Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1840

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1840/2006 tal- 11 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazju definittiv ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li joriġinaw fl-Indja

    ĠU L 355, 15/12/2006, p. 4–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 200M, 01/08/2007, p. 370–371 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1840/oj

    1.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    370


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1840/2006

    tal-11 ta’ Diċembru 2006

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 li jimponi dazju definittiv ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li joriġinaw fl-Indja

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta' Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 tat-13 ta' Jannar 2004 li jimponi dazju definittiv ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li joriġinaw fl-Indja (2) (“ir-Regolament oriġinali”),

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-PROĊEDURA TA' QABEL

    (1)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, il-Kunsill impona dazju definittiv ta' kontrabilanċ fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta' bjankerija tas-sodda tat-tip tal-qoton li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 6302 21 00 (kodiċi TARIC 6302210081, 6302210089), ex 6302 22 90 (kodiċi TARIC 6302229019), ex 6302 31 00 (kodiċi TARIC 6302310090) u ex 6302 32 90 (kodiċi TARIC 6302329019), li joriġinaw fl-Indja. Minħabba l-għadd kbir ta' produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat li kkoperaw fl-Indja, intgħażel kampjun b'konformità ma' l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku u ġew imposti rati ta' dazju individwali mifruxa minn 4,4 % sa 10,4 % fuq il-kumpanniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li l-kumpanniji l-oħra li kkoperaw imma ma ġewx inklużi fil-kampjun ingħataw rata ta' dazju ta' 7,6 %. Ġiet imposta rata ta' dazju residwu ta' 10,4 % fuq il-kumpanniji l-oħra kollha.

    (2)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004 jistipula li meta kwalunkwe produttur esportatur ġdid fl-Indja jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li ma esportax lejn il-Komunità l-prodotti deskritti fl-Artikolu 1(1) waqt il-perjodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta' Ottubru 2001 sat-30 ta' Settembru 2002) (“l-ewwel kriterju”), li ma hu relatat ma' l-ebda esportatur jew produttur fl-Indja li huwa suġġett għall-miżuri ta' kontra s-sussidji imposti minn dak ir-Regolament (“it-tieni kriterju”) u li effettivament esporta lejn il-Komunità il-prodotti kkonċernati wara l-perjodu ta' l-investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jew li daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinjifikanti lejn il-Komunità (“it-tielet kriterju”), allura l-Artikolu 1(3) ta' dak ir-Regolament jista' jiġi emendat billi jagħti lill-produttur esportatur il-ġdid ir-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li kkoperaw li ma ġewx inklużi fil-kampjun, jiġifieri 7,6 %.

    (3)

    Ir-Regolament oriġinali ġie emendat darbtejn b'Regolamenti li jemendaw, jiġifieri bir-Regolament (KE) Nru 2143/2004 (3), u r-Regolament (KE) Nru 122/2006 (4). Iż-żewġ Regolamenti żiedu mal-lista ta' produtturi esportaturi Indjani fl-Anness ta' dan ir-Regolament l-ismijiet tal-kumpanniji li jesportaw il-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Indja li ssodisfaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li laħqu l-kriterji stabbiliti fir-Regolament oriġinali.

    B.   TALBIET TA' ESPORTATURI/PRODUTTURI ĠODDA

    (4)

    19-il kumpannija Indjana applikaw biex jingħataw l-istess stat tal-kumpanniji li kkoperaw fl-investigazzjoni oriġinali mhux inklużi fil-kampjun (“status ta' parteċipanti ġodda”) mill-pubblikazzjoni tar-Regolament preċedenti li jemenda.

    (5)

    Id-19-il applikant kienu:

    Kumpannija applikanti

    Belt

    B.K.S. Textiles Private Limited

    Coimbatore

    Indian Arts & Crafts Syndicate (IACS)

    New Delhi

    Mittal International

    Panipat

    Esskay International

    Mumbai

    Opera Clothing

    Mumbai

    Govindji Trikamdas & Co.

