Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32021R2066

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2066 tal-25 ta’ Awwissu 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċerti stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran għall-perjodu 2022–2024

C/2021/6175

ĠU L 421, 26.11.2021, pp. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validità: 31/12/2024: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 01/01/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2066/oj

26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/17


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2066

tal-25 ta’ Awwissu 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għal ċerti stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran għall-perjodu 2022–2024

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1022 jistabbilixxi pjan pluriennali dwar is-sajd tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran. L-Artikolu 14 ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta dak ir-Regolament billi tispeċifika d-dettalji tal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet fil-Punent tal-Mediterran li għalihom japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art u għall-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet pelaġiċi fis-sajd li jisfrutta l-istokkijiet f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 (2) stabbilixxa pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019, wara li ġew ippreżentati tliet rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni fl-2016 minn għadd ta’ Stati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Mediterran (il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta u s-Slovenja). Dawk it-tliet rakkomandazzjonijiet konġunti, ikkonċernaw rispettivament il-Punent tal-Baħar Mediterran, il-Baħar Adrijatiku u x-Xlokk tal-Baħar Mediterran.

(3)

Fis-7 ta’ Mejju 2021, Spanja, Franza u l-Italja (il-“Grupp ta’ Livell Għoli Pescamed”), ippreżentaw lill-Kummissjoni rakkomandazzjoni konġunta li tipproponi l-estensjoni ta’ ċerti eżenzjonijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art għas-sajd demersali fil-Punent tal-Mediterran wara konsultazzjonijiet fil-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran (“MEDAC”).

(4)

Din ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet ivvalutata mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) bejn is-17 u l-21 ta’ Mejju 2021 (3).

(5)

Fil-21 ta’ Lulju 2021, il-Grupp ta’ Livell Għoli Pescamed ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta aġġornata li kienet allinjata mal-valutazzjoni tal-STECF.

(6)

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni qieset ir-rakkomandazzjoni konġunta fid-dawl tal-valutazzjoni tal-STECF biex tiżgura li din tkun kompatibbli mal-miżuri ta’ konservazzjoni rilevanti, inkluż l-obbligu ta’ ħatt l-art.

(7)

Il-Kummissjoni tinnota li fil-Punent tal-Baħar Mediterran, l-ispeċijiet jinqabdu fl-istess ħin, fi kwantitajiet li jvarjaw ħafna, u b’hekk approċċ ta’ stokk uniku jsir aktar diffiċli. Barra minn hekk, dawk l-ispeċijiet jinqabdu minn bastimenti tas-sajd fuq skala żgħira u jinħattu l-art f’ħafna punti differenti ta’ ħatt l-art mifruxin ġeografikament tul il-kosta, u dan jirriżulta f’kostijiet sproporzjonati fil-maniġġ tal-qabdiet inċidentali.

(8)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tipproponi l-estensjoni tal-eżenzjoni tas-sopravivenza, kif previst fl-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, stabbilita għall-molluski bivalvi, jiġifieri għall-arzella tal-pellegrini (Pecten jacobeus), għall-vongole (Venerupis spp.) u għall-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) għall-2022. L-STECF fakkar lill-Istati Membri b’żewġ studji eżistenti li għandhom jitlestew għal valutazzjoni ulterjuri tar-rati ta’ sopravivenza tal-arzella tal-pellegrini, tal-vongole u tal-gandoffli ta’ Venere. Peress li l-evidenza dwar ir-rati ta’ sopravivenza ta’ dawn l-ispeċijiet ma hijiex konklużiva, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni tas-sopravivenza jenħtieġ li tiġi inkluża f’dan ir-Regolament għal sena sakemm tiġi ppreżentata d-data rilevanti dwar is-sopravivenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jippreżentaw, sal-1 ta’ Mejju 2022, id-data rilevanti dwar is-sopravivenza għal dawk it-tliet speċijiet lill-Kummissjoni biex l-STECF ikun jista’ jivvaluta bis-sħiħ il-ġustifikazzjonijiet għall-eżenzjoni u biex il-Kummissjoni tagħmel il-valutazzjoni tagħha.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tipproponi l-estensjoni tal-eżenzjoni tas-sopravivenza stabbilita għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX) għall-2022, l-2023 u l-2024. L-STECF qies li hemm evidenza xjentifika li turi sopravivenza baxxa ħafna għal dik l-ispeċi fil-Punent tal-Mediterran u f’reġjuni oħrajn, matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu. Peress li rati għoljin ta’ sopravivenza jseħħu matul il-bqija tas-sena u b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni tas-sopravivenza jenħtieġ li għalhekk tiġi estiża għal tliet snin, ħlief għax-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ kull sena.

