This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005R1290
Council Regulation (EC) No 1290/2005 of 21 June 2005 on the financing of the common agricultural policy
1290/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni
1290/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni
ĠU L 209, 11/08/2005, p. 1–25
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 286M, 04/11/2010, p. 1–25
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1306
4.11.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1290/2005
tal-21 ta’ Ġunju 2005
dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Il-Politika Agrikola Komuni tikkonsisti f’serje ta’ miżuri, li x’uħud minnhom huma relatati mal-iżvilupp rurali. Huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament għal dawk il-miżuri sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni. Peress li l-miżuri għandhom ċerti elementi inkomuni, iżda huma wkoll differenti f’għadd ta’ aspetti, il-finanzjament tagħhom għandu jingħaqad taħt qafas regolatorju wieħed li jippermetti trattament differenti fejn meħtieġ. Sabiex jittieħed kont ta’ dawk id-differenzi, għandhom jinħolqu żewġ fondi agrikoli Ewropej, jiġifieri l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (minn hawn ‘il quddiem il-“FAEG”), għall-finanzjament ta’ miżuri tas-suq, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (minn hawn ‘il quddiem il-“FAEŻR”), għall-finanzjament ta’ programmi għall-iżvilupp rurali. |
(2) |
Il-baġit Komunitarju għandu jiffinanzja l-infiq tal-Politika Agrikola Komuni, inkluż dak għall-iżvilupp rurali, permezz tal-Fondi msemmijin hawn fuq. Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), dan jitwettaq jew b’mod ċentrali jew fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri. Għandhom jiġu speċifikati t-tipi kollha tal-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati bl-użu tal-Fondi msemmija. |
(3) |
Jekk waqt l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-Kummissjoni ma jkollhiex assigurazzjoni sodisfaċenti li l-kontrolli nazzjonali huma adegwati u trasparenti u li l-aġenziji tal-ħlas jivverifikaw il-legalità u l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq li huma jwettqu, hija ma tistax tiddetermina f’perijodu ta’ żmien raġonevoli l-infiq totali li għandu jiddaħħal fil-Fondi Agrikoli Ewropej. Għalhekk, għandu jsir provvediment għall-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas mill-Istati Membri, l-istabbiliment minnhom ta’ proċeduri għall-kisba tad-dikjarazzjonijiet tal-assigurazzjoni rekwiżiti, u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet annwali minn korpi indipendenti. |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-istandards meħtieġa għall-akkreditazjoni fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-kriterji li jridu jiġu applikati. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kontrolli nazzjonali, b’mod partikolari rigward il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, tal-validazzjoni u tal-ħlas, l-għadd ta’ awtoritajiet u korpi li lilhom jiġu ddelegati dawn ir-reponsabbiltajiet għandhom, fejn adatt, ikunu ristretti b’kont meħud tal-arranġamenti kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru. |
(5) |
Meta Stat Membru jakkredita iktar minn aġenzija tal-ħlas waħda, huwa importanti li jinnomina korp wieħed ta’ koordinament sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-ġestjoni tal-fondi, biex jiġi pprovdut kuntatt bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-ħlas varji akkreditati u biex jiġi żgurat li l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni li tirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ diversi aġenziji tal-ħlas issir disponibbli malajr. |
(6) |
Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni armonjuża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward il-finanzjament tal-infiq tal-Politika Agrikola Komuni u, b’mod aktar partikolari, biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja mill-qrib il-ġestjoni finanzjarja mill-Istati Membri u tapprova l-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati, ċerta informazzjoni għandha tiġi kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni jew għandha tinżamm disponibbli għall-Kummissjoni. It-teknoloġija tal-informazzjoni jeħtieġ li tintuża kemm jista’ jkun għal dan il-għan. |
(7) |
Għall-finijiet tal-kompilazzjoni tad-data li trid tintbagħat lill-Kummissjoni, u sabiex il-Kummissjoni jkollha aċċess immedjat għad-data dwar l-infiq kemm fuq il-karta kif ukoll f’forma elettronika, għandhom jiġu stabbiliti regoli adatti dwar il-preżentazzjoni u t-trasmissjoni tad-data, kif ukoll dwar l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. |
(8) |
Il-finanzjament ta’ miżuri u operazzjonijiet taħt il-Politika Agrikola Komuni ser jinvolvi parzjalment ġestjoni kondiviża. Sabiex jiġi żgurat li l-fondi Komunitarji jkunu ġestiti tajjeb, il-Kummissjoni għandha twettaq verifiki tal-ġestjoni tal-Fondi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ħlasijiet. Huwa adatt li tiġi definita n-natura tal-verifiki li jridu jsiru mill-Kummissjoni, li jiġu speċifikati t-termini tar-responsabbiltajiet tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit u li jiġu ċċarati l-obbligi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri. |
(9) |
L-aġenziji tal-ħlas akkreditati mill-Istati Membri biss joffru assigurazzjoni raġonevoli li l-kontrolli neċessarji twettqu qabel l-għoti tal-għajnuna Komunitarja lill-benefiċjarji. Għalhekk, għandu jiġi stipulat li l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati biss għandu jkun jista’ jiġi rimborsat mill-baġit Komunitarju. |
(10) |
Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġi kopert l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati, fir-rigward tal-FAEG, għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni fil-forma ta’ rimborsi meta jiġi prenotat l-infiq imwettaq minn dawn l-aġenziji. Sakemm ikunu tħallsu dawn ir-rimborsi, fil-forma ta’ ħlas kull xahar, għandhom jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati tagħhom. L-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri u l-benefiċjarji involuti fl-eżekuzzjoni tal-Politika Agrikola Komuni għandhom jitħallsu minnhom stess. |
(11) |
L-għajnuna Komunitarja għandha titħallas lill-benefiċjarji fi żmien debitu sabiex huma jkunu jistgħu jużawha b’mod effiċjenti. Nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri mal-iskadenzi għall-ħlas stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja jista’ joħloq diffikultajiet serji għall-benefiċjarji u jista’ jipperikola l-proċedura baġitarja annwali tal-Komunità. Għalhekk, l-infiq li jitwettaq mingħajr konformità mal-iskadenzi għall-ħlasijiet għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju. Sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tipprevedi eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali. |
(12) |
Għandha tkun prevista proċedura amministrattiva li tippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni biex jitnaqqas jew ikun temporanjament sospiż il-ħlas ta’ kull xahar meta l-informazzjoni ikkomunikata mill-Istati Membri ma tagħmilhiex possibbli li tikkonferma li r-regoli Komunitarji applikabbli ġew osservati u tindika użu ħażin ċar tal-fondi Komunitarji. F’każijiet definiti b’mod ċar, għandu jkun possibbli wkoll it-tnaqqis jew is-sospensjoni mingħajr tali proċedura. Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru, waqt li tindika li kwalunkwe deċiżjoni għal tnaqqis jew sospensjoni tal-ħlas ta’ kull xahar ser ikun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet. |
(13) |
Fil-kuntest tal-konformità mad-dixxiplina baġitarja, huwa meħtieġ li jiġi definit il-limitu massimu annwali għall-infiq iffinanzjat mill-FAEG billi jittieħed kont tal-ammonti massimi stabbiliti għal dan il-Fond fil-Qafas Finanzjarju u s-somom stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi għall-bdiewa (3) u s-somom stabbiliti fl-Artikoli 143d u 143e ta’ dak ir-Regolament. |
(14) |
Id-dixxiplina baġitarja tirrikjedi wkoll li l-limitu massimu għall-infiq iffinanzjat mill-FAEG jiġi rispettat fiċ-ċirkostanzi kollha u fl-istadji kollha tal-proċedura baġitarja u tal-eżekuzzjoni tal-baġit. Dan jirrikjedi li l-limitu massimu nazzjonali għall-ħlasijiet diretti għal kull Stat Membru, wara l-korrezzjoni f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jiġi meqjus bħala limitu massimu finanzjarju għal tali ħlasijiet diretti għall-Istat Membru kkonċernat u li r-rimbors ta’ dawn il-ħlasijiet jibqa’ konformi ma’ dan il-limitu massimu finanzjarju. Barra minn hekk, id-dixxiplina baġitarja titlob li l-miżuri leġislattivi kollha proposti mill-Kummissjoni jew adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni taħt il-Politika Agrikola Komuni u ffinanzjati mill-FAEG ikunu konformi mal-limitu massimu annwali għall-infiq iffinanzjat minn dan il-Fond. Fl-istess kuntest, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tistabbilixxi l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fejn il-Kunsill dawn ma jiffissahomx qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja li għaliha japplikaw l-aġġustamenti. Abbażi ta’ informazzjoni ġdida li għandu, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadatta, b’maġġoranza kwalifikata, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru, ir-rati ta’ aġġustament għall-ħlasijiet. |
(15) |
Il-miżuri meħuda biex tiġi determinata l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEG u l-FAEŻR fir-rigward tal-kalkolu tal-limiti massimi finanzjarji ma jaffettwawx is-setgħat tal-awtorità baġitarja maħtura mit-Trattat. Għalhekk, dawn il-miżuri għandhom jiġu bbażati fuq l-ammonti ta’ referenza ffissati f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib tal-proċedura baġitarja (4) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Interistituzzjonali” u l-Qafas Finanzjarju stabbilit fl-Anness I għal dak il-Ftehim. |
(16) |
Id-dixxiplina baġitarja titlob ukoll eżami kontinwu tas-sitwazzjoni baġitarja fil-perijodu medju. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tissottometti l-abbozz preliminari tal-baġit għal sena partikolari, hija għandha tippreżenta l-previżjonijiet u l-analiżi tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tipproponi, jekk ikun meħtieġ, miżuri adatti lill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu sħiħ mis-setgħat maniġerjali tagħha f’kull ħin biex tiżgura konformità mal-limitu massimu annwali u, jekk meħtieġ, tipproponi miżuri adatti lill-Kunsill biex tiġi kkoreġuta s-sitwazzjoni baġitarja. Jekk, fi tmiem sena baġitarja, il-limitu massimu annwali ma jkunx jista’ jiġi mħares minħabba r-rimborsi mitluba mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tieħu miżuri li jippermettu, min-naħa, id-distribuzzjoni provviżorja tal-baġit disponibbli fost l-Istati Membri fi proporzjon mat-talbiet tagħhom għal rimbors li jkun għadu mhux imħallas u, min-naħa l-oħra, konformità mal-limitu massimu stabbilit għas-sena kkonċernata. Il-ħlasijiet għal dik is-sena għandhom jittieħdu mill-baġit tas-sena li jkun imiss u l-ammont totali tal-finanzjament Komunitarju għal kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit b’mod definit, l-istess bħall-kumpens bejn l-Istati Membri sabiex ikun hemm konformità mal-ammont stabbilit. |
