|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u jagħtuna kwalunkwe tagħrif rilevanti li jista’ jkollhom, inkluż dwar l-impatti tal-opzjonijiet differenti. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta – aġġornament tar-regoli tal-UE |
|
DĠ ewlieni (unità responsabbli) |
Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni, Unità B1 Schengen u l-Fruniteri Esterni |
|
Tip ta’ inizjattiva |
Proposta għal regolament |
|
Skeda taż-żmien indikattiva |
It-tielet trimestru (Q3) tal-2026 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
https://home-affairs.ec.europa.eu/agencies_en#frontex-the-european-border-and-coast-guard-agency |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ tagħrif. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi realizzata jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema, bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) ilha topera mill-1 ta’ Mejju 2005. Ir-Regolament (UE) 2019/1896 (ir-Regolament EBCG) jistabbilixxi l-qafas legali li taħtu l-Frontex tappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-operazzjonijiet ta’ ritorn mill-Istati Membri lejn pajjiżi terzi. Il-Frontex hija aġenzija deċentralizzata tal-UE u hija parti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tinkludi wkoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inklużi l-gwardji tal-kosta, u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-ritorni. Ir-Regolament EBCG ħoloq ukoll l-hekk imsejjaħ korp permanenti, li huwa l-ewwel servizz uniformi tal-UE li jikkonsisti minn gwardji tal-fruntiera u speċjalisti tar-ritorn disponibbli biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kompiti tagħhom ta’ kuljum. Il-ġestjoni integrata u ta’ kwalità għolja tal-fruntieri esterni tal-UE hija prerekwiżit għall-moviment liberu fiż-żona Schengen. Fl-2024, iż-żona Schengen kienet għal darb’oħra d-destinazzjoni l-aktar miżjura fid-dinja. Dan il-fluss sinifikanti ta’ passiġġieri ġie ġestit permezz tal-ħidma ta’ kuljum ta’ aktar minn 120 000 gwardja Ewropea tal-fruntiera u tal-kosta. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet migratorji fil-fruntieri esterni għadhom għoljin minħabba kunflitti ġeopolitiċi u ta’ sigurtà, inklużi tattiċi biex il-migrazzjoni tiġi strumentalizzata għal skopijiet politiċi. Il-fruntieri esterni tal-UE huma esposti wkoll għal theddid dejjem akbar u aktar kumpless għas-sigurtà kif ukoll għall-kuntrabandu ta’ oġġetti illeċiti, bħad-drogi u l-armi tan-nar, li spiss huwa marbut mal-kriminalità organizzata. L-implimentazzjoni effettiva tar-ritorni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fl-UE tibqa’ sfida wkoll. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, ir-rata medja ta’ ritorn kienet ta’ kważi 33 %. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, madwar wieħed minn kull ħamsa minn dawk ordnati jitilqu mill-UE biss ġew effettivament irritornati. F’Lulju 2024, il-President tal-Kummissjoni Von der Leyen impenjat ruħha fil-linji gwida politiċi tagħha li ssaħħaħ il-Frontex billi tittrippla l-korp permanenti għal 30 000 u tagħtih teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għas-sorveljanza u l-għarfien tas-sitwazzjoni, flimkien mat-tagħmir u l-persunal tiegħu stess biex tiżgura li tkun jista’ jipproteġi l-fruntieri tagħna fiċ-ċirkostanzi kollha b’governanza b’saħħitha u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. Il-linji gwida politiċi poġġew ukoll fuq l-aġenda t-titjib tal-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran u approċċ komuni ġdid dwar ir-ritorni. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Fl-2023, il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u sabet li, filwaqt li r-Regolament (UE) 2019/1896 kien ġeneralment adattat għall-iskop tiegħu, kien hemm xi lakuni fil-qafas legali. L-Istati Membri fil-Kunsill enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn il-lakuni u appellaw għal riflessjoni dwar emendi mmirati possibbli għar-Regolament. L-oqsfa ewlenin li għandhom jiġu indirizzati huma: 1.Nuqqas ta’ ċarezza dwar xi wħud mill-kompiti tal-Frontex: Il-Frontex għandha firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġestjoni tal-fruntieri. Madankollu, l-esperjenza wriet li xi wħud minn dawn il-kompiti mhumiex regolati biżżejjed. B’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw il-kooperazzjoni tal-Frontex ma’ pajjiżi terzi mhumiex adattati għad-diversità ta’ pajjiżi terzi li trid taħdem magħhom. Barra minn hekk, mhumiex flessibbli biżżejjed, u dan jillimita l-kapaċità tal-Frontex li taġġusta l-appoġġ operazzjonali tagħha għall-ħtiġijiet emerġenti. Il-Frontex għandha wkoll rwol ewlieni fit-titjib tal-għarfien tal-UE dwar avvenimenti li jseħħu fil-fruntieri esterni. Madankollu, ir-regoli dwar l-ipproċessar tad-data rilevanti, inkluża d-data personali, huma kumplessi, iżda wkoll mhux kompluti, u jfixklu l-ħidma tal-Frontex dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera u l-attivitajiet ta’ ritorn. Barra minn hekk, ir-Regolament ma jiddefinixxix biżżejjed ir-rwol tal-Frontex fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u ma jipprevedi l-ebda rwol għall-Frontex fl-appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-viżi. 2.Effettività limitata tal-Frontex fil-qafas tar-ritorn: Il-Frontex għandha rwol dejjem aktar importanti fl-appoġġ lill-Istati Membri fir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma għandhom l-ebda dritt li jibqgħu fl-UE. Madankollu, dan l-appoġġ bħalissa huwa limitat minn firxa ta’ sfidi, inkluż fir-rigward tar-rappreżentanza xierqa tal-awtoritajiet tar-ritorn fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija, riżorsi umani u baġitarji insuffiċjenti u l-fatt li l-operazzjonijiet ta’ ritorn mhumiex soġġetti għal valutazzjoni tal-vulnerabbiltà. Barra minn hekk, il-Frontex ma għandhiex il-mandat li tappoġġa operazzjonijiet ta’ ritorn minn pajjiżi terzi lejn pajjiżi terzi oħra, li jillimita l-kapaċità tagħha li tappoġġa b’mod effettiv il-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE. 3.Armonizzazzjoni insuffiċjenti fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri: biex il-fruntieri esterni tal-UE jiġu ġestiti b’mod effettiv, il-gwardji tal-fruntiera jridu jiġu mħarrġa biex jaħdmu f’konformità ma’ standards simili madwar l-Ewropa. Madankollu, bħalissa hemm diskrepanzi sinifikanti fit-taħriġ tal-uffiċjali tal-gwardja tal-fruntiera u tal-kosta. Barra minn hekk, il-proċeduri u l-istandards operazzjonali madwar l-Istati Membri jvarjaw ħafna. Dan ifixkel il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Frontex, inaqqas l-effettività tal-koordinazzjoni fil-livell tal-UE u jimpedixxi l-iżvilupp ta’ kultura unifikata u ta’ standard għoli ta’ ġestjoni tal-fruntieri fl-Ewropa. 4.Frontex tiffaċċja ostakli għall-użu effettiv tal-persunal u t-tagħmir tekniku tagħha: l-appoġġ tal-Frontex lill-Istati Membri żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, għad fadal sfidi strutturali u prattiċi li jfixklu l-effettività tal-korp permanenti u jimminaw l-aħjar użu tal-assi tekniċi (eż. pattulji tal-għassa, bastimenti). Dawn l-ostakli jinkludu: (i) diffikultajiet fir-reklutaġġ u ż-żamma ta’ persunal kwalifikat; (ii) regoli tal-persunal parzjalment mhux adattati applikabbli għall-gwardji tal-fruntiera; u (iii) l-isfidi relatati mal-akkwist u mal-iskjerament fir-rigward tal-assi tekniċi. Flimkien, dawn il-fatturi jimminaw il-prontezza tal-Frontex u jfixklu l-kapaċità tagħha li tindirizza malajr u b’mod effettiv id-dinamika li qed tinbidel fil-fruntieri esterni. 