EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0339

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta’ Politika Marittima Integrata u l-Għarfien dwar il-Baħar 2020”

ĠU C 104, 2.4.2011, p. 47–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/47


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta’ Politika Marittima Integrata u l-Għarfien dwar il-Baħar 2020”

2011/C 104/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinsisti b’mod qawwi li jingħataw biżżejjed fondi lill-iżvilupp ulterjuri tal-Politika Marittima Integrata (PMI) tal-UE sal-aħħar tal-perspettiva finanzjarja attwali fl-2013. Huwa tal-fehma wkoll li għandu jiġi allokat finanzjament speċifiku u adegwat għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-PMI fil-perjodu baġitarju li jmiss li jibda fl-2014 u jappella lill-partijiet involuti kollha fit-tfassil tal-baġit tal-UE sabiex jagħtu biżżejjed attenzjoni lil dan il-bżonn. Dan huwa importanti biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti u biex jiġi evitat li l-progress u l-investimenti kollha li diġà twettqu jkunu saru għalxejn;

jinsisti li għandha ssir enfasi akbar fuq il-prijorità tat-“tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi u l-innovazzjoni”. Peress li l-Ewropa għadha qed tbati biex tirpilja mill-aktar kriżi ekonomika severa fl-istorja reċenti, l-azzjonijiet għal dan il-għan jistħoqqilhom aktar attenzjoni, mhux l-inqas il-fatt li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti għall-ksib tal-għanijiet tal-programm Ewropa 2020;

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jkompli jiġi allokat il-finanzjament għall-politika marittima integrata wara l-2014 sabiex din tiġi sostnuta u biex tkun effettiva, dan soġġett għad-diskussjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali wara l-2013. Il-fond tal-kosta diskuss mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Parlament Ewropew jista’ jservi bħala eżempju f’dan ir-rigward;

jitlob li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jiġu żviluppati u implimentati azzjonijiet bil-għan li jinkiseb l-objettiv li titjieb il-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha. Il-KtR diġà talab li l-governanza f’dan il-qasam issir fl-ispirtu tal-governanza f’diversi livelli u b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u jitlob ukoll għal aktar involviment u kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE fil-kwistjonijiet relatati mal-għarfien tal-baħar. Diġà ġiet rikonoxxuta l-importanza li titjieb il-koordinazzjoni ma’ dawn l-imsieħba f’aspetti oħra tal-politika marittima, u barra minn hekk il-benefiċċji ta’ aktar azzjonijiet komuni f’dan il-qasam huma pjuttost ovvji.

Relatur

:

Noel Formosa (MT/PPE), Sindku ta’ San Lawrenz, Għawdex

Dokumenti ta’ referenza

:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata

COM(2010) 494 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar – Għarfien dwar il-Baħar 2020 – Dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli

COM(2010) 461 finali

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinsisti b’mod qawwi li jingħataw biżżejjed fondi lill-iżvilupp ulterjuri tal-Politika Marittima Integrata (PMI) tal-UE sal-aħħar tal-perspettiva finanzjarja attwali fl-2013. Huwa tal-fehma wkoll li għandu jiġi allokat finanzjament speċifiku u adegwat għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-PMI fil-perjodu baġitarju li jmiss li jibda fl-2014 u jappella lill-partijiet involuti kollha fit-tfassil tal-baġit tal-UE sabiex jagħtu biżżejjed attenzjoni lil dan il-bżonn. Dan huwa importanti biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti u biex jiġi evitat li l-progress u l-investimenti kollha li jkunu diġà twettqu jkunu saru għalxejn;

2.

jissottolinja l-importanza kbira li jiġi garantit is-suċċess tal-PMI, peress li l-alternattiva tkun diżastruża kemm mil-lat ambjentali kif ukoll minn dak ekonomiku u soċjali. Hemm wisq reġjuni Ewropej li jiddependu mill-baħar għall-prosperità tagħhom biex dan l-element jiġi traskurat;

