu jkollha l-ġurisdizzjoni qorti differenti tad-disinji Komunitarji;

(b) għandu japplika l-Artikolu 18 ta' din il-Konvenzjoni jekk il-konvenut irid li jidher quddiem qorti differenti tad-disinji Komunitarji.

5. Il-proċeduri rigward il-kawżi u l-talbiet riferiti fl-Artikolu 81(a) u (d) jistgħu wkoll jitressqu quddiem il-qrati ta' l-Istat Membru li fih kien kommess jew mhedded l-att ta' kontravenzjoni.

Artikolu 83

Safejn u sakemm twassal il-ġurisdizzjoni rigward il-ksur tal-liġi

1. Qorti tad-disinji Komunitarji li l-ġurisdizzjoni tiegħu hija msejsa fuq l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward l-atti ta' kontravenzjoni kommessi jew mhedda ġewwa t-territorju ta' kull wieħed mill-Istati Membri.

2. Qorti tad-disinji Komunitarji li l-ġurisdizzjoni tagħha hija msejsa fuq l-Artikolu 82(5) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward l-atti ta' kontravenzjoni kommessi jew mhedda ġewwa t-territorju ta' l-Istat Membru li fih tkun lokata din il-qorti.

Artikolu 84

Kawża jew il-kontrotalba dwar dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju

1. Kawża jew kontrotalba dwar dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju tista' tkun imsejsa biss fuq ir-raġunijiet ta' l-invalidità msemmija fl-Artikolu 25.

2. Fil-każijiet riferiti fl-Artikolu 25(2), (3), (4) u (5) il-kawża jew il-kontrotalba tista' titressaq biss mill-persuna intitolata skond dawn id-dispożizzjonijiet.

3. Jekk il-kontrotalba titressaq f'kawża legali li għaliha l-pussessur tad-disinn Komunitarju ma jkunx diġà parti, dan għandu jiġi mgħarraf b'dan u jista' jingħaqad bħala parti fil-kawża skond il-kondizzjonijiet iddikjarati fil-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn tkun lokata l-qorti.

4. Il-validità ta' disinn Komunitarju ma tistax tinġieb f'kawża għal dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' kontravenzjoni.

Artikolu 85

Preżunzjoni tad-difiża ta' validità rigward il-merti tagħha

1. Fil-proċeduri rigward kawża ta' kontravenzjoni jew kawża dwar kontravenzjoni mhedda dwar disinn Komunitarju, il-qorti tad-disinji Komunitarji għandu jittratta d-disinn Komunitarju bħala validu. Il-validità tista' tiġi sfidata biss b'kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità. Madankollu, talba li jkollha x'taqsam ma' l-invalidità ta' disinn Komunitarju, sottomessa xorta oħra għajr bħala kontrotalba, għandha tkun ammissbbli safejn u sakemm il-konvenut jagħmel talba illi d-disinn Komunitarju jista' jiġi ddikjarat invalidu minħabba dritt iktar bikri ta' disinn nazzjonali, fit-tifsira ta' l-Artikolu 25(1)(d), li jappartjeni lilu.

2. Fil-proċeduri rigward kawża ta' kontravenzjoni jew kawża ta' kontravenzjoni mhedda ta' disinn Komunitarju mhux irreġistrat, il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tittratta d-disinn Komunitarju bħala validu jekk il-pussessur tad-dritt jipproduċi prova illi ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 u jindika x'jikkostitwixxi l-karattru individwali tad-disinn Komunitarju tiegħu. Madankollu, il-konvenut jista' jikkontesta l-validità tiegħu permezz ta' talba jew b'kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità.

Artikolu 86

Sentenzi dwar l-invalidità

1. Meta fi proċediment quddiem il-qorti tad-disinji Komunitarji d-disinn Komunitarju jkun ġie mressaq permezz ta' kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità:

(a) jekk xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tinstab li tippreġudika ż-żamma tad-disinn Komunitarju, il-qorti għandha tiddikjara invalidu d-disinn Komunitarju;

(a) jekk l-ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 25 ma tinstab li tippreġudika ż-żamma tad-disinn Komunitarju, il-qorti għandha tirrifjuta l-kontrotalba.