(17) |
Meta timplimenta l-baġit, il-Kummissjoni għandha topera sistema ta’ twissija bikrija u monitoraġġ għall-infiq agrikolu, biex, jekk ikun hemm riskju li l-limitu massimu annwali jinqabeż, il-Kummissjoni tkun tista’ mal-ewwel opportunità tieħu l-miżuri adatti taħt is-setgħat maniġerjali għad-dispożizzjoni tagħha, u mbagħad, jekk dawn il-miżuri ma jkunux suffiċjenti, tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill, li għandu jaġixxi malajr kemm jista’ jkun. Sabiex ikun hemm sistema li tiffunzjona bla xkiel, din għandha tippermetti għall-paragun ta’ infiq reali mal-profili tal-infiq stabbiliti abbażi tal-infiq fis-snin preċedenti. Rapport ta’ kull xahar mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jipparaguna l-evoluzzjoni tal-infiq li jkun twettaq mal-profili u jagħti valutazzjoni tal-implimentazzjoni prevedibbli għall-bqija tas-sena baġitarja. |
(18) |
Ir-rata tal-kambju użata mill-Kummissjoni fit-tfassil tad-dokumenti baġitarji li hija tippreżenta lill-Kunsill għandha, filwaqt li tħalli spazju għad-differenza fiż-żmien bejn l-abbozzar u l-preżentazzjoni, tirrifletti l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli. |
(19) |
Il-programmi għall-iżvilupp rurali huma ffinanzjati mill-baġit Komunitarju abbażi tal-impenji f’pagamenti annwali. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jużaw il-fondi Komunitarji pprovduti malli jibdew il-programmi. Għalhekk, hija meħtieġa sistema ta’ prefinanzjament ristretta b’mod adatt li tiżgura fluss sod ta’ fondi sabiex il-pagamenti lill-benefiċjarji tal-programmi jitwettqu f’waqthom. |
(20) |
Apparti l-prefinanzjament, jeħtieġ issir distinzjoni bejn il-pagamenti mill-Kummissjoni lill-aġenziji tal-ħlas akkreditati, il-pagamenti intermedji u l-pagament tal-bilanċi, u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-ħlas tagħhom. |
(21) |
Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti intermedji f’każijiet fejn l-infiq sar bla bżonn. Għandha tiġi stabbilita proċedura għall-Istati Membri li turi li l-infiq tagħhom kien korrett. |
(22) |
Ir-regola tad-diżimpenn awtomatiku għandha tgħin sabiex it-twettiq tal-programmi jsir b’mod aktar mgħaġġel, u tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja soda. |
(23) |
Sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni finanzjarja bejn l-aġenziji tal-ħlas akkreditati u l-baġit Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tapprova l-kontijiet ta’ dawn l-aġenziji tal-ħlas kull sena. Id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet għandha tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet iżda mhux il-konformità tal-infiq mal-leġislazzjoni Komunitarja. |
(24) |
Il-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-applikazzjoni tajba tal-liġi Komunitarja skont l-Artikolu 211 tat-Trattat, għandha tiddeċiedi jekk l-infiq li sar mill-Istati Membri jikkonformax mal-leġislazzjoni Komunitarja. L-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom li jagħmlu l-pagamenti u għandu jkollhom rikors għall-konċiljazzjoni meta ma jkunx hemm qbil komuni bejnhom u l-Kummissjoni. Sabiex l-Istati Membri jingħataw assigurazzjonijiet legali u finanzjarji dwar l-infiq li twettaq fl-imgħoddi, għandu jiġi stabbilit perijodu massimu biex il-Kummissjoni tiddeċiedi liema konsegwenzi finanzjarji għandhom isegwu n-nuqqas ta’ konformità. |
(25) |
Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri li jissodisfawhom li t-transazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi jkunu verament imwettqa u esegwiti korrettement. L-Istati Membri għandhom ukoll jevitaw u jitrattaw b’mod effettiv kwalunkwe irregolarità mwettqa mill-benefiċjarji. |
(26) |
Fir-rigward tal-FAEG, is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lura lil dan il-Fond meta l-infiq ma jkunx konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja u ma jkun jeżisti ebda intitolament. Għandu jsir provvediment għal sistema ta’ responsabbiltà finanzjarja għall-irregolaritajiet fl-assenza ta’ rkupru totali. F’dan ir-rigward għandha tiġi stabbilita proċedura li tippermetti li l-Kummissjoni tissalvagwardja l-interessi tal-baġit Komunitarju billi tiddeċiedi dwar tariffa parzjali għall-Istati Membri kkonċernati fuq somom mitlufa bħala riżultat ta’ irregolaritajiet u nuqqas ta’ rkupru fi skadenzi raġonevoli. F’ċerti każijiet ta’ negliġenza min-naħa tal-Istat Membru, ikun ġustifikat li tintalab is-somma kollha lura mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, soġġett għall-konformità mill-Istati Membri mal-obbligi skont il-proċeduri interni tagħhom, il-piż finanzjarju għandu jinqasam b’mod ġust bejn il-Komunità u l-Istat Membru. |
(27) |
Il-proċeduri ta’ rkupru użati mill-Istati Membri jistgħu jkollhom l-effett li jtawlu l-irkupru għal għadd ta’ snin, b’ebda garanzija li l-eżitu jkun, fil-fatt, suċċess. Il-prezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri jista’ wkoll ikun sproporzjonat mal-ammonti li jkunu jew jistgħu jkunu miġbura. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jitħallew iwaqqfu l-proċeduri ta’ rkupru f’ċerti każi. |
(28) |
Fir-rigward tal-FAEŻR, is-somom irkuprati jew ikkanċellati wara irregolaritajiet għandhom jibqgħu disponibbli għall-programmi għall-iżvilupp rurali approvati tal-Istat Membru kkonċernat peress li dawn is-somom ġew allokati lil dak l-Istat Membru. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, għandhom ikunu previsti l-każijiet fejn il-miżuri meħtieġa ma jitteħdux mill-Istati Membri wara l-kxif ta’ irregolaritajiet. |
(29) |
Sabiex ikun permess l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-FAEG u l-FAEŻR, huma meħtieġa regoli dwar l-assenjar ta’ somom irkuprati mill-Istati Membri meta titwettaq l-approvazzjoni tal-konformità jew wara proċedimenti f’każ ta’ kxif ta’ irregolarità jew negliġenza u għal taxxi addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. |
(30) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha li tivverifika l-eżistenza u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi tal-ġestjoni u l-ispezzjoni tal-infiq Komunitarju fl-Istati Membri, għandhom ikunu previsti, irrispettivament mill-ispezzjoni mwettqa mill-Istati Membri nfushom, verifiki minn persuni ddelegati mill-Kummissjoni li jkunu jistgħu jitolbu assistenza mill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom. |
(31) |
It-teknoloġija tal-informazzjoni jeħtieġ li tintuża kemm jista’ jkun għall-produzzjoni ta’ informazzjoni li trid tintbagħat lill-Kummissjoni. Waqt it-twettiq tal-verifiki, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess sħiħ u immedjat għall-informazzjoni dwar l-infiq miżmuma kemm fuq il-karta kif ukoll fil-fajls elettroniċi. |
(32) |
Għandha tiġi stabbilita data għall-aħħar pagamenti għall-programmi għall-iżvilupp rurali approvati għall-perijodu 2000-2006 ffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG). Sabiex l-Istati Membri jitħallew jirċievu rimborsi għall-pagamenti li saru wara din id-data, għandhom jiġu previsti miżuri transitorji speċifiċi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-irkupru ta’ avvanzi mħallsa mill-Kummissjoni abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (5) u għall-ammonti soġġetti għall-arranġamenti ta’ modulazzjoni volontarja msemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxu regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni (6). |
(33) |
Għandha tiġi stabbilita data li fiha l-Kummissjoni tista’ awtomatikament tħoll is-somom kommessi iżda mhux minfuqa taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali approvati mit-Taqsima Gwida tal-FAEGG meta d-dokumenti meħtieġa relatati mal-għeluq tal-operazzjonijiet ma jkunux waslu għand il-Kummissjoni sa dik id-data. Għandhom jiġu definiti d-dokumenti li huma meħtieġa biex il-Kummissjoni tistabbilixxi jekk il-miżuri ngħalqux. |
(34) |
Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-Fondi u hija prevista kooperazzjoni mill-qrib bejnha u l-Istati Membri permezz ta’ Kumitat dwar il-fondi agrikoli. |
(35) |
Il-firxa tal-finanzjament Komunitarju toħloq il-ħtieġa li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinżammu informati regolarment permezz ta’ rapporti finanzjarji. |
(36) |
Peress li data personali jew sigrieti tan-negozju jistgħu jkunu involuti fl-applikazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali u l-approvazzjoni tal-konformità, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiggarantixxu l-konfidenzjalità tal-informazzjoni rċevuta fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet. |
(37) |
Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit Komunitarju u imparzjalità fit-trattament kemm fil-livell ta’ Stat Membru kif ukoll fil-livell tal-bidwi, għandhom jiġu speċifikati r-regoli dwar l-użu tal-ewro. |
(38) |
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 25 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (7), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/97 tat-22 ta’ April 1997 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni tal-Istati Membri rigward il-kontroll tan-nefqa (8) tas-Settur Garanziji tal-FAEGG u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 għandhom jitħassru. Ċerti Artikoli fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 tal-4 ta’ Marzu 1991 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassru r-Regolament (KEE) Nru 283/72 (9) ukoll għandhom jitħassru peress li dan ir-Regolament jipprevedi l-arranġamenti tagħhom. |
(39) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (10), filwaqt li ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat amministrattiv u dawk li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat konsultattiv, fejn f’ċerti każijiet u bil-ħsieb ta’ effiċenzja akbar, il-proċedura tal-kumitat konsultattiv tkun l-aktar adatta. |
(40) |
Il-bidla mill-arranġamenti fir-Regolamenti mħassra għal dawk f’dan ir-Regolament jistgħu jqajmu diffikultajiet prattiċi u speċifiċi, partikolarment f’konnessjoni mat-transizzjoni għall-arranġamenti l-ġodda, li ma humiex ittrattati f’dan ir-Regolament. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, għandha tkun prevista l-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta l-miżuri meħtieġa u ġustifikati korrettement. Dawk il-miżuri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda biss safejn meħtieġ għal perijodu limitat. |
(41) |
Peress li l-perijodu ta’ pprogrammar għall-programmi għall-iżvilupp rurali abbażi ta’ dan ir-Regolament jibda mill-1 ta’ Jannar 2007, dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data. Madankollu, għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet minn data qabel. |
(42) |
Il-qorti tal-Awdituri ta Opinjoni (11). |
(43) |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta Opinjoni (12), |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Għan u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u regoli speċifiċi dwar il-finanzjament tal-infiq li jaqa’ taħt il-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-infiq għall-iżvilupp rurali.
