EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31983L0181

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 1983 li tiddetermina l-iskop ta' l-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerti oġġetti

ĠU L 105, 23.4.1983, p. 38–58 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/11/2009; Imħassar b' 32009L0132

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1983/181/oj

31983L0181



Official Journal L 105 , 23/04/1983 P. 0038 - 0058
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0096
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0135
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0096
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0135


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-28 ta' Marzu 1983

li tiddetermina l-iskop ta' l-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta' ċerti oġġetti

(83/181/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-trattat li jIstabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 99 u 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, skond l-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar turnover taxes - sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [4], l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzu għal disposizzjonijiet oħra tal-Komunità u skond il-kondizzjonijiet li huma għandhom jIstabilixxu għall-fini fost l-oħrajn li tkun prevenuta kull evażjoni possibbli, evitar jew abbuż, jeżentaw l-importazzjoni finali ta' l-oġġetti li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mit-taxxa ta' dwana minbarra kif ipprovdut fit-Tariffa Komuni Doganali jew li jistgħu jikkwalifikaw għal hekk li kieku kienu importati minn pajjiż terz;

Billi, skond l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni hi meħtieġa li tagħti lill-Kunsill proposti mmirati li jIstabbilixxu regoli tat-taxxa tal-Komunità li jikkjarifikaw l-għan tal-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' l-imsemmi l-Artikolu u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħhom;

Billi, filwaqt li hu mixtieq li jinkiseb l-ikbar grad possibli ta' uniformità bejn is-sistema tad-drittijiet ta' dwana u dik għat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi kkunsidrat, madanakollu, li meta tkun applikata s-sistema ta' l-aħħar, id-differenzi dwar l-għan u l-istruttura bejn it-taxxa ta' dwana u t-taxxa fuq il-valur miżjud;

Billi l-arranġamenti għat-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom ikunu introdotti b'mod li jiddifferixxu skond jekk l-oġġetti jkunux importati minn pajjiż terz jew minn stati membri oħra u safejn ikun meħtieġ biex jikkonformaw ma' l-għanijiet ta' l-armonizzazzjoni tat-taxxa; billi l-eżenzjonijiet fuq l-importazzjoni jistgħu jingħataw biss bil-kondizzjoni li dawn ma jaffettwawx il-kondizzjonjiet tal-kompetizzjoni fis-suq domestiku;

Billi ċerti għajnuniet fil-preżent applikati fl-Istati Membri huma r-riżultat ta' konvenzjonijiet ma' pajjiżi terz jew ma' stati membri oħra li, minħabba l-għan tagħhom, għandhom x'jaqsmu biss ma' l-Istati Membri firmatarji; billi mhux spedjenti li jkunu definiti fuq livell tal-Komunità l-kondizzjonijiet għall-għoti ta' dawk l-għajnuniet;

billi l-Istati Membri interessati jeħtieġu biss li jkunu awtorizzati li jżommuhom,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. L-għan ta' l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmija fl-Artikolu 14(1)(d) tad-Direttiva 77/388/KEE u r-regoli għall-implilmentazzjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 14(2) ta' dik id-Direttiva għandhom ikunu definiti permezz ta' din id-Direttiva. Skond l-Artikolu hawn fuq imsemmi, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-eżenzjonijet li jinsabu f'din id-Direttiva skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom sabiex jassiguraw li dawk l-eżenzjonijiet ikunu applikati b'mod korrett u sempliċi biex ma jħallux l-ebda evażjoni, evitar jew abbużi.

2. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "importazzjonijiet" tfisser l-importazzjonijiet kif imfissra fl-Artikolu 7 ta' 77/388/KEE u d-dħul għall-użu domestiku wara li jkunu suġġetti għall-wieħed mis-sistemi li hemm ipprovduta fl-Artikolu 16(1)(a) ta' l-imsemmija Direttiva jew xi sistema ta' dħul temporanju jew ta' transitu;

(b) "proprjetà personali" tfisser kull proprjetà maħsuba għall-użu personali tal-persuni interessati jew għall-ħtiġijiet domestiċi tagħhom.

Dawn li ġejjin, b'mod partikolari, għandhom jikkostitwixxu "proprjetà personali":

- oġġetti tad-dar,

- roti u muturi, vetturi privati u t-trailers tagħhom, karavannijiet għall-ikkampjar, dgħajjes tad-divertiment, u ajruplani privati.

Oġġetti tad-dar li huma normalment xierqa għall-ħtiġijiet tal-familja, annimali tad-dar u annimali bis-sarġ għandhom jikkostitwixxu wkoll "proprjetà personali".

Ix-xorta jew il-kwantita ta' proprjetà personali m'għandhomx jirriflettu xi interess kummerċjali, l-anqas m'għandhom ikunu maħsuba għal xi attività ekonomika skond it-tifsira ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/388/KEE. Iżda, strumenti mobbli ta' l-arti applikata jew liberali, meħtieġa mill-persuna interessata biex tkun tista' tesegwixxi s-sengħa jew professjoni tagħha, għandhom ukoll jikkostitwixxu proprjetà personali;

(ċ) "oġġetti tad-dar" tfisser oġġetti personali, bjankerija tad-dar u fornituri u oġġetti ta' apparat maħsuba għall-użu personali tal-persuni interessati jew biex ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom domestiċi;

(d) "prodotti alkoliċi" tfisser prodotti (birra, inbid, aperitivi b'bażi ta' inbid jew alkoħol, brandies, likwori u xorb ta' spirtu, eċċ.) Li jinsabu fl-intestaturi nri 22.03 sa 22.09 tat-Tariffa Komuni Doganali;

(e) "Komunità" tfisser it-territorju ta' l-Istati Membri fejn tapplika d-Direttiva 77/388/KEE.

TITOLU I

IMPORTAZZJONI TA' PROPRJETÀ PERSONALI LI TAPPARTJENI LIL INDIVIDWI LI ĠEJJIN MINN PAJJIŻI LI HUMA BARRA MILL-KOMUNITÀ

Kapitolu I

Proprjetà personali ta' persuni naturali li jittrasferixxu l-post tar-residenza normali tagħhom minn xi pajjiż terz għall-Komunità

Artikolu 2

Soġġett għall-Artikoli 3 sa 10, l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni għandha tingħata fuq proprjetà personali importata minn persuni naturali li jitrasferixxu l-post ta' residenza normali minn barra l-Komunità għal xi Stat Membru tal-Komunità.

Artikolu 3

L-eżenzjoni għandha tkun limitata għall-proprjetà personali li:

(a) minbarra fil-każijiet speċjali li huma ġġustifikati permezz taċ-ċirkostanzi, tkun fil-pussess ta' u, fil-każ ta' oġġetti li ma jittiklux, użata mill-persuna interessata fil-post normali tar-residenza għal mill-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha ma tibqax ikollha l-post normali ta' residenza barra l-Komunità;

(b) tkun maħsuba li tintuża għall-istess għan fil-post il-ġdid tar-residenza tagħha.

L-Istati Membri jistgħu b'żieda ma' dan jagħtu eżenzjoni bil-kondizzjoni li dik il-proprjetà tkun ħallset, jew fil-pajjiż ta' oriġini jew fil-pajjiż tat-tluq, id-dwana u/jew l-obbligi tal-ħlas li normalment jkunu dovuti.

Artikolu 4

L-eżenzjoni tista' tingħata biss lill-persuni li l-post normali ta' residenza tagħhom ikun barra mill-Komunità għall-perjodu kontinwu ta' mill-inqas 12-il xahar.

Iżda, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħmlu eċċezzjonijiet għal din ir-regola sakemm l-intenzjoni tal-persuna interessata kienet b'mod ċar dik li tgħixi barra mill-Komunità għal perjodu kontinwu ta' mill-inqas 12-il xahar.

Artikolu 5

L-eżenzjoni m'għandhiex tingħata dwar:

(a) prodotti alkoliċi;

(b) tabakk jew prodotti tat-tabakk;

(ċ) mezzi kummerċjali tat-trasport;

(d) oġġetti li jintużaw fl-eżerċizzju ta' xi kummerċ jew professjoni, minbarra strumenti li jinġarru li jintużaw fl-arti applikata jew liberali.

Vetturi maħsuba għall-użu mħallat ta' għanijiet kummerċjali jew professjonali jistgħu ukoll ikunu esklużi minn eżenzjoni.

Artikolu 6

Minbarra f'każijiet speċjali, l-eżenzjoni għandha tingħata biss għar-rigward ta' proprjetà personali li tiddaħħal f'importazzjoni permanenti fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-persuna interessata tistabbilixxi ruħha fil-post normali tar-residenza fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni.

Il-proprjetà personali tista' tkun importata f'diversi kunsinni separati fil-perjodu msemmi fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 7

1. Sakemm jgħaddu 12-il xahar mid-data tad-dikjarazzjoni għall-importazzjoni finali tagħha, proprjetà personali li tkun ġiet importata eżenti mit-taxxa m'għandhiex tiġi mislufa, mogħtija bħala garanzija, mikrija jew trasferita, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, mingħajr notifika bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Kull self, għoti bħala garanzija, kiri jew trasferiment qabel it-tmiem tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-pagament tat-taxxa fuq il-valur miżjud rilevanti fuq l-oġġett in kwistjoni, bir-rata applikabbli fid-data ta' dak is-self, għoti bħala garanzija, kiri jew trasferiment, abbażi tat-tip ta' l-oġġett u l-valur ta' dwana aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 8

1. Bħala deroga mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6, l-eżenzjoni tista' tingħata għar-rigward tal-proprjetà personali importata b'mod permanenti qabel ma l-persuna interessata jIstabilixxi l-post normali tar-residenza fl-Istat Membru ta' importazzjoni, sakemm dik il-persuna tobbliga ruħha li attwalment tistabilixxi ruħha fil-post normali tar-residenza hemmhekk fi żmien sitt xhur. Dik l-obbligazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn garanzija, li l-forma u l-ammont tagħha jkunu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

2. Meta jsir użu mid-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3 għandu jibda jgħodd mid-data ta' l-importazzjoni fl-Istat Membru in kwistjoni.

