Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008F0841

    Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI ta’ l- 24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

    ĠU L 300, 11/11/2008, p. 42–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2008/841/oj

    11.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 300/42


    DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2008/841/ĠAI

    ta’ l-24 ta’ Ottubru 2008

    dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 29, 31(1)(e) u 34(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-għan tal-Programm ta’ l-Aja huwa li jtejjeb il-kapaċità komuni ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri bil-għan, fost oħrajn, li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata transnazzjonali. Dan l-objettiv għandu jiġi persegwit, b’mod partikolari, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ leġislazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm koperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu miġġielda l-perikoli u l-proliferazzjoni ta’ organizzazzjonijiet kriminali u sabiex ikun hemm risposta effettiva għall-aspettattivi taċ-ċittadini u tal-ħtiġijiet proprji ta’ l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-punt 14 tal-konlużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 jiddikjara li ċ-ċittadini ta’ l-Ewropa jistennew li l-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiggarantixxi r-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali, tadotta approċċ aktar effettiv konġunt lejn il-problemi transkonfinali bħall-kriminalità organizzata.

    (2)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu 2004 dwar miżuri li għandhom jittieħdu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-faċilitajiet disponibbli għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fl-UE kienu jeħtieġu jiġu msaħħa u ddikjarat li kienet se tfassal Deċiżjoni Kwadru sabiex tissostitwixxi l-Azzjoni Konġunta 1998/733/ĠAI tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar li l-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ssir reat kriminali (2).

    (3)

    Il-punt 3.3.2 tal-Programm ta’ l-Aja jiddikjara li l-approssimazzjoni tal-liġi kriminali sostantiva għandha l-għan tal-faċilitazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u tal-koperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali u tikkonċerna oqsma ta’ kriminalità partikolarment serja b’dimensjonijiet transkonfinali u li għandha tingħata prijorità lill-oqsma ta’ kriminalità li huma speċifikament imsemmija fit-Trattati. Id-definizzjoni ta’ reati relatati mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali għandha għalhekk tiġi approssimata fl-Istati Membri. Għalhekk, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tinkludi reati li huma tipikament imwettqa f’organizzazzjoni kriminali. Għandha tipprovdi, barra minn hekk, għall-impożizzjoni ta’ pieni li jikkorrispondu għall-gravità ta’ dawk ir-reati, kontra l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu wettquhom jew li jkunu responsabbli mit-twettiq tagħhom.

    (4)

    L-obbligi stabbiliti permezz ta’ l-Artikolu 2(a) għandhom ikunu bla ħsara għal-libertà ta’ l-Istati Membri li jikklassifikaw gruppi oħrajn ta’ persuni bħala organizzazzjonijiet kriminali, per eżempju, gruppi li l-għan tagħhom mhuwiex il-gwadann finanzjarju jew gwadann materjali ieħor.

    (5)

    L-obbligi stabbiliti permezz ta’ l-Artikolu 2(a) għandhom ikunu bla ħsara għal-libertà ta’ l-Istati Membri li jinterpretaw it-terminu “attivitajiet kriminali” bħala wieħed li jimplika t-twettiq ta’ atti materjali.

    (6)

    L-Unjoni Ewropea għandha tibni fuq il-ħidma importanti mwettqa minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Palermo”), li kienet konkluża, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/579/KE (3).

    (7)

    Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell ta’ l-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif applikat mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 49 tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma hu maħsub sabiex hija tnaqqas jew tirrestrinġi r-regoli nazzjonali relatati mad-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali bħad-dritt għal proċess ġust, id-dritt ta’ strajk, il-libertà ta’ għaqda, ta’ assoċjazzjoni, ta’ l-istampa jew ta’ espresssjoni, inkluż id-dritt ta’ kulħadd li jifforma u jingħaqad ma’ trade unions flimkien ma’ oħrajn għall-protezzjoni ta’ l-interessi tiegħu jew tagħha u d-dritt relatat ta’ dimostrazzjoni.