2. Il-qorti tad-disinji Komunitarji li magħha tiġi infilzata kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità dwar disinn Komunitarju rreġistrat għandha tgħarraf lill-Uffiċċju bid-data li fiha tkun ġiet infilzata l-kontrotalba. Dan ta' l-aħħar għandu jirreġistra dan il-fatt fir-reġistru.

3. Hija u tisma' kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità l-qorti tad-disinji Komunitarji tista', fuq l-applikazzjoni mill-pussessur tad-dritt tad-disinn Komunitarju rreġistrat u wara li tkun semgħet lill-partijiet l-oħra twaqqaf il-proċeduri u titlob lill-konvenut jissottometti applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità lill-Uffiċċju fil-limitu taż-żmien li l-qorti għandha tistabbilixxi. Jekk l-applikazzjoni ma ssirx fil-limitu taż-żmien, il-proċeduri għandhom jissoktaw; il-kontrotalba għandha titqies bħala rtirata. Għandu japplika l-Artikolu 93(3).

4. Meta qorti tad-disinji Komunitarji jkun ta sentenza li tkun saret finali dwar kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat, kopja tas-sentenza għandha tintbagħat lill-Uffiċċju. Kull parti tista' titlob tagħrif dwar din it-trasmissjoni. L-Uffiċċju għandu jsemmi s-sentenza fir-reġistru skond id-diposizzjonijiet tar-Regolament ta' implimentazzjoni.

5. Ma tista' ssir l-ebda kontrotalba għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat jekk applikazzjoni li jkollha x'taqsam ma' l-istess suġġett u l-kawża ta' kawża, u tinvolvi l-istess partijiet, tkun ġiet stabbilita mill-Uffiċċju f'deċiżjoni li tkun saret finali.

Artikolu 87

Effetti tas-sentenzi dwar l-invalidità

Meta tkun saret finali, sentenza tal-qorti tad-disinji Komunitarji li tiddikjara invalidu disinn Komunitarju għandu jkollha fl-Istati Membri kollha l-effetti speċifikati fl-Artikolu 26.

Artikolu 88

Liġijiet applikabbli

1. Il-qrati tad-disinji Komunitarji għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2. Dwar il-materji kollha mhux koperti b'dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika l-liġijiet nazzjonali tagħha, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tagħha.

3. Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji għandha tapplika r-regoli ta' proċedura li jirregolaw l-istess tip ta' kawża li jkollha x'taqsam ma' dritt ta' disinn nazzjonali fl-Istat Membru fejn tkun lokata.

Artikolu 89

Sanzjonijiet fil-kawżi dwar il-ksur tal-liġi

1. Meta f'kawża dwar kontravenzjoni jew kontravenzjoni mhedda qorti tad-disinji Komunitarji ssib illi l-konvenut ikun kiser jew hedded li jikser disinn Komunitarju, għandha, jekk jeżistu raġunijiet speċjali sabiex ma tagħmilx hekk, tordna l-miżuri li ġejjin:

(a) ordni li tipprojbixxi lill-konvenut milli jipproċedi bl-atti li jkunu kisru jew jheddu li jiksru disinn Komunitarju;

(b) ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-prodotti tal-kontravenzjoni;

(ċ) ordni sabiex jiġu ssekwestrati l-materjali u l-għodod użati b'mod predominanti fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti b'kontravenzjoni, jekk il-pussessur tagħhom kien jaf bl-effett li għalih kien maħsub dan l-użu jew jekk dan l-effett kien ovvju fiċ-ċirkostanzi;

(d) kull ordni ti timponi sanzjonijiet oħra approprjati skond iċ-ċirkostanzi li jkunu pprovduti bil-liġijiet ta' l-Istat Membru li fih jiġu kommessi l-atti tal-kontravenzjoni jew tal-kontravenzjoni mhedda, inklużi l-liġijiet privati internazzjonali tiegħu.

2. Il-qorti tad-disinji Komunitarji għandha tieħu dawn il-miżuri skond il-liġijiet nazzjonali tagħha kif ikunu mmirati sabiex jiżguraw illi jitħarsu l-ordnijiet riferiti fil-paragafu 1.

