Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1290

1290/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal- 21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni

OJ L 209, 11.8.2005, p. 1–25 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 14 Volume 001 P. 193 - 217
Special edition in Romanian: Chapter 14 Volume 001 P. 193 - 217
Special edition in Croatian: Chapter 14 Volume 001 P. 44 - 68

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1306

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1290/oj

4.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1290/2005

tal-21 ta’ Ġunju 2005

dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Politika Agrikola Komuni tikkonsisti f’serje ta’ miżuri, li x’uħud minnhom huma relatati mal-iżvilupp rurali. Huwa importanti li jiġi pprovdut finanzjament għal dawk il-miżuri sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni. Peress li l-miżuri għandhom ċerti elementi inkomuni, iżda huma wkoll differenti f’għadd ta’ aspetti, il-finanzjament tagħhom għandu jingħaqad taħt qafas regolatorju wieħed li jippermetti trattament differenti fejn meħtieġ. Sabiex jittieħed kont ta’ dawk id-differenzi, għandhom jinħolqu żewġ fondi agrikoli Ewropej, jiġifieri l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (minn hawn ‘il quddiem il-“FAEG”), għall-finanzjament ta’ miżuri tas-suq, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (minn hawn ‘il quddiem il-“FAEŻR”), għall-finanzjament ta’ programmi għall-iżvilupp rurali.

(2)

Il-baġit Komunitarju għandu jiffinanzja l-infiq tal-Politika Agrikola Komuni, inkluż dak għall-iżvilupp rurali, permezz tal-Fondi msemmijin hawn fuq. Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), dan jitwettaq jew b’mod ċentrali jew fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri. Għandhom jiġu speċifikati t-tipi kollha tal-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati bl-użu tal-Fondi msemmija.

(3)

Jekk waqt l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-Kummissjoni ma jkollhiex assigurazzjoni sodisfaċenti li l-kontrolli nazzjonali huma adegwati u trasparenti u li l-aġenziji tal-ħlas jivverifikaw il-legalità u l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq li huma jwettqu, hija ma tistax tiddetermina f’perijodu ta’ żmien raġonevoli l-infiq totali li għandu jiddaħħal fil-Fondi Agrikoli Ewropej. Għalhekk, għandu jsir provvediment għall-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas mill-Istati Membri, l-istabbiliment minnhom ta’ proċeduri għall-kisba tad-dikjarazzjonijiet tal-assigurazzjoni rekwiżiti, u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet annwali minn korpi indipendenti.

(4)

Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-istandards meħtieġa għall-akkreditazjoni fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-kriterji li jridu jiġu applikati. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kontrolli nazzjonali, b’mod partikolari rigward il-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, tal-validazzjoni u tal-ħlas, l-għadd ta’ awtoritajiet u korpi li lilhom jiġu ddelegati dawn ir-reponsabbiltajiet għandhom, fejn adatt, ikunu ristretti b’kont meħud tal-arranġamenti kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru.

(5)

Meta Stat Membru jakkredita iktar minn aġenzija tal-ħlas waħda, huwa importanti li jinnomina korp wieħed ta’ koordinament sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-ġestjoni tal-fondi, biex jiġi pprovdut kuntatt bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-ħlas varji akkreditati u biex jiġi żgurat li l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni li tirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ diversi aġenziji tal-ħlas issir disponibbli malajr.

(6)

Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni armonjuża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri rigward il-finanzjament tal-infiq tal-Politika Agrikola Komuni u, b’mod aktar partikolari, biex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja mill-qrib il-ġestjoni finanzjarja mill-Istati Membri u tapprova l-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati, ċerta informazzjoni għandha tiġi kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni jew għandha tinżamm disponibbli għall-Kummissjoni. It-teknoloġija tal-informazzjoni jeħtieġ li tintuża kemm jista’ jkun għal dan il-għan.

(7)

Għall-finijiet tal-kompilazzjoni tad-data li trid tintbagħat lill-Kummissjoni, u sabiex il-Kummissjoni jkollha aċċess immedjat għad-data dwar l-infiq kemm fuq il-karta kif ukoll f’forma elettronika, għandhom jiġu stabbiliti regoli adatti dwar il-preżentazzjoni u t-trasmissjoni tad-data, kif ukoll dwar l-iskadenzi li jridu jiġu osservati.

(8)

Il-finanzjament ta’ miżuri u operazzjonijiet taħt il-Politika Agrikola Komuni ser jinvolvi parzjalment ġestjoni kondiviża. Sabiex jiġi żgurat li l-fondi Komunitarji jkunu ġestiti tajjeb, il-Kummissjoni għandha twettaq verifiki tal-ġestjoni tal-Fondi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ħlasijiet. Huwa adatt li tiġi definita n-natura tal-verifiki li jridu jsiru mill-Kummissjoni, li jiġu speċifikati t-termini tar-responsabbiltajiet tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit u li jiġu ċċarati l-obbligi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri.

(9)

L-aġenziji tal-ħlas akkreditati mill-Istati Membri biss joffru assigurazzjoni raġonevoli li l-kontrolli neċessarji twettqu qabel l-għoti tal-għajnuna Komunitarja lill-benefiċjarji. Għalhekk, għandu jiġi stipulat li l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati biss għandu jkun jista’ jiġi rimborsat mill-baġit Komunitarju.

(10)

Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġi kopert l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati, fir-rigward tal-FAEG, għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni fil-forma ta’ rimborsi meta jiġi prenotat l-infiq imwettaq minn dawn l-aġenziji. Sakemm ikunu tħallsu dawn ir-rimborsi, fil-forma ta’ ħlas kull xahar, għandhom jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati tagħhom. L-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri u l-benefiċjarji involuti fl-eżekuzzjoni tal-Politika Agrikola Komuni għandhom jitħallsu minnhom stess.

(11)

L-għajnuna Komunitarja għandha titħallas lill-benefiċjarji fi żmien debitu sabiex huma jkunu jistgħu jużawha b’mod effiċjenti. Nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri mal-iskadenzi għall-ħlas stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja jista’ joħloq diffikultajiet serji għall-benefiċjarji u jista’ jipperikola l-proċedura baġitarja annwali tal-Komunità. Għalhekk, l-infiq li jitwettaq mingħajr konformità mal-iskadenzi għall-ħlasijiet għandu jiġi eskluż mill-finanzjament Komunitarju. Sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tipprevedi eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali.

(12)

Għandha tkun prevista proċedura amministrattiva li tippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni biex jitnaqqas jew ikun temporanjament sospiż il-ħlas ta’ kull xahar meta l-informazzjoni ikkomunikata mill-Istati Membri ma tagħmilhiex possibbli li tikkonferma li r-regoli Komunitarji applikabbli ġew osservati u tindika użu ħażin ċar tal-fondi Komunitarji. F’każijiet definiti b’mod ċar, għandu jkun possibbli wkoll it-tnaqqis jew is-sospensjoni mingħajr tali proċedura. Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru, waqt li tindika li kwalunkwe deċiżjoni għal tnaqqis jew sospensjoni tal-ħlas ta’ kull xahar ser ikun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet.

(13)

Fil-kuntest tal-konformità mad-dixxiplina baġitarja, huwa meħtieġ li jiġi definit il-limitu massimu annwali għall-infiq iffinanzjat mill-FAEG billi jittieħed kont tal-ammonti massimi stabbiliti għal dan il-Fond fil-Qafas Finanzjarju u s-somom stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi għall-bdiewa (3) u s-somom stabbiliti fl-Artikoli 143d u 143e ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Id-dixxiplina baġitarja tirrikjedi wkoll li l-limitu massimu għall-infiq iffinanzjat mill-FAEG jiġi rispettat fiċ-ċirkostanzi kollha u fl-istadji kollha tal-proċedura baġitarja u tal-eżekuzzjoni tal-baġit. Dan jirrikjedi li l-limitu massimu nazzjonali għall-ħlasijiet diretti għal kull Stat Membru, wara l-korrezzjoni f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jiġi meqjus bħala limitu massimu finanzjarju għal tali ħlasijiet diretti għall-Istat Membru kkonċernat u li r-rimbors ta’ dawn il-ħlasijiet jibqa’ konformi ma’ dan il-limitu massimu finanzjarju. Barra minn hekk, id-dixxiplina baġitarja titlob li l-miżuri leġislattivi kollha proposti mill-Kummissjoni jew adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni taħt il-Politika Agrikola Komuni u ffinanzjati mill-FAEG ikunu konformi mal-limitu massimu annwali għall-infiq iffinanzjat minn dan il-Fond. Fl-istess kuntest, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata tistabbilixxi l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 fejn il-Kunsill dawn ma jiffissahomx qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja li għaliha japplikaw l-aġġustamenti. Abbażi ta’ informazzjoni ġdida li għandu, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadatta, b’maġġoranza kwalifikata, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru, ir-rati ta’ aġġustament għall-ħlasijiet.

(15)

Il-miżuri meħuda biex tiġi determinata l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEG u l-FAEŻR fir-rigward tal-kalkolu tal-limiti massimi finanzjarji ma jaffettwawx is-setgħat tal-awtorità baġitarja maħtura mit-Trattat. Għalhekk, dawn il-miżuri għandhom jiġu bbażati fuq l-ammonti ta’ referenza ffissati f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib tal-proċedura baġitarja (4) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Interistituzzjonali” u l-Qafas Finanzjarju stabbilit fl-Anness I għal dak il-Ftehim.

(16)

Id-dixxiplina baġitarja titlob ukoll eżami kontinwu tas-sitwazzjoni baġitarja fil-perijodu medju. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tissottometti l-abbozz preliminari tal-baġit għal sena partikolari, hija għandha tippreżenta l-previżjonijiet u l-analiżi tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tipproponi, jekk ikun meħtieġ, miżuri adatti lill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu sħiħ mis-setgħat maniġerjali tagħha f’kull ħin biex tiżgura konformità mal-limitu massimu annwali u, jekk meħtieġ, tipproponi miżuri adatti lill-Kunsill biex tiġi kkoreġuta s-sitwazzjoni baġitarja. Jekk, fi tmiem sena baġitarja, il-limitu massimu annwali ma jkunx jista’ jiġi mħares minħabba r-rimborsi mitluba mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tieħu miżuri li jippermettu, min-naħa, id-distribuzzjoni provviżorja tal-baġit disponibbli fost l-Istati Membri fi proporzjon mat-talbiet tagħhom għal rimbors li jkun għadu mhux imħallas u, min-naħa l-oħra, konformità mal-limitu massimu stabbilit għas-sena kkonċernata. Il-ħlasijiet għal dik is-sena għandhom jittieħdu mill-baġit tas-sena li jkun imiss u l-ammont totali tal-finanzjament Komunitarju għal kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit b’mod definit, l-istess bħall-kumpens bejn l-Istati Membri sabiex ikun hemm konformità mal-ammont stabbilit.

