Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0790

    2013/790/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta' Diċembru 2013 dwar l-aċċettazzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi tal-ilma transkonfinali u agħdajjar internazzjonali

    ĠU L 349, 21/12/2013, p. 98–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/790/oj

    21.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 349/98


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-13 ta' Diċembru 2013

    dwar l-aċċettazzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi tal-ilma transkonfinali u agħdajjar internazzjonali

    (2013/790/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea hija Parti għall-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi tal-ilma transkonfinali u agħdajjar internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) konsegwentement għall-approvazzjoni tagħha fl-1995 (1).

    (2)

    L-għan ewlieni tal-Konvenzjoni huwa li jiġi stabbilit qafas għall-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali sabiex jipprevjeni u jikkontrolla t-tniġġiż tal-korsiji tal-ilma transkonfinali u sabiex jiżgura l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-ilma fil-pajjiżi membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

    (3)

    Fil-Laqgħa tal-2003 tagħhom, il-Partijiet għall-Konvenzjoni esprimew ix-xewqa li l-Istati li jinsabu barra mir-reġjun tal-UNECE jitħallew isiru Partijiet għall-Konvenzjoni sabiex il-kooperazzjoni fir-rigward tal-baċini fluvjali tiġi promossa fid-dinja kollha.

    (4)

    Konvenzjonijiet oħra tal-UNECE dwar l-ambjent, bħal pereżempju l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali u l-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali, huma miftuħin għal Stati li jinsabu barra mir-reġjun tal-UNECE.

    (5)

    Il-Komunità Ewropea pparteċipat fil-Laqgħa tal-2003 tal-Partijiet li adottat l-Emenda li tippermetti l-adeżjoni ta' kwalunkwe Stat li huwa Membru tan-Nazzjonijiet Uniti mal-Konvenzjoni hekk kif tingħata l-approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet.

    (6)

    L-Emenda se tidħol fis-seħħ hekk kif tiġi aċċettata mill-Istati u organizzazzjonijiet kollha li kienu Partijiet għall-Konvenzjoni fit-28 ta’ Novembru 2003.

    (7)

    L-Emenda għandha tiġi aċċettata f'isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Emenda għall-Artikoli 25 u 26 tal-Konvenzjoni (“l-Emenda”) fuq il-protezzjoni u l-użu ta’ passaġġi tal-ilma transkonfinali u agħdajjar internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) li tippermetti l-adeżjoni mal-Konvenzjoni lill-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet adottata fit-Tielet Laqgħa tal-Partijiet hija b'dan aċċettata f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Emenda huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna awtorizzata li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, bid-depożitu tal-istrument ta' aċettazzjoni tal-Emenda previst fl-Artikolu 21(4) tal-Konvenzjoni, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat b’din l-Emenda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. MAZURONIS


    (1)  ĠU L 186, 5.8.1995, p. 42 (MT: Edizzjoni Speċjali, Kap 11, Vol 23, p. 102).


    EMENDA GĦALL-KONVENZJONI DWAR L-ILMA

    (a)

    Fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni, wara l-paragrafu 2, jiddaħħal paragrafu ġdid li jaqra

    “3.   Kwalunkwe Stat ieħor, mhux imsemmi fil-paragrafu 2, li huwa Membru tan-Nazzjonijiet Uniti jista’ jaderixxi mal-Konvenzjoni hekk kif tingħata l-approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet. Fl-istrument tal-adeżjoni tiegħu, tali Stat għandu jagħmel dikjarazzjoni li l-approvazzjoni tal-adeżjoni tiegħu mal-Konvenzjoni nkisbet mil-Laqgħa tal-Partijiet u għandu jispeċifika d-data meta rċieva l-approvazzjoni. Kwalunkwe talba bħal din għall-adeżjoni minn Membri tan-Nazzjonijiet Uniti ma għandhiex tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-approvazzjoni mil-Laqgħa tal-Partijiet sa meta dan il-paragrafu jkun daħal fis-seħħ għall-Istati u organizzazzjonijiet kollha li kienu Partijiet għall-Konvenzjoni fit-28 ta’ Novembru 2003”.

    u l-bqija tal-paragrafi jiġu rrinumerati kif meħtieġ;

    (b)

    Fl-Artikolu 26, il-paragrafu 3, wara “msemmijin fl-Artikolu 23”, jiddaħħlu l-kliem “jew fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 25”.


    Top