This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32001L0044
Council Directive 2001/44/EC of 15 June 2001 amending Directive 76/308/EEC on mutual assistance for the recovery of claims resulting from operations forming part of the system of financing the European Agricultural Guidance and Guarantee Fund, and of agricultural levies and customs duties and in respect of value added tax and certain excise duties
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' l-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew dwa Gwida u Garanzija (FAEGG), u ta' imposti agrikoli u dazji doganali u fir-rigward ta' taxxa fuq il-valur miżjud u ċertu dazji tas-sisa
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' l-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew dwa Gwida u Garanzija (FAEGG), u ta' imposti agrikoli u dazji doganali u fir-rigward ta' taxxa fuq il-valur miżjud u ċertu dazji tas-sisa
ĠU L 175, 28/06/2001, p. 17–20
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)
No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2008
Official Journal L 175 , 28/06/2001 P. 0017 - 0020
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva 76/308/KEE dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru tal-pretensjonijiet li jirriżultaw mill-ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' l-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew dwa Gwida u Garanzija (FAEGG), u ta' imposti agrikoli u dazji doganali u fir-rigward ta' taxxa fuq il-valur miżjud u ċertu dazji tas-sisa IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jitabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 93 u 94 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi: (1) L-arranġamenti eżistenti għall-assistenza bejn xulxin għall-irkupru stabbiliti fid-Direttiva 76/308/KEE [4] għandhom jiġu modifikati sabiex ikopru t-theddid għall-interessi finanzjarji tal-Komunità u għall-Istati Membri u għas-suq intern impost mill-iżvilupp tal-frodi. (2) Fil-kuntest tas-suq intern, l-interessi finanzjarji nazzjonali u dawk tal-Komunità, li qed jiġu mhedda aktar u aktar bil-frodi, iridu jiġu protetti sabiex jiġu mħarsa aħjar il-kompetittività u n-newtralità fiskali tas-suq intern. (3) Sabiex jiġu mħarsa aħjar l-interessi finanzjarji ta' l-Istati Membri u n-newtralità tas-suq intern, il-pretensjonijiet rigward ċerti taxxi fuq id-dħul u l-kapital u taxxi fuq il-poloz ta' l-assigurazzjoni għandhom jiġu miżjuda ma' l-iskop ta' l-assistenza bejn xulxin ipprovduta mid-Direttiva 76/308/KEE. (4) Sabiex jippermetti rkupru aktar effiċjenti u effettiv tal-pretensjonijiet li dwarhom tkun saret talba għall-irkupru, l-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu, fil-prinċipju, jiġi ttrattat bħala strument ta' l-Istat Membru li fiħ tinstab l-awtorità mitluba. (5) L-użu ta' l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ma jistax, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ikun ibbażat fuq vantaġġi finanzjarji jew fuq xi interess fir-riżultati miksuba, iżda l-Istati Membri għandhom ikunu f'posizzjoni li jaqblu ma' l-arranġamenti tar-rimborz meta l-irkupru joħloq problema speċifika. (6) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tniżżel il-proċeduri għat-tħaddim tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [5]. (7) Id-Direttiva 76/308/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 76/308/KEE hija b'dan emendata kif ġej: 1. It-titolu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta' pretensjonijiet relatati ma' ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra." 2. L-Artikolu 2 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 2 Din id-Direttiva għandha tgħodd għal pretensjonijiet kollha li jirrigwardaw: (a) rifużjonijiet, interventi u miżuri oħra li jiffurmaw parti mis-sistema ta' l-iffinanzjar totali jew parzjali tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), inklużi s-somom li jridu jinġabru fir-rigward ta' dawn l-azzjonijiet; (b) imposti u dazji oħra li għalihom hemm provdut taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor; (ċ) dazji fuq l-importazzjoni; (d) dazji fuq l-esportazzjoni; (e) taxxa fuq il-valur miżjud; (f) dazji tas-sisa fuq: - tabakk iffabbrikat, - alkoħol u xorb alkoħoliku, - żjut minerali; (g) taxxi fuq id-dħul u l-kapital; (h) taxxi fuq il-poloz ta' l-assigurazzjoni; (i) imgħax, pieni amministrattivi u multi, u spejjez inċidentali għall-pretensjonijiet li għalihom saret referenza f'punti (a) sa (h), bl-esklużjoni ta' kull sanzjoni ta' natura kriminali kif stabbiliti mil-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fihom tinstab l-awtorità mitluba." 