(17)

Meta timplimenta l-baġit, il-Kummissjoni għandha topera sistema ta’ twissija bikrija u monitoraġġ għall-infiq agrikolu, biex, jekk ikun hemm riskju li l-limitu massimu annwali jinqabeż, il-Kummissjoni tkun tista’ mal-ewwel opportunità tieħu l-miżuri adatti taħt is-setgħat maniġerjali għad-dispożizzjoni tagħha, u mbagħad, jekk dawn il-miżuri ma jkunux suffiċjenti, tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill, li għandu jaġixxi malajr kemm jista’ jkun. Sabiex ikun hemm sistema li tiffunzjona bla xkiel, din għandha tippermetti għall-paragun ta’ infiq reali mal-profili tal-infiq stabbiliti abbażi tal-infiq fis-snin preċedenti. Rapport ta’ kull xahar mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jipparaguna l-evoluzzjoni tal-infiq li jkun twettaq mal-profili u jagħti valutazzjoni tal-implimentazzjoni prevedibbli għall-bqija tas-sena baġitarja.

(18)

Ir-rata tal-kambju użata mill-Kummissjoni fit-tfassil tad-dokumenti baġitarji li hija tippreżenta lill-Kunsill għandha, filwaqt li tħalli spazju għad-differenza fiż-żmien bejn l-abbozzar u l-preżentazzjoni, tirrifletti l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli.

(19)

Il-programmi għall-iżvilupp rurali huma ffinanzjati mill-baġit Komunitarju abbażi tal-impenji f’pagamenti annwali. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jużaw il-fondi Komunitarji pprovduti malli jibdew il-programmi. Għalhekk, hija meħtieġa sistema ta’ prefinanzjament ristretta b’mod adatt li tiżgura fluss sod ta’ fondi sabiex il-pagamenti lill-benefiċjarji tal-programmi jitwettqu f’waqthom.

(20)

Apparti l-prefinanzjament, jeħtieġ issir distinzjoni bejn il-pagamenti mill-Kummissjoni lill-aġenziji tal-ħlas akkreditati, il-pagamenti intermedji u l-pagament tal-bilanċi, u għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-ħlas tagħhom.

(21)

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tissospendi jew tnaqqas il-pagamenti intermedji f’każijiet fejn l-infiq sar bla bżonn. Għandha tiġi stabbilita proċedura għall-Istati Membri li turi li l-infiq tagħhom kien korrett.

(22)

Ir-regola tad-diżimpenn awtomatiku għandha tgħin sabiex it-twettiq tal-programmi jsir b’mod aktar mgħaġġel, u tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja soda.

(23)

Sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni finanzjarja bejn l-aġenziji tal-ħlas akkreditati u l-baġit Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tapprova l-kontijiet ta’ dawn l-aġenziji tal-ħlas kull sena. Id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet għandha tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet iżda mhux il-konformità tal-infiq mal-leġislazzjoni Komunitarja.

(24)

Il-Kummissjoni, li hija responsabbli għall-applikazzjoni tajba tal-liġi Komunitarja skont l-Artikolu 211 tat-Trattat, għandha tiddeċiedi jekk l-infiq li sar mill-Istati Membri jikkonformax mal-leġislazzjoni Komunitarja. L-Istati Membri għandhom jingħataw id-dritt li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom li jagħmlu l-pagamenti u għandu jkollhom rikors għall-konċiljazzjoni meta ma jkunx hemm qbil komuni bejnhom u l-Kummissjoni. Sabiex l-Istati Membri jingħataw assigurazzjonijiet legali u finanzjarji dwar l-infiq li twettaq fl-imgħoddi, għandu jiġi stabbilit perijodu massimu biex il-Kummissjoni tiddeċiedi liema konsegwenzi finanzjarji għandhom isegwu n-nuqqas ta’ konformità.

(25)

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, għandhom jittieħdu miżuri mill-Istati Membri li jissodisfawhom li t-transazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi jkunu verament imwettqa u esegwiti korrettement. L-Istati Membri għandhom ukoll jevitaw u jitrattaw b’mod effettiv kwalunkwe irregolarità mwettqa mill-benefiċjarji.

(26)

Fir-rigward tal-FAEG, is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lura lil dan il-Fond meta l-infiq ma jkunx konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja u ma jkun jeżisti ebda intitolament. Għandu jsir provvediment għal sistema ta’ responsabbiltà finanzjarja għall-irregolaritajiet fl-assenza ta’ rkupru totali. F’dan ir-rigward għandha tiġi stabbilita proċedura li tippermetti li l-Kummissjoni tissalvagwardja l-interessi tal-baġit Komunitarju billi tiddeċiedi dwar tariffa parzjali għall-Istati Membri kkonċernati fuq somom mitlufa bħala riżultat ta’ irregolaritajiet u nuqqas ta’ rkupru fi skadenzi raġonevoli. F’ċerti każijiet ta’ negliġenza min-naħa tal-Istat Membru, ikun ġustifikat li tintalab is-somma kollha lura mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, soġġett għall-konformità mill-Istati Membri mal-obbligi skont il-proċeduri interni tagħhom, il-piż finanzjarju għandu jinqasam b’mod ġust bejn il-Komunità u l-Istat Membru.

(27)

Il-proċeduri ta’ rkupru użati mill-Istati Membri jistgħu jkollhom l-effett li jtawlu l-irkupru għal għadd ta’ snin, b’ebda garanzija li l-eżitu jkun, fil-fatt, suċċess. Il-prezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri jista’ wkoll ikun sproporzjonat mal-ammonti li jkunu jew jistgħu jkunu miġbura. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jitħallew iwaqqfu l-proċeduri ta’ rkupru f’ċerti każi.

(28)

Fir-rigward tal-FAEŻR, is-somom irkuprati jew ikkanċellati wara irregolaritajiet għandhom jibqgħu disponibbli għall-programmi għall-iżvilupp rurali approvati tal-Istat Membru kkonċernat peress li dawn is-somom ġew allokati lil dak l-Istat Membru. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-baġit Komunitarju, għandhom ikunu previsti l-każijiet fejn il-miżuri meħtieġa ma jitteħdux mill-Istati Membri wara l-kxif ta’ irregolaritajiet.

(29)

Sabiex ikun permess l-użu mill-ġdid tal-fondi tal-FAEG u l-FAEŻR, huma meħtieġa regoli dwar l-assenjar ta’ somom irkuprati mill-Istati Membri meta titwettaq l-approvazzjoni tal-konformità jew wara proċedimenti f’każ ta’ kxif ta’ irregolarità jew negliġenza u għal taxxi addizzjonali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

(30)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligu tagħha li tivverifika l-eżistenza u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi tal-ġestjoni u l-ispezzjoni tal-infiq Komunitarju fl-Istati Membri, għandhom ikunu previsti, irrispettivament mill-ispezzjoni mwettqa mill-Istati Membri nfushom, verifiki minn persuni ddelegati mill-Kummissjoni li jkunu jistgħu jitolbu assistenza mill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom.

(31)

It-teknoloġija tal-informazzjoni jeħtieġ li tintuża kemm jista’ jkun għall-produzzjoni ta’ informazzjoni li trid tintbagħat lill-Kummissjoni. Waqt it-twettiq tal-verifiki, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess sħiħ u immedjat għall-informazzjoni dwar l-infiq miżmuma kemm fuq il-karta kif ukoll fil-fajls elettroniċi.

(32)

Għandha tiġi stabbilita data għall-aħħar pagamenti għall-programmi għall-iżvilupp rurali approvati għall-perijodu 2000-2006 ffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG). Sabiex l-Istati Membri jitħallew jirċievu rimborsi għall-pagamenti li saru wara din id-data, għandhom jiġu previsti miżuri transitorji speċifiċi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu wkoll dispożizzjonijiet għall-irkupru ta’ avvanzi mħallsa mill-Kummissjoni abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (5) u għall-ammonti soġġetti għall-arranġamenti ta’ modulazzjoni volontarja msemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxu regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni (6).

(33)

Għandha tiġi stabbilita data li fiha l-Kummissjoni tista’ awtomatikament tħoll is-somom kommessi iżda mhux minfuqa taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali approvati mit-Taqsima Gwida tal-FAEGG meta d-dokumenti meħtieġa relatati mal-għeluq tal-operazzjonijiet ma jkunux waslu għand il-Kummissjoni sa dik id-data. Għandhom jiġu definiti d-dokumenti li huma meħtieġa biex il-Kummissjoni tistabbilixxi jekk il-miżuri ngħalqux.

(34)

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni tal-Fondi u hija prevista kooperazzjoni mill-qrib bejnha u l-Istati Membri permezz ta’ Kumitat dwar il-fondi agrikoli.

(35)

Il-firxa tal-finanzjament Komunitarju toħloq il-ħtieġa li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jinżammu informati regolarment permezz ta’ rapporti finanzjarji.

(36)

Peress li data personali jew sigrieti tan-negozju jistgħu jkunu involuti fl-applikazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll nazzjonali u l-approvazzjoni tal-konformità, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiggarantixxu l-konfidenzjalità tal-informazzjoni rċevuta fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet.

(37)

Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit Komunitarju u imparzjalità fit-trattament kemm fil-livell ta’ Stat Membru kif ukoll fil-livell tal-bidwi, għandhom jiġu speċifikati r-regoli dwar l-użu tal-ewro.

(38)

Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 25 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (7), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/97 tat-22 ta’ April 1997 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni tal-Istati Membri rigward il-kontroll tan-nefqa (8) tas-Settur Garanziji tal-FAEGG u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 għandhom jitħassru. Ċerti Artikoli fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 tal-4 ta’ Marzu 1991 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa ħażin b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tagħrif f’dan il-qasam u li jħassru r-Regolament (KEE) Nru 283/72 (9) ukoll għandhom jitħassru peress li dan ir-Regolament jipprevedi l-arranġamenti tagħhom.