Artikolu 9

1. Meta, minħabba rbit ta' xogħol, il-persuna interessata tħalli l-pajjiż li jinsab barra mill-Komunità fejn din kellha l-post normali tar-residenza mingħajr ma fl-istess ħin tistabilixxi l-post normali tar-residenza fit-territorju ta' xi Stat Membru, minkejja li jkollha l-intenzjoni li fl-aħħarnett tagħmel hekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-eżenzjoni għar-rigward tal-proprjetà personali li din titrasferixxi fl-imsemmi territorju għal dan il-għan.

2. L-eżenzjoni għar-rigward tal-proprjetà personali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 7, bil-ħsieb li:

(a) il-perjodi stabbiliti fl-Artikolu 3(a) u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 għandhom ikunu kkalkulati mid-data ta' l-importazzjoni;

(b) il-perjodu msemmi fl-Artikolu 7(1) għandu jkun ikkalkulat mid-data meta l-persuna interessata attwalment tistabilixxi l-post normali tar-residenza fit-territorju ta' xi Stat Membru.

3. L-eżenzjoni għandha tkun soġġetta wkoll għall-obbligazzjoni mill-persuna interessata li hi sejra attwalment tistabilixxi l-post normali tar-residenza tagħha fit-territorju ta' xi Stat Membru f'perjodu stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond iċ-ċirkustanzi. Dawn ta' l-aħħar jistgħu jeħtieġu li din l-obbligazzjoni tkun akkumpanjata b'garanzija, li l-forma u l-ammont tagħha jkunu stabbiliti minnhom.

Artikolu 10

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 3(a) u (b), 5 (ċ) u (d) u 7 meta xi persuna jkollha titrasferixxi l-post normali tar-residenza tagħha minn xi pajjiż li jkun jinsab barra mill-Komunità għat-territorju ta' xi Stat Membru bħala riżultat ta' ċirkustanzi politiċi eċċezzjonali.

Kapitolu II

Oġġetti importati fl-okkażjoni ta' żwieġ

Artikolu 11

1. Soġġett għall-Artikoli 12 sa 15, l-eżenzjoni għandha tingħata għar-rigward ta' trousseaux u oġġetti tad-dar, kemm jekk ġodda jew le, li jkunu jappartjenu għal xi persuna li titrasferixxi l-post normali tar-residenza tagħha minn xi pajjiż barra mill-Komunità għat-territorju ta' xi Stat Membru fl-okkażjoni taż-żwieġ tagħha.

2. L-eżenzjoni għandha tingħata wkoll għar-rigward ta' rigali li normalment jingħataw fl-okkażjoni ta' xi żwieġ li jintbagħtu lil xi persuna li taderixxi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 minn persuni li jkollhom il-post normali tar-residenza f'xi pajjiż li jinsab barra mill-Komunità . L-eżenzjoni għandha tgħodd għal rigali tal-valur ta' l-unit ta' mhux aktar minn 200 ECU. L-Istati Membri jistgħu, iżda, jagħtu eżenzjoni għal aktar minn 200 ECU sakemm il-valur ta' kull rigal eżenti ma jeċċedix 1000 ECU.

3. L-Istat Membru jista' jagħti eżenzjoni fuq l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 bil-kondizzjoni li dawn ikunu ġew suġġetti, jew fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom jew fil-pajjiż tat-tluq, id-dwana u/jew drittijiet fiskali li jkunu normalment dovuti.

Artikolu 12

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tista' tingħata biss lill-persuni:

(a) li l-post normali tar-residenza tagħhom kien barra mill-Komunità għall-perjodu kontinwu ta' mill-inqas 12-il xahar. Iżda, derogi minn din ir-regola jistgħu jingħataw sakemm l-intenzjoni tal-persuna interessata kienet b'mod ċar li jirrisjedi barra mill-Komunità għall-perjodu kontinwu ta' mill-inqas 12-il xahar;

(b) li jipproduċu xiehda taż-żwieġ tagħhom.

Artikolu 13

M'għandha tingħata l-ebda eżenzjoni għall-prodotti alkoliċi, tabakk jew prodotti tat-tabakk.

Artikolu 14

1. Minbarra f'ċirkustanzi eċċezzjonali, eżenzjoni għandha tingħata biss għar-rigward ta' oġġetti li jkunu importati b'mod permanenti:

- mhux qabel xahrejn qabel id-data stabbilita għaż-żwieġ (f'dan il-każ l-eżenzjoni tista' tingħata suġġetta għall-għoti ta' garanzija xierqa, li l-forma u l-ammont tagħha għandhom ikunu stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti), u

- mhux aktar tard minn erba' xhur wara d-data taż-żwieġ.

2. L-oġġetti msemmija fl-Artikolu 11 jistgħu jkunu importati f'diversi kunsinni separati fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 15

1. Sakemm jgħaddu 12-il xahar mid-data tad-dikjarazzjoni għall-importazzjoni finali tagħhom, l-oġġetti li jkunu ġew importati eżenti mit-taxxa ma jistgħux ikunu mislufa, mogħtija bħala garanzija, mikrija jew trasferiti, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr ħlas, mingħajr notifika bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Kull self, għoti bħala garanzija, kiri jew trasferiment qabel it-tmiem tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi l-pagament tat-taxxa fuq il-valur miżjud rilevanti dwar l-oġġetti in kwistjoni, bir-rata applikabbli fid-data ta' dak is-self, għoti ta' garanzija, kiri jew trasferiment, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat mill-awtoritajiet kompetenti f'dik id-data.

Kapitolu III

Proprjetà personali akkwistata permezz ta' wirt

Artikolu 16

Soġġett għall-Artikoli 17 sa 19, l-eżenzjoni għandha tingħata għar-rigward tal-proprjetà personali akkwistata permezz ta' wirt minn xi persuna naturali li jkollha l-post normali tar-residenza f'xi Stat Membru.

Artikolu 17

L-eżenzjoni m'għandhiex tingħata dwar:

(a) il-prodotti alkoliċi;

(b) it-tabakk jew prodotti tat-tabakk;

(ċ) il-mezzi kummerċjali tat-trasport;

(d) l-oġġetti li jintużaw fl-eżerċizzju ta' xi sengħa jew professjoni, minbarra strumenti li jinġarru ta' l-arti applikata jew linerali, li kienu meħtieġa għall-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tal-mejjet;

(e) il-ħażniet ta' materjali mhux maħduma u maħduma jew prodotti nofshom lesti;

(f) l-annimali ħajjin u ħażniet ta' prodotti agrikoli li jeċċedu l-kwantitajiet xierqa għall-ħtiġijiet normali tal-familji.

Artikolu 18

1. L-eżenzjoni għandha tingħata biss għar-rigward ta' proprjetà personali importata b'mod permanenti mhux aktar tard minn sentejn mid-data li fiha l-persuna ssir intitolata għall-oġġetti (l-aħħar arranġament tal-wirt).

Iżda, dan il-perjodu jista' jiġi estiż mill-awtoritajiet kompetenti għal raġunijiet speċjali.

2. L-oġġetti jistgħu jiġu importati f'diversi kunsinni separati fil-perjodu msemmi fil-paragrafu1.

Artikolu 19

L-Artikoli 16 sa 18 għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-proprjetà personali akkwistati b'wirt minn persuni legali li jagħmlu attivita mhux bi profitt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' xi Stat Membru.

TITOLU II

ĦWEJJEĠ TA' L-ISKOLA, MATERJAL SKOLASTIKU U OĠĠETTI SKOLASTIĊI DOMESTIĊI

Artikolu 20

1. L-eżenzjoni għandha tingħata għar-rigward tal-ħwejjeġ, materjal skolastiku u oġġetti tad-dar li jirrappreżentaw il-fornituri normali għal kamra ta' student u li jappartjenu għal studenti li jiġu joqgħodu f'xi Stat Membru għall-għanijiet ta' studju hemmhekk u maħsuba għall-użu personali tagħhom matul il-perjodu ta' l-istudji tagħhom.

2. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu:

(a) student tfisser kull persuna miktuba fi stabbiliment edukattiv sabiex tattendi b'mod full-time il-korsijiet offruti hemmhekk;

(b) ħwejjeġ tfisser ħwejjeġ ta' taħt u bjankerija kif ukoll ilbies, kemm jekk ġodda jew le;

(ċ) materjal skolastiku tfisser l-oġġetti u strumenti (inklużi calculators u typewriters) normalment użati minn studenti għall-għanijiet ta' l-istudji tagħhom.

Artikolu 21

L-eżenzjoni għandha tingħata mill-inqas darba kull sena skolastika.

TITOLU III

IMPORTAZZJONIJIET TA' VALUR NEGLIĠIBBLI

Artikolu 22

L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet fuq importazzjonijiet ta' oġġetti li l-valur totali tagħhom ma jeċċedix 22 ECU.

Artikolu 23

L-eżenzjoni m'għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a) prodotti alkoliċi;

(b) fwejjaħ u toilet waters;

(ċ) tabakk jew prodotti tat-tabakk.

TITOLU IV

OĠĠETTI KAPITALI U APPARAT IEĦOR IMPORTATI MAT-TRASFERIMENT TA' L-ATTIVITAJIET

Artikolu 24

1. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri fis-seħħ fl-Istat Membru għar-rigward tal-politika industrijali u kummerċjali, u soġġett għall-Artikoli 25 sa 28, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-eżenzjoni, mad-dħul, għall-importazzjonijiet ta' oġġetti kapitali u apparat ieħor li jappartjenu għall-impriżi li definittivament iwaqqfu l-attività tagħhom fil-pajjiż tat-tluq sabiex jagħmlu attività simili fl-Istat Membru li fih l-oġġetti huma importati u li, skond l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 7/388/KEE, ikunu taw avviż bil-quddiem lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni tal-bidu ta' dik l-attività.