5.Il-governanza tal-Frontex jeħtieġ li tiġi aġġustata għar-rwol li qed jevolvi tal-Aġenzija bil-ħsieb li jiġu żgurati l-koerenza strateġika u s-sjieda madwar l-UE: bħalissa, l-istrutturi ta’ governanza u sorveljanza tal-Frontex jikkorrispondu għal aġenziji deċentralizzati oħra tal-UE. L-assenjazzjoni ta’ aktar kompiti u operazzjonijiet lill-Frontex titlob valutazzjoni ta’ jekk l-istruttura ta’ governanza għandhiex bżonn tissaħħaħ, kemm fir-rigward tas-sorveljanza mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll internament, fi ħdan il-Frontex, inklużi r-rwoli tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u strutturi oħra ta’ kontroll intern. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
Il-bażi legali tal-Frontex hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dawn id-dispożizzjonijiet jappartjenu għall-politiki dwar il-kontrolli fil-fruntieri, l-ażil u l-immigrazzjoni (it-Titolu V, il-Kapitolu 2 tat-TFUE). Frontex bħalissa hija rregolata mir-Regolament (UE) 2019/1896. |
|
|
|
L-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-livell tal-UE tindirizza l-isfidi li l-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw b’mod effettiv waħedhom. L-evalwazzjoni tar-Regolament EBCG uriet li l-Frontex tipprovdi appoġġ kritiku f’oqsma bħall-għarfien tas-sitwazzjoni, ir-ritorni, l-operazzjonijiet konġunti u t-taħriġ – it-tisħiħ tal-kapaċità, il-koordinazzjoni u l-konsistenza madwar l-UE. Ir-rwol tagħha fl-operazzjonijiet ta’ ritorn, fl-analiżi tar-riskju u fl-iskjeramenti rapidi jżid is-saħħa operazzjonali fejn ir-riżorsi nazzjonali huma limitati. L-azzjoni fil-livell tal-UE hija xierqa biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Dan jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jiffaċilita l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li jwassal benefiċċji strateġiċi li jmorru lil hinn minn dak li l-Istati Membri individwali jistgħu jiksbu b’mod indipendenti. |
|
B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika |
|
L-objettiv ta’ kwalunkwe inizjattiva li jmiss se jkun doppju: 1)li jiġu indirizzati l-lakuni identifikati fl-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 u li l-Frontex titħejja u tiġi mgħammra għar-rwol akbar tagħha bħala l-fergħa operazzjonali tal-UE fil-ġestjoni tal-fruntieri, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE b’rispons għall-isfidi operazzjonali l-ġodda; 2)biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE relatat mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri madwar l-UE. Il-lakuni identifikati u l-isfidi operazzjonali ġodda jistgħu jiġu indirizzati sa ċertu punt billi jiżdiedu l-isforzi mill-Frontex u mill-Istati Membri biex jikkooperaw aħjar dwar l-operazzjonijiet ta’ ritorn u l-iskjeramenti, inkluż dwar il-prijoritizzazzjoni u l-espansjoni tal-operazzjonijiet f’pajjiżi terzi kif ukoll fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera. F’dawn l-oqsfa tista’ tiġi żviluppata gwida operazzjonali ulterjuri. Il-kooperazzjoni ma’ aġenziji oħra tal-UE tista’ tissaħħaħ ukoll. Frontex u l-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu miżuri fil-limiti tal-mandat attwali, biex itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-UE fir-rigward ta’ avvenimenti fil-fruntieri esterni. Skont ir-riżorsi disponibbli, Frontex tista’ żżid ukoll l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fir-ritorni. Frontex tista’ tipprova talloka mill-ġdid ir-riżorsi umani u baġitarji eżistenti tagħha fi ħdan il-qafas eżistenti biex tipprovdi għal prijoritajiet operazzjonali konkorrenti. Soluzzjonijiet aktar ambizzjużi jistgħu jinkludu l-proposta ta’ miżuri leġiżlattivi sabiex jittejbu