(39)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (10), filwaqt li ssir distinzjoni bejn dawk il-miżuri li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat amministrattiv u dawk li huma soġġetti għall-proċedura tal-kumitat konsultattiv, fejn f’ċerti każijiet u bil-ħsieb ta’ effiċenzja akbar, il-proċedura tal-kumitat konsultattiv tkun l-aktar adatta.

(40)

Il-bidla mill-arranġamenti fir-Regolamenti mħassra għal dawk f’dan ir-Regolament jistgħu jqajmu diffikultajiet prattiċi u speċifiċi, partikolarment f’konnessjoni mat-transizzjoni għall-arranġamenti l-ġodda, li ma humiex ittrattati f’dan ir-Regolament. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, għandha tkun prevista l-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta l-miżuri meħtieġa u ġustifikati korrettement. Dawk il-miżuri għandhom ikunu jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, iżda biss safejn meħtieġ għal perijodu limitat.

(41)

Peress li l-perijodu ta’ pprogrammar għall-programmi għall-iżvilupp rurali abbażi ta’ dan ir-Regolament jibda mill-1 ta’ Jannar 2007, dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data. Madankollu, għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet minn data qabel.

(42)

Il-qorti tal-Awdituri ta Opinjoni (11).

(43)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta Opinjoni (12),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u regoli speċifiċi dwar il-finanzjament tal-infiq li jaqa’ taħt il-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-infiq għall-iżvilupp rurali.

Artikolu 2

Fondi li jiffinanzjaw l-infiq agrikolu

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni ddefinita mit-Trattat u jiġu ffinanzjati l-miżuri varji li jaqgħu taħtha, inkluż l-iżvilupp rurali, ġew stabbiliti dawn li ġejjin:

(a)

Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-“FAEG”;

(b)

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-“FAEŻR”.

2.   Il-FAEG u l-FAEŻR għandhom jaqgħu taħt il-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 3

L-infiq tal-FAEG

1.   Fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Komunità, il-FAEG għandu jiffinanzja l-infiq li ġej, li għandu jsir f’konformità mal-liġi Komunitarja:

(a)

ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli lejn pajjiżi terzi;

(b)

il-miżuri ta’ intervent li jirregolaw is-swieq agrikoli;

(c)

il-ħlasijiet diretti għall-bdiewa taħt il-Politika Agrikola Komuni;

(d)

il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern tal-Komunità u f’pajjiżi terzi, magħmulha mill-Istati Membri abbażi ta’ programmi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 4 u magħżula mill-Kummissjoni.

2.   Il-FAEG għandu jiffinanzja l-infiq li ġej b’mod ċentralizzat u f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja:

(a)

il-kontribuzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-miżuri veterinarji speċifiċi, il-miżuri ta’ spezzjoni veterinarji, il-miżuri ta’ spezzjoni għall-oġġetti tal-ikel u ikel tal-annimali, il-programmi għall-eradikazzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali (miżuri veterinarji) u miżuri għas-saħħa tal-pjanti;

(b)

il-promozzjoni ta’ prodotti agrikoli, magħmulha jew direttament mill-Kummissjoni jew permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)

il-miżuri, imwettqa f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja, biex jiġu żgurati l-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-kollezzjoni u l-utilizzazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura;

(d)

l-istabbiliment u l-manteniment ta’ sistemi ta’ informazzjoni ta’ kontabbiltà agrikola;

(e)

is-sistemi ta’ sorveljanza agrikola, inkluż stħarriġ dwar l-istruttura ta’ azjendi agrikoli;

(f)

l-infiq relatat mas-swieq tas-sajd.

Artikolu 4

Infiq tal-FAEŻR

Il-FAEŻR għandu jiffinanzja, fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Komunità, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għall-programmi għall-iżvilupp rurali implimentati f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

Artikolu 5

Finanzjament ieħor, inkluża assistenza teknika

Il-FAEG u l-FAEŻR jistgħu, kull wieħed rispettivament, jiffinanzjaw fuq bażi ċentralizzata, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u/jew f’isimha, il-miżuri ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ appoġġ amministrattiv u tekniku, ta’ evalwazzjoni, ta’ verifika u ta’ spezzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-iżvilupp rurali. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

il-miżuri meħtieġa għall-analiżi, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, kif ukoll miżuri relatati mal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u assistenza teknika u amministrattiva;

(b)

il-miżuri meħtieġa għall-manteniment u l-iżvilupp ta’ metodi u mezzi tekniċi għall-informazzjoni, l-interkonnessjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-ġestjoni finanzjarja tal-fondi użati għall-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni;

(c)

il-provvediment ta’ informazzjoni dwar il-Politika Agrikola Komuni, magħmulha b’inizjattiva tal-Kummissjoni;

(d)

l-istudji dwar il-Politika Agrikola Komuni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri ffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR, inkluż it-titjib ta’ metodi ta’ evalwazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prattiki;

(e)

fejn rilevanti, l-aġenziji eżekuttivi stabbiliti f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (13), filwaqt li jaġixxu b’rabta mal-Politika Agrikola Komuni;

(f)

il-miżuri relatati mad-disseminazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza fil-livell Komunitarju, magħmulha fil-kuntest tal-iżvilupp rurali, inkluż in-netwerking tal-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 6

Akkreditazzjoni u rtirar tal-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u l-korpi ta’ koordinazzjoni

1.   L-aġenziji tal-ħlas għandhom ikunu dipartimenti jew korpi tal-Istati Membri, li, fir-rigward tal-ħlasijiet li jagħmlu huma u fir-rigward tal-komunikazzjoni u ż-żamma tal-informazzjoni, jipprovdu garanziji suffiċjenti li:

(a)

l-eliġibbiltà ta’ talbiet u, fil-qafas tal-iżvilupp rurali, il-proċedura għall-allokazzjoni tal-għajnuna, kif ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli Komunitarji jiġu verifikati qabel ma jiġi awtorizzat il-ħlas;

(b)

jinżammu kontijiet preċiżi u eżawrjenti tal-ħlasijiet li jsiru;

(c)

isiru l-verifiki stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja;

(d)

id-dokumenti meħtieġa jiġu ppreżentati fl-iskadenzi u fil-għamla stabbilita mir-regoli Komunitarji;

(e)

id-dokumenti huma aċċessibbli u miżmuma f’manjiera li tiżgura l-kompletezza, il-validità u l-leġibbiltà tagħhom maż-żmien, inkluż fir-rigward ta’ dokumenti elettroniċi fit-tifsira tar-regoli Komunitarji.

Bl-eċċezzjoni tal-ħlas tal-għajnuna Komunitarja, l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kompiti tista’ tiġi ddelegata.

2.   L-Istati Membri għandom jakkreditaw, bħala aġenziji tal-ħlas, lil dawk id-dipartimenti jew korpi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1.

Kull Stat Membru għandu, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u l-istruttura istituzzjonali tiegħu, jillimita l-għadd tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati għall-minimu meħtieġ sabiex ikun żgurat li l-infiq imsemmi fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 jitwettaq skont kondizzjonijiet amministrattivi u ta’ kontabilità sodi.

3.   Meta tkun akkreditata aktar minn aġenzija tal-ħlas waħda, l-Istat Membru għandu jagħti lill-Kummissjoni d-dettalji tad-dipartiment jew korp li lilu jassenja l-kompiti li ġejjin:

(a)

il-ġbir ta’ informazzjoni li trid issir disponibbli lill-Kummissjoni u l-għoti ta’ dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni;

(b)

il-promozzjoni tal-applikazzjoni armonizzata tar-regoli Komunitarji.

Dan id-dipartiment jew korp, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“korp ta’ koordinazzjoni”, għandu jkun soġġett għal akkreditazzjoni speċifika mill-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tal-informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punt (a).

4.   Meta aġenzija ta’ ħlas akkreditata ma tissodisfax jew ma tibqax tissodisfa waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jirtira l-akkreditazzjoni dment li l-aġenzija tal-ħlas ma tagħmilx il-bidliet meħtieġa f’perijodu ta’ żmien iddeterminat skont is-severità tal-problema.

Artikolu 7

Korpi taċ-ċertifikazzjoni

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun entità legali pubblika jew privata maħtura mill-Istat Membru bil-ħsieb li jiċċertifika l-verità, il-kompletezza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-aġenzija tal-ħlas akkreditata, b’kont meħud tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll stabbiliti.

Artikolu 8

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni u aċċess għad-dokumenti

1.   Flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti settorjali, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti li ġejjin lill-Kummissjoni:

(a)

għall-aġenziji tal-ħlas akkreditati u l-korpi ta’ koordinazzjoni akkreditati:

(i)

id-dokument ta’ akkreditazzjoni tagħhom;

(ii)

il-funzjoni tagħhom (aġenzija tal-ħlas akkreditata jew korp ta’ koordinazzjoni akkreditat);

(iii)

meta rilevanti, l-irtirar tal-akkreditazzjoni tagħhom.

(b)

għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni:

(i)

isimhom;

(ii)

id-dettalji tal-indirizz tagħhom.

(c)

għal miżuri relatati mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR:

(i)

id-dikjarazzjonijiet tal-infiq, li jservu wkoll bħala talbiet għall-ħlas, iffirmati mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata jew mill-korp ta’ koordinazzjoni akkreditat u akkumpanjati mill-informazzjoni rekwiżita;

(ii)

l-estimi tar-rekwiżiti finanzjarji tagħhom, fir-rigward tal-FAEG u, fir-rigward tal-FAEŻR, aġġornament tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq stmat li ser jiġu ppreżentati matul is-sena, u d-dikjarazzjonijiet tal-infiq stmat fir-rigward tas-sena finanzjarja li jmiss;

(iii)

il-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ffirmata mill-persuna responsabbli mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata, akkumpanjata mill-informazzjoni rekwiżita għall-approvazzjoni tagħhom, u rapport taċ-ċertifikazzjoni mfassal mill-korp taċ-ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 7.

Il-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati relatati mal-infiq tal-FAEŻR għandhom jiġu ppreżentati fil-livell ta’ kull programm.

2.   L-aġenziji tal-ħlas akkreditati għandhom iżommu d-dokumenti ta’ appoġġ relatati mal-ħlasijiet magħmula u d-dokumenti relatati mal-prestazzjoni tal-verifiki amministrattivi u fiżiċi meħtieġa mil-leġislazzjoni Komunitarja, u għandhom jagħmlu d-dokumenti u l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.