Fejn l-impriża trasferita tkun impriża agrarja, il-bhejjem tagħha għandhom ikunu wkoll eżentati mad-dħul.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

- "attività" tfisser attività ekonomika kif imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/388/KEE,

- "impriża" tfisser unit ekonomiku indipendenti ta' produzzjoni jew ta' l-industrija tas-servizz.

Artikolu 25

1. L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 24 għandha tkun limitata għall-oġġetti kapitali u l-apparat li:

(a) minbarra fil-każijiet speċjali ġġustifikati biċ-ċirkostanzi, ikunu attwalment ġew użati fl-impriża għal minimu ta' 12-il xahar qabel id-data li fiha l-impriża waqfet topera fil-pajjiż tat-tluq;

(b) ikunu maħsuba li jintużaw għall-istess għanijiet wara t-trasferiment;

(ċ) ikunu ser jiġu wżati għall-għanijiet ta' xi attività mhux eżentata skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 77/388/KEE;

(d) ikunu jixirqu lin-natura u d-daqs ta' l-impriża in kwistjoni.

2. Iżda, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-oġġetti kapitali u l-apparat importati minn Stat Membru ieħor permezz ta' l-organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi fil-ħin tat-trasferiment tal-post prinċipaali tal-kummerċ lill-Istat Membru ta' l-importazzjoni.

Dik l-eżenzjoni għandha, iżda, tingħata biss bil-kondizzjoni li fil-ħin meta dawn ikunu akkwistati l-oġġetti kapitali u l-apparat in kwistjoni ma kienux eżentati skond l-Artikolu 15 (12) tad-Direttiva 77/388/KEE.

3. Sakemm jidħlu fis-seħħ ir-regoli komuni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 17(6) tad-Direttiva 77/388/KEE, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-eżenzjoni, kollha kemm huma jew parzjalment, l-oġġetti kapitali li dwarhom ikunu wżawhom skond it-tieni subparafrafu ta' dak il-paragrafu.

Artikolu 26

L-ebda eżenzjoni m'għandha tingħata lill-impriżi stabbiliti barra mill-Komunità u li t-trasferiment tagħhom fit-territorju ta' xi Stat Membru jkun b'konsegwenza jew għall-għan li jkun magħqud ma', jew ikun assorbit minn, xi impriża stabbilita fil-Komunità, mingħajr ma titwaqqaf attività ġdida.

Artikolu 27

L-ebda eżenzjoni m'għandha tingħata għal:

(a) mezzi tat-trasport li ma jkunux tan-natura ta' strumenti ta' produzzjoni jew ta' l-industrija tas-servizz;

(b) ħażniet ta' kull xorta maħsuba għall-konsum tal-bniedem jew bħala għalf għall-annimali;

(ċ) karburanti u ħażniet ta' materjali mhux maħduma jew prodotti maħduma jew nofshom maħduma;

(d) annimali ħajjin fil-pussess tan-negozjanti.

Artikolu 28

Minbarra f'każijiet speċjali ġġustifikati permezz taċ-ċirkostanzi, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 24 għandha tingħata biss dwar l-oġġetti kapitali u apparat ieħor importati qabel it-tmiem ta' xi perjodu ta' 12-il xahar mid-data li fiha l-impriża waqqfet l-attivitajiet tagħha fil-pajjiż tat-tluq.

TITOLU V

IMPORTAZZJONI TA' ĊERTI PRODOTTI AGRIKOLI U PRODOTTI MAĦSUBA GĦALL-UŻU AGRIKOLU

Kapitolu I

Prodotti miksuba minn bdiewa tal-Komunità fuq proprjetajiet li jinsabu f'xi Stat minbarra l-Istat ta' l-importazzjoni

Artikolu 29

1. Soġġetti għall-Artikoli 30 u 31, prodotti agrikoli, ta' trobbija tal-bhejjem, żamma tan-naħal, ortikulturali u ta' l-afforestjar minn proprjetajiet li jinsabu f'xi pajjiż li jmiss mat-territorju ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni li huma mħaddma minn operaturi agrikoli li jkollhom l-impriża prinċipali tagħhom f'dak l-Istat Membru u li jmiss mal-pajjiż in kwistjoni għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

2. Sabiex ikunu eliġibbli skond il-paragrafu 1, prodotti ta' trobbija tal-bhejjem iridu jinkisbu minn annimali mkabbra, akkwistati jew importati skond l-arranġamenti tat-taxxa ġenerali applikabbli fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni.

3. Żwiemel tar-razza, li ma jkollhomx aktar minn sitt xhur u mwielda barra mill-Istat Membru ta' l-importazzjoni minn xi annimal kopert f'dak l-Istat u mbagħad esportat temporanjament biex iwelled, għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

Artikolu 30

L-eżenzjoni għandha tkun limitata għall-prodotti li ma jkunux ġew soġġetti għal xi trattament minbarra dak li normalment isir wara l-ħsad jew tkabbir tagħhom jew il-produzzjoni.

Artikolu 31

L-eżenzjoni għandha tingħata biss għar-rigward ta' prodotti importati mill-produttur agrikolu jew għan-nom tiegħu.

Artikolu 32

Dan il-kapitolu għandu japplika mutatis mutandis għall-prodotti tas-sajd jew attivitajiet ta' trobbija tak-ħut attivitajiet magħmula fil-lagi jew kanali li jinsabu mal-konfini tat-territorju ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni minn sajjieda li joqgħodu f'dak l-Istat Membru u għall-prodotti ta' l-attivitajiet marbuta mal-kaċċa magħmula f'dawk il-lagi jew kanali min-nies sportivi li joqgħodu f'dak l-Istat Membru.

Kapitolu II

Żrieragħ, fertilizzanti u prodotti li jintużaw fit-trattament tal-ħamrija u ż-żera'

Artikolu 33

Għall-Artikolu 34, żrieragħ, fertilizzanti u prodotti li jintużaw fit-trattament tal-ħamrija u ż-żera', maħsuba biex jintużaw fuq proprjetà li tinsab f'xi Stat Membru li jmiss ma' xi pajjiż li jkun jinsab barra mill-Komunità jew xi Stat Membru ieħor u mħaddem minn produtturi agrikoli li jkollhom l-impriża prinċipali tagħhom fl-imsemmi pajjiż li jinsab barra mill-Komunità jew Stat Membru li jmiss mat-territorju ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

Artikolu 34

1. L-eżenzjoni għandha tkun limitata għall-kwantitajiet ta' żrieragħ jew prodotti oħra meħtieġa bil-għan li tkun imħaddma l-proprjetà.

2. Din għandha tingħata biss għal żrieragħ, fertilizzanti jew prodotti oħra introdotti direttament ġewwa l-Istat Membru li jimporta mill-produttur agrikolu jew għan-nom tiegħu.

3. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni bil-kondizzjoni li jingħata trattament reċiproku.

TITOLU VI

L-IMPORTAZZJONI TA' SUSTANZI TERAPEWTIĊI, MEDIĊINI, ANNIMALI TAL-LABORATORJU U SUSTANZI BIJOLOĠIĊI JEW KIMIĊI

Kapitolu I

Annimali tal-laboratorju u sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi maħsuba għal riċerka

Artikolu 35

1. Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) annimali preparati b'mod speċjali u mibgħuta mingħajr ħlas għall-użu fil-laboratorju;

(b) sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi:

- li jkunu importati mingħajr ħlas mit-territorju ta' Stat Membru ieħor, jew

- li jkunu importati minn pajjiżi barra mill-Komunità suġġetti għal-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) nru 918/83 tat-28 ta' Marzu 1983 li jwaqqaf sistema tal-Komunità għal għajnuniet mit-taxxa ta' dwana [5].

2. L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-annimali u sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi li jkunu maħsuba għal:

- jew stabbilimenti pubbliċi li joperaw prinċipalment fl-edukazzjoni jew ir-riċerka xjentifika, inklużi dawk id-dipartimenti ta' l-Istabbilimenti pubbliċi li joperaw prinċipalment fl-edukazzjoni jew ir-riċerka xjentifika,

- jew stabbilimenti privati li prinċipalment joperaw fl-edukazzjoni jew ir-riċerka xjentifika u jkunu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri sabiex jirċievu dawk l-oġġetti eżentati mit-taxxa.

Kapitolu II

Sustanzi terapewtiċi ta' oriġini umana u gruppi tad-demm u tissue-typing reagents

Artikolu 36

1. Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE u soġġetti għall-Artikolu 37, dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati:

(a) sustanzi terapewtiċi ta' oriġini umana;

(b) reaġenti li juru l-grupp tad-demm;

(ċ) tissue-typing reagents.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

- "sustanzi terapewtiċi ta' oriġini umana" tfisser demm uman u d-derivattivi tiegħu (demm uman sħiħ, plażma umana mnixxfa, albumina umana u soluzzjonijiet fissi ta' proteina tal-plażma umana, immunoglobulin umana u fibrinogen umana),

- "reaġenti li juru l-grupp tad-demm" tfisser ir-reaġenti kollha, kemm ta' oriġini umana, ta' l-annimal, tal-pjanti jew ta' oriġini ieħor użati biex ikunu magħrufa l-inkompatibbilitajiet tad-demm,

- "tissue-typing reagents" tfisser ir-reaġenti kollha kemm jekk ta' oriġini umana, ta' l-annimali jew ta' oriġini ieħor użati biex ikunu magħrufa t-tipi tat-tessuti umani.

Artikolu 37

L-eżenzjoni għandha tkun limitata għall-prodotti li:

(a) ikunu maħsuba għall-istituzzjonijiet jew laboratorji approvati mill-awtoritajiet kompetenti, biex jintużaw esklussivament għall-għanijiet mediċi jew xjentifiċi;

(b) ikunu akkumpanjati b'ċertifikat ta' konformità maħruġ minn korp li jkun debitament awtorizzat fil-pajjiż tat-tluq;

(ċ) ikunu f'kontenituri li jkollhom tikketta speċjali li tidentifikahom.