    Mumbai

    Navnitlal Private Limited

    Mumbai

    Tulip Exim

    Mumbai

    Aarthi — A1 — Traders

    Karur

    Anjani Synthetics Limited

    Ahmedabad

    Home Concepts

    New Delhi

    Siyaram Silk Mills Limited

    Mumbai

    Ramlaks Exports Pvt. Ltd.

    Mumbai

    Oracle Exports

    Mumbai

    Sellon Dynamics

    Mumbai

    Synthesis Home Textiles

    Karur

    Devtara Industries

    Muradnagar

    Summer India Textile Mills

    Salem

    Prathishta Weaving and Knitting

    Coimbatore

    (6)

    Erba' kumpanniji li talbu status ta' parteċipanti ġodda ma weġbux il-kwestjonarju maħsub biex jivverifika li ssodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, u t-talbiet tagħhom kellhom għalhekk jiġu miċħuda.

    (7)

    Kumpannija waħda rritornat il-kwestjonarju darbtejn, id-darbtejn mhux mimli għal kollox u b'tagħrif kontradittorju. It-tielet kwestjonarju mibgħut lill-kumpannija ma ġiex irritornat u għalhekk hija ma kinitx kapaċi tipprova li kkonformat mal-kriterji biex tingħata l-istat ta' produttur esportatur ġdid. It-talba ta' dik il-kumpannija ġiet għalhekk miċħuda.

    (8)

    L-14-il kumpannija li jifdal bagħtu tweġibiet għall-kwestjonarju mimlija għal kollox u għalhekk tqiesu għall-istatus ta' parteċipanti ġodda.

    (9)

    L-evidenza miġjuba minn sitta mill-esportaturi/produtturi Indjani msemmija hawn fuq tqieset li hija biżżejjed biex tingħatalhom ir-rata ta' dazju applikabbli għall-kumpanniji li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun (jiġifieri 7,6 %) u għaldaqstant jiżdiedu mal-lista ta' esportaturi/produtturi fl-Anness (l-“Anness”) tar-Regolament (KE) Nru 74/2004.

    (10)

    It-tmien kumpanniji li jifdal kellhom l-applikazzjonijiet tagħhom għal stat ta' produttur esportatur ġdid miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin:

    (11)

    Seba' kumpanniji naqsu milli jipprovdu evidenza li esportaw il-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta' investigazzjoni lejn il-KE jew li kellhom obbligi kuntrattwali irrevokabbli biex jesportaw il-prodott ikkonċernat fi kwantitajiet sinjifikanti lejn il-KE.

    (12)

    Kumpannija waħda hija relatata ma' kumpannija diġà elenkati fir-Regolament oriġinali u l-applikazzjoni tagħha għal stat ta' ġdida kienet għalhekk miċħuda peress li ma għaddietx mit-tieni kriterju msemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali.

    (13)

    Il-kumpanniji li ma ngħatalhomx l-istatus ta' parteċipanti ġodda ġew mgħarrfa bir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni u ngħataw l-opportunità li jwasslu l-fehmiet tagħhom bil-miktub.

    (14)

    L-argumenti u s-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati ġew analizzati u debitament meqjusa fejn hekk kien jixraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-kumpanniji li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta' produtturi mill-Indja elenkati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 74/2004:

    Kumpannija

    Belt

    Indian Arts and Crafts Syndicate

    New Delhi

    M/s. Opera Clothing

    Mumbai

    Anjani Synthetics Limited

    Ahmedabad

    Ramlaks Exports Pvt Ltd

    Mumbai

    Oracle Exports Home Textiles Pvt Ltd

    Mumbai

    Summer India Textile Mills (P) Ltd

    Salem

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Diċembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. TUOMIOJA


    (1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

    (2)  ĠU L 12, 17.1.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 122/2006 (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 3).

    (3)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 22, 26.1.2006, p. 3.


    Top