Meta dawk id-dokumenti jinżammu minn awtorità li taġixxi taħt delega minn aġenzija tal-ħlas u tkun responsabbli għall-awtorizzazzjoni tal-infiq, dik l-awtorità għandha tibgħat rapporti lill-aġenzija tal-ħlas akkreditata dwar l-għadd ta’ verifiki magħmula, il-kontenut tagħhom u l-miżuri meħuda fid-dawl tar-riżultati tagħhom.

Artikolu 9

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità u assigurazzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-fondi Komunitarji

1.   L-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha leġislattivi, regolatorji u amministrattivi u jieħdu kwalunkwe miżuri oħra meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, u b’mod partikolari sabiex:

(i)

jiġu vverifikati l-ġenwinità u l-konformità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR;

(ii)

jiġu evitati u segwiti l-irregolaritajiet;

(iii)

jiġu rkuprati s-somom mitlufa bħala riżultat tal-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

(b)

tiġi stabbilita sistema effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll li tkopri ċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet u dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni bbażata fuq il-firma tal-persuna responsabbli mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jivverifikaw il-legalità u l-konformità tal-infiq imsemmi fl-Artikoli 3(1) u 4, u li josservaw il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda; hija għandha twettaq il-miżuri u l-verifiki li ġejjin f’dan ir-rigward:

(a)

hija għandha tivverifika li jeżistu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u li jiffunzjonaw b’mod adatt fl-Istati Membri;

(b)

hija għandha tnaqqas jew tissospendi l-ħlasijiet intermedji kollha kemm huma jew parti minnhom, u tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji rekwiżiti, partikolarment meta s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll ifallu;

(c)

hija għandha tivverifika li l-prefinanzjament jiġi rimborsat u għandha, jekk meħtieġ, awtomatikament tiddiżimpenja l-impenji baġitarji.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet adottati u l-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1 u, fir-rigward tal-programmi għall-iżvilupp rurali, il-miżuri meħuda għall-ġestjoni u l-kontroll f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja rigward l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

Artikolu 10

Ammissibbiltà ta’ ħlasijiet imwettqa minn aġenziji tal-ħlas

L-infiq imsemmi fl-Artikoli 3(1) u 4 jista’ jiġi kopert mill-finanzjament Komunitarju biss jekk ikun twettaq minn aġenziji tal-ħlas akkreditati maħtura mill-Istati Membri.

Artikolu 11

Ħlas sħiħ lill-benefiċjarji

Dment li ma jkunx previst b’mod kuntrarju skont il-leġislazzjoni Komunitarja, il-ħlasijiet relatati mal-finanzjament previst skont dan ir-Regolament jew għall-ammonti li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni finanzjarja pubblika taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali għandhom jitħallsu kollha kemm huma lill-benefiċjarji.

TITOLU II

FAEG

KAPITOLU I

Finanzjament Komunitarju

Artikolu 12

Limiti massimi baġitarji

1.   Il-limitu massimu annwali għall-infiq tal-FAEG għandu jkun kostitwit bl-ammonti massimi stabbiliti għalih skont il-qafas finanzjarju pluriennali previst fil-Ftehim Interistituzzjonali, mingħajr l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti li, skont l-Artikoli 10(2), 143d u 143e tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, huma magħmula disponibbli lill-FAEŻR.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, abbażi tad-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-bilanċ nett disponibbli għall-infiq tal-FAEG.

Artikolu 13

Spejjeż amministrattivi u tal-persunal

L-infiq relatat mal-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal imwettaq mill-Istati Membri u mill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG ma għandux jitħallas mill-Fond.

Artikolu 14

Ħlasijiet ta’ kull xahar

1.   L-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-finanzjament tal-infiq imsemmi fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni fil-forma ta’ rimborsi ta’ kull xahar, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ħlasijiet ta’ kull xahar”, abbażi tal-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati matul il-perijodu ta’ referenza.

2.   Sakemm jiġu trasferiti l-ħlasijiet ta’ kull xahar mill-Kummissjoni, ir-riżorsi meħtieġa biex jitwettaq l-infiq għandhom jiġu mobilizzati mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati tagħhom.

Artikolu 15

Proċedura għall-ħlasijiet ta’ kull xahar

1.   Il-ħlasijiet ta’ kull xahar għandhom isiru mill-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31, għall-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati tal-Istati Membri matul ix-xahar ta’ referenza.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3), il-ħlasijiet ta’ kull xahar li hija twettaq, abbażi ta’ dikjarazzjoni tal-infiq mill-Istati Membri u l-informazzjoni mogħtija f’konformità mal-Artikolu 8(1), b’kont meħud tat-tnaqqis jew is-sospensjonijiet applikati skont l-Artikolu 17.

3.   Il-ħlasijiet ta’ kull xahar għandhom isiru lil kull Stat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih jitwettaq l-infiq.

4.   L-infiq imwettaq mill-Istati Membri bejn l-1 u l-15 ta’ Ottubru għandu jitqies bħala li qed isir fix-xahar ta’ Ottubru. L-infiq imwettaq bejn is-16 u l-31 ta’ Ottubru għandu jitqies bħala li qed isir fix-xahar ta’ Novembru.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq ħlasijiet supplimentari jew tnaqqis. F’tali każijiet, il-Kumitat dwar il-fondi agrikoli għandu jiġi informat fil-laqgħa tiegħu li jmiss.

Artikolu 16

Konformità mal-iskadenzi għall-ħlasijiet

Meta l-iskadenzi għall-ħlasijiet jiġu stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja, kwalunkwe qbiż ta’ dawk l-iskadenzi mill-aġenziji tal-ħlas għandu jirrendi l-ħlasijiet ineliġibbli għall-finanzjament Komunitarju, għajr fil-każijiet, il-kondizzjonijiet u l-limiti ddeterminati, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.

Artikolu 17

Tnaqqis u sospensjoni tal-ħlasijiet ta’ kull xahar

1.   Meta d-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2) ma jagħmluhiex possibbli għall-Kummissjoni li tistabbilixxi jekk l-impenn ta’ fondi huwiex skont ir-regoli Komunitarji applikabbli, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jipprovdi iktar informazzjoni f’perijodu li għandha tiddetermina l-Kummissjoni skont is-severità tal-problema u li normalment ma jistax ikun ta’ inqas minn tletin jum.

Jekk l-Istat Membru jonqos milli jwieġeb għat-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jew jekk it-tweġiba tkun meqjusa bħala insodisfaċenti jew turi li ma kienx hemm konformità mar-regoli Komunitarji applikabbli jew li l-fondi Komunitarji ġew użati b’mod żbaljat, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi temporanjament il-ħlasijiet ta’ kull xahar lill-Istat Membru. Hija għandha tinforma lill-Istat Membru kif adatt, waqt li tindika li twettaq tnaqqis jew sospensjoni.

2.   Meta d-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(2) jippermettu li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-limitu massimu finanzjarju stabbilit bil-leġislazzjoni Komunitarja nqabeż, jew li r-regoli Komunitarji applikabbli kjarament ma kienx hemm konformità magħhom, il-Kummissjoni tista’ tapplika t-tnaqqis jew is-sospensjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, wara li l-Istat Membru jingħata l-opportunità li jippreżenta l-kummenti tiegħu.

3.   It-tnaqqis u s-sospensjonijiet għandhom japplikaw skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, skont id-deċiżjoni tal-ħlasijiet ta’ kull xahar imsemmija fl-Artikolu 15(2), mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.

KAPITOLU II

Dixxiplina baġitarja

Artikolu 18

Konformità mal-limitu massimu

1.   Matul il-proċedura baġitarja u l-implimentazzjoni tal-baġit, l-approprjazzjonijiet relatati mal-infiq tal-FAEG m’għandux jaqbeż il-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3).

L-istrumenti leġislattivi kollha proposti mill-Kummissjoni jew adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni u li għandhom influwenza fuq il-baġit tal-FAEG għandhom jikkonformaw mal-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3).

2.   Meta l-leġislazzjoni Komunitarja tistipola limitu massimu finanzjarju f’EUR għall-infiq agrikolu fir-rigward ta’ Stat Membru, tali nfiq għandu jiġi rimborsat soġġett għal dak il-limitu stabbilit f’EUR, bi twettiq ta’ kwalunkwe aġġustament meħtieġ dment li japplika l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

3.   Il-limiti massimi nazzjonali għall-ħlasijiet diretti stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja, inklużi dawk stabbiliti bl-Artikoli 41(1) u 71c tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ikkoreġuti bil-persentaġġi u l-aġġustamenti stabbiliti fl-Artikoli 10(1) u 11(1) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jitqiesu bħala limiti massimi finanzjarji f’EUR.

4.   Jekk sat-30 ta’ Ġunju ta’ kwalunkwe sena l-Kunsill ma jkunx stabbilixxa l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dawk l-aġġustamenti skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-Regolament u għandha tinforma lill-Kunsill bihom immedjatament.

5.   Sal-1 ta’ Diċembru, fuq proposta mill-Kummissjoni, abbażi ta’ informazzjoni ġdida fil-pussess tagħha, il-Kunsill jista’ jadotta r-rata ta’ aġġustament għall-ħlasijiet diretti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

Artikolu 19

Proċedura ta’ dixxiplina baġitarja

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fl-istess waqt tal-abbozz preliminari tal-baġit għas-sena finanzjarja N, il-previżjoni tagħha għas-snin finanzjarji N-1, N u N + 1. Hija għandha tippreżenta simultanjament analiżi tad-differenzi osservati bejn il-previżjonijiet inizjali u l-infiq attwali għas-snin finanzjarji N-2 u N-3.

2.   Jekk, fit-tfassil tal-abbozz preliminari tal-baġit għas-sena finanzjarja N, ikun jidher li hemm ir-riskju li jinqabeż il-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3) għas-sena finanzjarja N, b’kont meħud tal-marġini stabbilit fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-miżuri meħtieġa lill-Kunsill, inklużi dawk rikjesti skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

3.   Jekk fi kwalunkwe ħin il-Kummissjoni tqis li hemm ir-riskju li jinqabeż il-bilanċ nett imsemmi fl-Artikolu 12(3) u li ma tkunx tista’ tieħu miżuri adegwati biex tirrimedja s-sitwazzjoni skont is-setgħat amministrattivi tagħha, hija għandha tipproponi miżuri oħra lill-Kunsill biex tiġi żgurata konformità ma’ dak il-bilanċ. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar dawk il-miżuri, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-opinjoni tiegħu f’ħin debitu biex il-Kunsill jieħu nota tagħha u jiddeċiedi fil-perijodu stabbilit.