Artikolu 2
Fondi li jiffinanzjaw l-infiq agrikolu
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni ddefinita mit-Trattat u jiġu ffinanzjati l-miżuri varji li jaqgħu taħtha, inkluż l-iżvilupp rurali, ġew stabbiliti dawn li ġejjin:
(a) |
Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-“FAEG”; |
(b) |
Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-“FAEŻR”. |
2. Il-FAEG u l-FAEŻR għandhom jaqgħu taħt il-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.
Artikolu 3
L-infiq tal-FAEG
1. Fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Komunità, il-FAEG għandu jiffinanzja l-infiq li ġej, li għandu jsir f’konformità mal-liġi Komunitarja:
(a) |
ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli lejn pajjiżi terzi; |
(b) |
il-miżuri ta’ intervent li jirregolaw is-swieq agrikoli; |
(c) |
il-ħlasijiet diretti għall-bdiewa taħt il-Politika Agrikola Komuni; |
(d) |
il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern tal-Komunità u f’pajjiżi terzi, magħmulha mill-Istati Membri abbażi ta’ programmi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 4 u magħżula mill-Kummissjoni. |
2. Il-FAEG għandu jiffinanzja l-infiq li ġej b’mod ċentralizzat u f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja:
(a) |
il-kontribuzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri veterinarji speċifiċi, il-miżuri ta’ spezzjoni veterinarji, il-miżuri ta’ spezzjoni għall-oġġetti tal-ikel u ikel tal-annimali, il-programmi għall-eradikazzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali (miżuri veterinarji) u miżuri għas-saħħa tal-pjanti; |
(b) |
il-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli, magħmulha jew direttament mill-Kummissjoni jew permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali; |
(c) |
il-miżuri, imwettqa f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja, biex jiġu żgurati l-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-kollezzjoni u l-utilizzazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura; |
(d) |
l-istabbiliment u l-manteniment ta’ sistemi ta’ informazzjoni ta’ kontabbiltà agrikola; |
(e) |
is-sistemi ta’ sorveljanza agrikola, inkluż stħarriġ dwar l-istruttura ta’ azjendi agrikoli; |
(f) |
l-infiq relatat mas-swieq tas-sajd. |
Artikolu 4
Infiq tal-FAEŻR
Il-FAEŻR għandu jiffinanzja, fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Komunità, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programmi għall-iżvilupp rurali implimentati f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).
Artikolu 5
Finanzjament ieħor, inkluża assistenza teknika
Il-FAEG u l-FAEŻR jistgħu, kull wieħed rispettivament, jiffinanzjaw fuq bażi ċentralizzata, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f’isimha, il-miżuri ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ appoġġ amministrattiv u tekniku, ta’ evalwazzjoni, ta’ verifika u ta’ spezzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-iżvilupp rurali. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu, b’mod partikolari:
(a) |
il-miżuri meħtieġa għall-analiżi, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, kif ukoll miżuri relatati mal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u assistenza teknika u amministrattiva; |
(b) |
il-miżuri meħtieġa għall-manteniment u l-iżvilupp ta’ metodi u mezzi tekniċi għall-informazzjoni, l-interkonnessjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-ġestjoni finanzjarja tal-fondi użati għall-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni; |
(c) |
il-provvediment ta’ informazzjoni dwar il-Politika Agrikola Komuni, magħmulha b’inizjattiva tal-Kummissjoni; |
(d) |
l-istudji dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri ffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR, inkluż it-titjib ta’ metodi ta’ evalwazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prattiki; |
(e) |
fejn rilevanti, l-aġenziji eżekuttivi stabbiliti f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (13), filwaqt li jaġixxu b’rabta mal-Politika Agrikola Komuni; |
(f) |
il-miżuri relatati mad-disseminazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza fil-livell Komunitarju, magħmulha fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, inkluż in-netwerking tal-partijiet ikkonċernati. |
Artikolu 6
Akkreditazzjoni u rtirar tal-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u l-korpi ta’ koordinazzjoni
1. L-aġenziji tal-ħlas għandhom ikunu dipartimenti jew korpi tal-Istati Membri, li, fir-rigward tal-ħlasijiet li jagħmlu huma u fir-rigward tal-komunikazzjoni u ż-żamma tal-informazzjoni, jipprovdu garanziji suffiċjenti li:
(a) |
l-eliġibbiltà ta’ talbiet u, fil-qafas tal-iżvilupp rurali, il-proċedura għall-allokazzjoni tal-għajnuna, kif ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli Komunitarji jiġu verifikati qabel ma jiġi awtorizzat il-ħlas; |
(b) |
jinżammu kontijiet preċiżi u eżawrjenti tal-ħlasijiet li jsiru; |
(c) |
isiru l-verifiki stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja; |
(d) |
id-dokumenti meħtieġa jiġu ppreżentati fl-iskadenzi u fil-għamla stabbilita mir-regoli Komunitarji; |
(e) |
id-dokumenti huma aċċessibbli u miżmuma f’manjiera li tiżgura l-kompletezza, il-validità u l-leġibbiltà tagħhom maż-żmien, inkluż fir-rigward ta’ dokumenti elettroniċi fit-tifsira tar-regoli Komunitarji. |
Bl-eċċezzjoni tal-ħlas tal-għajnuna Komunitarja, l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti tista’ tiġi ddelegata.
2. L-Istati Membri għandom jakkreditaw, bħala aġenziji tal-ħlas, lil dawk id-dipartimenti jew korpi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.
Kull Stat Membru għandu, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u l-istruttura istituzzjonali tiegħu, jillimita l-għadd tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati għall-minimu meħtieġ sabiex ikun żgurat li l-infiq imsemmi fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 jitwettaq skont kondizzjonijiet amministrattivi u ta’ kontabilità sodi.
3. Meta tkun akkreditata aktar minn aġenzija tal-ħlas waħda, l-Istat Membru għandu jagħti lill-Kummissjoni d-dettalji tad-dipartiment jew korp li lilu jassenja l-kompiti li ġejjin:
(a) |
il-ġbir ta’ informazzjoni li trid issir disponibbli lill-Kummissjoni u l-għoti ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni; |
(b) |
il-promozzjoni tal-applikazzjoni armonizzata tar-regoli Komunitarji. |
Dan id-dipartiment jew korp, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“korp ta’ koordinazzjoni”, għandu jkun soġġett għal akkreditazzjoni speċifika mill-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tal-informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a).
4. Meta aġenzija ta’ ħlas akkreditata ma tissodisfax jew ma tibqax tissodisfa waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jirtira l-akkreditazzjoni dment li l-aġenzija tal-ħlas ma tagħmilx il-bidliet meħtieġa f’perijodu ta’ żmien iddeterminat skont is-severità tal-problema.
Artikolu 7
Korpi taċ-ċertifikazzjoni
Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun entità legali pubblika jew privata maħtura mill-Istat Membru bil-ħsieb li jiċċertifika l-verità, il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-aġenzija tal-ħlas akkreditata, b’kont meħud tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti.
Artikolu 8
Komunikazzjoni ta’ informazzjoni u aċċess għad-dokumenti
1. Flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti settorjali, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti li ġejjin lill-Kummissjoni:
(a) |
għall-aġenziji tal-ħlas akkreditati u l-korpi ta’ koordinazzjoni akkreditati:
|
(b) |
għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni:
|
(c) |
għal miżuri relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR:
|
Il-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati relatati mal-infiq tal-FAEŻR għandhom jiġu ppreżentati fil-livell ta’ kull programm.
2. L-aġenziji tal-ħlas akkreditati għandhom iżommu d-dokumenti ta’ appoġġ relatati mal-ħlasijiet magħmula u d-dokumenti relatati mal-prestazzjoni tal-verifiki amministrattivi u fiżiċi meħtieġa mil-leġislazzjoni Komunitarja, u għandhom jagħmlu d-dokumenti u l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.
Meta dawk id-dokumenti jinżammu minn awtorità li taġixxi taħt delega minn aġenzija tal-ħlas u tkun responsabbli għall-awtorizzazzjoni tal-infiq, dik l-awtorità għandha tibgħat rapporti lill-aġenzija tal-ħlas akkreditata dwar l-għadd ta’ verifiki magħmula, il-kontenut tagħhom u l-miżuri meħuda fid-dawl tar-riżultati tagħhom.