    (9)

    L-Azzjoni Konġunta 1998/733/ĠAI għandha għalhekk tiġi mħassra,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

    (1)

    “organizzazzjoni kriminali” tfisser assoċjazzjoni strutturata, stabbilita tul perjodu ta’ żmien, ta’ aktar minn żewġ persuni u li jieħdu azzjoni b’mod konċertat sabiex iwettqu reati punibbli bi priġunerija jew b’ordni ta’ detenzjoni ta’ massimu ta’ mill-anqas erba’ snin jew b’piena aktar serja, sabiex tieħu, direttament jew indirettament, vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor;

    (2)

    “assoċjazzjoni strutturata” tfisser assoċjazzjoni li ma tkunx iffurmata każwalment għat-twettiq immedjat ta’ reat u li ma teħtieġx li jkollha rwoli formalment definiti għall-membri tagħha, kontinwità fil-kompożizzjoni tagħha jew struttura żviluppata.

    Artikolu 2

    Reati marbuta mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li wieħed jew iż-żewġ tipi, li ġejjin, ta’ mġiba relatati ma’ organizzazzjoni kriminali jkunu meqjusa bħala reati:

    (a)

    l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li, bi ħsieb u b’għarfien jew ta’ l-għan u ta’ l-attività ġenerali ta’ l-organizzazzjoni kriminali jew ta’ l-intenzjoni tagħha li twettaq ir-reati in kwistjoni, tieħu sehem attiv fl-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni, inklużi l-forniment ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali, ir-reklutaġġ ta’ membri ġodda u kull forma ta’ finanzjament ta’ l-attivitajiet tagħha, bl-għarfien li tali parteċipazzjoni se tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-attivitajiet kriminali ta’ l-organizzazzjoni;

    (b)

    l-imġiba ta’ kwalunkwe persuna li tikkonsisti fi ftehim ma’ persuna waħda jew aktar li għandha titwettaq attività, li jekk imwettqa, tkun tikkonsisti fit-twettiq ta’ reati imsemmija fl-Artikolu 1, anki jekk dik il-persuna ma tiħux sehem fl-eżekuzzjoni attwali ta’ l-attività.

    Artikolu 3

    Pieni

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li:

    (a)

    ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(a) jkun punibbli b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin; jew

    (b)

    ir-reat imsemmi fl-Artikolu 2(b) ikun punibbli bl-istess terminu massimu ta’ priġunerija bħar-reat li lejh ikun mmirat il-ftehim, jew b’terminu massimu ta’ priġunerija ta’ mill-inqas bejn sentejn u ħames snin.

    2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li jista’ jiġi meqjus bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li reati msemmija fl-Artikolu 2, kif determinati minn dan l-Istat Membru, ikunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali.

    Artikolu 4

    Ċirkostanzi speċjali

    Kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-pieni msemmija fl-Artikolu 3 jistgħu jitnaqqsu jew li l-awtur ikun jista’ jiġi eżentat mill-pieni, jekk huwa, per eżempju:

    (a)

    jirrinunzja l-attività kriminali; u

    (b)

    jipprovdi lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjali informazzjoni li huma ma kinux ikunu kapaċi jiksbu b' mod ieħor, li tgħinhom sabiex:

    (i)

    jipprevjenu, itemmu jew jillimitaw l-effetti tar-reat;

    (ii)

    jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja l-awturi l-oħra;

    (iii)

    isibu provi;

    (iv)

    jiċħdu lill-organizzazzjoni kriminali minn riżorsi illeċiti jew mir-rikavati ta’ l-attività kriminali tagħha; jew

    (v)

    jipprevjenu t-twettiq ta’ reati oħra msemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 5

    Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jinżammu responsabbli persuni ġuridiċi għal kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikolu 2 imwettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi kemm individwalment kif ukoll bħala parti minn korp tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

    (b)

    awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

    (ċ)

    awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2.   L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fil-każ fejn in-nuqqas ta’ superviżjoni jew ta’ kontroll min-naħa ta’ persuna msemmija fil-paragrafu 1 għamilha possibbli li jitwettaq, minn xi persuna taħt ir-responsabbiltà tagħha, kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 2 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

    3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi taħt il-paragrafi 1 u 2 għandha tkun bla ħsara għall-proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu awturi ta’ jew aċċessorji fi kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikolu 2.