4.   Jekk, fi tmiem is-sena finanzjarja N, it-talbiet għal rimbors mill-Istati Membri jaqbżu jew aktarx li ser jaqbżu l-bilanċ nett stabbilit skont l-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandha:

(a)

tikkunsidra t-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri pro rata u fil-limitu tal-baġit disponibbli, u għandha proviżorjament tistabbilixxi l-ammont tal-ħlasijiet għax-xahar ikkonċernat;

(b)

tiddetermina, għall-Istati Membri kollha, mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar tas-sena li jkun imiss, is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-finanzjament Komunitarju għas-sena finanzjarja preċedenti;

(c)

tistabbilixxi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(3), l-ammont totali tal-finanzjament Komunitarju mqassam għal kull Stat Membru separatament, abbażi ta’ rata unika ta’ finanzjament Komunitarju, fil-limitu tal-baġit li kien disponibbli għall-ħlasijiet ta’ kull xahar;

(d)

twettaq, mhux aktar tard minn meta jsiru l-ħlasijiet ta’ kull xahar għal Marzu tas-sena N + 1, kwalunkwe kumpens li jrid jitwettaq bejn l-Istati Membri.

Artikolu 20

Sistema ta’ twissija bikrija

Sabiex jiġi żgurat li l-limitu massimu tal-baġit ma jinqabiżx, il-Kummissjoni għandha timplimenta sistema ta’ twissija bikrija u ta’ monitoraġġ ta’ kull xahar fir-rigward tal-infiq tal-FAEG.

Qabel il-bidu ta’ kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiddetermina għal dak l-għan, il-profili tal-infiq ta’ kull xahar ibbażati, jekk meħtieġ, fuq l-infiq medju ta’ kull xahar matul it-tliet snin preċedenti.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ kull xahar li jeżamina l-evoluzzjoni tal-infiq imwettaq b’rabta mal-profili u li jkun fih valutazzjoni tal-implimentazzjoni prevedibbli għas-sena finanzjarja attwali.

Artikolu 21

Rati tal-kambju ta’ referenza

1.   Meta tadotta l-abbozz preliminari tal-baġit, jew ittra ta’ emenda għall-abbozz preliminari tal-baġit li tikkonċerna l-infiq agrikolu, għall-estimi tal-baġit tal-FAEG, il-Kummissjoni għandha tuża r-rata medja tal-kambju EUR/dollaru Amerikan reġistrata fis-suq matul l-aktar kwart tas-sena reċenti li jintemm tal-anqas 20 jum qabel l-adozzjoni tad-dokument tal-baġit mill-Kummissjoni.

2.   Meta tadotta abbozz preliminari ta’ baġit emendatorju u supplementari jew ittra ta’ emenda għalih, safejn dawk id-dokumenti jikkonċernaw approprjazzjonijiet relatati mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b), il-Kummissjoni għandha tuża:

(a)

l-ewwel nett, ir-rata medja tal-kambju EUR/dollaru Amerikan irreġistrata realment fis-suq mill-1 ta’ Awwissu tas-sena finanzjarja preċedenti sat-tmiem tal-aħħar kwart tas-sena li jintemm tal-anqas 20 jum qabel l-adozzjoni tad-dokument tal-baġit mill-Kummissjoni u mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja attwali, u

(b)

it-tieni nett, bħala previżjoni għall-bqija tas-sena finanzjarja, ir-rata tal-kambju medja irreġistrata realment matul l-aħħar kwart tas-sena li jispiċċa tal-anqas 20 jum qabel l-adozzjoni tad-dokument tal-baġit mill-Kummissjoni.

TITOLU III

FAEŻR

KAPITOLU I

Metodu ta’ finanzjament

Artikolu 22

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEŻR

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FAEŻR għall-infiq taħt il-programmi għall-iżvilupp rurali għandha tiġi determinata għal kull programm, fil-limiti massimi stabbiliti bil-leġislazzjoni Komunitarja rigward appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-FAEŻR, flimkien mal-ammonti stabbiliti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament.

L-infiq iffinanzjat taħt dan ir-Regolament m’għandux ikun soġġett għal kwalunkwe finanzjament ieħor taħt il-baġit Komunitarju.

Artikolu 23

Impenji baġitarji

L-impenji baġitarji tal-Komunità għall-programmi għall-iżvilupp rurali (minn hawn ‘il quddiem imsejħin “impenji baġitarji”) għandhom isiru f’pagamenti annwali matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta kull programm għall-iżvilupp rurali ppreżentat minn Stat Membru għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002 u, ladarba jiġi nnotifikat l-Istat Membru kkonċernat, impenn legali fit-tifsira ta’ dak ir-Regolament.

Għal kull programm, l-impenn baġitarju għall-ewwel pagament għandu jsegwi l-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni. L-impenji baġitarji għall-pagamenti sussegwenti għandhom isiru mill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Mejju ta’ kull sena, abbażi tad-deċiżjoni msemmija fit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU II

Ġestjoni finanzjarja

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ħlasijiet kollha

1.   Ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għandhom isiru skont l-impenji baġitarji.

2.   Il-Kummissjoni ser tagħmel disponibbli għall-Istati Membri l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex jiġi kopert l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4, permezz ta’ prefinanzjament, ħlasijiet intermedji u l-ħlas ta’ bilanċ. L-Artikoli 25, 26, 27 u 28 għandhom japplikaw għal dawn l-approprjazzjonijiet.

3.   Il-ħlasijiet kollha għandhom jiġu assenjati lill-impenn baġitarju miftuħ l-aktar bikri.

4.   It-total kompost tal-prefinanzjament u l-ħlasijiet intermedji m’għandux jaqbeż il-95 % tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għal kull programm għall-iżvilupp rurali.

Artikolu 25

Arranġamenti ta’ prefinanzjament

1.   Wara li tadotta programm għall-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas ammont ta’ prefinanzjament uniku għal dak il-programm lill-Istat Membru. Dan għandu jirrappreżenta 7 % tal-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm ikkonċernat. Huwa jista’ jinqasam bejn żewġ snin finanzjarji skont id-disponibbiltà tar-riżorsi.

2.   L-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament għandu jiġi rimborsat lill-Kummissjoni jekk ma tintbagħat l-ebda dikjarazzjoni ta’ nfiq għall-programmi għall-iżvilupp rurali fi żmien 24 xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tħallas l-ewwel pagament tal-ammont tal-prefinanzjament.

3.   L-interess iġġenerat dwar il-prefinanzjament għandu jintbagħat lill-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat u jitnaqqas mill-ammont tal-infiq pubbliku indikat fuq id-dikjarazzjoni finali tal-infiq.

4.   L-ammont totali ta’ prefinanzjament għandu jiġi approvat meta jingħalaq il-programm għall-iżvilupp rurali.

Artikolu 26

Ħlasijiet intermedji

1.   Għandhom jitwettqu ħlasijiet intermedji għal kull programm għall-iżvilupp rurali. Huma għandhom jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni tar-rata tal-finanzjament parzjali għal kull prijorità għall-infiq pubbliku ċċertifikat li jappartjeni għalih.

2.   Soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji sabiex tirrimborsal-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati fl-implimentazzjoni tal-programmi.

3.   Kull ħlas intermedju għandu jkun soġġett għal konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

it-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-infiq, iffirmata mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata, f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c);

(b)

ma jinqabeż ebda total tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għal kull prijorità għall-perijodu intier kopert mill-programm ikkonċernat;

(c)

it-trasmissjoni lill-Kummissjoni tal-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali.

4.   Jekk wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jintlaħaqx u d-dikjarazzjoni tal-infiq, għalhekk, ma tkunx tista’ tiġi aċċettata, il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-aġenzija tal-ħlas akkreditata u lill-korp ta’ koordinazzjoni, meta jkun inħatar wieħed.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħlasijiet intermedji fi żmien 45 jum mir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-infiq, li għalihom jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.

6.   L-aġenziji tal-ħlas akkreditati għandhom jistabbilixxu u jibagħtu lill-Kummissjoni, permezz tal-intermedjarju tal-korp ta’ koordinament jew direttament, meta ma jkunx ġie appuntat wieħed, id-dikjarazzjonijiet intermedji tal-infiq relatat mal-programmi għall-iżvilupp rurali, f’intervalli stabbiliti mill-Kummissjoni. Id-dikjarazzjonijiet tal-infiq għandhom ikopru l-infiq li l-aġenzjija tkun għamlet matul kull perijodu kkonċernat.

Id-dikjarazzjonijiet intermedji tal-infiq fir-rigward tal-infiq magħmul mis-16 ta’ Ottubru ‘l quddiem għandu jitniżżel fil-kontijiet tal-baġit tas-sena li jmiss.

Artikolu 27

Sospensjoni u tnaqqis tal-ħlasijiet intermedji

1.   Il-ħlasijiet intermedji għandhom isiru abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq u l-informazzjoni finanzjarja pprovduta mill-Istati Membri. Għandu japplika l-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002.

2.   Jekk id-dikjarazzjonijiet tal-infiq jew l-informazzjoni finanzjarja komunikata minn Stat Membru ma jagħmluhiex possibbli li jinstab li d-dikjarazzjoni tal-infiq tissodisfa r-regoli Komunitarji rilevanti, l-Istat Membru għandu jintalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali f’perijodu ta’ żmien stabbilit skont is-serjetà tal-problema, iżda li normalment m’għandux ikun ta’ inqas minn tletin jum.

3.   Jekk l-Istat Membru jonqos li jwieġeb għat-talba msemmija fil-paragrafu 2, jew jekk it-tweġiba tkun meqjusa bħala insodisfaċenti jew turi li ma kienx hemm konformità mar-regoli applikabbli jew li l-fondi Komunitarji ġew użati b’mod żbaljat, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi temporanjament il-ħlasijiet intermedji lill-Istat Membru. Hija għandha tinforma lill-Istat Membru kif adatt.

4.   Is-sospensjoni jew it-tnaqqis ta’ ħlasijiet intermedji kif indikat fl-Artikolu 26 għandhom ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 30 u 31.

Artikolu 28

Ħlas tal-bilanċ u għeluq tal-programm

1.   Wara li tkun irċeviet l-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ, soġġett għad-disponibbiltà ta’ riżorsi, abbażi tar-rata ta’ finanzjament parzjali skont il-prijorità, il-kontijiet annwali għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali rilevanti u tad-deċiżjoni għall-approvazzjoni korrispondenti. Dawn il-kontijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2016 u għandhom ikopru l-infiq imwettaq mill-aġenzija tal-ħlas sal-31 ta’ Diċembru 2015.