3.

jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li talloka EUR 50 miljun għal iktar żvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ politika marittima integrata matul il-perjodu 2011-2013 bħala appoġġ biex isir iktar progress fil-politika marittima tal-UE, b’mod partikolari “t-tkabbir blu” jew l-użu sostenibbli tal-ibħra, l-oċeani u l-kosti tagħna, il-ħarsien tal-ambjent marittimu u l-promozzjoni tal-impjiegi fis-setturi marittimi;

4.

jinsisti li għandha ssir enfasi akbar fuq il-prijorità tat-“tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi u l-innovazzjoni”. Peress li l-Ewropa għadha qed tbati biex tirpilja mill-aktar kriżi ekonomika severa fl-istorja reċenti, l-azzjonijiet għal dan il-għan jistħoqqilhom aktar attenzjoni, mhux l-inqas il-fatt li jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti għall-ksib tal-għanijiet tal-programm Ewropa 2020;

5.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkontribwixxi permezz tal-programm ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji mfassla għar-reġjuni marittimi individwali. L-istrateġiji marittimi reġjonali jistgħu jintużaw sabiex jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għal sfidi reġjonali permezz tal-allokazzjoni mmirata tal-fondi;

6.

jindika li fil-Komunikazzjoni dwar l-Għarfien dwar il-Baħar 2020, l-akbar tħassib huwa l-ġbir u l-assemblaġġ tad-data – żewġ oqsma li fihom ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti bħala awtoritajiet ta’ finanzjament. Għalhekk għandu jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-isforzi biex tiġi evitata d-dupplikazzjoni tad-data;

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ippjanar spazjali marittimu huwa strument importanti tal-politika marittima integrata tal-UE u għandu jintuża fejn adatt;

8.

jilqa’ l-prominenza li l-Kummissjoni tat lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE. Hija pożizzjoni issa stabbilita tajjeb ta’ dan il-Kumitat li l-UE waħedha ma tistax taffaċċja b’suċċess il-firxa wiesgħa ta’ sfidi li jiffaċċjaw l-ibħra tagħna u għalhekk huwa kruċjali li l-imsieħba internazzjonali tagħna jiġu involuti mill-qrib kemm jista’ jkun. Inizjattivi bħall-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li bħalissa tinsab fil-fażi inizjali tagħha, eventwalment ser issir għodda effettiva biex jiġu segwiti l-interessi komuni f’kooperazzjoni fil-livell reġjonali;

9.

jemmen fil-bżonn li jiġu promossi proġetti prinċipali konkreti għall-iżvilupp u t-turija tal-għarfien espert marittimu tal-UE, pereżempju l-iżvilupp ta’ “Port Ewropew Nadif” jew “Bastiment Ewropew Nadif”. Permezz ta’ proġetti prinċipali bħal dawn jistgħu jiġu identifikati approċċi tekniċi b’konformità mal-għanijiet ġenerali ta’ politika, li jistgħu jintużaw sabiex jogħlew l-istandards legali u jiġu integrati fil-livell Ewropew u nazzjonali u b’hekk l-ekonomija tas-setturi marittimi Ewropej issir iktar kompetittiva (pereżempju, fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, tal-propulsjoni alternattiva tal-bastimenti jew tas-sigurtà tal-bastimenti). Proġetti prinċipali bħal dawn jistgħu jitwettqu biss fil-perjodu fit-tul jekk jiġi stabbilit qafas finanzjarju sigur għall-futur;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

10.

jilqa’ l-inizjattiva li jinħoloq netwerk integrat aktar għall-għarfien Ewropew tal-baħar. Meta jitqiesu l-livell milħuq mill-ICT u l-kooperazzjoni dejjem akbar bejn il-komunitajiet xjentifiċi tal-pajjizi differenti, l-istruttura frammentata attwali tidher kemm anakronista kif ukoll estremament ineffiċjenti mil-lat ta’ spejjeż;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jkompli jiġi allokat il-finanzjament għall-politika marittima integrata wara l-2014 sabiex din tiġi sostnuta u biex tkun effettiva, dan soġġett għad-diskussjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali wara l-2013. Il-fond tal-kosta diskuss mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Parlament Ewropew jista’ jservi bħala eżempju f’dan ir-rigward;