Artikolu 90

Miżuri proviżorji, inklużi l-miżuri protettivi

1. Tista' ssir applikazzjoni lill-qrati ta' Stat Membru, inklużi l-qrati tad-disinji Komunitarji, għal dawk il-miżuri proviżorji, inklużi l-miżuri protettivi, dwar kif jista' jkun disponibbli disinn Komunitarju skond il-liġijiet ta' dan l-Istat rigward id-drittijiet ta' disinn nazzjonali saħansitra jekk, taħt dan ir-Regolament, qorti tad-disinji Komunitarji ta' Stat Membru ieħor ikollu l-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja.

2. Fil-proċeduri li jkollhom x'jaqsmu mal-miżuri proviżorji, inklużi l-prottettivi, għandhom ikunu ammissibbli xorta oħra għajr permezz ta' kontrotalba li jkollha x'taqsam ma' l-invalidità ta' disinn Komunitarju sottomess mill-konvenut. Madankollu, għandu japplika l-Artikolu 85(2) mutatis mutandis.

3. Qorti tad-disinji Komuntarji li l-ġurisdizzjoni tagħha tkun imsejsa fuq l-Artikolu 82(1), (2), (3) jew (4) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tikkonċedi miżuri proviżorji, inklużi miżuri protettivi, li, bla ħsara għal kull proċedura għar-rikonoxximent u l-infurzar skond it-Titolu III tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar, ikunu jistgħu jiġu applikati fit-territorju ta' kull Stat Membru. L-ebda qorti oħra ma għandu jkollha din il-ġurisdizzjoni.

Artikolu 91

Regoli speċifiċi dwar kawżi relatati

1. Qorti tad-disinji Komunitarji li tkun qiegħda tisma' kawża riferita fl-Artikolu 81, għajr kawża għal dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' ksur tal-liġi, għandha, għajr jekk ikun hemm raġunijiet sabiex tissokta s-smigħ, fuq l-inizjattiva tagħha wara li tisma' lill-partijiet, jew fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet u wara li tisma' lill-partijiet l-oħra, twaqqaf il-proċeduri meta l-validità tad-disinn Komunitarju tkun diġà fil-kawża quddiem qorti oħra tad-disinji Komunitarji minħabba kontrotalba jew, fil-każ ta' disinn Komunitarju rreġistrat, meta tkun diġà ġiet infilzata applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità fl-Uffiċċju.

2. Meta jkun qiegħed jisma' applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità ta' disinn Komunitarju rreġistrat, l-Uffiċċju għandu, għajr jekk ikun hemm raġunijiet speċjali sabiex jissokta s-smigħ, fuq l-inizjattiva tiegħu wara li jisma' lill-partijiet, iwaqqaf il-proċeduri meta l-validità ta' disinn Komunitarju rreġistrat ikun diġà f'kawża minħabba kontrotalba quddiem qorti tad-disinji Komunitarji. Madankollu, jekk waħda mill-partijiet fil-proċeduri quddiem qorti tad-disinji Komunitarji hekk titlob, il-qorti tista', wara li tisma' lill-partijiet l-oħra f'dawn il-proċeduri, twaqqaf il-proċeduri. L-Uffiċċju għandu f'dan il-każ jissokta bil-proċeduri pendenti quddiemu.

3. Meta qorti tad-disinji Komunitarji twaqqaf il-proċeduri tista' tordna miżuri proviżorji, inklużi miżuri protettivi, għat-tul taż-żmien tal-waqfien.

Artikolu 92

Ġurisdizzjoni tal-qrati tad-disinji Komunitarji tat-tieni istanza — iktar appelli

1. Appell lill-qrati tad-disinji Komunitarji tat-tieni istanza għandu joqgħod fuq is-sentenzi tal-qrati tad-disinji Komunitarji ta' l-ewwel istanza rigward il-proċeduri li joħorġu mill-kawżi u t-talbiet riferiti fl-Artikolu 81.

2. Il-kondizzjonijiet li fuqhom appell jista' jiġi ddepożitat quddiem qorti tad-disinji Komunitarji tat-tieni istanza għandu jiġi stabbilit bil-liġijiet nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn din il-qorti tkun lokata.

3. Ir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw iktar appelli għandhom ikunu jistgħu jiġu applikati rigward is-sentenzi tal-qrati tad-disinji Komunitarji tat-tieni istanza.