    4.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, “persuna ġuridika” għandha tfisser kwalunkwe entità li jkollha personalità ġuridika taħt il-liġi applikabbli, minbarra Stati jew korpi pubbliċi oħra fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

    Artikolu 6

    Pieni għal persuni ġuridiċi

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(1) tkun punibbli b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu pieni oħra, bħal:

    (a)

    l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

    (b)

    l-iskwalifika temporanja jew permanenti mit-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali;

    (ċ)

    it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

    (d)

    stralċ ġudizzjarju;

    (e)

    għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw għat-twettiq tar-reat.

    2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 5(2) tkun punibbli b’pieni jew miżuri li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 7

    Kompetenza u koordinazzjoni ta’ proċedimenti kriminali

    1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ġurisdizzjoni tiegħu tkopri mill-inqas il-każijiet li fihom ir-reati msemmija fl-Artikolu 2 kienu mwettqa:

    (a)

    kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu, irrispettivament mill-post fejn tkun ibbażata l-organizzazzjoni kriminali jew fejn din twettaq l-attivitajiet kriminali tagħha;

    (b)

    minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu; jew

    (ċ)

    għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

    Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax jew li japplika biss f’każijiet jew ċirkostanzi speċifiċi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti f’(b) u (ċ) fejn ir-reati msemmija fl-Artikolu 2 jitwettqu barra t-territorju tiegħu.

    2.   Meta reat imsemmi fl-Artikolu 2 jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed u meta kwalunkwe wieħed mill-Istati kkonċernati jista’ validament jistitwixxi proċedimenti kriminali abbażi ta’ l-istess fatti, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkoperaw sabiex jiddeċiedu min minnhom ser jipproċessa l-awturi bil-għan, jekk possibbli, li l-proċedimenti jiġu ċċentralizzati fi Stat Membru wieħed. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-Eurojust jew kwalunkwe korp jew mekkaniżmu ieħor stabbilit fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom u l-koordinazzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom. Għandu jittieħed kont speċjali tal-fatturi li ġejjin:

    (a)

    l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġew imwettqa l-atti,

    (b)

    l-Istat Membru li tiegħu l-awtur tar-reat ikun ċittadin jew resident,

    (ċ)

    l-Istat Membru ta’ l-oriġini tal-vittmi,

    (d)

    l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nstab l-awtur tar-reat.

    3.   Stat Membru li, taħt il-liġi tiegħu, s’issa għadu ma jestradix jew iċedi ċ-ċittadini tiegħu stess għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq u, fejn xieraq, sabiex jipproċessa r-reat imsemmi fl-Artikolu 2, meta mwettaq minn wieħed miċ-ċittadini tiegħu barra t-territorju tiegħu.

    4.   Dan l-Artikolu ma għandux jeskludi l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni f’materji kriminali kif stabbilit minn Stat Membru skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu.

    Artikolu 8

    Nuqqas tal-ħtieġa ta’ rapport jew akkuża minn vittmi

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar, jew il-prosekuzzjoni ta’, reati msemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux jiddependu fuq rapport jew akkuża magħmula minn persuna suġġetta għar-reat, għall-inqas fir-rigward ta’ atti mwettqa fit-territorju ta’ l-Istat Membru.

    Artikolu 9

    Tħassir ta’ dispożizzjonijiet eżistenti

    L-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI hija b’dan imħassra.

    Ir-referenzi għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fis-sens ta’ l-Azzjoni Konġunta 98/733/ĠAI f’miżuri adottati skond it-Titlu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

    Artikolu 10

    Implimentazzjoni u rapporti

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru qabel il-11 ta’ Mejju 2010.

    2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni, qabel il-11 ta’ Mejju 2010, it-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta’ rapport stabbilit bl-użu ta’ din l-informazzjoni u ta’ rapport bil-miktub trasmess mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, qabel il-11 ta’ Novembru 2012, jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

    Artikolu 11

    Applikazzjoni territorjali

    Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għal Ġibiltà.

    Artikolu 12

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fil-Lussemburgu, l'-24 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ALLIOT-MARIE


    (1)  L-Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 351, 29.12.1998, p. 1.

    (3)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 69.


    Top