r-regoli dwar: (I)l-ambitu tal-attivitajiet f’pajjiżi terzi taħt ftehimiet dwar l-istatus, arranġamenti ta’ ħidma u/jew attivitajiet ad hoc barra minn dawn l-istrumenti, sabiex ikun hemm offerta aktar imfassla apposta għall-kooperazzjoni; (II)il-kompiti ta’ Frontex fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera; (III)l-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali fir-rigward tad-detezzjoni tal-kriminalità; (IV)il-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. (V)l-għarfien tas-sitwazzjoni li jippermetti, fost affarijiet oħra, rispons aktar rapidu u aħjar għat-theddid ibridu. Barra minn hekk, jistgħu jiġu proposti dispożizzjonijiet ġodda biex Frontex tiġi involuta fl-appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-viżi u l-operazzjonijiet ta’ ritorn bejn pajjiżi terzi. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll miżuri leġiżlattivi biex jissaħħu r-riżorsi umani u baġitarji ta’ Frontex, abbażi tal-ħtiġijiet operazzjonali, filwaqt li tittejjeb il-kapaċità tagħha li taqdi prijoritajiet operazzjonali konkorrenti. L-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri tista’ tittejjeb billi jiżdiedu l-isforzi biex jiġu armonizzati l-linji gwida operazzjonali applikabbli kemm għall-persunal tal-ġestjoni tal-fruntieri ta’ Frontex u tal-Istati Membri kif ukoll għat-tagħmir tekniku (eż. droni, bastimenti tal-għassa). Barra minn hekk, l-istandards minimi komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri jistgħu jiġu żviluppati aktar biex jitnaqqsu d-diskrepanzi u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u Frontex. Dawn l-isforzi jistgħu jiġu kkomplementati minn miżuri meħuda b’mod konġunt minn Frontex u l-Istati Membri biex itejbu u jarmonizzaw it-taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera u l-ispeċjalisti tar-ritorn. Frontex u l-Istati Membri jistgħu wkoll jintegraw aktar l-ippjanar tagħhom relatat mal-ħtiġijiet tar-riżorsi umani u t-tagħmir tekniku, ir-reklutaġġ u l-akkwist. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija jista’ jtejjeb ir-rwoli ta’ governanza u sorveljanza tiegħu, pereżempju billi jiddiversifika l-kompożizzjoni tiegħu, iżid il-frekwenza tal-laqgħat tiegħu, jew jistabbilixxi aktar gruppi u kumitati ta’ appoġġ. Alternattivament, soluzzjonijiet aktar ambizzjużi jistgħu jinkludu l-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-korp permanenti biex tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn il-Frontex u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li possibbilment twassal għal żieda fl-għadd tal-korp permanenti. Il-qafas il-ġdid jista’ jippromwovi sistema ta’ karriera tal-UE bbażata fuq taħriġ armonizzat, mobbiltà aħjar tal-persunal bejn l-awtoritajiet nazzjonali u Frontex, u standards komuni mtejba għall-ġestjoni tal-fruntieri madwar l-UE. Barra minn hekk, l-ippjanar u l-akkwist ta’ tagħmir jistgħu jittejbu bil-ħsieb li jiġu żviluppati aktar sinerġiji u li Frontex tingħata mezzi aktar effettivi biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni u fir-ritorni. Ir-rwol tal-korp permanenti u ta’ Frontex fl-appoġġ lill-Istati Membri jista’ jissaħħaħ billi tiżdied l-indipendenza operazzjonali tagħhom u jittejbu l-kundizzjonijiet għall-ġestjoni fit-tul tal-forza tax-xogħol, flimkien ma’ governanza aktar b’saħħitha, flimkien ma’ mekkaniżmi ta’ sorveljanza interni u esterni. |
|
C. Impatti probabbli |
|