Artikolu 38

L-eżenzjoni għandha tinkludi pakkeġġjar speċjali li jkun meħtieġ għat-trasport ta' sustanzi terapewtiċi ta' oriġini umana jew reaġenti tal-grupp tad-demm jew tissue-typing u kull solvent u aċċessorji meħtieġa għall-użu tagħhom li jistgħu jkunu nklużi fil-kunsinni.

Kapitolu III

Prodotti farmaċewtiċi użati f'attivitajiet sportivi internazzjonali

Artikolu 39

Prodotti farmaċewtiċi għall-użu mediku uman jew veterinarju minn persuni jew annimali li jipparteċipaw fl-attivitajiet internazzjonali sportivi għandhom, fil-limitazzjonijiet meħtieġa biex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti matul il-perjodu li fih ikun fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni jkunu eżentati mad-dħul.

TITOLU VII

OĠĠETTI GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-KARITÀ JEW FILANTROPIĊI

Artikolu 40

L-Istati Membri jistgħu jimponu limitu fuq il-kwantità jew il-valur ta' l-oġġetti msemmija fl-Artikoli 41 sa 55, sabiex jirrimedjaw kull abbuż u biex jikkumbattu t-tgħawwiġ prinċipali tal-kompetizzjoni.

Kapitolu I

Oġġetti importati għall-għanijiet ġenerali

Artikolu 41

1. Bla ħsara għall-Artikoli 42 sa 44, dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) ħtiġijiet bażiċi miksuba mingħajr ħlas u importati minn organizzazzjonijiet ta' l-Istat jew organizzazzjonijet tal-karità jew filantropiċi oħrajn approvati mill-awtoritajiet kompetenti għal distribuzzjoni mingħajr ħlas lil persuni fil-bżonn;

(b) oġġetti ta' kull deskrizzjoni mibgħuta mingħajr ħlas, minn persuna jew organizzazzjoni li tinsab f'xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni, u mingħajr intenzjoni kummerċjali da parti ta' dak li jibgħat, lill-organizzazzjonijiet ta' l-Istat jew organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti, sabiex jintużaw għal attivitajiet biex jinġabru l-fondi f'attivitajiet okkażjonali tal-karità għall-benefiċċju tal-persuni fil-bżonn;

(ċ) apparat u materjal ta' l-uffiċċju mibgħuta mingħajr ħlas, minn xi persuna jew organizzazzjoni li tinsab f'xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni, u mingħajr ebda intenzjoni kummerċjali da parti ta' dak li jibgħat, lill-organizzazzjonijiet tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti biex jintużaw biss għall-għanijiet biex ikunu milqugħa l-ħtiġijiet tagħhom jew biex jilħqu l-għanijet dikjarati tagħhom tal-karità jew filantropiċi.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1 (a) "ħtiġijiet bażiċi" tfisser dawk l-oġġetti meħtieġa biex jilħqu l-ħtiġijiet immedjati tal-bniedem, e.ż. ikel, mediċini, ilbies u ħwejjeġ tas-sodda.

Artikolu 42

L-eżenzjoni m'għandhiex tingħata għar-rigward ta':

(a) prodotti alkoliċi;

(b) tabakk jew prodotti tat-tabakk;

(ċ) kafe u te;

(d) vetturi bil-mutur minbarra ambulanzi.

Artikolu 43

L-eżenzjoni għandha tingħata biss lill-organizzazzjonijiet li l-proċeduri tal-kontijiet tagħhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-operazzjonijiet tagħhom u li joffru l-garanziji kollha meqjusa meħtieġa.

Artikolu 44

1. L-oġġetti eżentati ma jistgħux jitpoġġew għal self, kiri jew trasferiment mill-organizzazzjoni intitolata għall-eżenzjoni, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr ħlas, għall-għanijiet minbarra dawk stabbiliti fl-Artikoli 41(1)(a) u (b), kemm-il darba l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux informati b'dan bil-quddiem.

2. Kemm-il darba l-oġġetti u l-apparat jiġu mislufa, mikrija jew trasferiti li xi organizzazzjoni intitolata li tibbenefika minn eżenzjoni skond l-Artikoli 41 u 43, l-eżenzjoni tkompli tingħata sakemm din ta' l-aħħar tuża l-oġġetti u l-apparat għall-għanijiet li jagħtu d-dritt għal dik l-eżenzjoni.

Fil-każijiet l-oħra, is-self, kiri jew trasferiment għandhom ikunu soġġetti għall-pagament minn qabel tat-taxxa fuq il-valur miżjud bir-rata applikabbli fid-data tas-self, kiri jew trasferiment, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u apparat u tal-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 45

1. L-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 41 li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijet li jintitolawhom għall-eżenzjoni, jew li jkunu qed jipproponu li jużaw l-oġġetti u l-apparat eżentati mad-dħul għall-għanijiet minbarra dawk li hemm ippprovdut għalihom f'dak l-Artikolu, għandhom jinfurmaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti.

2. L-oġġetti li jibqgħu fil-pussess ta' l-organizzazzjonjiet li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet li jagħtu l-eliġibilità għall-eżenzjoni għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud rilevanti għall-importazzjoni bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawk il-kondizzjonijiet ma jibqgħux ikunu aderiti, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-apparat u l-valur kif aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

3. Oġġetti użati mill-organizzazzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni għall-għanijiet minbarra dawk kif ipprovdut fl-Artikolu 41 għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud rilevanti għall-importazzjoni bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawn jintużaw għal użu ieħor abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u apparat u l-valur kif aċċertat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Kapitolu II

Oġġetti importati għall-benefiċċju ta' persuni b'diżabilità

Artikolu 46

1. Oġġetti ddisinjati b'mod speċjali għall-edukazzjoni, impjieg jew avvanz soċjali ta' l-għomja jew persuni oħrajn b'diżabilità fiżika jew mentali għandhom ikunu eżentati mad-dħul meta:

(a) dawn ikunu importati minn istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li prinċipalment jaħdmu fl-edukazzjoni ta' jew fil-provvista ta' assistenza lil persuni b'diżabilità u jkunu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jirċievu dawk l-oġġetti eżentati mit-taxxa; u

(b) dawn ikunu mogħtija lil dawk l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet mingħajr ħlas u mingħajr intenzjoni kummerċjali min-naħa tad-donatur.

2. L-eżenzjoni għandha tgħodd għal spare parts speċifiċi, komponenti jew aċċessorji speċifikament għall-oġġetti in kwistjoni u għall-għodda li għandhom jintużaw għall-manutenzjoni, iċċekkjar, kalibrazzjoni u tiswija ta' l-imsemmija oġġetti, sakemm dawk l-ispare parts, komponenti, aċċessorji jew għodda jkunu importati fl-istess ħin ta' l-imsemmija oġġetti jew, jekk importati sussegwentement, li dawn ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala li jkunu maħsuba għall-oġġetti li qabel kienu eżentati mad-dħul jew li jistgħu jkunu eliġibbli li jkunu hekk eżentati fl-istess ħin meta dak id-dħul ikun mitlub għall-ispare parts, komponenti jew aċċessorji speċifiċi u l-għodda in kwistjoni.

3. L-oġġetti eżentati mad-dħul ma jistgħux ikunu użati għall-għanijiet minbarra l-edukazzjoni, impjieg jew avvanz soċjali ta' persuni għomja jew persuni b'diżabilità oħra.

Artikolu 47

1. L-oġġetti eżentati mad-dħul jistgħu jiġu mislufa, mikrija jew trasferiti kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, mill-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet benefiċjarji fuq bażi mhux ta' profitt lill-persuni msemmija fl-Artikolu 46 li magħhom għandhom x'jaqsmu, mingħajr il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni.

2. L-ebda self, kiri jew trasferiment ma jistgħu jkunu magħmula taħt il-kondizzjonijiet minbarra dawk ipprovduti fil-paragrafu 1 sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux l-ewwel ġew infurmati.

Kemm-il darba oġġett ikun misluf, mikri jew trasferit lil xi istituzzjoni jew organizzazzjoni li tkun intitolata li tibbenefika minn din l-eżenzjoni, l-eżenzjoni tkompli tingħata, sakemm din ta' l-aħħar tuża l-oġġett għall-għanijiet li jagħtu d-dritt għal dik l-eżenzjoni.

Fil-każijiet l-oħra, self, kiri jew trasferiment għandu jkun soġġett għall-pagament bil-quddiem tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bir-rata applikabbli fid-data tas-self, kiri jew trasferiment, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 48

1. L-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 46 li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet li jintitolawhom għall-eżenzjoni, jew li qed jipproponu li jużaw l-oġġetti eżentati mad-dħul għal finijiet minbarra dawk ipprovduti b'dak l-Artikolu għandhom jinfurmaw b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.

2. L-oġġetti li jibqgħu fil-pussess ta' l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet li jintitolawhom għall-eżenzjoni għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa rilevanti fuq il-valur miżjud bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawk il-kondizzjonijiet ma jibqgħux ikunu aderiti, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

3. L-oġġetti użati mill-istituzzjoni jew l-organizzazzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni għal għanijiet minbarra dawk ipprovduti fl-Artikolu 46 għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa rilevanti fuq il-valur miżjud bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawn jintużaw mod ieħor abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Kapitolu III

L-oġġetti importatati għall-benefiċċju ta' vittmi ta' diżastru

Artikolu 49

1. Soġġetti għall-Artikoli 50 sa 55, l-oġġetti importati minn organizzazzjonijiet ta' l-Istat jew organizzazzjonijiet oħra tal-karità jew filantropiċi approvati mill-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu eżenatai mad-dħul meta dawn ikunu maħsuba:

(a) għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas lil vittmi ta' diżastri li jaffettwaw it-territorju ta' xi Stat Membru jew aktar; jew

(b) li jkunu disponibbli mingħajr ħlas għall-vittmi ta' dawk id-diżastri, filwaqt li jibqgħu il-proprjetà ta' l-organizzazzjonijiet in kwistjoni.