2.   Il-bilanċ għandu jitħallas mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiġu rċevuti l-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. L-ammonti li jkunu għadhom impenjati wara li jkun tħallas il-bilanċ għandhom jiġu diżimpenjati mill-Kummissjoni f’perijodu ta’ sitt xhur, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(6).

3.   Jekk sat-30 ta’ Ġunju l-Kummissjoni ma jkunx intbagħtilha l-aħħar rapport ta’ eżekuzzjoni annwali u d-dokumenti meħtieġa għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni għall-programm, il-bilanċ għandu jiġi diżimpenjat awtomatikament f’konformità mal-Artikolu 29.

Artikolu 29

Diżimpenn awtomatiku

1.   Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon tal-impenn baġitarju għal programm għall-iżvilupp rurali li ma jkunx intuża għall-fini ta’ prefinanzjament jew għat-twettiq ta’ ħlasijiet intermedji jew li għalihom ma ġietx ippreżentata dikjarazzjoni tal-infiq li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(3) fir-rigward tal-infiq imwettaq sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena li jmiss wara dik tal-impenn baġitarju.

2.   Dik il-parti tal-impenji baġitarji li tkun għadha miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2015 li għaliha ma tkunx saret dikjarazzjoni tal-infiq sat-30 ta’ Ġunju 2016 għandha tiġi awtomantikament diżimpenjata.

3.   Jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni sussegwenti għad-deċiżjoni li tapprova l-programm għall-iżvilupp rurali tkun meħtieġa għall-awtorizzazzjoni ta’ assistenza jew ta’ skema ta’ għajnuna, il-perijodu li jwassal għal diżimpenn awtomatiku għandu jibda mid-data ta’ dik id-deċiżjoni sussegwenti. L-ammont ikkonċernat għandu jiġi stabbilit bl-użu ta’ skeda pprovduta mill-Istat Membru.

4.   F’każ ta’ proċedimenti legali jew appell amministrattiv li jkollu effett ta’ sospensjoni, għandu jiġi interrott il-perijodu għad-diżimpenn awtomatiku msemmi fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, fir-rigward tal-ammont relatat mal-operazzjonijiet ikkonċernati, għat-tul ta’ żmien ta’ dawk il-proċedimenti jew ta’ dak l-appell amministrattiv, dment li l-Kummissjoni tirċievi notifika sostanzjata mill-Istat Membru sal-31 ta’ Diċembru tas-sena N + 2.

5.   Dawn li ġejjin għandhom jiġu injorati fil-kalkolu tad-diżimpenn awtomatiku:

(a)

dik il-parti mill-impenji baġitarji li għaliha tkun saret dikjarazzjoni tal-infiq iżda li r-rimbors tagħha jkun ġie mnaqqas jew sospiż mill-Kummissjoni fil-31 ta’ Diċembru tas-sena N + 2;

(b)

dik il-parti mill-impenji baġitarji li aġenzija tal-ħlas tkun setgħet tiżborsa għal raġunijiet ta’ force majeure b’effett serju fuq l-implimentazzjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali. L-awtoritajiet nazzjonali li jiddikjaraw force majeure għandhom juru l-konsegwenzi diretti fuq l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta’ parti minnu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u l-awtoritajiet ikkonċernati fi żmien debitu jekk ikun hemm riskju ta’ diżimpenn awtomatiku. Hija għandha tinformahom bl-ammont involut kif indikat mill-informazzjoni fil-pussess tagħha. L-Istati Membri għandu jkollhom xahrejn minn meta jirċievu din l-informazzjoni sabiex jaqblu mal-ammont inkwistjoni jew jippreżentaw osservazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha twettaq id-diżimpenn awtomatiku sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara l-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafi 1 sa 4.

7.   F’każ ta’ diżimpenn awtomatiku, il-kontribuzzjoni mill-FAEŻR għall-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat għandu jitnaqqas, għas-sena inkwistjoni, bl-ammont diżimpenjat awtomatikament. L-Istat Membru għandu jipproduċi pjan finanzjarju rivedut li jaqsam it-tnaqqis tal-għajnuna bejn il-prijoritajiet. Jekk ma jagħmilx dan, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammonti allokati għal kull prijorità pro rata.

8.   Jekk dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 2007, il-perijodi li mal-iskadenzi tagħhom jista’ jsir l-ewwel diżimpenn awtomatiku msemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mtawla għall-ewwel impenn bl-għadd ta’ xhur bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u d-data tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-programm għall-iżvilupp rurali korrispondenti.

TITOLU IV

APPROVAZZJONI TAL-KONTIJIET U MONITORAĠĠ MILL-KUMMISSJONI

KAPITOLU 1

Approvazzjoni

Artikolu 30

Approvazzjoni tal-kontijiet

1.   Qabel it-30 ta’ April tas-sena li jmiss wara s-sena baġitarja inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 41(3), abbażi tal-informazzjoni trasmessa f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c)(iii).

2.   Id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni għandha tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet annwali ppreżentati. Id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 31.

Artikolu 31

Approvazzjoni tal-konformità

1.   Jekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli Komunitarji, hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament Komunitarju f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.

3.   Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.

4.   Il-finanzjament ma jistax jiġi rifjutat għal:

(a)

l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) li jitwettaq aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħha;

(b)

l-infiq dwar il-miżuri pluriennali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi kif indikat fl-Artikolu 4, meta l-obbligu finali fuq min jirċievi jseħħ aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tagħha;

(c)

l-infiq fuq miżuri fil-programmi, kif indikat fl-Artikolu 4, għajr dawk imsemmija fil-punt (b), li jitwettaq il-ħlas għalihom, jew skont il-każ, il-ħlas tal-bilanċ mill-aġenzija tal-ħlas, aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-kitba dwar ir-riżultati tal-kontroll tagħha.

5.   Il-paragrafu 4 ma japplikax fil-każ ta’:

(a)

irregolaritajiet koperti mill-Artikoli 32 u 33;

(b)

għajnuniet nazzjonali jew vjolazzjonijiet li tkun inbdiet il-proċedura tagħhom kif indikat fl-Artikolu 88 jew l-Artikolu 226 tat-Trattat.

KAPITOLU 2

Irregolaritajiet

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEG

1.   Is-somom irkuprati wara li tkun seħħet irregolarità jew negliġenza u l-interess fuqhom għandhom jingħataw lill-aġenzija tal-ħlas u jiġu mniżżlin fil-kontijiet minnha bħala dħul assenjat lill-FAEG fix-xahar li fih attwalment jiġu rċevuti l-flus.

2.   Meta l-baġit Komunitarju jiġi kreditat, l-Istat Membru jista’ jżomm 20 % tal-ammonti korrispondenti bħala spejjeż ta’ rkupru b’rata fissa, għajr f’każijiet ta’ irregolarità jew negliġenza li tista’ tiġi attribwita lill-awtoritajiet amministrattivi jew korpi uffiċjali oħra.

3.   Meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c)(iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata tal-proċeduri ta’ rkupru individwali u tas-somom individwali mhux irkuprati.

4.   Wara li tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li timponi s-somom li jridu jiġu rkuprati lill-Istat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk l-Istat Membru, għar-raġunijiet ta’ rkupru, ma jkunx beda l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji adatti stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja fi żmien sena mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja;

(b)

jekk ma kienx hemm sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew id-dewmien biex din issir qed jipperikola l-irkupru, jew l-irregolarità ma ġietx inkluża fir-rapport fil-qosor previst fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għas-sena li fiha saret is-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja.

5.   Jekk l-irkupru ma twettaqx fi żmien erba’ snin mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, jew fi żmien tmien snin meta l-azzjoni tal-irkupru tittella’ fil-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit Komunitarju.

L-Istati Membri għandhom jindikaw separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti mhux irkuprati fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Id-distribuzzjoni tal-piż finanzjarju tan-nuqqas ta’ rkupru f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwi l-proċeduri tal-irkupru f’konformità mal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament. 50 % tal-ammonti rkuprati b’dan il-mod għandhom jiġu akkreditati lill-FAEG, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, ma tiġi rreġistrata l-ebda irregolarità minn xi strument amministrattiv jew legali ta’ natura definittiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddikjara bħala nefqa lill-EAGF il-piż finanzjarju li waqa’ fuqu, skont l-ewwel subparagrafu.

Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont ta’ rkupru jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.

6.   Jekk ikun hemm ġustifikazzjoni għal dan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux l-irkupru. Tista’ tittieħed deċiżjoni għal dan il-għan biss fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk l-ispejjeż li saru diġà jew li aktarx li jsiru jaqbżu l-ammont li jrid jiġi rkuprat, jew

(b)

jekk l-irkupru jkun impossibbli minħabba l-insolvenza, reġistrata jew rikonoxxuta skont il-liġi nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuni responsabbli legalment għall-irregolarità.

L-Istat Membru għandu juri separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti li dwarhom ġie deċiż li ma jiġix segwit l-irkupru u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

7.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fil-kontijiet annwali li jridu jintbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(c)(iii) l-ammonti fir-responsabbiltà tagħhom skont il-paragarafu 5. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li dan twettaq u għandha tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ bħala parti mid-deċiżjoni speċifikata fl-Artikolu 30(1).

8.   Wara li tkun ġiet kompluta l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teskludi mis-somom tal-finanzjament is-somom li għandhom jitħallsu mill-baġit Komunitarju fil-każijiet li ġejjin:

(a)

skont il-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, jekk hija ssib li l-irregolarità jew in-nuqqas ta’ rkupru huwa riżultat ta’ irregolarità jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew korp uffiċjali ieħor tal-Istat Membru;

(b)

skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, jekk hija tqis li r-raġunijiet iddikjarati mill-Istat Membru ma jiġġustifikawx id-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf il-proċedura tal-irkupru.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji meta jiġu skoperti irregolaritajiet jew negliżenza fl-operazzjonijiet jew fil-programmi għall-iżvilupp rurali, billi jikkanċellaw totalment jew parzjalment il-finanzjament Komunitarju kkonċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR.

2.   Meta jkunu diġà tħallsu l-fondi Komunitarji lill-benefiċjarju, huma għandhom jiġu rkuprati mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata f’konformità mal-proċeduri tal-irkupru tagħha stess u jerġgħu jintużaw mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 3(c).