Artikolu 9
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità u assigurazzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-fondi Komunitarji
1. L-Istati Membri għandhom:
(a) |
fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha leġislattivi, regolatorji u amministrattivi u jieħdu kwalunkwe miżuri oħra meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, u b’mod partikolari sabiex:
|
(b) |
tiġi stabbilita sistema effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll li tkopri ċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet u dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni bbażata fuq il-firma tal-persuna responsabbli mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata. |
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jivverifikaw il-legalità u l-konformità tal-infiq imsemmi fl-Artikoli 3(1) u 4, u li josservaw il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda; hija għandha twettaq il-miżuri u l-verifiki li ġejjin f’dan ir-rigward:
(a) |
hija għandha tivverifika li jeżistu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u li jiffunzjonaw b’mod adatt fl-Istati Membri; |
(b) |
hija għandha tnaqqas jew tissospendi l-ħlasijiet intermedji kollha kemm huma jew parti minnhom, u tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji rekwiżiti, partikolarment meta s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ifallu; |
(c) |
hija għandha tivverifika li l-prefinanzjament jiġi rimborsat u għandha, jekk meħtieġ, awtomatikament tiddiżimpenja l-impenji baġitarji. |
3. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet adottati u l-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 u, fir-rigward tal-programmi għall-iżvilupp rurali, il-miżuri meħuda għall-ġestjoni u l-kontroll f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja rigward l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità.
Artikolu 10
Ammissibbiltà ta’ ħlasijiet imwettqa minn aġenziji tal-ħlas
L-infiq imsemmi fl-Artikoli 3(1) u 4 jista’ jiġi kopert mill-finanzjament Komunitarju biss jekk ikun twettaq minn aġenziji tal-ħlas akkreditati maħtura mill-Istati Membri.
Artikolu 11
Ħlas sħiħ lill-benefiċjarji
Dment li ma jkunx previst b’mod kuntrarju skont il-leġislazzjoni Komunitarja, il-ħlasijiet relatati mal-finanzjament previst skont dan ir-Regolament jew għall-ammonti li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni finanzjarja pubblika taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jitħallsu kollha kemm huma lill-benefiċjarji.
TITOLU II
FAEG
KAPITOLU I
Finanzjament Komunitarju
Artikolu 12
Limiti massimi baġitarji
1. Il-limitu massimu annwali għall-infiq tal-FAEG għandu jkun kostitwit bl-ammonti massimi stabbiliti għalih skont il-qafas finanzjarju pluriennali previst fil-Ftehim Interistituzzjonali, mingħajr l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2.
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti li, skont l-Artikoli 10(2), 143d u 143e tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, huma magħmula disponibbli lill-FAEŻR.
3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, abbażi tad-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-bilanċ nett disponibbli għall-infiq tal-FAEG.
Artikolu 13
Spejjeż amministrattivi u tal-persunal
L-infiq relatat mal-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal imwettaq mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG ma għandux jitħallas mill-Fond.
Artikolu 14
Ħlasijiet ta’ kull xahar
1. L-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-finanzjament tal-infiq imsemmi fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni fil-forma ta’ rimborsi ta’ kull xahar, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ħlasijiet ta’ kull xahar”, abbażi tal-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati matul il-perijodu ta’ referenza.
2. Sakemm jiġu trasferiti l-ħlasijiet ta’ kull xahar mill-Kummissjoni, ir-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq l-infiq għandhom jiġu mobilizzati mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati tagħhom.
Artikolu 15
Proċedura għall-ħlasijiet ta’ kull xahar
1. Il-ħlasijiet ta’ kull xahar għandhom isiru mill-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31, għall-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati tal-Istati Membri matul ix-xahar ta’ referenza.
2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3), il-ħlasijiet ta’ kull xahar li hija twettaq, abbażi ta’ dikjarazzjoni tal-infiq mill-Istati Membri u l-informazzjoni mogħtija f’konformità mal-Artikolu 8(1), b’kont meħud tat-tnaqqis jew is-sospensjonijiet applikati skont l-Artikolu 17.
3. Il-ħlasijiet ta’ kull xahar għandhom isiru lil kull Stat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih jitwettaq l-infiq.
4. L-infiq imwettaq mill-Istati Membri bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru għandu jitqies bħala li qed isir fix-xahar ta’ Ottubru. L-infiq imwettaq bejn is-16 u l-31 ta’ Ottubru għandu jitqies bħala li qed isir fix-xahar ta’ Novembru.
5. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq ħlasijiet supplimentari jew tnaqqis. F’tali każijiet, il-Kumitat dwar il-fondi agrikoli għandu jiġi informat fil-laqgħa tiegħu li jmiss.
Artikolu 16
Konformità mal-iskadenzi għall-ħlasijiet
Meta l-iskadenzi għall-ħlasijiet jiġu stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja, kwalunkwe qbiż ta’ dawk l-iskadenzi mill-aġenziji tal-ħlas għandu jirrendi l-ħlasijiet ineliġibbli għall-finanzjament Komunitarju, għajr fil-każijiet, il-kondizzjonijiet u l-limiti ddeterminati, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.
Artikolu 17
Tnaqqis u sospensjoni tal-ħlasijiet ta’ kull xahar
1. Meta d-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2) ma jagħmluhiex possibbli għall-Kummissjoni li tistabbilixxi jekk l-impenn ta’ fondi huwiex skont ir-regoli Komunitarji applikabbli, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprovdi iktar informazzjoni f’perijodu li għandha tiddetermina l-Kummissjoni skont is-severità tal-problema u li normalment ma jistax ikun ta’ inqas minn tletin jum.
Jekk l-Istat Membru jonqos milli jwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jew jekk it-tweġiba tkun meqjusa bħala insodisfaċenti jew turi li ma kienx hemm konformità mar-regoli Komunitarji applikabbli jew li l-fondi Komunitarji ġew użati b’mod żbaljat, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi temporanjament il-ħlasijiet ta’ kull xahar lill-Istat Membru. Hija għandha tinforma lill-Istat Membru kif adatt, waqt li tindika li twettaq tnaqqis jew sospensjoni.
2. Meta d-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2) jippermettu li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-limitu massimu finanzjarju stabbilit bil-leġislazzjoni Komunitarja nqabeż, jew li r-regoli Komunitarji applikabbli kjarament ma kienx hemm konformità magħhom, il-Kummissjoni tista’ tapplika t-tnaqqis jew is-sospensjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, wara li l-Istat Membru jingħata l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu.
3. It-tnaqqis u s-sospensjonijiet għandhom japplikaw skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, skont id-deċiżjoni tal-ħlasijiet ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 15(2), mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.
KAPITOLU II
Dixxiplina baġitarja
Artikolu 18
Konformità mal-limitu massimu
1. Matul il-proċedura baġitarja u l-implimentazzjoni tal-baġit, l-approprjazzjonijiet relatati mal-infiq tal-FAEG m’għandux jaqbeż il-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3).
L-istrumenti leġislattivi kollha proposti mill-Kummissjoni jew adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni u li għandhom influwenza fuq il-baġit tal-FAEG għandhom jikkonformaw mal-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3).
2. Meta l-leġislazzjoni Komunitarja tistipola limitu massimu finanzjarju f’EUR għall-infiq agrikolu fir-rigward ta’ Stat Membru, tali nfiq għandu jiġi rimborsat soġġett għal dak il-limitu stabbilit f’EUR, bi twettiq ta’ kwalunkwe aġġustament meħtieġ dment li japplika l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
3. Il-limiti massimi nazzjonali għall-ħlasijiet diretti stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja, inklużi dawk stabbiliti bl-Artikoli 41(1) u 71c tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ikkoreġuti bil-persentaġġi u l-aġġustamenti stabbiliti fl-Artikoli 10(1) u 11(1) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala limiti massimi finanzjarji f’EUR.
4. Jekk sat-30 ta’ Ġunju ta’ kwalunkwe sena l-Kunsill ma jkunx stabbilixxa l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dawk l-aġġustamenti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-Regolament u għandha tinforma lill-Kunsill bihom immedjatament.
5. Sal-1 ta’ Diċembru, fuq proposta mill-Kummissjoni, abbażi ta’ informazzjoni ġdida fil-pussess tagħha, il-Kunsill jista’ jadotta r-rata ta’ aġġustament għall-ħlasijiet diretti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
Artikolu 19
Proċedura ta’ dixxiplina baġitarja
1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fl-istess waqt tal-abbozz preliminari tal-baġit għas-sena finanzjarja N, il-previżjoni tagħha għas-snin finanzjarji N-1, N u N + 1. Hija għandha tippreżenta simultanjament analiżi tad-differenzi osservati bejn il-previżjonijiet inizjali u l-infiq attwali għas-snin finanzjarji N-2 u N-3.
2. Jekk, fit-tfassil tal-abbozz preliminari tal-baġit għas-sena finanzjarja N, ikun jidher li hemm ir-riskju li jinqabeż il-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3) għas-sena finanzjarja N, b’kont meħud tal-marġini stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-miżuri meħtieġa lill-Kunsill, inklużi dawk rikjesti skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
3. Jekk fi kwalunkwe ħin il-Kummissjoni tqis li hemm ir-riskju li jinqabeż il-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3) u li ma tkunx tista’ tieħu miżuri adegwati biex tirrimedja s-sitwazzjoni skont is-setgħat amministrattivi tagħha, hija għandha tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill biex tiġi żgurata konformità ma’ dak il-bilanċ. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar dawk il-miżuri, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’ħin debitu biex il-Kunsill jieħu nota tagħha u jiddeċiedi fil-perijodu stabbilit.