2. L-oġġetti importati minn aġenziji li jipprovdu għajnuna kontra d-diżastri sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu ta' l-attività tagħhom għandhom jibbenefikaw ukoll mill-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mad-dħul taħt l-istess kondizzjonijiet.

Artikolu 50

L-ebda eżenzjoni m'għandha tingħata għal materjali u apparat maħsuba biex jerġgħu jinbnew mill-ġdid arei tad-diżastru.

Artikolu 51

L-għoti ta' l-eżenzjoni għandhu jkun soġġett għal deċiżjoni mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq talba ta' l-Istat Membru jew stati nteressati skond il-proċedura ta' emerġenza li tinkludi l-konsultazzjoni ta' l-Istati Membri l-oħra. Din id-deċiżjoni għandha, meta jkun meħtieġ, tistabbilixxi l-iskop u l-kondizzjonijiet ta' l-eżenzjoni.

Sakemm ikun hemm notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-Istati Membri milquta minn xi diżastru jistgħu jawtorizzaw is-sospensjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud dwar importazzjoni li tkun dovuta fuq l-oġġetti importati għall-għanijiet deskritti fl-Artikolu 49, soġġetti għall-obbligazzjoni mill-organizzazzjoni li timporta li tħallas dik it-taxxa jekk l-eżenzjoni ma tingħatax.

Artikolu 52

L-eżenzjoni għandha tingħata biss lill-organizzazzjonijiet li l-proċeduri ta' kontijiet tagħhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-operazzjonijiet tagħhom u li joffru l-garanziji kollha meqjusa meħtieġa.

Artikolu 53

1. L-organizzazzjonijiet li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ma jistgħux jisilfu, jikru jew jitrasferixxu, kemm bi ħlas jew le, l-oġġetti msemmija fl-Artikolu 49(1) taħt kondizzjonijiet oħra barra dawk stabbiliti f'dak l-Artikolu mingħajr avviż bil-quddiem tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Kemm-il darba l-oġġetti jiġu mislufa, mikrija jew trasferiti lil xi organizzazzjoni li tkun intitolata li tibbenefika mill-eżenzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 49, l-eżenzjoni għandha tibqa' tingħata, sakemm din ta' l-aħħar tuża l-oġġetti għall-għanijiet li jagħtu d-dritt għal dik l-eżenzjoni.

F'każijiet l-oħra, self, kiri jew trasferiment għandu jkun soġġett għall-pagament bil-quddiem tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bir-rata applikabbli fid-data tas-self, kiri jew trasferiment, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 54

1. L-oġġetti msemmija fl-Artikolu 49(1)(b), wara li dawn ma jibqgħux ikunu wżati minn vittmi tad-diżastru, ma jistgħux jiġu mislufa, mikrija jew trasferiti, kemm jekk bi ħlas jew mingħajr ħlas, kemm-il darba l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux avżati bil-quddiem.

2. Kemm-il darba l-oġġetti jiġu mislufa, mikrija jew trasferiti lil xi organizzazzjoni li tkun intitolata li tibbenefika minn eżenzjoni skond l-Artikolu 49 jew, lil xi organizzazzjoni intitolata li tibbenefika minn eżenzjoni skond l-Artikolu 41(1)(a), l-eżenzjoni għandha tkompli tingħata, sakemm dawk l-organizzazzjonijiet jużawhom għall-għanijiet li jagħtu d-dritt għal dik l-eżenzjoni.

F'każijiet l-oħra, self, kiri jew trasferiment għandu jkun soġġett għall-pagament bil-quddiem tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bir-rata applikabbli fid-data tas-self, kiri jew trasferiment, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 55

1. L-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet li jintitolawhom għall-eżenzjoni, jew li jkunu qed jipproponu li jużaw l-oġġetti eżentati mad-dħul għall-għanijiet minbarra dawk li hemm ipprovduti għalihom f'dak l-Artikolu għandhom jinfurmaw ukoll b'dan lill-awtoritajiet kompetenti.

2. Fil-każ ta' l-oġġetti li jibqgħu fil-pussess ta' organizzazzjonijiet li ma jibqgħux jaderixxu mal-kondizzjonijiet li jintitolawhom għall-eżenzjoni, meta dawn jiġu trasferiti lil xi organizzazzjoni li tkun intitolata li tibbenefika minn eżenzjoni bis-saħħa ta' dan il-kapitolu jew, lil xi organizzazzjoni intitolata li tibbenefika minn eżenzjoni skond l-Artikolu 41, l-eżenzjoni għandha tkompli tingħata, sakemm l-organizzazzjoni tuża l-oġġetti in kwistjoni għall-għanijiet li jagħtu d-dritt għal dawk l-eżenzjonijiet. F'każijiet l-oħra, l-oġġetti għanhdom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud rilevanti għall-importazzjoni bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawk il-kondizzjonijiet ma jibqgħux ikunu aderiti, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

3. L-oġġetti użati mill-organizzazzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni għall-għanijiet minbarra dawk ipprovduti f'dan Kapitolu jkunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud ta' l-importazzjoni rilevanti bir-rata applikabbli fid-data li fiha dawn jintużaw għal użu ieħor, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

TITOLU VIII

L-IMPORTAZZJONI FIL-KUNTEST TA' ĊERTI ASPETTI TA' RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

Kapitolu I

Dekorazzjonijiet onorarji jew rikonoxximenti

Artikolu 56

Mal-wiri ta' xhieda sodisfaċenti lill-awtoritajiet kompetenti mill-persuni interessati, u sakemm l-operazzjonijiet involuti m'huma bl-ebda mod ta' karattru kummerċjali, l-eżenzjoni għandha tingħata għar-rigward ta':

(a) dekorazzjonijiet mogħtija mill-gvern ta' xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni lill-persuni li l-post normali tar-residenza tagħhom hu fl-Istat ta' l-aħħar;

(b) tazzi, medalji u oġġetti simili ta' natura essenzalment simbolika li, wara li jkunu ngħataw f'xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni lil persuni li għandhom il-post normali tar-residenza tagħhom fl-Istat ta' l-aħħar bħala rikonoxximent ta' l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma bħall-arti, ix-xjenzi, l-isport jew is-servizz pubbliku jew b'rikonoxximent tal-mertu f'xi attività partikolari, huma importati minn dawn il-persuni stess;

(ċ) tazzi, medalji u oġġetti simili ta' natura essenzalment simbolika li jingħataw mingħajr ħlas minn awtoritajiet jew persuni stabbiliti f'xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni, sabiex ikunu ppreżentati fit-territorju ta' l-Istat ta' l-aħħar għall-istess għanijiet bħal dawk imsemmija f'(b).

Kapitolu II

Rigali li tirċievi fil-kuntest ta' relazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 57

Mingħajr preġudizzju, meta jkun rilevanti, għad-disposizzjonijiet applikabbli għall-moviment internazzjonali ta' vjaġġaturi, u soġġetti għall-Artikoli 58 u 59, l-eżenzjoni għandha tingħata għar-rigward ta' l-oġġetti:

(a) importati minn persuni li għamlu xi żjara uffiċjali f'xi pajjiż minbarra dak tar-residenza normali tagħhom u li rċevew dawk l-oġġetti f'dik l-okkażjoni bħala rigali mill-awtoritajiet ospiti;

(b) importati minn persuni li jiġu biex jagħmlu żjara uffiċjali fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni u li beħsiebhom joffruhom f'dik l-okkażjoni bħala rigali lill-awtoritajiet ospiti;

(ċ) mibgħuta bħala rigali, b'turija ta' ħbiberija jew rieda tajba, minn xi korp uffiċjali, awtorità pubblika jew grupp li jagħmel xi attività fl-interess pubbliku li jkun stabbilit f'xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni, lil xi korp uffiċjali, awtorità pubblika jew grupp li jagħmel xi attività fl-interess pubbliku li se ssir fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni u approvat mill-awtorità kompetenti biex jirċievi dawk l-oġġetti eżentati mit-taxxa.

Artikolu 58

M'għandha tingħata l-ebda eżenzjoni għall-prodotti alkoliċi, tabakk jew prodotti tat-tabakk.

Artikolu 59

L-eżenzjoni għandha tingħata biss:

- meta l-oġġetti maħsuba bħala rigali jkunu offruti fuq bażi okkażjonali,

- meta dawn ma jirrapreżentawx, min-natura tagħhom, valur jew kwantità, l-ebda interess kummerċjali,

- jekk dawn ma jkunux użati għal għanijiet kummerċjali.

Kapitolu III

Oġġetti li se jintużaw minn rejiet jew kapijiet ta' stat

Artikolu 60

L-eżenzjoni mit-taxxa, fil-limitazzjonijiet u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, għandha tingħata għar-rigward ta':

(a) rigali lil renjanti u kapijiet ta' Stat;

(b) l-oġġetti li għandhom jintużaw jew ikkunsmati minn renjanti u kapijiet ta' Stat ta' Stat ieħor, jew minn persuni li uffiċjalment jirrappreżentawhom, matul il-mawra uffiċjali fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni. Iżda, l-eżenzjoni tista' ssir soġġetta, mill-Istat Membru ta' l-importazzjoni, għal trattament reċiproku.

Id-disposizzjonijiet tas-sottoparagrafu preċedenti huma wkoll applikabbli għall-persuni li jgawdu prerogattivi fuq livell internazzjonali bħal dawk li għandhom ir-renjanti jew kapijiet ta' stat.

TITOLU IX

IMPORTAZZJONI TA' OĠĠETTI GĦALL-PROMOZZJONI TAL-KUMMERĊ

Kapitolu I

Kampjuni ta' valur negliġibbli

Artikolu 61

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 65(1)(a), kampjuni ta' oġġetti li jkollhom valur negliġibbli u li jistgħu jintużaw biss biex jintalbu ordnijiet għal oġġetti tat-tip li jirrapreżentaw għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu li ċerti oġġetti, biex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mad-dħul, isiru permanentement mhux tajbin għall-użu billi jitqattgħu, jittaqbu, jew jiġu mmarkati b'mod ċar u li ma jitħassarx, jew permezz ta' xi proċess ieħor, sakemm dik l-operazzjoni ma tiddistruġġix il-karattru tagħhom bħala kampjuni.