Taqsima 3

Kontroversji oħra li jirrigwardaw id-disinji Komunitarji

Artikolu 93

Dispożizzjonijiet supplimentari dwar il-ġurisdizzjoni ta' qrati nazzjonali oħra għajr il-qrati tad-disinji Komunitarji

1. Ġewwa l-Istati Membri li l-qrati tagħhom ikollhom ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 79(1) jew (4), dawn il-qrati għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni għall-kawżi li jkollhom x'jaqsmu ma' disinji Komunitarji oħra għajr dawk riferiti fl-Artikolu 81 li kien ikollhom il-ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae fil-każ ta' l-azzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mad-dritt ta' disinn nazzjonali f'dan l-Istat.

2. Il-kawżi li jkollhom x'jaqsmu ma' disinn Komunitarju, għajr dawk riferiti fl-Artikolu 81, li fuqhom l-ebda qorti ma jkollha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 79(1) u (4) u l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jinstemgħu quddiem il-qrati ta' l-Istat Membru li fih l-Uffiċċju għandu s-sede tiegħu.

Artikolu 94

Obbligi tal-qorti nazzjonali

Qorti nazzjonali li jkun qiegħed jittratta kawża li jkollha x'taqsam ma' disinn Komunitarju għajr dawk l-azzjonijiet riferiti fl-Artikolu 81 għandha tittratta d-disinn bla validu. Madankollu, għandhom japplikaw l-Artikoli 85(2) u 90(2) mutatis mutandis.

TITOLU X

EFFETTI FUQ IL-LIĠIJIET TA' L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 95

Kawżi paralleli fuq il-bażi tad-drittijiet tad-disinji Komunitarji u d-disinji nazzjonali

1. Meta l-kawżi dwar kontravenzjoni jew kontravenzjoni mhedda li jinvolvu l-istess kawża ta' kawża u bejn l-istess partijiet jitressqu quddiem il-qrati ta' Stati Membri differenti, il-waħda fil-pussess fuq il-bażi ta' disinn Komunitarju u l-oħra fil-pussess fuq il-bażi tad-dritt ta' disinn nazzjonali li jipprovdi l-istess protezzjoni, il-qorti għajr dik il-qorti li jkollha l-ewwel pussess għandha, fuq l-inizjattiva tagħha nnfisha, tirrifjuta l-ġurisdizzjoni favur din il-qorti. Il-qorti li tkun meħtieġa tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tista' twaqqaf il-proċeduri tagħha jekk tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra.

2. Il-qorti tad-disinji Komunitarji li tkun qiegħda tisma' l-kawża dwar il-kontravenzjoni jew il-kontravenzjoni mhedda fuq il-bażi ta' disinn Komunitarju għandha tirrifjuta l-kawża jekk tkun ġiet mogħtija sentenza fuq il-merti ta' l-istess kawża ta' kawża u bejn l-istess partijiet fuq il-bażi ta' dritt għal disinn li jipprovdi protezzjoni simultanja.

3. Il-qorti li tkun qiegħda tisma' kawża dwar kontravenzjoni jew kontravenzjoni mhedda fuq il-bażi tad-dritt għal disinn nazzjonali għandha tirrifjuta l-azzjoni jekk tkun ġiet mogħtija sentenza fuq il-merti dwar l-istess kawża ta' azzjoni u bejn l-istess partijiet fuq il-bażi ta' dritt għal disinn Komunitarju li jipprovdi protezzjoni simultanja.

4. Il-paragrafi 1, 2, u 3 ma għandhomx japplikaw rigward miżuri proviżorji, inklużi l-miżuri protettivi.

Artikolu 96

Relazzjoni ma' għamliet oħra tal-protezzjoni skond il-liġijiet nazzjonali

1. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni tal-liġijiet Komunitarji jew tal-liġijiet ta' l-Istati Membri interessati li għandhom x'jaqsmu mad-disinji mhux irreġistrati, mal-marki tal-fabbrika jew sinjali oħra distintivi, mal-patenti u l-mudelli ta' utilità, mat-tipi ta' l-istampa, mal-lijabbiltà ċivili u mal-kompetizzjoni inġusta.

2. Disinn protett minn disinn Komunitarju għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skond il-liġijiet tad-drittijiet ta' l-awtur ta' l-Istati Membri mid-data li fiha d-dritt kien maħluq jew iffissat f'kull għamla. Safejn u sakemm li għalihom din il-protezzjoni tiġi kkonferita u l-kondizzjonijiet li fuqhom din il-protezzjoni tiġi kkonferita, inkluż il-livell meħtieġ ta' l-oriġinalità, għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat membru.