3.   L-aġġustamenti finanzjarji u l-użu mill-ġdid tal-fondi għandhom jitwettqu mill-Istati Membri soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jiġu skoperti irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom jestendu l-istħarriġ tagħhom biex jiġu koperti l-operazzjonijiet kollha li jistgħu jiġu affetwati minn tali irregolaritajiet;

(b)

l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-aġġustamenti korrispondenti;

(c)

l-ammonti tal-finanzjament Komunitarju li jiġu kanċellati u l-ammonti rkuprati, kif ukoll l-interess fuqhom, għandhom jiġu allokati mill-ġdid lill-programm ikkonċernat. Madankollu, il-fondi Komunitarji kanċellati jew irkuprati jistgħu jintużaw mill-ġdid mill-Istati Membri biss għal operazzjoni taħt l-istess programm għall-iżvilupp rurali u dment li l-fondi ma jiġux allokati mill-ġdid għal operazzjonijiet li kienu soġġetti għal aġġustament finanzjarju.

4.   Meta jintbagħtu l-kontijiet annwali, kif previst fl-Artikolu 8(1)(c)(iii), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu bi tweġiba għall-irregolaritajiet. Dan għandu jagħti analiżi tal-ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati, skont il-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja u skont is-sena tas-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja tal-irregolarità.

Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kif iddeċidew jew ippjanaw li jużaw mill-ġdid il-fondi kkanċellati u, fejn adatt, li jemendaw il-pjan finanzjarju tal-programm għall-iżvilupp rurali kkonċernat.

5.   Wara li tkun ġiet segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31(3), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li timponi s-somom li jridu jiġu rkuprati fuq l-Istat Membru fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta Stat Membru ma jkunx beda l-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji kollha stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja għall-irkupru tal-fondi mħallsin lill-benefiċjarji fi żmien sena mill-ewwel sejba amministrattiva jew ġudizzjarja;

(b)

meta Stat Membru ma kienx konformi mal-obbligi tiegħu skont il-paragrafu 3(a) u (c) ta’ dan l-Artikolu.

6.   Meta kien possibbli li jitwettaq l-irkupru msemmi fil-paragrafu 2 wara l-għeluq tal-programm għall-iżvilupp rurali, l-Istat Membru għandu jirrifondi s-somom irkuprati lill-baġit Komunitarju.

7.   Wara l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf il-proċedura tal-irkupru, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(6).

8.   Jekk l-irkupru ma jkunx seħħ qabel l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru jaqgħu fuq l-Istat Membru kkonċernat u 50 % fuq il-baġit Komunitarju u għandu jittieħed kont tagħhom jew fl-aħħar tal-perijodu ta’ erba’ snin wara l-ewwel sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew tmien snin f’każ li l-azzjoni tal-irkupru tittella’ quddiem il-qrati nazzjonali, jew meta jagħlaq il-programm jekk dawn l-iskadenzi jiskadu qabel tali għeluq.

Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jiġux attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont li jrid jiġi rkuprat jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.

9.   F’każijiet bħal ma hemm imsemmi fil-paragrafu 8, l-ammonti li jikkorrispondu għal 50 % merfugħa mill-Istat Membru għandhom jitħallsu mill-Istat Membru lill-baġit Komunitarju.

10.   Meta l-Kummissjoni tagħmel aġġustament finanzjarju, dan ma għandux jaffetwa l-obbligi tal-Istat Membru li jirkupra s-somom imħallsa bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu stess skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (14).

Artikolu 34

Assenjazzjoni tad-dħul mill-Istati Membri

1.   Dan li ġej għandu jitqies bħala dħul assenjat skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002:

(a)

somom li, skont l-Artikoli 31, 32 u 33 ta’ dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu lill-baġit Komunitarju, inkluż l-interess fuqhom;

(b)

somom li jinġabru jew jiġu rkuprati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi taxxa fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (15).

2.   Is-somom imsemmija fil-paragarafu 1(a) u (b) għandhom jitħallsu lill-baġit Komunitarju u, f’każ ta’ użu mill-ġdid, għandhom jintużaw esklużivament biex tiġi ffinanzjata n-nefqa tal-FAEG u l-FAEŻR.

Artikolu 35

Definizzjoni ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu is-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, jew amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta’ fatti reali tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li din il-konklużjoni tkun tista’ sussegwentement tiġi aġġustata jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja.

KAPITOLU 3

Monitoraġġ mill-Kummissjoni

Artikolu 36

Aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-operazzjoni bla tfixkil tal-FAEG u l-FAEŻR u għandhom jieħdu l-miżuri adatti kollha sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli li l-Kummissjoni tqis adatti b’rabta mal-finanzjament Komunitarju, inklużi l-verifiki fuq il-post.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fuq talba, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li adottaw għall-implimentazzjoni tal-istrumenti Komunitarji rigward il-Politika Agrikola Komuni, fejn dawk l-atti jkollhom impatt finanzjarju fuq il-FAEG u l-FAEŻR.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-irregolaritajiet skoperti, f’konformità mal-Artikoli 32 u 33, u dwar il-passi meħuda biex jiġu rkuprati l-ħlasijiet b’rabta ma’ dawk l-irregolaritajiet.

Artikolu 37

Verifiki fuq il-post

1.   Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa mill-Istati Membri taħt il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi jew l-Artikolu 248 tat-Trattat, u kwalunkwe verifika organizzata skont l-Artikolu 279 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ torganizza verifiki fuq il-post bil-ħsieb li jiġu verifikati, b’mod partikolari:

(a)

il-konformità ta’ prattiki amministrattivi mar-regoli Komunitarji;

(b)

l-eżistenza ta’ dokumenti ta’ appoġġ rekwiżiti u l-korrelazzjoni tagħhom mal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR;

(c)

it-termini li fuqhom l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR ġew aċċettati u verifikati.

Persuni ddelegati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post jew aġenti tal-Kummissjoni li jaġixxu fl-ambitu tas-setgħat ikkonferiti lilhom għandu jkollhom aċċess għall-kotba u d-dokumenti l-oħra kollha, inklużi dokumenti u metadata mfasslin jew irċevuti jew reġistrati fuq medja elettronika, rigward l-infiq iffinanzjat mill-FAEG jew il-FAEŻR.

Is-setgħat ta’ spezzjoni msemmija qabel m’għandhomx jaffetwaw l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw ċerti atti għall-aġenti nnominati b’mod speċifiku mil-leġislazzjoni nazzjonali. Persuni ddelegati mill-Kummissjoni m’għandhomx jieħdu sehem, inter alia, fi żjajjar fid-djar jew fl-interrogazzjoni formali ta’ persuni fil-qafas tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, huma għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni miksuba b’dan il-mod.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħti preavviż suffiċjenti dwar spezzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, jew lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ser issir l-ispezzjoni. Il-persunal mill-Istat Membru kkonċernat jista’ jieħu sehem f’tali verifiki.

Fuq talba mill-Kummissjoni u bi qbil mal-Istat Membru, il-verifiki jew l-inkjesti addizzjonali dwar l-operazzjonijiet koperti b’dan ir-Regolament għandhom jitwettqu mill-korpi kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. L-aġenti tal-Kummissjoni jew persuni ddelegati mill-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem f’tali verifiki.

Biex jittejbu l-verifiki, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, tingaġġa l-assistenza tal-awtoritajiet ta’ dawk l-Istati Membri għal ċerti spezzjonijiet jew inkjesti.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 38

Infiq taħt it-Taqsima Garanzija tal-FAEGG għajr dak għall-iżvilupp rurali

1.   It-Taqsima Garanzija tal-FAEGG għandha tiffinanzja l-infiq imwettaq mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 sal-15 ta’ Ottubru 2006.

2.   L-infiq mill-Istati Membri mis-16 ta’ Ottubru 2006 għandu jsegwi r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Infiq għall-iżvilupp rurali taħt it-Taqsima Garanzija tal-FAEGG

1.   Għall-Istati Membri li kienu membri tal-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Mejju 2004, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin għall-programmi għall-iżvilupp rurali għall-perijodu 2000-2006, li huma ffinanzjati mit-Taqsima Garanzija tal-FAEGG f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

(a)

Il-ħlasijiet lill-benefiċjarji għandhom jieqfu mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2006 u l-infiq relatat mill-Istati Membri għandu jiġi rimborsat lilhom mill-Kummissjoni mhux aktar tard milli skont id-dikjarazzjoni dwar l-infiq għal Ottubru 2006. Madankollu, il-Kummissjoni tista’, f’każijiet ġustifikati u f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(2), tawtorizza ħlasijiet sal-31 ta’ Diċembru 2006, soġġett għar-rimbors ta’ ammonti identiċi lill-FAEG tal-avvanzi magħmula lill-Istati Membri għall-perijodu tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

(b)

Avvanzi magħmula lill-Istati Membri għall-perijodu tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 għandhom jitnaqqsu minnhom mill-infiq iffinanzjat mill-FAEG mhux aktar tard mid-dikjarazzjoni tal-infiq għal Diċembru 2006.

(c)

Fuq talba tal-Istati Membri, l-infiq imwettaq mill-aġenziji tal-ħlas akkreditati bejn is-16 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru 2006 bl-eċċezzjoni tal-infiq awtorizzat f’konformità mat-tieni sentenza tal-punt (a) ta’ dan l-Artikolu għandu jittieħed mill-baġit tal-FAEŻR taħt il-programmar għall-iżvilupp rurali għall-2007-2013.

(d)

ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fi Stat Membru fl-1 ta’ Jannar 2007 wara tnaqqis jew tħassir tal-ammonti ta’ ħlasijiet li l-Istat għamel b’mod volontarju, jew permezz ta’ penali, skont l-Artikoli 3, 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999, għandhom jintużaw minn dak l-Istat Membru biex jiġu ffinanzjati l-miżuri għall-iżvilupp rurali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

(e)

jekk l-Istati Membri ma jużawx ir-riżorsi finanzjarji msemmija fil-paragrafu (d) f’perijodu li għandu jiġi determinat f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41(2), l-ammonti korrispondenti għandhom jitħallsu lura lill-baġit tal-FAEG.

2.   Għall-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, l-ammonti kommessi għall-miżuri għall-iżvilupp rurali f’konformità mal-Artikolu 3(1) skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, li fir-rigward tagħha d-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza ma ntbagħtux sal-aħħar taż-żmien permess għat-trasmissjoni tar-rapport finali, għandhom jiġu awtomatikament diżimpenjati mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 u għandhom jirriżultaw fir-rimbors mill-Istati Membri tal-ammonti rċevuti skorrettament.