3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, "kampjuni ta' oġġetti" tfisser kull oġġett li jirrapreżenta xi tip ta' oġġetti li l-mod jew preżentazzjoni u l-kwantità tiegħu, għall-oġġetti ta' l-istess tip jew kwalità, ma jippermettux l-użu tiegħu minbarra dak biex jittieħdu ordnijiet.

Kapitolu II

Materjal stampat u materjal ta' promozzjoni

Artikolu 62

Soġġett għall-Artikolu 63, materjal stampat għal finijiet ta' promozzjoni bħal katalgi, listi ta' prezzijiet, direzzjonijiet għall-użu jew brochures għandhom ikunu eżentati mad-dħul sakemm dawn jirreferu għal:

(a) oġġetti għall-bejgħ jew kiri, jew

(b) trasport, assigurazzjoni kummerċjali jew servizzi bankarji offruti

Minn xi persuna stabbilita barra mill-Istat Membru ta' l-importazzjoni.

Artikolu 63

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 62 għandha tkun limitata għar-reklami stampati li jaderixxu mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) materjal stampat għandu juri b'mod ċar l-isem ta' l-impriża li tipproduċi, tbiegħ jew tikri l-oġġetti, jew li toffri s-servizzi li għalihom dan jirreferi;

(b) kull kunsinna għandu jkollha mhux aktar minn dokument wieħed jew kopja waħda ta' kull dokument jekk din tkun magħmula minn diversi dokumenti. Il-kunsinni li jkollhom diversi kopji ta' l-istess dokument jistgħu madanakollu jingħataw l-eżenzjoni sakemm il-piż gross totali tagħhom ma jeċċedix kilogramm;

(ċ) materjal stampat jista' ma jkunx issoġġettjat għall-kunsinni raggruppati mill-istess mittent lill-istess destinatarju.

Artikolu 64

L-oġġetti għall-għanijiet ta' promozzjoni, li ma jkollhom l-ebda valur kummerċjali intrinsiku, mibgħut mingħajr ħlas mill-fornituri lill-klijenti tagħhom li, barra l-funzjoni tagħhom ta' promozzjoni, mhumiex tajbin li jintużaw għandhom ukoll ikunu eżentati mad-dħul.

Kapitolu III

Oġġetti użati jew ikkunsmati f'fiera kummerċjali jew attività simili

Artikolu 65

1. Soġġetti għall-Artikoli 66 sa 69, dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) kampjuni rappreżentattivi żgħar ta' l-oġġetti maħsuba għal xi fiera kummerċjali jew attività simili;

(b) oġġetti importati biss sabiex ikunu murija jew sabiex juru magni u apparat li jkunu għall-wiri f'xi fiera kummerċjali jew attività simili;

(ċ) diversi materjali ta' valur żgħir, bħal żebgħa, verniċ u wallpaper, li jintużaw fil-bini, muntaġġ u dekorazzjoni ta' stands temporanji f'xi fiera kummerċjali jew attività simili, li jkunu distrutti meta jintużaw;

(d) materjal stampat, katalgi, prospetti, listi tal-prezzijieti, posters għall-promozzjoni, kalendarji, kemm jekk bl-istampi jew le, ritratti mhux fil-gwarniċ u oġġetti oħra mogħtija mingħajr ħlas sabiex ikunu promossi l-oġġetti murija f'xi fiera kummerċjali jew attività simili.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, "fiera kummerċjali jew attività simili" tfisser:

(a) esibizzjonijiet, fieri, wirjiet u attivitajiet simili konnessi mal-kummerċ, l-industrija, l-agrikultura jew ix-xogħol ta' l-idejn;

(b) wirjiet u attivitajiet imtella' primarjament għal raġunijiet ta' karità;

(ċ) wirjiet u attivitajiet imtella' primarjament għal raġunijiet xjentifiċi, tekniċi, tax-xogħol ta' l-idejn, artistiċi, edukattivi jew kulturali jew raġunijiet sportivi, għal raġunijiet reliġjużi jew raġunijiet ta' qima, attività trejd unjonistika jew turiżmu, jew sabiex tkun promossa l-konoxxenza internazzjonali;

(d) laqgħat ta' rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet kollettivi;

(e) ċerimonji uffiċjali jew kommemorattivi u laqgħat;

Iżda mhux għal wirjiet imtella' għal raġunijiet privati f'ħażniet kummerċjali jew f'postijiet li jbiegħu l-oġġetti.

Artikolu 66

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 65(1)(a) għandha tkun limitata għall-kampjuni li:

(a) ikunu importati mingħajr ħlas bħala tali jew ikunu miksuba fil-wirja minn oġġetti importati bil-grossa;

(b) ikunu esklussivament distribwiti mingħajr ħlas lill-pubbliku fil-wirja għall-użu jew konsum mill-persuni li lilhom ikunu ġew offruti;

(ċ) ikunu identifikabbli bħala kampjuni tal-promozzjoni ta' valur unitarju baxx;

(d) ma jistax isir bejgħ tagħhom faċilment, meta jkun xieraq, ikunu ppakkjati b'tali mod li l-kwantità ta' l-oġġett in kwistjoni tkun aktar baxxa mill-inqas kwantità ta' l-istess oġġett attwalment mibjugħ fis-suq;

(e) fil-każ ta' oġġetti ta' l-ikel u xorb mhux ippakkjati kif imsemmi hawn fuq f'(d), ikunu kkunsmati fuq il-post tal-wirja;

(f) fil-valur u l-kwantità totali tagħhom, ikunu xierqa għan-natura tal-wirja, in-numru ta' viżitaturi u l-kobor tal-parteċipazzjoni ta' l-esibituri.

Artikolu 67

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 65(1)(b) għandha tkun limitata għall-oġġetti li huma:

(a) ikkunsmati jew meqruda fil-wirja, u

(b) ikunu xierqa, fil-valur u l-kwantità totali tagħhom, għan-natura tal-wirja, in-numru ta' viżitaturi u iż-żmien sakemm jistgħu jipparteċipaw l-esibituri.

Artikolu 68

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 65(1)(d) għandha tkun limitata għall-materjal stampat u l-oġġetti għall-finijiet ta' promozzjoni li:

(a) ikunu esklussivament maħsuba biex ikunu distribwiti mingħajr ħlas lill-pubbliku fil-post fejn issir il-wirja;

(b) fil-valur u l-kwantità totali tagħhom, ikunu xierqa għan-natura tal-wirja, in-numru ta' viżitaturi u sakemm jistgħ jipparteċipaw l-esibituri.

Artikolu 69

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 65(1)(a) u (b) m'għandhiex tingħata għal:

(a) prodotti alkoliċi;

(b) tabakk jew prodotti tat-tabakk;

(ċ) karburanti, kemm solidi, likwidi jew gassużi.

TITOLU X

OĠĠETTI IMPORTATI GĦALL-FINIJIET TA' EŻAMI, ANALIŻI JEW TESTIJIET

Artikolu 70

Soġġeti għall-Artikoli 71 sa 76, l-oġġetti li tkun ser issirilhom l-eżami, l-analiżi jew it-testijiet biex ikunu magħrufa l-komposizzjoni, il-kwalità jew karatteristiċi tekniċi oħra tagħhom għall-finijiet ta' informazzjoni jew riċerka industrijali jew kummerċjali għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

Artikolu 71

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 74, l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 70 għandha tingħata biss bil-kondizzjoni li l-oġġetti li ser ikunu eżaminati, analizzati jew ittestjati jkunu wżati kompletament jew distrutti fil-kors ta' l-eżami, ta' l-analiżi jew tat-test.

Artikolu 72

M'għandha tingħata l-ebda eżenzjoni għar-rigward ta' l-oġġetti wżati fl-eżami, fl-analiżi jew fit-testijiet li minnhom infushom jikkostitwixxu operazzjonijiet ta' promozzjoni għal bejgħ.

Artikolu 73

L-eżenzjoni għandha tingħata biss għar-rigward tal-kwantitajiet ta' l-oġġeti li huma meħtieġa strettament għall-għan li dwaru jkunu importati. Dawn il-kwantitajiet għandhom f'kull każ ikunu sabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, li jikkunsidraw l-imsemmi għan.

Artikolu 74

1. L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 70 għandha tkopri l-oġġetti li mhumiex użati kompletament jew distrutti matul l-eżami, l-analiżi jew it-testijiet, sakemm il-prodotti li jifdal ikunu, bi ftehim ma' u taħt is-superviżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti:

- kompletament distrutti jew miġjuba kummerċjalment mingħajr valur mat-tlestija ta' l-eżami, l-analiżi jew it-test, jew

- ċeduta lill-Istat mingħajr ma tikkawżalu xi spiża, fejn dan ikun possibbli taħt il-liġi nazzjonali, jew

- f'ċirkostanzi tassew iġġustifikati, esportati barra mit-territorju ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, "prodotti li jifdal" tfisser prodotti li jirriżultaw mill-eżamijiet, mill-analiżi jew mit-testijiet ta' l-oġġetti mhux attwalment użati.

Artikolu 75

Barra meta l-Artikolu 74(1) ikun applikat, il-prodotti li jifdal fl-aħħar ta' l-eżamijiet, l-analiżi jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 70 għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud rilevanti, bir-rata applikabbli fid-data tat-tlestija ta' l-eżamijiet, l-analiżi jew it-testijiet, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Iżda, il-parti interessata tista', bil-ftehim u taħt is-superviżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, tibdel il-prodotti li jifdal fi skart jew biċċiet. F'dan il-każ, it-taxxi tas-sisa ta' l-importazzjoni għandhom ikunu dawk applikabbli għal dak l-iskart jew biċċiet fil-ħin tal-bidla.