IT-TITOLU XI

DISPOSIZZJONIJIET SUPPLIMENTARI LI JIRRIGWARDAW L-UFFIĊĊJU

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 97

Dispożizzjonijiet ġenerali

Għajr jekk ipprovdut xorta oħra f'dan it-Titolu, it-Titolu XII tar-Regolament dwar il-marka Komunitarja tal-fabbrika għandu japplika għall-Uffiċċju rigward il-kompiti tiegħu skond dan ir-Regolament.

Artikolu 98

Ilsien tal-proċeduri

1. L-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat għandu jiġi infilzat f'wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Komunità.

2. L-applikant għandu jindika lsien tat-tieni li għandu jkun l-ilsien ta' l-Uffiċċju li l-użu tiegħu jaċċetta bħala l-ilsien possibbli tal-proċeduri quddiem l-Uffiċċju.

Jekk l-applikazzjoni kienet infilzata f'ilsien li mhux wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Uffiċċju, l-Uffiċċju għandu jirranġa illi l-applikazzjoni tiġi maqluba fl-ilsien indikat mill-applikant.

3. Meta l-applikant għal disinn Komunitarju rreġistrat ikun il-parti waħdiena fil-proċeduri quddiem l-Uffiċċju, l-ilsien tal-proċeduri għandu jkun l-ilsien użat sabiex tiġi infilzata l-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni tkun saret fi lsien ieħor għajr l-ilsna ta' l-Uffiċċju, l-Uffiċċju jista' jibgħat komunikazzjoni bil-miktub lill-applikant f'ilsien tat-tieni indikat mill-applikant fl-applikazzjoni tiegħu.

4. Fil-każ tal-proċeduri dwar l-invalidità, l-ilsien tal-proċeduri għandu jkun l-ilsien użat b'mod uffiċjali sabiex tiġi infilzata l-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat jew dan ikun wieħed mill-ilsna ta' l-Uffiċċju. Jekk l-applikazzjoni tkun saret fi lsien ieħor għajr l-ilsna ta' l-Uffiċċju, l-ilsien tal-proċeduri għandu jkun l-ilsien tat-tieni indikat fl-applikazzjoni.

L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' l-invalidità għandha tiġi infilzata fl-ilsien tal-proċeduri.

Meta l-ilsien tal-proċeduri ma jkunx l-ilsien użat sabiex tiġi infilzata l-applikazzjoni, il-pussessur tad-dritt għad-disinn Komunitarju jista' jinfilza l-osservazzjonijiet fl-ilsien ta' l-infilzar. L-Uffiċċju għandu jirranġa sabiex dawn l-osservazzjonijiet jiġu maqluba fl-ilsien tal-proċeduri.

Ir-Regolament ta' implimentazzjoni jista' jipprovdi illi l-ispejjeż tat-traduzzjoni li għandhom jinġarru mill-Uffiċċju jistgħu ma jkunux, bla ħsara għal deroga konċessa mill-Uffiċċju meta ġġustifikata bil-komplessità tal-każ, jaqbżu l-ammont li għandu jiġi ffissat għal kull kategorija tal-proċeduri fuq il-bażi tad-daqs medju tad-dikjarazzjonijiet skond il-każ riċevut mill-uffiċċju. In-nefqa li taqbeż dan l-ammont tista' tiġi allokata lill-parti t-telliefa skond l-Artikolu 70.

5. Il-partijiet fil-proċeduri dwar l-invalidità jistgħu jiftiehmu illi ilsien uffiċjali differenti Komunitarju għandu ikun l-ilsien tal-proċeduri.

Artikolu 99

Pubblikazzjoni u r-reġistru

1. It-tagħrif kollu li l-pubblikazzjoni tiegħu hija stabbilita b'dan ir-Regolament jew bir-Regolament ta' implimentazzjoni għandu jiġi ppubblikat fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Komunità.

2. Id-dħul kollu fir-Reġistu tad-disinji Komunitarji għandu jsir fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Komunità.