4. Jekk, fi tmiem is-sena finanzjarja N, it-talbiet għal rimbors mill-Istati Membri jaqbżu jew aktarx li ser jaqbżu l-bilanċ nett stabbilit skont l-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandha:
(a) |
tikkunsidra t-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri pro rata u fil-limitu tal-baġit disponibbli, u għandha proviżorjament tistabbilixxi l-ammont tal-ħlasijiet għax-xahar ikkonċernat; |
(b) |
tiddetermina, għall-Istati Membri kollha, mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar tas-sena li jkun imiss, is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-finanzjament Komunitarju għas-sena finanzjarja preċedenti; |
(c) |
tistabbilixxi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(3), l-ammont totali tal-finanzjament Komunitarju mqassam għal kull Stat Membru separatament, abbażi ta’ rata unika ta’ finanzjament Komunitarju, fil-limitu tal-baġit li kien disponibbli għall-ħlasijiet ta’ kull xahar; |
(d) |
twettaq, mhux aktar tard minn meta jsiru l-ħlasijiet ta’ kull xahar għal Marzu tas-sena N + 1, kwalunkwe kumpens li jrid jitwettaq bejn l-Istati Membri. |
Artikolu 20
Sistema ta’ twissija bikrija
Sabiex jiġi żgurat li l-limitu massimu tal-baġit ma jinqabiżx, il-Kummissjoni għandha timplimenta sistema ta’ twissija bikrija u ta’ monitoraġġ ta’ kull xahar fir-rigward tal-infiq tal-FAEG.
Qabel il-bidu ta’ kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiddetermina għal dak l-għan, il-profili tal-infiq ta’ kull xahar ibbażati, jekk meħtieġ, fuq l-infiq medju ta’ kull xahar matul it-tliet snin preċedenti.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ kull xahar li jeżamina l-evoluzzjoni tal-infiq imwettaq b’rabta mal-profili u li jkun fih valutazzjoni tal-implimentazzjoni prevedibbli għas-sena finanzjarja attwali.
Artikolu 21
Rati tal-kambju ta’ referenza
1. Meta tadotta l-abbozz preliminari tal-baġit, jew ittra ta’ emenda għall-abbozz preliminari tal-baġit li tikkonċerna l-infiq agrikolu, għall-estimi tal-baġit tal-FAEG, il-Kummissjoni għandha tuża r-rata medja tal-kambju EUR/dollaru Amerikan reġistrata fis-suq matul l-aktar kwart tas-sena reċenti li jintemm tal-anqas 20 jum qabel l-adozzjoni tad-dokument tal-baġit mill-Kummissjoni.
2. Meta tadotta abbozz preliminari ta’ baġit emendatorju u supplementari jew ittra ta’ emenda għalih, safejn dawk id-dokumenti jikkonċernaw approprjazzjonijiet relatati mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b), il-Kummissjoni għandha tuża:
(a) |
l-ewwel nett, ir-rata medja tal-kambju EUR/dollaru Amerikan irreġistrata realment fis-suq mill-1 ta’ Awwissu tas-sena finanzjarja preċedenti sat-tmiem tal-aħħar kwart tas-sena li jintemm tal-anqas 20 jum qabel l-adozzjoni tad-dokument tal-baġit mill-Kummissjoni u mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja attwali, u |
(b) |
it-tieni nett, bħala previżjoni għall-bqija tas-sena finanzjarja, ir-rata tal-kambju medja irreġistrata realment matul l-aħħar kwart tas-sena li jispiċċa tal-anqas 20 jum qabel l-adozzjoni tad-dokument tal-baġit mill-Kummissjoni. |
TITOLU III
FAEŻR
KAPITOLU I
Metodu ta’ finanzjament
Artikolu 22
Kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEŻR
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEŻR għall-infiq taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali għandha tiġi determinata għal kull programm, fil-limiti massimi stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja rigward appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR, flimkien mal-ammonti stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament.
L-infiq iffinanzjat taħt dan ir-Regolament m’għandux ikun soġġett għal kwalunkwe finanzjament ieħor taħt il-baġit Komunitarju.
Artikolu 23
Impenji baġitarji
L-impenji baġitarji tal-Komunità għall-programmi għall-iżvilupp rurali (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “impenji baġitarji”) għandhom isiru f’pagamenti annwali matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta kull programm għall-iżvilupp rurali ppreżentat minn Stat Membru għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002 u, ladarba jiġi nnotifikat l-Istat Membru kkonċernat, impenn legali fit-tifsira ta’ dak ir-Regolament.
Għal kull programm, l-impenn baġitarju għall-ewwel pagament għandu jsegwi l-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni. L-impenji baġitarji għall-pagamenti sussegwenti għandhom isiru mill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, abbażi tad-deċiżjoni msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.
KAPITOLU II
Ġestjoni finanzjarja
Artikolu 24
Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ħlasijiet kollha
1. Ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għandhom isiru skont l-impenji baġitarji.
2. Il-Kummissjoni ser tagħmel disponibbli għall-Istati Membri l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex jiġi kopert l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4, permezz ta’ prefinanzjament, ħlasijiet intermedji u l-ħlas ta’ bilanċ. L-Artikoli 25, 26, 27 u 28 għandhom japplikaw għal dawn l-approprjazzjonijiet.
3. Il-ħlasijiet kollha għandhom jiġu assenjati lill-impenn baġitarju miftuħ l-aktar bikri.
4. It-total kompost tal-prefinanzjament u l-ħlasijiet intermedji m’għandux jaqbeż il-95 % tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għal kull programm għall-iżvilupp rurali.
Artikolu 25
Arranġamenti ta’ prefinanzjament
1. Wara li tadotta programm għall-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas ammont ta’ prefinanzjament uniku għal dak il-programm lill-Istat Membru. Dan għandu jirrappreżenta 7 % tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm ikkonċernat. Huwa jista’ jinqasam bejn żewġ snin finanzjarji skont id-disponibbiltà tar-riżorsi.
2. L-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament għandu jiġi rimborsat lill-Kummissjoni jekk ma tintbagħat l-ebda dikjarazzjoni ta’ nfiq għall-programmi għall-iżvilupp rurali fi żmien 24 xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tħallas l-ewwel pagament tal-ammont tal-prefinanzjament.
3. L-interess iġġenerat dwar il-prefinanzjament għandu jintbagħat lill-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat u jitnaqqas mill-ammont tal-infiq pubbliku indikat fuq id-dikjarazzjoni finali tal-infiq.
4. L-ammont totali ta’ prefinanzjament għandu jiġi approvat meta jingħalaq il-programm għall-iżvilupp rurali.
Artikolu 26
Ħlasijiet intermedji
1. Għandhom jitwettqu ħlasijiet intermedji għal kull programm għall-iżvilupp rurali. Huma għandhom jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni tar-rata tal-finanzjament parzjali għal kull prijorità għall-infiq pubbliku ċċertifikat li jappartjeni għalih.
2. Soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji sabiex tirrimborsal-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati fl-implimentazzjoni tal-programmi.
3. Kull ħlas intermedju għandu jkun soġġett għal konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
it-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-infiq, iffirmata mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata, f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c); |
(b) |
ma jinqabeż ebda total tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal kull prijorità għall-perijodu intier kopert mill-programm ikkonċernat; |
(c) |
it-trasmissjoni lill-Kummissjoni tal-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali. |
4. Jekk wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jintlaħaqx u d-dikjarazzjoni tal-infiq, għalhekk, ma tkunx tista’ tiġi aċċettata, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-aġenzija tal-ħlas akkreditata u lill-korp ta’ koordinazzjoni, meta jkun inħatar wieħed.
5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji fi żmien 45 jum mir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-infiq, li għalihom jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.
6. L-aġenziji tal-ħlas akkreditati għandhom jistabbilixxu u jibagħtu lill-Kummissjoni, permezz tal-intermedjarju tal-korp ta’ koordinament jew direttament, meta ma jkunx ġie appuntat wieħed, id-dikjarazzjonijiet intermedji tal-infiq relatat mal-programmi għall-iżvilupp rurali, f’intervalli stabbiliti mill-Kummissjoni. Id-dikjarazzjonijiet tal-infiq għandhom ikopru l-infiq li l-aġenzjija tkun għamlet matul kull perijodu kkonċernat.
Id-dikjarazzjonijiet intermedji tal-infiq fir-rigward tal-infiq magħmul mis-16 ta’ Ottubru ‘l quddiem għandu jitniżżel fil-kontijiet tal-baġit tas-sena li jmiss.
Artikolu 27
Sospensjoni u tnaqqis tal-ħlasijiet intermedji
1. Il-ħlasijiet intermedji għandhom isiru abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq u l-informazzjoni finanzjarja pprovduta mill-Istati Membri. Għandu japplika l-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002.
2. Jekk id-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew l-informazzjoni finanzjarja komunikata minn Stat Membru ma jagħmluhiex possibbli li jinstab li d-dikjarazzjoni tal-infiq tissodisfa r-regoli Komunitarji rilevanti, l-Istat Membru għandu jintalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali f’perijodu ta’ żmien stabbilit skont is-serjetà tal-problema, iżda li normalment m’għandux ikun ta’ inqas minn tletin jum.
3. Jekk l-Istat Membru jonqos li jwieġeb għat-talba msemmija fil-paragrafu 2, jew jekk it-tweġiba tkun meqjusa bħala insodisfaċenti jew turi li ma kienx hemm konformità mar-regoli applikabbli jew li l-fondi Komunitarji ġew użati b’mod żbaljat, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi temporanjament il-ħlasijiet intermedji lill-Istat Membru. Hija għandha tinforma lill-Istat Membru kif adatt.
4. Is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ ħlasijiet intermedji kif indikat fl-Artikolu 26 għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.
Artikolu 28
Ħlas tal-bilanċ u għeluq tal-programm
1. Wara li tkun irċeviet l-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ, soġġett għad-disponibbiltà ta’ riżorsi, abbażi tar-rata ta’ finanzjament parzjali skont il-prijorità, il-kontijiet annwali għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali rilevanti u tad-deċiżjoni għall-approvazzjoni korrispondenti. Dawn il-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2016 u għandhom ikopru l-infiq imwettaq mill-aġenzija tal-ħlas sal-31 ta’ Diċembru 2015.