(10)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tipproponi l-estensjoni tal-eżenzjoni tas-sopravivenza għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) għall-2022, għall-2023 u għall-2024. L-STECF iqis li l-informazzjoni speċifika għall-appoġġ ta’ din l-eżenzjoni kienet limitata. Madankollu, minħabba li dan is-sajd huwa pjuttost selettiv, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal tliet snin.

(11)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tipproponi l-estensjoni tal-eżenzjoni tas-sopravivenza għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) li tinqabad bis-snanar u bix-xlief (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX) għall-2022 u l-2023. L-STECF qies li kienet ġiet ipprovduta evidenza li tappoġġa din l-eżenzjoni, iżda jenħtieġ li jsiru studji xjentifiċi addizzjonali biex tiġi osservata direttament is-sopravivenza tal-qbid skartat. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal sentejn.

(12)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta aġġornata tipproponi l-estensjoni tal-eżenzjoni tas-sopravivenza għall-awwista (Homarus gammarus) u għall-awwisti (Palinuridae) li jinqabdu bix-xbieki (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) u bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) għall-2022 u għall-2023. L-STECF qies li kienet ġiet ipprovduta evidenza li tappoġġa l-fatt li l-impatt tas-sopravivenza tal-eżenzjoni x’aktarx li jkun baxx, iżda jenħtieġ li jsiru studji xjentifiċi addizzjonali biex jiġu osservati direttament ir-rati ta’ sopravivenza tal-qbid skartat. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża għal sentejn.

(13)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta pprovdiet evidenza xjentifika aġġornata dwar il-kostijiet sproporzjonati fil-maniġġ tal-qabdiet inċidentali. Għalkemm l-STECF innota li huma pprovduti stimi taż-żieda fil-kostijiet, huwa saħaq fuq id-diffikultajiet biex jiġi ġġudikat f’liema livell il-kostijiet huma sproporzjonati. L-STECF innota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-kostijiet sproporzjonati tista’ titlesta ulterjorment u li jenħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-impatti tal-eżenzjoni. L-STECF innota wkoll li t-tnaqqis tal-livell ta’ qabdiet mhux mixtieqa permezz tal-użu ta’ rkaptu selettiv jew ta’ żoni protetti tal-baħar jenħtieġ li jingħata prijorità. Il-Kummissjoni tilqa’ l-impenn meħud mill-Grupp ta’ Livell Għoli Pescamed biex ikompli jaħdem fuq is-selettività u r-restrizzjonijiet spazjali tas-sajd bħala prijorità biex jinkiseb it-tnaqqis ta’ qabdiet mhux mixtieqa. L-STECF innota li l-approċċ de minimis ikkombinat ikopri grupp wiesa’ ta’ speċijiet b’firxa wiesgħa ta’ rati tal-qbid skartat iżda qies tali kopertura wiesgħa bħala approċċ validu minħabba l-kumplessità tas-sajd fil-Punent tal-Baħar Mediterran. Barra minn hekk l-STECF qies li eżenzjonijiet de minimis individwali li jkopru speċi waħda x’aktarx li jirriżultaw f’ħafna eżenzjonijiet separati li jkunu ugwalment ta’ sfida għall-monitoraġġ. Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi estiża bil-livelli perċentwali proposti.

(14)

L-Istati Membri ġeddew l-impenn tagħhom fir-rakkomandazzjoni konġunta tagħhom biex iżidu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd f’konformità mar-riżultati tal-programmi ta’ riċerka attwali sabiex inaqqsu u jillimitaw il-qabdiet mhux mixtieqa u partikolarment il-qabdiet b’daqsijiet iżgħar mid-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.