12.

jilmenta li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jingħatawx aktar attenzjoni, anke jekk il-Komunikazzjoni tittratta b’mod wiesa’ l-kwistjonijiet li jiffurmaw parti mill-kompetenzi tagħhom u li ta’ spiss huma responsabbli mill-finanzjament u/jew mill-implimentazzjoni tagħhom. Il-ġbir tad-data jista’ jkun ir-responsabbiltà tal-Istati Membri imma fil-verità ta’ spiss isir fil-livell lokali u reġjonali;

13.

jitlob li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta jiġu żviluppati u implimentati azzjonijiet bil-għan li jinkiseb l-objettiv li titjieb il-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha. Il-KtR diġà talab li l-governanza f’dan il-qasam issir fl-ispirtu tal-governanza f’diversi livelli u b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u jitlob ukoll għal aktar involviment u kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE fil-kwistjonijiet relatati mal-għarfien tal-baħar. Diġà ġiet rikonoxxuta l-importanza li titjieb il-koordinazzjoni ma’ dawn l-imsieħba f’aspetti oħra tal-politika marittima, u barra minn hekk il-benefiċċji ta’ aktar azzjonijiet komuni f’dan il-qasam huma pjuttost ovvji;

14.

jirrakkomanda li, meta jitqiesu l-miżuri adatti għall-promozzjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni kostali fis-segwitu għar-Rakkomandazzjoni dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali, il-Kummissjoni tfittex l-aħjar prattika minn fost ir-reġjuni tal-Ewropa. Xi wħud minnhom, bħall-Brittany, Schleswig-Holstein u Zuid-Holland, fost oħrajn, jinsabu fuq quddiem f’dan il-qasam, u ħafna mill-prattiki tagħhom jistgħu jiġu adattati għal reġjuni oħrajn ukoll;

15.

jilqa’ l-idea li jiġi adottat bħala referenza l-baċir tal-baħar għas-sistemi ta’ osservazzjoni tal-baħar u biex jiġu identifikati nuqqasijiet importanti. Fil-fatt, hija vallapena li tiġi studjata l-idea li tingħata aktar responsabbiltà lill-Konvenzjonijiet Reġjonali tal-Baħar u lill-Kunsilli Reġjonali Konsultattivi għas-sajd, inklużi poteri potenzjali ta’ koordinazzjoni. Fi kwalunkwe każ, madankollu, iridu jiġu żgurati l-interoperabbiltà tad-data u l-osservazzjoni ta’ standards ta’ kwalità għolja;

16.

jipproponi li l-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ data reġjonali, li jistgħu jservu sabiex jitfissru aħjar il-prijoritajiet tal-istrateġiji marittimi reġjonali, peress li r-reġjuni huma fost dawk li l-aktar jiġbru u jużaw id-data;

17.

jinnota li huwa iktar probabbli li jinkisbu riżultati aħjar jekk jiġi adottat approċċ iktar olistiku fost aspetti oħra permezz ta’ aktar enfasi fuq ir-rwol potenzjali tal-entitajiet privati fl-iżvilupp ta’ PMI. Mingħajr ma titwarrab id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa importanti wkoll li l-partijiet interessati kollha jiġu involuti f’kull pass tal-proċess. Barra minn hekk, il-partijiet interessati kollha mhux biss għandhom jiġu mistiedna jaqsmu l-ispiża tal-ġbir u l-protezzjoni tad-data iżda wkoll jikkontribwixxu l-ideat u l-prattiki t-tajba sabiex jibbenefikaw minn dan u b’hekk jistimulaw it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żona Ewropea;

18.