2. Il-bilanċ għandu jitħallas mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiġu rċevuti l-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-ammonti li jkunu għadhom impenjati wara li jkun tħallas il-bilanċ għandhom jiġu diżimpenjati mill-Kummissjoni f’perijodu ta’ sitt xhur, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(6).
3. Jekk sat-30 ta’ Ġunju l-Kummissjoni ma jkunx intbagħtilha l-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali u d-dokumenti meħtieġa għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni għall-programm, il-bilanċ għandu jiġi diżimpenjat awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 29.
Artikolu 29
Diżimpenn awtomatiku
1. Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon tal-impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma jkunx intuża għall-fini ta’ prefinanzjament jew għat-twettiq ta’ ħlasijiet intermedji jew li għalihom ma ġietx ippreżentata dikjarazzjoni tal-infiq li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(3) fir-rigward tal-infiq imwettaq sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju.
2. Dik il-parti tal-impenji baġitarji li tkun għadha miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2015 li għaliha ma tkunx saret dikjarazzjoni tal-infiq sat-30 ta’ Ġunju 2016 għandha tiġi awtomantikament diżimpenjata.
3. Jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni sussegwenti għad-deċiżjoni li tapprova l-programm għall-iżvilupp rurali tkun meħtieġa għall-awtorizzazzjoni ta’ assistenza jew ta’ skema ta’ għajnuna, il-perijodu li jwassal għal diżimpenn awtomatiku għandu jibda mid-data ta’ dik id-deċiżjoni sussegwenti. L-ammont ikkonċernat għandu jiġi stabbilit bl-użu ta’ skeda pprovduta mill-Istat Membru.
4. F’każ ta’ proċedimenti legali jew appell amministrattiv li jkollu effett ta’ sospensjoni, għandu jiġi interrott il-perijodu għad-diżimpenn awtomatiku msemmi fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, fir-rigward tal-ammont relatat mal-operazzjonijiet ikkonċernati, għat-tul ta’ żmien ta’ dawk il-proċedimenti jew ta’ dak l-appell amministrattiv, dment li l-Kummissjoni tirċievi notifika sostanzjata mill-Istat Membru sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N + 2.
5. Dawn li ġejjin għandhom jiġu injorati fil-kalkolu tad-diżimpenn awtomatiku:
(a) |
dik il-parti mill-impenji baġitarji li għaliha tkun saret dikjarazzjoni tal-infiq iżda li r-rimbors tagħha jkun ġie mnaqqas jew sospiż mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N + 2; |
(b) |
dik il-parti mill-impenji baġitarji li aġenzija tal-ħlas tkun setgħet tiżborsa għal raġunijiet ta’ force majeure b’effett serju fuq l-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali. L-awtoritajiet nazzjonali li jiddikjaraw force majeure għandhom juru l-konsegwenzi diretti fuq l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta’ parti minnu. |
6. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u l-awtoritajiet ikkonċernati fi żmien debitu jekk ikun hemm riskju ta’ diżimpenn awtomatiku. Hija għandha tinformahom bl-ammont involut kif indikat mill-informazzjoni fil-pussess tagħha. L-Istati Membri għandu jkollhom xahrejn minn meta jirċievu din l-informazzjoni sabiex jaqblu mal-ammont inkwistjoni jew jippreżentaw osservazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha twettaq id-diżimpenn awtomatiku sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafi 1 sa 4.
7. F’każ ta’ diżimpenn awtomatiku, il-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat għandu jitnaqqas, għas-sena inkwistjoni, bl-ammont diżimpenjat awtomatikament. L-Istat Membru għandu jipproduċi pjan finanzjarju rivedut li jaqsam it-tnaqqis tal-għajnuna bejn il-prijoritajiet. Jekk ma jagħmilx dan, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammonti allokati għal kull prijorità pro rata.
8. Jekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 2007, il-perijodi li mal-iskadenzi tagħhom jista’ jsir l-ewwel diżimpenn awtomatiku msemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mtawla għall-ewwel impenn bl-għadd ta’ xhur bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u d-data tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali korrispondenti.
TITOLU IV
APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET U MONITORAĠĠ MILL-KUMMISSJONI
KAPITOLU 1
Approvazzjoni
Artikolu 30
Approvazzjoni tal-kontijiet
1. Qabel it-30 ta’ April tas-sena li jmiss wara s-sena baġitarja inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 41(3), abbażi tal-informazzjoni trasmessa f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c)(iii).
2. Id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni għandha tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet annwali ppreżentati. Id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 31.
Artikolu 31
Approvazzjoni tal-konformità
1. Jekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli Komunitarji, hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).
2. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.
3. Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.
Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.
4. Il-finanzjament ma jistax jiġi rifjutat għal:
(a) |
l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) li jitwettaq aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħha; |
(b) |
l-infiq dwar il-miżuri pluriennali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi kif indikat fl-Artikolu 4, meta l-obbligu finali fuq min jirċievi jseħħ aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tagħha; |
(c) |
l-infiq fuq miżuri fil-programmi, kif indikat fl-Artikolu 4, għajr dawk imsemmija fil-punt (b), li jitwettaq il-ħlas għalihom, jew skont il-każ, il-ħlas tal-bilanċ mill-aġenzija tal-ħlas, aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-kitba dwar ir-riżultati tal-kontroll tagħha. |
5. Il-paragrafu 4 ma japplikax fil-każ ta’:
(a) |
irregolaritajiet koperti mill-Artikoli 32 u 33; |
(b) |
għajnuniet nazzjonali jew vjolazzjonijiet li tkun inbdiet il-proċedura tagħhom kif indikat fl-Artikolu 88 jew l-Artikolu 226 tat-Trattat. |
KAPITOLU 2
Irregolaritajiet
Artikolu 32
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEG
1. Is-somom irkuprati wara li tkun seħħet irregolarità jew negliġenza u l-interess fuqhom għandhom jingħataw lill-aġenzija tal-ħlas u jiġu mniżżlin fil-kontijiet minnha bħala dħul assenjat lill-FAEG fix-xahar li fih attwalment jiġu rċevuti l-flus.
2. Meta l-baġit Komunitarju jiġi kreditat, l-Istat Membru jista’ jżomm 20 % tal-ammonti korrispondenti bħala spejjeż ta’ rkupru b’rata fissa, għajr f’każijiet ta’ irregolarità jew negliġenza li tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet amministrattivi jew korpi uffiċjali oħra.
3. Meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c)(iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata tal-proċeduri ta’ rkupru individwali u tas-somom individwali mhux irkuprati.
4. Wara li tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li timponi s-somom li jridu jiġu rkuprati lill-Istat Membru fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
jekk l-Istat Membru, għar-raġunijiet ta’ rkupru, ma jkunx beda l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adatti stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja fi żmien sena mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja; |
(b) |
jekk ma kienx hemm sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew id-dewmien biex din issir qed jipperikola l-irkupru, jew l-irregolarità ma ġietx inkluża fir-rapport fil-qosor previst fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għas-sena li fiha saret is-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja. |
5. Jekk l-irkupru ma twettaqx fi żmien erba’ snin mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, jew fi żmien tmien snin meta l-azzjoni tal-irkupru tittella’ fil-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit Komunitarju.
L-Istati Membri għandhom jindikaw separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti mhux irkuprati fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
Id-distribuzzjoni tal-piż finanzjarju tan-nuqqas ta’ rkupru f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwi l-proċeduri tal-irkupru f’konformità mal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament. 50 % tal-ammonti rkuprati b’dan il-mod għandhom jiġu akkreditati lill-FAEG, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, ma tiġi rreġistrata l-ebda irregolarità minn xi strument amministrattiv jew legali ta’ natura definittiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddikjara bħala nefqa lill-EAGF il-piż finanzjarju li waqa’ fuqu, skont l-ewwel subparagrafu.
Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont ta’ rkupru jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.
6. Jekk ikun hemm ġustifikazzjoni għal dan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux l-irkupru. Tista’ tittieħed deċiżjoni għal dan il-għan biss fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
jekk l-ispejjeż li saru diġà jew li aktarx li jsiru jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat, jew |
(b) |
jekk l-irkupru jkun impossibbli minħabba l-insolvenza, reġistrata jew rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuni responsabbli legalment għall-irregolarità. |
L-Istat Membru għandu juri separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti li dwarhom ġie deċiż li ma jiġix segwit l-irkupru u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.
7. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fil-kontijiet annwali li jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(c)(iii) l-ammonti fir-responsabbiltà tagħhom skont il-paragarafu 5. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li dan twettaq u għandha tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ bħala parti mid-deċiżjoni speċifikata fl-Artikolu 30(1).
8. Wara li tkun ġiet kompluta l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teskludi mis-somom tal-finanzjament is-somom li għandhom jitħallsu mill-baġit Komunitarju fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, jekk hija ssib li l-irregolarità jew in-nuqqas ta’ rkupru huwa riżultat ta’ irregolarità jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew korp uffiċjali ieħor tal-Istat Membru; |
(b) |
skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, jekk hija tqis li r-raġunijiet iddikjarati mill-Istat Membru ma jiġġustifikawx id-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf il-proċedura tal-irkupru. |
Artikolu 33
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji meta jiġu skoperti irregolaritajiet jew negliżenza fl-operazzjonijiet jew fil-programmi għall-iżvilupp rurali, billi jikkanċellaw totalment jew parzjalment il-finanzjament Komunitarju kkonċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR.
2. Meta jkunu diġà tħallsu l-fondi Komunitarji lill-benefiċjarju, huma għandhom jiġu rkuprati mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata f’konformità mal-proċeduri tal-irkupru tagħha stess u jerġgħu jintużaw mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 3(c).