(15)

Barra minn hekk, l-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll fir-rakkomandazzjoni konġunta tagħhom biex jidentifikaw aktar żoni magħluqin sabiex inaqqsu l-mortalità tal-ħut li għadu qed jikber, fejn hemm evidenza ta’ konċentrazzjoni għolja ta’ ħut li għadu qed jikber. Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjonijiet konġunti aġġornati huma konformi mal-Artikolu 15(4), l-Artikolu 15(5)(b)(c) u l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(16)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li dan jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art

L-obbligu ta’ ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Baħar Mediterran għas-sajd demersali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (“GFCM”) kif inhuma definiti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(b)

“il-Punent tal-Baħar Mediterran” tfisser is-Subżoni Ġeografiċi tal-GFCM 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11.1, 11.2 u 12.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet ta’ sopravivenza

1.   L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li għalihom, l-evidenza xjentifika turi rati għoljin ta’ sopravivenza, fil-Punent tal-Baħar Mediterran, għandha tapplika:

a)

għall-arzella tal-pellegrini (Pecten jacobeus) li tinqabad bil-gangmi mekkanizzati (HMD) sal-31 ta’ Diċembru 2022;

b)

għall-vongole (Venerupis spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) sal-31 ta’ Diċembru 2022;

c)

għall-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) li jinqabdu bil-gangmi mekkanizzati (HMD) sal-31 ta’ Diċembru 2022;

d)

għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ kollha (OTB, OTT, PTB, TBN, TBS, TB, OT, PT, TX) matul ix-xhur ta’ Jannar sa Ġunju u ta’ Settembru sa Diċembru, kull sena sal-31 ta’ Diċembru 2024;

e)

għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li jinqabad bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) sal-31 ta’ Diċembru 2024;

f)

għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) li tinqabad bis-snanar u bix-xlief (LHP, LHM, LLS, LLD, LL, LTL, LX) sal-31 ta’ Diċembru 2023;

g)

għall-awwista (Homarus gammarus) li tinqabad bix-xbieki (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) u bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) sal-31 ta’ Diċembru 2023;

h)

għall-awwisti (Palinuridae) li jinqabdu bix-xbieki (GNS, GN, GND, GNC, GTN, GTR, GEN) u bin-nases u bix-xbieki tat-tidwir (FPO, FIX) sal-31 ta’ Diċembru 2023.

2.   għall-arzella tal-pellegrini (Pecten jacobeus), il-vongole (Venerupis spp.), il-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), l-awwista (Homarus gammarus) u l-awwisti (Palinuridae) li jinqabdu fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rilaxxati minnufih fiż-żona fejn ikunu nqabdu.

3.   Sal-1 ta’ Mejju 2022, l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar Mediterran għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni data addizzjonali dwar il-qbid skartat u kwalunkwe informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(a)(b)(c). L-STECF għandu jivvaluta d-data u l-informazzjoni ppreżentati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2022.

Artikolu 4

Eżenzjonijiet de minimis

B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati skont l-Artikolu 15(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 il-kwantitajiet ta’ speċijiet li ġejjin:

(a)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u għall-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(b)

għall-merluzz (Merluccius merluccius) u għat-trill (Mullus spp.), sa massimu ta’ 1 % għall-2022 u għall-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti;

(c)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 5 % għall-2022 u għall-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu mill-bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ;

(d)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea), għall-awrata (Sparus aurata) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 3 % għall-2022 u għall-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet li jinqabdu mill-bastimenti li jużaw l-għeżula u l-pariti;

(e)

għall-ispnotta (Dicentrarchus labrax), għall-isparlu (Diplodus annularis), għall-mogħża (Diplodus puntazzo), għas-sargu komuni (Diplodus sargus), għax-xirgien (Diplodus vulgaris), għaċ-ċerna (Epinephelus spp.), għall-ajula (Lithognathus mormyrus), għall-bażuga (Pagellus acarne), għall-paġella (Pagellus erythrinus), għall-pagru (Pagrus pagrus), għall-ħanżir tal-fond (Polyprion americanus), għal-lingwata komuni (Solea solea) u għall-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), sa massimu ta’ 1 % għall-2022 u għall-2023 tal-qabdiet annwali totali ta’ dawk l-ispeċijiet mill-bastimenti li jużaw is-snanar u x-xolfa.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran (ĠU L 14, 18.1.2017, p. 4).

(3)  Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Evaluation of the landing obligation joint recommendations (STECF-21-05) 2021. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu. Disponibbli hawnhekk https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


Fuq