Artikolu 76

Il-perjodu li fih l-eżamijiet, l-analiżi jew it-testijiet għandhom isiru u l-formalitajiet amministrattivi għandhom ikunu lesti sabiex ikun assigurat li l-użu ta' l-oġġetti għall-finijniet maħsuba għandu jkun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti.

TITOLU XI

EŻENZJONIJIET MIXXELLANJI

Kapitolu I

Kunsinni mibgħuta lill-organizzazzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet ta' l-awtur jew privattivi industrijali u kummerċjali

Artikolu 77

Marki tal-kumpanniji, mudelli jew disinni u d-dokumenti relattivi, kif ukoll l-applikazzjonijiet għal patenti għal invenzjoni jew simili, li għandhom ikunu sottomessi lill-entitajiet li huma kompetenti li jittrattaw mal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur jew il-protezzjoni ta' privattivi industrijali jew kummerċjali għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

Kapitolu II

Letteratura ta' informazzjoni turistika

Artikolu 78

Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) dokumentazzjoni (fuljetti, brochures, kotba, magazins, kotba ta' gwida, posters, kemm jekk fil-gwarniċ jew le, ritratti mhux fil-gwarniċ u ritratti fotografiċi mkabbra, mapep, kemm jekk illustrati jew le, trasparenzi li jintużaw fuq it-twieqi, u kalendarji illustrati) maħsuba biex ikunu ddistribwiti mingħajr ħlas u li l-għan prinċipali tagħhom hu li jinkoraġġixxi lill-pubbliku biex iżur pajjiżi barranin, b'mod partikolari sabiex jattendi laqgħat kulturali, turistiċi, sportivi, reliġjużi jew laqgħat jew attivitajiet tal-kummerċ jew tal-professjoni, sakemm dik il-letteratura ma jkollhiex aktar minn 25 % tal-promozzjoni kummerċjali privata u li n-natura ġenerali ta' l-għanijiet promozzjonali jkunu evidenti;

(b) listi ta' lukandi barranin u kotba tas-sena pubblikati minn aġenziji turistiċi uffiċjali, jew taħt l-awspiċi tagħhom, u orarji għal servizzi barranin ta' trasport, sakemm dik il-letteratura tkun maħsuba għad-distribuzzjoni mingħajr ħlas u jkollha mhux aktar minn 25 % tal-promozzjoni kummerċjali privata;

(ċ) materjal ta' riferenza fornit lil rappreżentanti akkreditati jew korrispondenti maħtura minn aġenziji turistiċi nazzjonali u mhux maħsub għal distribuzzjoni, i.e. Kotba tas-sena, listi tan-numri tat-telefon jew telex, listi tal-lukandi, katalgi tal-fieri, kampjuni ta' oġġetti maħduma bl-idejn ta' valur negliġibbli, u letteratura fuq mużewijiet, universitajiet, spas jew stabbilimenti simili oħra.

Kapitolu III

Dokumenti u oġġetti mixxellanji

Artikolu 79

Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) dokumenti mibgħuta mingħajr ħlas lis-servizzi pubbliċi ta' l-Istati Membri;

(b) pubblikazzjonijiet ta' gvernijiet barranin u pubblikazzjonijiet ta' entitajiet internazzjonali uffiċjali maħsuba għal distribuzzjoni mingħajr ħlas;

(ċ) karti tal-vot għall-elezzjonijiet organizzati minn entitajiet stabbiliti fil-pajjiżi minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni;

(d) oġġetti li għandhom jingħataw b'xiehda jew għal għanijiet simili lill-qrati jew aġenziji uffiċjali oħra ta' l-Istati Membri;

(e) kampjuni ta' firem u ċirkulari stampati li jirreferu għall-firem mibgħuta bħala parti minn skambji tas-soltu ta' informazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi jew stabbilimenti bankarji;

(f) materjal uffiċjali stampat mibgħut lill-banek ċentrali ta' l-Istati Membri;

(g) rapporti, dikjarazzjonijiet, noti, prospetti, formoli ta' l-applikazzjoni u dokumenti oħra magħmula minn kumpanniji li jkollhom il-kwartieri barra mill-Istat Membru ta' l-importazzjoni u mibgħuta lil dawk li jġorru jew jissottoskrivu is-sigurtajiet maħruġa minn dawk il-kumpanniji;

(h) medja reġistrata (punched cards, sound recordings, mikrofilms eċċ.) Użati għat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni mibgħuta mingħajr ħlas lill-indirizzat, safejn l-eżenzjoni ma tagħtix lok għal abbużi jew għal tagħwiġ qawwi tal-kompetizzjoni;

(i) reġistri, arkivji, formoli stampati u dokumenti oħra li jintużaw fil-laqgħat, konferenzi jew kungressi internazzjonali, u rapporti dwar dawk il-laqgħat;

(j) pjanti, disinji tekniċi, disinni traċċjati, deskrizzjonijiet u dokumenti simili oħra importati bil-għan li jkunu miksuba jew onorati ordnijiet f'xi pajjiż barra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni jew biex ikun hemm parteċipazzjoni f'xi kompetizzjoni li ssir f'dak l-Istat;

(k) dokumenti li jintużaw fl-eżamijiet miżmuma fl-Istat Membru ta' l-importazzjoni minn istituzzjonijiet stabbiliti f'pajjiż ieħor;

(l) formoli stampati li jintużaw bħala dokumenti uffiċjali fil-moviment internazzjonali ta' vetturi jew oġġetti, fil-qafas tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

(m) formoli stampati, tikketti, biljetti u dokumenti simili mibgħuta minn impriżi tat-trasport jew minn impriżi ta' l-industrija tal-lukandi li jinsabu f'xi pajjiż barra dak l-Istat Membru ta' l-importazzjoni lil aġenziji ta' l-ivvjaġġar stabbiliti f'dak l-Istat;

(n) formoli stampati u biljetti, fatturi tat-tagħbija, biljetti tar-rotta u dokumenti oħrajn kummerċjali jew ta' l-uffiċju li ġew użati;

(o) formoli uffiċjali stampati minn awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali, u oġġetti stampati li jikkonformaw ma' l-istandards internazzjonali mibgħuta għal distribuzzjoni minn assoċjazzjonijiet ta' pajjiżi barra dak l-Istat Membru ta' l-importazzjoni lil assoċjazzjonijiet korrispondenti li jinsabu f'dak l-Istat;

(p) ritratti, slides u sterotype mats għal ritratti, kemm jekk bil-kitba jew le, mibgħuta lill-aġenziji ta' l-Istampa lil stampaturi ta' gazzetti jew rivisti;

(q) oġġetti mniżżla fl-anness ta' din id-Direttiva li huma pprodotti min-nazzjonijiet uniti jew xi waħda mill-aġenziji speċjalizzati tagħha ikun xi jkun l-użu li għalih ikunu maħsuba;

(r) oġġetti tal-kollezzjonisti u xogħlijiet ta' l-arti ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali li mhumiex maħsuba għall-bejgħ u li huma importati minn mużewijiet, galleriji u istituzzjonijiet oħra approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għall-għan ta' dħul mingħajr il-ħlas ta' dazju fuq dawn l-oġġetti. L-eżenzjoni tingħata biss bil-kondizzjoni li l-oġġetti in kwistjoni jkunu importati mingħajr ħlas jew, jekk ikunu importati bi ħlas, li dawn ma jkunux forniti minn persuna taxxabbli.

Kapitolu IV

Materjali anċillari għall-ħażna u l-protezzjoni ta' l-oġġetti matul it-trasport tagħhom

Artikolu 80

Id-diversi materjali bħal ħabel, tiben, drapp, karta u kartun, injam u plastik li jintużaw għall-ħażna u l-protezzjoni - inkluża l-protezzjoni tas-sħana - ta' l-oġġetti matul it-trasport tagħhom lejn it-territorju ta' xi Stat Membru, għandhom ikunu eżenati mad-dħul, sakemm:

(a) dawn ma jkunux normalment jistgħu jerġgħu jintużaw; u

(b) il-ħsieb li jkun sar għalihom jifforma parti mill-ammont taxxabbli kif imfisser fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 77/388/KEE.

Kapitolu V

Żibel, ġwież u oġġetti ta' l-ikel għall-annimali matul it-trasport tagħhom

Artikolu 81

Żibel, ġwież u oġġetti ta' l-ikel ta' kull deskrizzjoni mpoġġija abbord il-mezzi tat-trasoprt użati biex iġorru l-annimali lejn it-territorju ta' xi Stat Membru għall-għan ta' distribuzzjoni lill-istess annimali matul il-vjaġġ għandhom ikunu eżentati mad-dħul.

Kapitolu VI

Karburanti u lubrikanti preżenti f'vetturi tal-mutur ta' l-art

Artikolu 82

1. Soġġetti għall-Artikoli 83 sa 85, dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) karburanti li jinsabu fit-tankijiet standard tal-vetturi bil-mutur privati u kummerċjali u mutur;

(b) karburant li jinsab fit-tankijiet mobbli li jinsabu f'vetturi tal-mutur privati u muturi, b'massimu ta' 10 litri kull vettura u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet nazzjonali fuq l-impirża u t-trasport tal-karburanti.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a) "vettura bil-mutur kummerċjali" tfisser kull vettura tat-triq bil-mutur li minħabba t-tip tal-kostruzzjoni u l-apparat tagħha tkun iddisinjata għal u kapaċi li tittrasporta, kemm bi ħlas jew le:

- aktar minn disa' persuni inklużi s-sewwieq,

- oġġetti,

U kull vettura tat-triq għal xi għan speċjali minbarra t-trasport bħala tali;

(b) "vettura privata bil-mutur" tfisser kull vettura bil-mutur mhix koperta bit-tifsira f'(a);

(ċ) "tankijiet standard" tfisser it-tankijiet imwaħħla b'mod permanenti mill-fabbrikant mal-vetturi kollha bil-mutur ta' l-istess tip bħall-vettura in kwistjoni u mwaħħal permanenti magħha tippermetti li l-karburant jkun użat direttament, kemm għall-għan ta' propulsjoni u, meta jkun xieraq, biex titħaddem sistema ta' tkessiħ.