3. Fl-Artikolu 3, l-inċiżi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda: "— "dazji fuq l-importazzjoni" tfisser dazji doganali u piżijiet li għandhom effett ekwivalenti fuq l-importazzjoni, u piżijiet fuq l-importazzjoni stabbiliti fil-qafas tal-politika agrikola komuni jew f'dak ta' arranġamenti speċifiċi applikabbli fuq ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli, — "dazji fuq l-esportazzjoni" tfisser dazji tad-dwana u ħlasijiet li għandhom l-effett ekwivalenti fuq l-importazzjoni, u ħlasijiet ta' l-importazzjoni imqiegħda fil-qafas tal-polza agrikola komuni jew f'dak ta' arranġamenti speċifiċi applikabbli fuq ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli, — "taxxi fuq id-dħul u l-kapital" tfisser dawk enumerati fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 77/799/KEE [6], moqrija konġuntivament ma' l-Artikolu 1(4) ta' dik id-Direttiva, — "taxxi fuq il-poloz ta' l-assigurazzjoni" tfisser: fl-Awstrija: | (i)Versicherungssteuer(ii)Feuerschutzsteuer | fil-Belġju: | (i)Taxe annuelle sur les contrats d'assurance(ii)Jaarlijkse taks op de verzekeringscontracten | fil-Ġermanja: | (i)Versicherungssteuer(ii)Feuerschutzsteuer | fid-Danimarka: | (i)Afgift af lystfartøjsfor-sikringer(ii)Afgift af ansvarsforsik-ringer for motorkøre-tøjer m.v.(iii)Stempelafgift af forsik-ringspræmier | fi Spanja: | Impuesto sobre la prima de seguros | fil-Greċja: | (i)Φòρος κύκλου εργασιών (Φ.Κ.Ε)(ii)Τέλη Χαρτοσήμου | fi Franza: | Taxe sur les conventions d'assurances | fil-Finlandja: | (i)Eräistä vakuutusmak-suista suoritettava vero/skatt på vissa försäkringspremier(ii)Palosuojelumaksu/brand-skyddsavgift | fl-Italja: | Imposte sulle assicurazioni private ed i contratti vitalizi di cui alla legge tad- 29.10.1967 No 1216 | fl-Irlanda: | levy on insurance premiums | fil-Lussemburgu: | (i)Impôt sur les assurances(ii)Impôt dans l'intérêt du service d'incendie | fl-Olanda: | Assurantiebelasting | fil-Portugall: | Imposto de selo sobre os prémios de seguros | fl-Isvezja: | xejn | fir-Renju Unit: | insurance premium tax (IPT). | Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-pretensjonijiet relatati għal taxxi identiċi jew analogi li jissuplimentaw jew jibdlu t-taxxi fuq il-premiums tal-poloz ta' l-assigurazzjoni msemmija fis-sitt inċiż. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni d-dati tad-dħul fis-seħħ ta' tali taxxi." 4. Fl-Artikolu 4(2), il-kliem "l-isem u l-indirizz" għandu jiġi mibdul bil-kliem: "l- isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni li għaliha l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess". 5. Fl-Artikolu 5(2) il-kliem "l-isem u l-indirizz" għandu jiġi mibdul bil-kliem: "l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni li għaliha l-awtorità applikanti normalment ikollha aċċess". 6. L-Artikoli 7, 8, 9 u 10 għandhom jiġu mibdula b'dan li ġej: "Artikolu 7 1. It-talba għall-irkupru ta' pretensjoni li l-awtorità applikanti tindirizza lill-awtorità mitluba għandha tiġi akkumpanjata minn koppja uffiċċjali jew iċċertifikata ta' l-istrument li tippermetti l-infurzar tagħha, maħruġa mill-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti u, jekk ikun xieraq, permezz ta' l-oriġinali jew kopja ċċertifikata ta' dokumenti oħra meħtieġa għall-irkupru. 2. L-awtorità applikanti m'għandhiex tagħmel talba għall-irkupru kemm-il darba: (a) il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha m'humiex ikkontestati fl-Istat Membru li fih hija tinstab, ħlief f'każijiet fejn jiġi applikat it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2), (b) hija applikat, fl-Istat Membru li fih hija tinstab, il-proċeduri ta' rkupru xierqa li kienu għad-disposizzjoni tagħha a bażi ta' l-istrument imsemmi fil-paragrafu 1, u l-miżuri li jittieħdu ma jirriżultawx fil-ħlas sħiħ tal-pretensjoni. 3. It-talba għall-irkupru għandha tindika: (a) l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata u/jew tal-parti terza li żżomm l-assi tiegħu jew tagħha; (b) l-isem, l-indirizz u kull informazzjoni oħra rilevanti dwar l-identifikazzjoni ta' l-awtorità applikanti; (c) kull referenza għall-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha maħruġ fl-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti; (d) in-natura u l-ammont tal-pretensjoni, inkluz il-prinċipal, l-imgħax, u kull piena, multa u spejjeż oħra dovuti indikati fil-muniti ta' l-Istati Membri li fihom jinstabu ż-żewġ awtoritajiet; (e) id-data tan-notifikazzjoni ta' l-istrument lid-destinatarju mill-awtorità applikanti u/jew mill-awtorità mitluba; (f) id-data minn meta u l-perjodu li matulu huwa possibbli l-infurzar taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità applikanti; (g) kull informazzjoni oħra rilevanti. 