3. Fl-każijiet ta' dubju, it-test awtentiku għandu jkun dak fl-ilsien ta' l-Uffiċċju li fih tkun ġiet infilzata l-applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat. Jekk l-applikazzjoni tkun ġiet infilzata fi lsien uffiċjali tal-Komunità għajr wieħed mill-ilsna ta' l-Uffiċċju, għandu jkun awtentiku t-test ta' lsien tat-tieni indikat fl-applikazzjoni.

Artikolu 100

Poteri supplimentari tal-President

B'żieda mal-funzjonijiet u l-poteri kkonferiti fuq il-President ta' l-Uffiċċju bl-Artikolu 119 tar-Regolament dwar il-marki Komunitarji tal-fabbrika, il-President jista' jressaq quddiem il-Kummissjoni kull proposta sabiex temenda dan ir-Regolament, ir-Regolament tad-drittijiet u kull regola oħra safejn u sakemm japplikaw għad-disinji Komunitarji rreġistrati, wara li jikkonsulta lill-Bord Amministrattiv u, fil-każ tar-Regolament dwar id-drittijiet, lill-Kumitat ta' l-Estimi Finanzjarji.

Artikolu 101

Poteri supplimentari tal-Bord Amministrattiv

B'żieda mal-poteri kkonferiti fuqu bl-Artikolu 121 et seq tar-Regolament dwar il-marki Komunitarji tal-fabbrika jew b'dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, il-Bord Amministrattiv għandu:

(a) jiffissa d-data ta' l-ewwel infilzar ta' l-applikazzjonijiet tad-disinji Komunitarji rreġistrati skond l-Artikolu 111(2);

(b) jiġi kkonsultat qabel jiġu adottati l-linji gwida dwar l-eżaminazzjoni rigward il-ħtiġiet formali, l-eżaminazzjoni rigward ir-raġunijiet għar-rifjut tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni u ta' invalidità fl-Uffiċċju u fil-każijiet l-oħra pprovduti f'dan ir-Regolament.

Taqsima 2

Proċeduri

Artikolu 102

Kompetenza

Sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet rigward il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu kompetenti dawn li ġejjin:

(a) l-eżaminaturi;

(b) l-Amministrazzjoni tat-Trademarks u d-Disinji u d-Diviżjoni Legali;

(ċ) id-Diviżjonijiet ta' l-Invalidità

(d) il-Bordijiet ta' l-Appell.

Artikolu 103

Eżaminaturi

Eżaminatur għandu jkun responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet f'isem l-Uffiċċju fejn ikollha x'taqsam applikazzjoni għal disinn Komunitarju rreġistrat.

Artikolu 104

Amministrazzjoni tat-Trademarks u d-Disinji u d-Diviżjoni Legali

1. L-Amministrazzjoni tal-Marki tal-Fabbrika u d-Diviżjoni Legali pprovduti fl-Artikolu 128 tar-Regolament dwar il-marka Komunitarja tal-fabbrika għandha ssir l-Amministrazzjoni tat-Trademarks u d-Disinji u d-Diviżjoni Legali.

2. B'żieda mal-poteri kkonferiti fuqha bir-Regolament dwar il-marka Komunitarja tal-fabbrika, għandha tkun responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet meħtieġa b'dan ir-Regolament li ma jidħlux fil-kompetenza ta' eżaminatur jew ta' Diviżjoni ta' l-Invalidità. Għandha b'mod partikolari tkun responsabbli mid-deċiżjonijiet rigward id-dħul fir-reġistru.

Artikolu 105

Diviżjonijiet ta' l-Invalidità

1. Diviżjoni ta' l-Invalidità għandha tkun responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet fejn għandhom x'jaqsmu l-applikazzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet ta' l-invalidità tad-disinji Komunitarji rreġistrati.

2. Diviżjoni ta' l-Invalidità għandu jkun fiha tliet membri. Mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun ikkwalifikat fil-liġi.

Artikolu 106

Bordijiet ta' l-Appell

B'żieda mal-poteri kkonferiti fuqhom bl-Artikolu 131 tar-Regolament dwar il-marki Komunitarji tal-fabbrika, il-Bordijiet ta' l-Appell stabbiliti b'dan ir-Regolament għandhom ikunu responsabbli li jiddeċiedu l-appelli mid-deċiżjonijiet ta' l-eżaminaturi, tad-Diviżjonijiet ta' l-Invalidità u mid-deċiżjonijiet ta' l-Amministrazzjoni tal-Marki tal-Fabbrika u tad-Disinji u tad-Diviżjoni Legali rigward id-deċiżjonijiet tagħhom fejn jirrigwardaw id-disinji Komunitarji.