3.   L-ammonti relatati ma’ operazzjonijiet jew programmi li huma soġġetti għal proċedimenti legali jew appell amministrattiv li, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru għandhom effett sospensorju, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ammont li ġie diżimpenjat awtomatikament, kif previst fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 40

Infiq taħt it-Taqsima Gwida tal-FAEGG

1.   L-ammonti kommessi għall-finanzjament tal-miżuri għall-iżvilupp rurali mit-Taqsima Gwida tal-FAEGG skont deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2006, li fir-rigward tagħha d-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza ma ntbagħtux lill-Kummissjoni sal-aħħar taż-żmien permess għat-trasmissjoni tar-rapport finali, għandhom jiġu diżimpenjati awtomatikament mill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010 u dan għandu jirriżulta fir-rimbors mill-Istati Membri tal-ammonti rċevuti skorrettament. Id-dokumenti meħtieġa għall-għeluq tal-assistenza għandhom ikunu d-dikjarazzjoni tal-infiq rigward il-ħlas tal-bilanċ, ir-rapport ta’ implimentazzjoni finali u d-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 38(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/99 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (16).

2.   L-ammonti relatati mal-operazzjonijiet jew il-programmi li huma soġġetti għal proċedimenti legali jew appell amministrattiv, li skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru għandhom effett sospensorju, għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi diżimpenjat awtomatikament, kif previst fil-paragrafu 1.

Artikolu 41

Kumitat dwar il-Fondi

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 42

Kamp ta’ applikazzjoni

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 41(2). F’konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 9, 16, 26, 28, 31, 32, 33, 34, 37 u 48 tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta:

1.

il-kondizzjonijiet applikabbli għall-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni, kif ukoll għall-akkreditazzjoni speċifika tal-korpi tal-koordinazzjoni; il-funzjonijiet rispettivi tagħhom, l-informazzjoni meħtieġa u l-arranġamenti biex issir disponibbli jew tiġi trasmessa lill-Kummissjoni;

2.

il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ddelegati l-kompiti tal-aġenziji tal-ħlas;

3.

l-istandards ammissibbli għaċ-ċertifikazzjoni, in-natura taċ-ċertifikazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u l-iskadenzi li fihom jeħtieġ isseħħ iċ-ċertifikazzjoni;

4.

ir-regoli tal-implimentazzjoni għall-proċeduri għad-diżimpenn awtomatiku, l-approvazzjoni tal-konformità u l-approvazzjoni tal-kontijiet;

5.

l-arranġamenti għall-irċeviment u l-assenjar ta’ dħul mill-Istati Membri;

6.

ir-regoli ġenerali applikabbli għall-verifiki fuq il-post;

7.

il-forma, il-kontenut, l-iskedar, l-iskadenzi u l-arranġamenti għat-trasmissjoni jew id-disponibbilità għall-Kummissjoni:

id-dikjarazjonijiet tal-infiq u l-estmi tal-infiq u l-aġġornament tagħhom;

id-dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni u l-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas;

il-kont tar-rapporti taċ-ċertifikazzjoni;

l-ismijiet u l-partikolaritajiet tal-aġenziji tal-ħlas akkreditati, il-korpi tal-koordinazzjoni akkreditati u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni;

l-arranġamenti għat-teħid fil-kont u l-ħlas tal-infiq iffinanzjat mill-FAEG u l-FAEŻR;

in-notifiki tal-aġġustamenti finanzjarji li twettqu mill-Istati Membri b’rabta mal-operazzjonijiet jew il-programmi għall-iżvilupp rurali, u r-rapporti fil-qosor dwar il-proċeduri ta’ rkupru li twettqu mill-Istati Membri bi tweġiba għall-irregolaritajiet;

informazzjoni dwar il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 9;

8.

ir-regoli dwar il-konservazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni;

9.

il-miżuri transitorji meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

Artikolu 43

Rapport finanzjarju annwali

Sal-1 ta’ Settembru ta’ kull sena wara s-sena baġitarja, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport finanzjarju dwar l-amministrazzjoni tal-FAEG u l-FAEŻR matul is-sena finanzjarja preċedenti u għandha tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 44

Konfidenzjalità

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw il-konfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata jew miksuba taħt spezzjoni u l-approvazzjoni tal-kontijiet implimentati taħt dan ir-Regolament.

Għal dik l-informazzjoni għandhom japplikaw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropew kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (17).

Artikolu 45

Użu tal-euro

1.   L-ammonti mogħtija fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jadottaw il-programmi għall-iżvilupp rurali, l-ammonti tal-impenji u l-ħlasijiet mill-Kummissjoni u l-ammonti tal-infiq attestati jew iċċertifikati u l-ammonti f’dikjarazzjoni tal-infiq mill-Istati Membri għandhom jiġu espressi u mħallsa f’EUR.

2.   Meta jsir ħlas dirett kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 lil benefiċjarju f’munita għajr l-EUR, l-Istati Membri għandhom jaqilbu l-ammont tal-għajnuna espressa f’EUR fil-munita nazzjonali abbażi tar-rata tal-kambju l-aktar reċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena li fiha tingħata l-għajnuna.

3.   Meta japplika l-paragrafu 2, ir-rimborsi lill-Istati Membri tal-ammonti mħallsa lill-benefiċjarji għandhom isiru mill-Kummissjoni abbażi tad-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq mill-Istati Membri. Meta jfasslu dawk id-dikjarazzjonijiet dwar l-infiq, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess rata tal-kambju bħal dik użata għall-ħlas lill-benefiċjarju.

Artikolu 46

Emenda għar-Regolament (KEE) Nru 595/91

Ir-Regolament (KEE) Nru 595/91 huwa b’dan emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 5(2) għandu jitħassar;

2)

L-Artikolu 7(1) għandu jitħassar.

Artikolu 47

Revoka

1.   Ir-Regolament Nru 25, ir-Regolament (KE) Nru 723/97 u r-Regolament (KE) Nru 1258/1999 huma b’dan imħassra.

Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999 għandu jkompli japplika sal-15 ta’ Ottubru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Istati Membri u sal-31 ta’ Diċembru 2006 għall-infiq imwettaq mill-Kummissjoni.

2.   Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 48

Miżuri transitorji

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li huma kemm meħtieġa kif ukoll iġġustifikati kif adatt biex jiġu risolti, f’każ ta’ urġenza, problemi prattiċi u speċifiċi, b’mod partikolari dawk li jirrelataw mat-transizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 25, (KE) Nru 723/97 u (KE) Nru 1258/1999 u dan ir-Regolament. Dawn il-miżuri jistgħu jidderogaw minn ċerti punti ta’ dan ir-Regolament, iżda biss safejn, u għal żmien li jkun strettament meħtieġ.

Artikolu 49

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2007, għajr għall-Artikoli 18(4) u (5), li għandhom japplikaw malli huwa jidħol fis-seħħ, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2006:

l-Artikoli 30 u 31, fir-rigward tal-infiq imwettaq mis-16 ta’ Ottubru 2006;

l-Artikolu 32, fir-rigward tal-każijiet innotifikati taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 595/91 u li għalihom għadu ma sarx irkupru sħiħ sas-16 ta’ Ottubru 2006;

l-Artikoli 38, 39, 41, 44 u 45 għall-infiq iddikjarat fl-2006 taħt is-sena baġitarja 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

F. BODEN


(1)  Opinjoni mogħtija fis-26 ta’ Mejju 2005 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2005 (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 15).

(4)  ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehim Interistutizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni 2003/429/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 25).

(5)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103.

(6)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 113.

(7)  ĠU L 30, 20.4.1962, p. 991. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 728/70 (ĠU L 94, 28.4.1970, p. 9).

(8)  ĠU L 108, 25.4.1997, p. 6. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 2136/2001, (ĠU L 288, 1.11.2001, p. 1).

(9)  ĠU L 67, 14.3.1991, p. 11.

(10)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(11)  ĠU C 121, 20.5.2005, p. 1.

(12)  Opinjoni tad-9 ta’ Frar 2005 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(14)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Regolament kif emendat bl-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(15)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 123. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2217/2004 (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 1).

(16)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).

(17)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KEE) Nru 25

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 2(2)

Artikoli 2 sa 8


Regolament (KEE) Nru 595/91

Dan ir-Regolament

Artikolu 5(2)

Artikolu 32(3)

Artikolu 8

Artikolu 7(1)

Artikolu 32(2)


Regolament (KE) Nru 723/97

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 3

Artikolu 4 (1) u (2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1)(b)

Artikoli 5 sa 9


Regolament (KE) Nru 1258/1999

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 2(2)

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 3(1)(b)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 4

Artikolu 1(2)(d)

Artikolu 3(2)(a)

Artikolu 1(2)(e)

Artikolu 3(1)(d)

Artikolu 5(1)(c)

Artikolu 5(1)(d)

Artikolu 1(3)

Artikolu 4

Artikolu 1(4)

Artikolu 13

Artikolu 2(1) u (2)

Artikolu 3

Artikolu 2(3)

Artikolu 42

Artikolu 3(1)

Artikolu 4

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)(a)

Artikolu 3(3)

Artikolu 5

Artikolu 3(4)

Artikolu 42

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 4(2)

Artikolu 6(1)

Artikolu 4(3)

Artikolu 8(2)

Artikolu 4(4)

Artikolu 10

Artikolu 4(5)

Artikolu 6(2)

Artikolu 4(6)

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 4(7)

Artikolu 6(3)

Artikolu 4(8)

Artikolu 42

Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(1)

Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 25(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 14(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 42

Artikolu 6(1)

Artikolu 8(1)(c)

Artikolu 6(2)

Artikolu 42

Artikolu 7(1)

Artikolu 15(2)

Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 15(2)

Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 15(3) u (4)

Artikolu 7(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 15(5)

Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 30(1)

Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 30(2)

Artikolu 7(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 31(1)

Artikolu 7(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 31(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 31(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(4), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 31(2)

Artikolu 7(4), il-ħames subparagrafu

Artikolu 31(4)

Artikolu 7(4), is-sitt subparagrafu

Artikolu 31(5)

Artikolu 7(5)

Artikolu 42

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(1)

Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(3)

Artikolu 8(2)

Artikolu 32(1) u (8)

Artikolu 8(3)

Artikolu 42

Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 36(1)

Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 36(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 37(1)

Artikolu 9(3)

Artikolu 42

Artikolu 10

Artikolu 43

Artikoli 11 sa 15

Artikolu 41

Artikolu 16

Artikolu 41

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 48

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 49


Top