4. It-talba għall-irkupru għandu jkun fiha ukoll dikjarazzjoni mill-awtorità applikanti li tikkonferma li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ġew eżawriti. 5. Hekk kif xi informazzjoni rilevanti relatata mal-materja li tat lok għat-talba għall-irkupru tiġi għall-konoxxenza ta' l-awtorità applikanti hija għandha tgħaddiha lill-awtorità mitluba. Artikolu 8 1. L-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu jkun rikonoxxut direttamant u ttrattat awtomatikament bħala strument li jippermetti l-infurzar ta' pretensjoni ta' l-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba. 2. Minkejja l-ewwel paragrafu, l-istrument li jippermetti l-infurzar tal-pretensjoni għandu, fejn ikun xieraq, u b'konformità mad-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba, jiġi aċċettat bħala, rikonoxxut bħala, msaħħaħ permezz ta', jew mibdul bi strument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta' dak l-Istat Membru. Fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tiġi riċevuta t-talba ta' rkupru, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jtemmu tali aċċettazzjoni, rikonoxximent, tisħiħ jew bdil, ħlief f'kazijiet fejn jiġi applikat it-tielet subparagrafu. M'għandhomx jiġu rifjutati jekk l-istrument li jippermetti tali infurzar jiġi mfassal sew. L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bir-raġunijiet għaliex tkun qabżet il-perjodu ta' tliet xhur. Jekk xi waħda minn dawn il-formalitajiet tagħti lok għall-kontestazzjoni dwar il-pretensjoni u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar maħruġ mill-awtorità applikanti, għandu japplika l-Artikolu 12. Artikolu 9 1. Il-pretensjonijiet għandhom jiġu rkuprati fil-munita ta' l-Istat Membru li fih l-tinstab l-awtorità mitluba. L-ammont kollu tal-pretensjoni li jiġi rkuprat mill-awtorità mitluba għandu jiġi mibgħut lura mill-awtorità mitluba lill-awtorità applikanti. 2. L-awtorità mitluba tista', fejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab jippermettu, u wara konsultazzjonijiet ma' l-awtorità applikanti, tagħti lid-debitur żmien sabiex iħallas jew tawtorizza li l-ħlas isir bin-nifs. Kull imgħax miżmum mill-awtorità mitluba fir-rigward taż-żmien żejjed sabiex isir il-ħlas għandu wkoll jiġi mibgħut lura lill-Istat Membru li fiħ tinstab l-awtorità applikanti. Mid-data li fiha l-istrument li jippermetti l-infurzar ta' l-irkupru tal-pretensjoni ġie rikonoxxut direttament jew aċċettat, rikonoxxut, imsaħħaħ jew mibdul b'mod konformi ma' l-Artikolu 8, għandu jinżamm imgħax għall-ħlas tard taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità mitluba u għandu jintbagħat lura wkoll fl-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità applikanti. Artikolu 10 Minkejja l-Artikolu 6(2), il-pretensjonijiet li għandhom jiġu rkuprati m'għandhomx neċessarjament igawdi mill-privileġġi mogħtija lill-pretensjonijiet li jixbhuhom li jqumu fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba." 7. L-Artikolu 12(2) għandu jiġi emendat kif ġej: (a) Is-segwenti għandu jiġi miżjud ma' l-ewwel sentenza: "kemm-il darba l-awtorità applikanti ma titlobx mod ieħor b'mod konformi mat-tieni subparagrafu"; (b) is-segwenti subaragrafu għandu jiġi miżjud: "Minkejja l-ewwel subparagrafu ta' paragrafu 2, l-awtorità applikanti tista b'mod konformi mal-liġi, mar-regolamenti u mal-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hija tinstab, titlob lill-awtorità mitluba sabiex tirkupra pretensjoni kkontestata, kemm-il darba l-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba jippermettu tali azzjoni. Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni huwa sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tkun responsabbli għar-rimborz ta' kull somma rkuprata, flimkien ma' kull kumpens dovut, b'mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba." 8. Fl-Artikolu 14, l-ewwel paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-awtorità mitluba m'għandhiex tkun obbligata: (a) li tagħti l-assistenza msemmija fl-Artikoli 6 sa 13 jekk l-irkuprar tal-pretensjoni jkun, minnħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, se joħloq diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità, kemm-il darba l-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattika amministrattiva fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità mitluba tippermetti tali azzjoni għall-pretensjonijiet simili nazzjonali; (b) li tagħti l-assistenza msemmija fl-Artikoli 4 sa 13, jekk it-talba inizjali taħt l-Artikolu 4, 5 jew 6 tapplika għall-pretensjonijiet li ilhom aktar minn ħames snin, li jkun ilhom mill-mument li l-istrument li jippermetti l-irkupru jiġi stabbilit b'mod konformi mal-liġijiet, mar-regolamenti jew mal-prattika amministrattiva fl-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità applikanti, sad-data tat-talba. Madankollu, f'każijiet fejn il-pretensjoni jew l-istrument huwa kkontestat, il-limitu taż-żmien jibda mill-mument li fih l-Istat applikant jistabbilixxi li l-pretensjoni jew l-ordni ta' infurzar li tippermetti l-irkupru ma tistax tiġi aktar ikkontestata." 9. Fl-Artikolu 17(2), il-kliem "u dokumenti rilevanti" għandhom jiġu mibdula bi: "l-istrument li jippermetti l-infurzar u dokumenti oħra rilevanti". 10. L-Artikolu 18 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 18 1. L-awtorità mitluba għandha tirkupra mingħand il-persuna kkonċernata u żżomm kull spejjez marbuta ma' l-irkuprar li hija tagħmel, b'mod konformi mal-liġijiet u r-regolamenti li japplikaw għal pretensjonijiet simili ta' l-Istat Membru li fih hija tinstab. 2. L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw kull pretensjonijiet li għandhom fuq xulxin għar-rifużjoni ta' l-ispejjez li jirriżultaw minn assistenza bejn xulxin li huma jagħtu lil xulxin skond din id-Direttiva. 3. Fejn l-irkupru joħloq problema speċifika, jinvolvi ammonti kbar fi spejjez jew huwa dwar il-ġlieda kontra r-reati organizzati, l-applikant u l-awtoritajiet mitluba jistgħu jiftiehmu l-arranġamenti ta' rimborz speċifiċi għall-kazijiet fil-kwistjoni. 4. L-Istat Membru li fih tinstab l-awtorità applikanti għandu jibqa' responsabbli lejn l-Istat Membru fejn tinstab l-awtorità mitluba għal kull spejjeż u kull telf magħmul bħala riżultat ta' l-azzjonijiet li jinstab li huma bla bażi, inkwantu huma kkonċernati jew is-sustanza tal-pretensjoni jew il-validità ta' l-istrument maħruġ mill-awtorità applikanti." 11. L-Artikolu 20 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 20 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat ta' l-irkupru (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmi bħala "il-Kumitat"), iffurmat minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni. 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess." 12. L-Artikolu 22 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 22 Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 4(2) u (4), 5(2) u (3) u l-Artikoli 7, 8, 9, 11, 12(1) u (2), 14, 18(3) u 25 u sabiex jiġi stabbilit il-mezz li bih għandhom jiġu mgħoddija l-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet, ir-regoli dwar il-konverżjoni, it-trasferiment tas-somom irkuprati, u l-iffissar ta' ammont minimu ta' pretensjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal talba għall-assistenza, għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(2)." 13. Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 25: "Kull Stat Membru għandu jinforma l-Kummissjoni kull sena bin-numru ta' talbiet għall-informazzjoni, għan-notifikazzjoni u għall-irkupru mibgħuta u riċevuti kull sena, l-ammont tal-pretensjonijiet involuti u l-ammonti li ġew irkuprati. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu li jsir minn dawn l-arranġamenti u dwar ir-riżultati miksuba." Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2002. Huma għandhom minnufiħ jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan. Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu mfassla mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva flimkien ma' tabella li turi kif id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu mad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara li tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula f'Göteborg, fil-15 ta' Ġunju 2001. Għall-Kunsill Il-President B. Ringholm [1] ĠU C 269, tat-28.8.1998, p. 16 u ĠU C 179, ta' l-24.6.1999, p. 6. [2] ĠU C 150, tat-28.5.1999, p. 621 u l-opinjoni mgħoddija fis- 16.5.2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU C 101, tat-12.4.1999, p. 26. [4] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. [5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [6] Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar l-assistenza bejn xulxin mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. --------------------------------------------------