jirrikonoxxi li t-titjib fl-għarfien tal-baħar huwa kruċjali mhux biss biex il-proċessi li jseħħu fl-ibħra tagħna jiġu mifhuma aħjar, iżda wkoll biex jissaħħu ż-żewġ għodod l-oħra tal-PMI, jiġifieri l-ippjanar spazjali aħjar u s-sorveljanza marittima integrata;

19.

jinnota li l-Komunikazzjoni attwali tikkonċentra fuq il-ġbir u l-assemblaġġ tad-data, li jiffurmaw l-ewwel żewġ passi fil-proċess tal-iffurmar tal-għarfien. Fl-istess ħin, dawn huma stadji li fihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma estremament attivi;

20.

jikkondividi l-fehma li l-inizjattiva inkwistjoni hija bbażata fuq il-ħtiġiet ta’ diversi Direttivi li essenzjalment għandhom l-għan li joħolqu aktar programmi kkoordinati ta’ monitoraġġ tal-ibħra marini, jissemplifikaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, joħorġu d-data pubblika kif ukoll jistabbilixxu ċertu standards komuni;

21.

jenfasizza li l-Komunikazzjoni ssemmi b’mod speċifiku l-importanza tad-data kostali u l-fatt li ħafna awtoritajiet reġjonali żviluppaw sistemi ta’ informazzjoni kostali. Jidher ovvju li biex jiġu massimizzati l-benefiċċji ta’ dawn l-azzjonijiet, jeħtieġ li jinkiseb ċertu livell ta’ interoperabbiltà. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tfittex modi kif jitjiebu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell reġjonali;

22.

jirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-kunċett li d-data għandha tinżamm kemm jista’ jkun qrib tas-sorsi. Filwaqt li l-proposta ċertament hija sensibbli, għandu jiġi assigurat li ma tpoġġix piż addizzjonali fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’dan ir-rigward, il-fehma tal-Kummissjoni, li anke l-partijiet interessati rilevanti kollha għandhom jikkontribwixxu b’mod adegwat għas-salvagwardja tad-data anke wara li ma jibqalhomx valur soċjali u kummerċjali, jistħoqqilha aktar attenzjoni;

23.

jinnota li l-Komunikazzjoni ssegwi tliet objettivi prinċipali:

li jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi u d-dewmien għall-utenti tad-data tal-baħar;

li tiżdied il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fost l-utenti u l-utenti mill-ġdid (re-users) tad-data tal-baħar;

li titnaqqas l-inċertezza fl-għarfien tal-baħar

Il-ksib ta’ dawn l-objettivi u t-tranżizzjoni mill-approċċ ferm frammentat t’issa għal netwerk integrat jistgħu jwasslu biex jiġu ffrankat EUR 300 miljun fis-sena, li l-parti l-kbira minnhom jistgħu jibbenefikaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

24.

jirrakkomanda li l-objettivi msemmija hawn fuq jintlaħqu b’aktar żvilupp u titjib tal-istrumenti eżistenti tal-UE, bħall-inizjattiva ta’ Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) u s-sistema “ur-EMODnet” (Netwerk Ewropea tal-Osservazzjoni u d-Data tal-Baħar). Barra minn hekk, jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni għandha tesplora modi kif id-data minn programmi appoġġati mill-UE dwar l-iżvilupp reġjonali u r-riċerka tal-baħar tibda tkun iktar disponibbli għall-użu mill-ġdid, u b’mod partikolari biex b’hekk ikun żgurat li r-regoli ta’ aċċess għad-data tas-sajd jiġu implimentati bi sħiħ mill-Istati Membri u jkun assigurat li d-data miġbura tilħaq l-istandards komuni u tagħti l-possibbiltà għal diversi użi;

25.

jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli timxi lejn it-tlestija ta’ dak li ssejjaħ “arkitettura tad-dejta(sic.) tal-baħar operazzjonali” Sabiex jintlaħaq dan il-għan, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tinvolvi l-partijiet interessati kollha u tħeġġeġ il-komunikazzjoni bejn iċ-ċentri tad-data nazzjonali, kif ukoll twaqqaf segretarjat biex jiġġestixxi s-sistema ur-EMODnet;