Ġestjoni aktar effiċjenti tal-fruntieri esterni u tar-ritorni, aktar ċarezza dwar ir-rwol ta’ Frontex fl-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà, inkluża l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, jeħtieġ li jkollha impatti ekonomiċi u soċjali pożittivi billi tiżgura kundizzjonijiet biex iż-żona Schengen tippersisti, fejn l-individwi u n-negozji jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mil-libertajiet offruti fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Frontex aktar b’saħħitha, b’kapaċitajiet umani u teknoloġiċi mtejba, għandha tippermetti l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi fl-UE għall-migrazzjoni u s-sigurtà. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ ppjanar, koordinazzjoni u ekonomiji ta’ skala aħjar. Użu aktar uniformi tal-istandards fl-oqsma koperti mill-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri jeħtieġ li jkollu wkoll impatt pożittiv f’termini ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali. |
|
D. Strumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Se titwettaq valutazzjoni tal-impatt li se tikkontribwixxi għall-proposta tal-Kummissjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt se tagħti attenzjoni partikolari lill-inizjattivi ta’ simplifikazzjoni u l-miżuri possibbli biex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Kuntrattur estern qed iwettaq studju preparatorju biex jiġbor l-evidenza meħtieġa għall-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-istudju huma mistennija fl-ewwel kwart tal-2026. Il-kuntrattur se jikkollabora wkoll mal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ stħarriġ, intervisti u sessjonijiet ta’ ħidma addizzjonali. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
Il-Kummissjoni se tikkonsulta bl-aktar mod wiesa’ possibbli biex tiġbor informazzjoni ewlenija u tiżgura li l-valutazzjoni tal-impatt tirrifletti l-interess pubbliku ġenerali. Minbarra din is-sejħa għal evidenza, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika li se tkun disponibbli online fuq il-paġna Semma’ Leħnek u se tkun miftuħa għal mill-inqas 12-il ġimgħa. Il-kwestjonarju tal-konsultazzjoni pubblika se jkun disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE; it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika jistgħu jiġu sottomessi bi kwalunkwe waħda minn dawn il-lingwi. Se jiġi ppubblikat rapport ta’ sinteżi fattwali tal-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika fil-paġna tal-konsultazzjoni 8 ġimgħat wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika. Rapport fil-qosor, li jiġbor fil-qosor l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha se jkun disponibbli bħala anness tal-valutazzjoni tal-impatt. Huma ppjanati wkoll konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati għal din l-inizjattiva, b’mod partikolari ma’ Frontex, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. |
|
Għaliex qed nikkonsultaw? |
|
Permezz ta’ din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tixtieq tiġbor: ·il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-problemi u l-isfidi attwali u emerġenti relatati mal-kompiti, l-attivitajiet, l-iskjeramenti, l-istruttura u l-governanza ta’ Frontex; ·il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar approċċi u għażliet ta’ politika possibbli biex jiġu indirizzati tali problemi u sfidi, u dwar l-impatti potenzjali tagħhom; ·l-evidenza u d-data li jsostnu dawn il-fehmiet. |
|
Udjenza fil-mira |
|
L-udjenza fil-mira tinkludi, b’mod partikolari: ·l-Istati Membri tal-UE, inklużi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom; ·l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji u l-uffiċċji tal-UE; ·l-awtoritajiet għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data; ·l-organizzazzjonijiet internazzjonali; ·l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; ·l-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi; ·esperti akkademiċi, gruppi ta’ riflessjoni u istituzzjonijiet ta’ riċerka; ·rappreżentanti tal-industrija; ·il-pubbliku ġenerali. |