Tankijiet tal-gass imwaħħla ma' vetturi bil-mutur iddisinjati għall-użu dirett tal-gass bħala karburanti għandhom ikunu kkkunsidrati wkoll bħala tankijiet standard.

Artikolu 83

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu limitu fuq l-applikazzjoni ta' l-eżenzjoni għar-rigward tal-karburant li jinsab fit-tankijiet standard ta' vetturi kummerċjali bil-mutur għal 200 litru kull vettura għal kull vjaġġ.

Artikolu 84

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu limitu fuq l-ammont ta' karburant eżentat mad-dħul fil-każ ta':

(a) vetturi kummerċjali bil-mutur li jaħdmu fit-trasport internazzjonali

- minn pajjiżi terzi għaż-żona tagħhom fuq il-fruntiera, għal fond massimu ta' 25 km f'titjira ta' għasfur,

- minn pajjiż membru ieħor għaż-żona tal-fruntiera tagħha, għal fond massimu ta' 15 km f'titjira ta' għasfur,

Meta dak it-trasport jikkonsisti fi vjaġġi magħmula minn persuni li joqogħdu f'dik iż-żona;

(b) vetturi privati bil-mutur li jappartjenu lil persuni li joqogħdu fiż-żona tal-fruntiera, għal fond massimu ta' 15 km f'titjira ta' għasfur, viċin ma' pajjiż terz.

Artikolu 85

L-eżenzjoni fuq karburanti mad-dħul ma tistax tintuża f'vettura minbarra dik li fiha jkun ġie importat l-anqas ikun imneħħi minn dik il-vettura u maħżun, minbarra meta jkunu meħtieġa t-tiswijiet lil dik il-vettura, jew trasferiti bi ħlas jew mingħajr ħlas mill-persuna li tkun ingħatatilha l-eżenzjoni.

Non-konformità mal-paragrafu preċedenti għandu jagħti lok għat-tħaddim tat-taxxa fuq il-valur miżjud dwar l-importazzjoni dwar il-prodotti in kwistjoni bir-rata li tkun fis-seħħ fid-data ta' dik in-non konformità, abbażi tat-tip ta' l-oġġetti u l-valur aċċertat jew aċċettat f'dik id-data mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 86

L-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 82 għandha tapplika wkoll għal-lubrikanti li jinġarru f'vetturi bil-mutur u meħtieġa għall-operat normali tagħhom matul il-vjaġġ in kwistjoni.

Kapitolu VII

L-oġġetti għall-kostruzzjoni, manteniment jew tiżjin ta' monumenti lil, jew ċimiterji għal, vittmi tal-gwerra

Artikolu 87

L-eżenzjoni mit-taxxa għandha tingħata għar-rigward ta' l-oġġetti importati minn organizzazzjonijiet awtorizzati għal dak il-għan mill-awtoritajiet kompetenti, għall-użu fil-kostruzzjoni, żamma fi stat tajjeb jew tiżjin ta' ċimiterji jew oqbra ta', u monumenti lil, vittmi tal-gwerra ta' xi pajjiż minbarra l-Istat Membru ta' l-importazzjoni li jkunu midfuna f'dan l-Istat ta' l-aħħar.

Kapitolu VIII

Twiebet, urni tal-funeral u oġġetti ornamentali tal-funeral

Artikolu 88

Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mad-dħul:

(a) twiebet li jkun fihom kadaveri u urni li jkollhom l-irmied ta' persuni mejta, kif ukoll il-fjuri, kuruni tal-ward u oġġetti ornamentali li normalment jakkumpanjawhom;

(b) fjuri, kuruni tal-ward u oġġetti ornamentali oħra miġjuba minn persuni li joqogħdu f'xi Stat Membru minbarra dak ta' l-importazzjoni, li jattendu funeral jew imorru jiddekoraw oqbra fit-territorju ta' l-Istat Membru ta' l-importazzjoni sakemm dawn l-importazzjonijiet ma jirriflettux, kemm minn natura tagħhom jew mill-kwantità tagħhom, xi intenzjoni kummerċjali.

TITOLU XII

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 89

Meta din id-Direttiva tipprovdi li l-għoti ta' xi eżenzjoni għandu jkun suġġett għat-twettiq ta' ċerti kondizzjonijiet, il-persuna interessata għandha, għas-sodisfazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, tagħti prova li dawn il-kondizzjonijiet ġew aderiti.

Artikolu 90

1. Il-valur ta' l-iskambju tal-ECU fil-munita nazzjonali li għandu jkun ikkkunsidrat għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandu jkun stabbilit darba fis-sena. Ir-rati li għandhom ikunu applikati għandhom ikunu dawk applikabbli fl-ewwel jum tax-xogħol f'Ottubru u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' jannar tas-sena ta' wara.

2. L-Istati Membri jistgħu idawru l-ammonti fil-munita nazzjonali billi jikkonvertu l-ammonti f'ECU.

3. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw l-ammonti ta' l-eżenzjonijiet fis-seħħ fil-ħin ta' l-aġġustament annwali kif ipprovdut fil-paragrafu, jekk il-konverżjoni ta' l-ammonti ta' l-eżenzjonijiet espressi f'ECU twassal, qabel ma jsir numru tond kif ipprovdut fil-paragrafu 2, għal alterazzjoni ta' inqas minn 5 % fl-eżenzjoni espressa fil-munita nazzjonali.

Artikolu 91

L-ebda disposizzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha żżomm lill-Istati Membri milli jkomplu jagħtu:

(a) il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija minnhom taħt ftehim ta' koperazzjoni kulturali, xjentifiku jew tekniku magħmul bejnhom jew ma' pajjiżi terzi;

(b) l-eżenzjonijiet speċjali ġġustifikati min-natura tat-traffiku tal-fruntiera li huma mogħtija minnhom taħt ftehim tal-fruntiera magħmula bejniethom jew ma' pajjiżi barra mill-Komunità.

Artikolu 92

Sakemm ikunu mwaqqfa l-eżenzjonijiet tal-Komunità dwar l-importazzjoni, l-Istati Membri jistgħu iżommu l-eżenzjonijiet mogħtija lil:

(a) baħrin tal-merkanzija navali;

(b) ħaddiema li jirritornaw lejn pajjiżhom wara li jkunu residenti għal mill-inqas sitt xhur barra mill-Istat Membru ta' importazzjoni minħabba x-xogħol tagħhom.

Artikolu 93

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Lulju 1984.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li dawn jadottaw biex iġibu fis-seħħ din id-Direttiva, fejn jindikaw, meta jkun il-każ, dawk il-miżuri li huma jadottaw b'sempliċi riferenza għal disposizzjonijiet identiċi mar-Regolament (KEE) Nru 918/83.

Artikolu 94

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-28 ta' Marzu 1983.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Ertl

[1] ĠU C171, tal-11.7.1980, p. 8.

[2] ĠU C50, tad-9.3.1981, p. 106.

[3] ĠU C300, tat-18.11.1980, p. 11.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

[5] ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS

Materjal viżwali u tas-smigħ ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali

CCT intestatura nru | Deskrizzjoni |

37.04 | Sensitized plates u film, espost iżda mhux żviluppat, negattiv jew pożittiv: A.Film ċinematografiku:ex II.Pożittivi oħra, ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali |

ex 37.05 | Plates, film mhux imtaqqab u imtaqqab film (minbarra film ċinematografiku), espost u żviluppat, negattiv jew pożittiv, ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali |

37.07 | Film ċinematografiku, espost u żviluppat, kemm jekk ikollu jew le sound track jew li jikkonsisti biss f'sound track, negattiv jew pożittiv: B. II.Pożittivi oħra:ex (a)Films ta' l-aħbarijiet (bis-sound track jew le) li juru okkażjonijiet ta' valur ta' l-aħbarijiet kurrenti fil-ħin ta' l-importazzjoni, u importat sal-limitu ta' żewġ kopji ta' kull wieħed soġġett għall-għanijiet ta' ikkuppjarex (b)Oħrajn:Materjal ta' film ta' l-arkivju (bi jew mingħajr sound track) maħsub għall-użu in konnessjoni ma' films ta' l-aħbarijietFilms rikreattivi b'mod partikolari xierqa għat-tfal u żgħażagħFilms oħra ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali |

49.11 | Materjal ieħor stampat inklużi stampi u ritratti stampati: ex B.Oħrajn:Microcards jew media ta' informazzjoni maħżuna meħtieġa fis-servizzi ta' l-informazzjoni u dokumentazzjoni kompjuterizzati, ta' karattru edukattiv, xjentifku jew kulturaliWall charts disinjati unikament għal dimostrazzjoni u edukazzjoni |

ex 90.21 | Strumenti, apparat jew mudelli, disinjati unikament għall-għanijiet ta' dimostrazzjoni (per eżemju, fl-edukazzjoni jew esibizzjoni), mhux xierqa għal użi oħrajn: disinji, mudelli u wall charts ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali disinjati unikament għal dimostrazzjoni u edukazzjonimock-ups jew viżwalazzjonijiet ta' kunċetti astratti bħal strutturi molekulari jew formoli matematiċi |

92.12 | Recordings simili, matrices għall-produzzjoni ta' diski, prepared record blanks, film għal sound recording mekkaniku, prepared tapes, wires, strippi u oġġetti simili ta' xorta li normalment tintuża għall-ħoss jew recording simili: ex b.Recorded:ta' karattru edukattiv, xjentifiku jew kulturali |

Diversi | Holograms għall-proġettazzjoni bil-laserKits multi-medjaliMaterjali għall-istruzzjoni programmata, inklużi materjali f'forma ta' kit, mal- materjal stampat korrispondenti |

--------------------------------------------------

Top