TITOLU XII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 107

Regolament ta' implimentazzjoni

1. Ir-regoli li jimplimentaw dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f'Regolament ta' implimentazzjoni/

2. B'żieda mad-drittijiet diġà pprovduti f'dan ir-Regolament, id-drittijiet għandhom ordnati li jitħallsu, skond ir-regoli dettaljati ta' l-applikazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta' implimentazzjoni u f'Regolament dwar id-drittijiet, rigward il-każijiet elenkati hawn taħt:

(a) il-ħlas tard tad-dritt tar-reġistrazzjoni;

(b) il-ħlas tard tad-dritt tal-pubblikazzjoni;

(ċ) il-ħlas tard tad-dritt dwar id-differiment tal-pubblikazzjoni;

(d) il-ħlas tard tad-drittijiet addizzjonali għall-applikazzjonijiet multipli;

(e) il-ħruġ ta' kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni;

(f) ir-reġistrazzjoni tat-trasferiment ta' disinn Komunitarju rreġistrat;

(g) ir-reġistrazzjoni ta' liċenzja jew ta' dritt ieħor rigward disinn Komunitarju rreġistrat;

(h) il-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' liċenzja jew ta' dritt ieħor;

(i) il-ħruġ ta' estratt mir-reġistru;

(j) l-ispezzjoni tal-files;

(k) il-ħruġ ta' kopji tad-dokumenti mill-files;

(l) il-komunikazzjoni tat-tagħrif f'inkartament;

(m) ir-rivista dwar kif jiġu stabbiliti l-ispejjeż proċedurali li għandhom jiġu rifużi;

(n) il-ħruġ ta' kopji attestati ta' l-applikazzjoni.

3. Ir-Regolament ta' implimentazzjoni u r-Regolament dwar id-drittijiet għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 109(2).

Artikolu 108

Regoli ta' proċedura tal-Bordijiet ta' l-Appell

Ir-regoli ta' proċedura tal-Bordijiet ta' l-Appell għandhom japplikaw għall-appelli mismugħa minn dawn il-Bordijiet skond dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għal kull aġġustament jew dispożizzjoni addizzjonali meħtieġa, adottati skond il-poċedura stabbilita fl-Artikolu 109(2).

Artikolu 109

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 110

Dispożizzjoni transitorja

1. Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta' prodott ikkumplikat użat fit-tifsira ta' l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta' dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.

2. Il-proposta mill-Kummissjoni riferita fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa flimkien ma' u tqis, kull bidla li l-Kummissjoni għandha tipproponi fuq l-istess suġġett skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva 98/71/KE.

Artikolu 111

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-60 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-applikazzjonijiet għad-disinji Komunitarji rreġistrati jistgħu jiġu infilzati fl-Uffiċċju mid-data ffissata mill-Bord Amministrattiv fuq ir-rakkomandazzjoni tal-President ta' l-Uffiċċju.

3. L-applikazzjonijiet għad-disinji Komunitarji rreġistrati infilzati fi żmien tliet xhur qabel id-data riferita fil-paragrafu 2 għandhom jiġu meqjusa li ġew infilzati f'din id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-12 ta' Diċembru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Aelvoet

[1] ĠU C 29, tal-31.1.1994, p. 20 u ĠU C 248, tad-29.8.2000, p. 3.

[2] ĠU C 67, ta' l-1.3.2001, p. 318.

[3] ĠU C 110, tat-2.5.1995, p. 38, u ĠU C 75, tal-15.3.2000, p. 35.

[4] ĠU L 289, tat-28.10.1998, p. 28.

[5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU L 11, ta' l-14.1.1994, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3288/94 (ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 83).

[7] ĠU L 299, tal-31.12.1972, p. 32. Il-Konvenzjoni kif emendata bil-konvenzjonijiet dwar l-Adeżjoni ma' din il-Konvenzjoni ta' l-Istati li sejrin jaderixxu mal-Komunitajiet Ewropej.

--------------------------------------------------

Top