3. L-aġġustamenti finanzjarji u l-użu mill-ġdid tal-fondi għandhom jitwettqu mill-Istati Membri soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
meta jiġu skoperti irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom jestendu l-istħarriġ tagħhom biex jiġu koperti l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jiġu affetwati minn tali irregolaritajiet; |
(b) |
l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-aġġustamenti korrispondenti; |
(c) |
l-ammonti tal-finanzjament Komunitarju li jiġu kanċellati u l-ammonti rkuprati, kif ukoll l-interess fuqhom, għandhom jiġu allokati mill-ġdid lill-programm ikkonċernat. Madankollu, il-fondi Komunitarji kanċellati jew irkuprati jistgħu jintużaw mill-ġdid mill-Istati Membri biss għal operazzjoni taħt l-istess programm għall-iżvilupp rurali u dment li l-fondi ma jiġux allokati mill-ġdid għal operazzjonijiet li kienu soġġetti għal aġġustament finanzjarju. |
4. Meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c)(iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.
Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kif iddeċidew jew ippjanaw li jużaw mill-ġdid il-fondi kkanċellati u, fejn adatt, li jemendaw il-pjan finanzjarju tal-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat.
5. Wara li tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li timponi s-somom li jridu jiġu rkuprati fuq l-Istat Membru fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
meta Stat Membru ma jkunx beda l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji kollha stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja għall-irkupru tal-fondi mħallsin lill-benefiċjarji fi żmien sena mill-ewwel sejba amministrattiva jew ġudizzjarja; |
(b) |
meta Stat Membru ma kienx konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 3(a) u (c) ta’ dan l-Artikolu. |
6. Meta kien possibbli li jitwettaq l-irkupru msemmi fil-paragrafu 2 wara l-għeluq tal-programm għall-iżvilupp rurali, l-Istat Membru għandu jirrifondi s-somom irkuprati lill-baġit Komunitarju.
7. Wara l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf il-proċedura tal-irkupru, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6).
8. Jekk l-irkupru ma jkunx seħħ qabel l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru jaqgħu fuq l-Istat Membru kkonċernat u 50 % fuq il-baġit Komunitarju u għandu jittieħed kont tagħhom jew fl-aħħar tal-perijodu ta’ erba’ snin wara l-ewwel sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew tmien snin f’każ li l-azzjoni tal-irkupru tittella’ quddiem il-qrati nazzjonali, jew meta jagħlaq il-programm jekk dawn l-iskadenzi jiskadu qabel tali għeluq.
Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jiġux attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont li jrid jiġi rkuprat jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.
9. F’każijiet bħal ma hemm imsemmi fil-paragrafu 8, l-ammonti li jikkorrispondu għal 50 % merfugħa mill-Istat Membru għandhom jitħallsu mill-Istat Membru lill-baġit Komunitarju.
10. Meta l-Kummissjoni tagħmel aġġustament finanzjarju, dan ma għandux jaffetwa l-obbligi tal-Istat Membru li jirkupra s-somom imħallsa bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu stess skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (14).
Artikolu 34
Assenjazzjoni tad-dħul mill-Istati Membri
1. Dan li ġej għandu jitqies bħala dħul assenjat skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002:
(a) |
somom li, skont l-Artikoli 31, 32 u 33 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu lill-baġit Komunitarju, inkluż l-interess fuqhom; |
(b) |
somom li jinġabru jew jiġu rkuprati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (15). |
2. Is-somom imsemmija fil-paragarafu 1(a) u (b) għandhom jitħallsu lill-baġit Komunitarju u, f’każ ta’ użu mill-ġdid, għandhom jintużaw esklużivament biex tiġi ffinanzjata n-nefqa tal-FAEG u l-FAEŻR.
Artikolu 35
Definizzjoni ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu is-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, jew amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta’ fatti reali tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li din il-konklużjoni tkun tista’ sussegwentement tiġi aġġustata jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja.
KAPITOLU 3
Monitoraġġ mill-Kummissjoni
Artikolu 36
Aċċess għall-informazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-operazzjoni bla tfixkil tal-FAEG u l-FAEŻR u għandhom jieħdu l-miżuri adatti kollha sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli li l-Kummissjoni tqis adatti b’rabta mal-finanzjament Komunitarju, inklużi l-verifiki fuq il-post.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq talba, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li adottaw għall-implimentazzjoni tal-istrumenti Komunitarji rigward il-Politika Agrikola Komuni, fejn dawk l-atti jkollhom impatt finanzjarju fuq il-FAEG u l-FAEŻR.
3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-irregolaritajiet skoperti, f’konformità mal-Artikoli 32 u 33, u dwar il-passi meħuda biex jiġu rkuprati l-ħlasijiet b’rabta ma’ dawk l-irregolaritajiet.
Artikolu 37
Verifiki fuq il-post
1. Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Istati Membri taħt il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew l-Artikolu 248 tat-Trattat, u kwalunkwe verifika organizzata skont l-Artikolu 279 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ torganizza verifiki fuq il-post bil-ħsieb li jiġu verifikati, b’mod partikolari:
(a) |
il-konformità ta’ prattiki amministrattivi mar-regoli Komunitarji; |
(b) |
l-eżistenza ta’ dokumenti ta’ appoġġ rekwiżiti u l-korrelazzjoni tagħhom mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR; |
(c) |
it-termini li fuqhom l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR ġew aċċettati u verifikati. |
Persuni ddelegati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post jew aġenti tal-Kummissjoni li jaġixxu fl-ambitu tas-setgħat ikkonferiti lilhom għandu jkollhom aċċess għall-kotba u d-dokumenti l-oħra kollha, inklużi dokumenti u metadata mfasslin jew irċevuti jew reġistrati fuq medja elettronika, rigward l-infiq iffinanzjat mill-FAEG jew il-FAEŻR.
Is-setgħat ta’ spezzjoni msemmija qabel m’għandhomx jaffetwaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw ċerti atti għall-aġenti nnominati b’mod speċifiku mil-leġislazzjoni nazzjonali. Persuni ddelegati mill-Kummissjoni m’għandhomx jieħdu sehem, inter alia, fi żjajjar fid-djar jew fl-interrogazzjoni formali ta’ persuni fil-qafas tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, huma għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni miksuba b’dan il-mod.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħti preavviż suffiċjenti dwar spezzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, jew lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ser issir l-ispezzjoni. Il-persunal mill-Istat Membru kkonċernat jista’ jieħu sehem f’tali verifiki.
Fuq talba mill-Kummissjoni u bi qbil mal-Istat Membru, il-verifiki jew l-inkjesti addizzjonali dwar l-operazzjonijiet koperti b’dan ir-Regolament għandhom jitwettqu mill-korpi kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. L-aġenti tal-Kummissjoni jew persuni ddelegati mill-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’tali verifiki.
Biex jittejbu l-verifiki, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, tingaġġa l-assistenza tal-awtoritajiet ta’ dawk l-Istati Membri għal ċerti spezzjonijiet jew inkjesti.
TITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI
Artikolu 38
Infiq taħt it-Taqsima Garanzija tal-FAEGG għajr dak għall-iżvilupp rurali
1. It-Taqsima Garanzija tal-FAEGG għandha tiffinanzja l-infiq imwettaq mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 sal-15 ta’ Ottubru 2006.
2. L-infiq mill-Istati Membri mis-16 ta’ Ottubru 2006 għandu jsegwi r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 39
Infiq għall-iżvilupp rurali taħt it-Taqsima Garanzija tal-FAEGG
1. Għall-Istati Membri li kienu membri tal-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Mejju 2004, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin għall-programmi għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2000-2006, li huma ffinanzjati mit-Taqsima Garanzija tal-FAEGG f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.
(a) |
Il-ħlasijiet lill-benefiċjarji għandhom jieqfu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2006 u l-infiq relatat mill-Istati Membri għandu jiġi rimborsat lilhom mill-Kummissjoni mhux aktar tard milli skont id-dikjarazzjoni dwar l-infiq għal Ottubru 2006. Madankollu, il-Kummissjoni tista’, f’każijiet ġustifikati u f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(2), tawtorizza ħlasijiet sal-31 ta’ Diċembru 2006, soġġett għar-rimbors ta’ ammonti identiċi lill-FAEG tal-avvanzi magħmula lill-Istati Membri għall-perijodu tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999. |
(b) |
Avvanzi magħmula lill-Istati Membri għall-perijodu tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 għandhom jitnaqqsu minnhom mill-infiq iffinanzjat mill-FAEG mhux aktar tard mid-dikjarazzjoni tal-infiq għal Diċembru 2006. |
(c) |
Fuq talba tal-Istati Membri, l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati bejn is-16 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru 2006 bl-eċċezzjoni tal-infiq awtorizzat f’konformità mat-tieni sentenza tal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu għandu jittieħed mill-baġit tal-FAEŻR taħt il-programmar għall-iżvilupp rurali għall-2007-2013. |
(d) |
ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fi Stat Membru fl-1 ta’ Jannar 2007 wara tnaqqis jew tħassir tal-ammonti ta’ ħlasijiet li l-Istat għamel b’mod volontarju, jew permezz ta’ penali, skont l-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999, għandhom jintużaw minn dak l-Istat Membru biex jiġu ffinanzjati l-miżuri għall-iżvilupp rurali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. |
(e) |
jekk l-Istati Membri ma jużawx ir-riżorsi finanzjarji msemmija fil-paragrafu (d) f’perijodu li għandu jiġi determinat f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(2), l-ammonti korrispondenti għandhom jitħallsu lura lill-baġit tal-FAEG. |
2. Għall-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, l-ammonti kommessi għall-miżuri għall-iżvilupp rurali f’konformità mal-Artikolu 3(1) skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, li fir-rigward tagħha d-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza ma ntbagħtux sal-aħħar taż-żmien permess għat-trasmissjoni tar-rapport finali, għandhom jiġu awtomatikament diżimpenjati mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 u għandhom jirriżultaw fir-rimbors mill-Istati Membri tal-ammonti rċevuti skorrettament.
3. L-ammonti relatati ma’ operazzjonijiet jew programmi li huma soġġetti għal proċedimenti legali jew appell amministrattiv li, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru għandhom effett sospensorju, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ammont li ġie diżimpenjat awtomatikament, kif previst fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 40
Infiq taħt it-Taqsima Gwida tal-FAEGG
1. L-ammonti kommessi għall-finanzjament tal-miżuri għall-iżvilupp rurali mit-Taqsima Gwida tal-FAEGG skont deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2006, li fir-rigward tagħha d-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza ma ntbagħtux lill-Kummissjoni sal-aħħar taż-żmien permess għat-trasmissjoni tar-rapport finali, għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 u dan għandu jirriżulta fir-rimbors mill-Istati Membri tal-ammonti rċevuti skorrettament. Id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza għandhom ikunu d-dikjarazzjoni tal-infiq rigward il-ħlas tal-bilanċ, ir-rapport ta’ implimentazzjoni finali u d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 38(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/99 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (16).
2. L-ammonti relatati mal-operazzjonijiet jew il-programmi li huma soġġetti għal proċedimenti legali jew appell amministrattiv, li skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru għandhom effett sospensorju, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi diżimpenjat awtomatikament, kif previst fil-paragrafu 1.
Artikolu 41
Kumitat dwar il-Fondi
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”).
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.
3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.
4. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
Artikolu 42
Kamp ta’ applikazzjoni
Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 41(2). F’konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 9, 16, 26, 28, 31, 32, 33, 34, 37 u 48 tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta:
1. |
il-kondizzjonijiet applikabbli għall-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni, kif ukoll għall-akkreditazzjoni speċifika tal-korpi tal-koordinazzjoni; il-funzjonijiet rispettivi tagħhom, l-informazzjoni meħtieġa u l-arranġamenti biex issir disponibbli jew tiġi trasmessa lill-Kummissjoni; |
2. |
il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ddelegati l-kompiti tal-aġenziji tal-ħlas; |
3. |
l-istandards ammissibbli għaċ-ċertifikazzjoni, in-natura taċ-ċertifikazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u l-iskadenzi li fihom jeħtieġ isseħħ iċ-ċertifikazzjoni; |
4. |
ir-regoli tal-implimentazzjoni għall-proċeduri għad-diżimpenn awtomatiku, l-approvazzjoni tal-konformità u l-approvazzjoni tal-kontijiet; |
5. |
l-arranġamenti għall-irċeviment u l-assenjar ta’ dħul mill-Istati Membri; |
6. |
ir-regoli ġenerali applikabbli għall-verifiki fuq il-post; |
7. |
il-forma, il-kontenut, l-iskedar, l-iskadenzi u l-arranġamenti għat-trasmissjoni jew id-disponibbilità għall-Kummissjoni:
|
8. |
ir-regoli dwar il-konservazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni; |
9. |
il-miżuri transitorji meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament. |
Artikolu 43
Rapport finanzjarju annwali
Sal-1 ta’ Settembru ta’ kull sena wara s-sena baġitarja, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport finanzjarju dwar l-amministrazzjoni tal-FAEG u l-FAEŻR matul is-sena finanzjarja preċedenti u għandha tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 44
Konfidenzjalità
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw il-konfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata jew miksuba taħt spezzjoni u l-approvazzjoni tal-kontijiet implimentati taħt dan ir-Regolament.
Għal dik l-informazzjoni għandhom japplikaw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropew kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (17).
Artikolu 45
Użu tal-euro
1. L-ammonti mogħtija fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jadottaw il-programmi għall-iżvilupp rurali, l-ammonti tal-impenji u l-ħlasijiet mill-Kummissjoni u l-ammonti tal-infiq attestati jew iċċertifikati u l-ammonti f’dikjarazzjoni tal-infiq mill-Istati Membri għandhom jiġu espressi u mħallsa f’EUR.
2. Meta jsir ħlas dirett kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 lil benefiċjarju f’munita għajr l-EUR, l-Istati Membri għandhom jaqilbu l-ammont tal-għajnuna espressa f’EUR fil-munita nazzjonali abbażi tar-rata tal-kambju l-aktar reċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena li fiha tingħata l-għajnuna.
3. Meta japplika l-paragrafu 2, ir-rimborsi lill-Istati Membri tal-ammonti mħallsa lill-benefiċjarji għandhom isiru mill-Kummissjoni abbażi tad-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq mill-Istati Membri. Meta jfasslu dawk id-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess rata tal-kambju bħal dik użata għall-ħlas lill-benefiċjarju.
Artikolu 46
Emenda għar-Regolament (KEE) Nru 595/91
Ir-Regolament (KEE) Nru 595/91 huwa b’dan emendat kif ġej:
1) |
L-Artikolu 5(2) għandu jitħassar; |
2) |
L-Artikolu 7(1) għandu jitħassar. |
Artikolu 47
Revoka
1. Ir-Regolament Nru 25, ir-Regolament (KE) Nru 723/97 u r-Regolament (KE) Nru 1258/1999 huma b’dan imħassra.
Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999 għandu jkompli japplika sal-15 ta’ Ottubru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Istati Membri u sal-31 ta’ Diċembru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Kummissjoni.
2. Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 48
Miżuri transitorji
Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li huma kemm meħtieġa kif ukoll iġġustifikati kif adatt biex jiġu risolti, f’każ ta’ urġenza, problemi prattiċi u speċifiċi, b’mod partikolari dawk li jirrelataw mat-transizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 25, (KE) Nru 723/97 u (KE) Nru 1258/1999 u dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri jistgħu jidderogaw minn ċerti punti ta’ dan ir-Regolament, iżda biss safejn, u għal żmien li jkun strettament meħtieġ.
Artikolu 49
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007, għajr għall-Artikoli 18(4) u (5), li għandhom japplikaw malli huwa jidħol fis-seħħ, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2006:
— |
l-Artikoli 30 u 31, fir-rigward tal-infiq imwettaq mis-16 ta’ Ottubru 2006; |
— |
l-Artikolu 32, fir-rigward tal-każijiet innotifikati taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 595/91 u li għalihom għadu ma sarx irkupru sħiħ sas-16 ta’ Ottubru 2006; |
— |
l-Artikoli 38, 39, 41, 44 u 45 għall-infiq iddikjarat fl-2006 taħt is-sena baġitarja 2007. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2005.
Għall-Kunsill
Il-President
F. BODEN
(1) Opinjoni mogħtija fis-26 ta’ Mejju 2005 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).
(4) ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehim Interistutizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 25).
(5) ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103.
(6) ĠU L 160, 26.6.1999, p. 113.
(7) ĠU L 30, 20.4.1962, p. 991. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 728/70 (ĠU L 94, 28.4.1970, p. 9).
(8) ĠU L 108, 25.4.1997, p. 6. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 2136/2001, (ĠU L 288, 1.11.2001, p. 1).
(9) ĠU L 67, 14.3.1991, p. 11.
(10) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(11) ĠU C 121, 20.5.2005, p. 1.
(12) Opinjoni tad-9 ta’ Frar 2005 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).
(13) ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.
(14) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.
(15) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2217/2004 (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 1).
(16) ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).
(17) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
Regolament (KEE) Nru 25 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 2(2) |
Artikoli 2 sa 8 |
– |
Regolament (KEE) Nru 595/91 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 5(2) |
Artikolu 32(3) Artikolu 8 |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 32(2) |
Regolament (KE) Nru 723/97 |
Dan ir-Regolament |
Artikoli 1 sa 3 |
– |
Artikolu 4 (1) u (2) |
– |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 5(1)(b) |
Artikoli 5 sa 9 |
– |
Regolament (KE) Nru 1258/1999 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 2(2) |
Artikolu 1(2)(a) |
Artikolu 3(1)(a) |
Artikolu 1(2)(b) |
Artikolu 3(1)(b) |
Artikolu 1(2)(c) |
Artikolu 4 |
Artikolu 1(2)(d) |
Artikolu 3(2)(a) |
Artikolu 1(2)(e) |
Artikolu 3(1)(d) Artikolu 5(1)(c) Artikolu 5(1)(d) |
Artikolu 1(3) |
Artikolu 4 |
Artikolu 1(4) |
Artikolu 13 |
Artikolu 2(1) u (2) |
Artikolu 3 |
Artikolu 2(3) |
Artikolu 42 |
Artikolu 3(1) |
Artikolu 4 |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(2)(a) |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 5 |
Artikolu 3(4) |
Artikolu 42 |
Artikolu 4(1)(a) |
Artikolu 8(1)(a) Artikolu 8(1)(b) |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 8(2) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 10 |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 6(2) |
Artikolu 4(6) |
Artikolu 8(1)(a) |
Artikolu 4(7) |
Artikolu 6(3) |
Artikolu 4(8) |
Artikolu 42 |
Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 14(1) |
Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 25(1) |
Artikolu 5(2) |
Artikolu 14(2) |
Artikolu 5(3) |
Artikolu 42 |
Artikolu 6(1) |
Artikolu 8(1)(c) |
Artikolu 6(2) |
Artikolu 42 |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 15(2) |
Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 15(3) u (4) |
Artikolu 7(2), it-tielet subparagrafu |
Artikolu 15(5) |
Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 30(1) |
Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 30(2) |
Artikolu 7(4), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 31(1) |
Artikolu 7(4), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 31(3), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 7(4), it-tielet subparagrafu |
Artikolu 31(3), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 7(4), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 31(2) |
Artikolu 7(4), il-ħames subparagrafu |
Artikolu 31(4) |
Artikolu 7(4), is-sitt subparagrafu |
Artikolu 31(5) |
Artikolu 7(5) |
Artikolu 42 |
Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 9(1) |
Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 8(2) |
Artikolu 32(1) u (8) |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 42 |
Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 36(1) |
Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 36(2) |
Artikolu 9(2) |
Artikolu 37(1) |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 42 |
Artikolu 10 |
Artikolu 43 |
Artikoli 11 sa 15 |
Artikolu 41 |
Artikolu 16 |
Artikolu 41 |
Artikolu 17 |
– |
Artikolu 18 |
Artikolu 48 |
Artikolu 19 |
– |
Artikolu 20 |
Artikolu 49 |