26.

jissuġġerixxi li l-komunità marittima tħeġġeġ lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex fil-futur qarib jistabbilixxi Komunità tal-Għarfien u l-Innovazzjoni dwar il-ħarsien u l-użu sostenibbli tar-riżorsi marittimi. Komunità bħal din tkun tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet xjentifiċi, teknoloġiċi, ekonomiċi u edukattivi fl-oqsma tar-riżorsi bijoloġiċi u minerali kif ukoll l-enerġija, b’kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet tal-ħarsien tal-ambjent.

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦALL-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Programm jista’ jipprovdi assistenza finanzjarja għall-azzjonijiet skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, bħal:

(a)

studji u programmi kooperattivi;

(b)

informazzjoni pubblika u l-qsim tal-aqwa prassi, tqajjim ta’ kuxjenza u attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni assoċjati, inklużi avvenimenti u kampanji ta’ pubbliċità, u l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-websajts;

(c)

konferenzi, seminars, workshops, u fora tal-partijiet interessati;

(d)

il-ġbir, il-monitoraġġ, il-viżwalizzazzjoni u l-iżgurar tal-aċċess pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ data, l-aqwa prassi u database fuq proġetti reġjonali ffinanzjati mill-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ segretarjat għal wieħed jew aktar minn dawn l-għanijiet;

(e)

azzjonijiet relatati ma’ għodod trasversali, inklużi proġetti b’test.

Il-Programm jipprovdi assistenza finanzjarja għall-azzjonijiet skont l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, bħal :

(a)

studji u programmi kooperattivi;

(b)

informazzjoni pubblika u l-qsim tal-aqwa prassi, tqajjim ta’ kuxjenza u attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni assoċjati, inklużi avvenimenti u kampanji ta’ pubbliċità, u l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-websajts;

(c)

konferenzi, seminars, workshops, u fora tal-partijiet interessati;

(d)

il-ġbir, il-monitoraġġ, il-viżwalizzazzjoni u l-iżgurar tal-aċċess pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ data, l-aqwa prassi u database fuq proġetti reġjonali ffinanzjati mill-Unjoni, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ segretarjat għal wieħed jew aktar minn dawn l-għanijiet;

(e)

azzjonijiet relatati ma’ għodod trasversali, inklużi proġetti b’test.

Raġuni

Sabiex jinkisbu l-għanijiet imniżżla fil-proposta, għandu jkun hemm fondi disponibbli u għalhekk l-użu ta’ “għandu” flok “jista’” jagħmel l-allokazzjoni tal-fondi obbligatorju. L-inklużjoni ta’ “iżda mhux limitati għal” tippermetti li jiġu ffinanzjati azzjonijiet oħrajn li mhumiex inklużi fit-test.

Emenda 2

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Mill-Programm jistgħu jibbenifikaw pajjiżi terzi, partijiet interessati fil-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali li jsegwu wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3.

Mill-Programm jibbenifikaw pajjiżi terzi, partijiet interessati fil-pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali li jsegwu wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3.

Raġuni

Il-KtR jemmen li huwa essenzjali li jiġu involuti l-imsieħba internazzjonali.

Emenda 3

Artikolu 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.

Raġuni

Din l-emenda ma tapplikax għall-verżjoni Maltija.

Emenda 4

Artikolu 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-benefiċjarju tal-assistenza teknika għandu jissottometti lill-Kummissjoni rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma ffinanzjata mill-Programm. Għandu jiġi sottomess rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta’ kull proġett

Il-benefiċjarju tal-assistenza teknika għandu jissottometti lill-Kummissjoni rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma ffinanzjata mill-Programm. Għandu jiġi sottomess rapport finali fi żmien xhur mit-tlestija ta’ kull proġett.

Raġuni

Għandu jkun hemm aktar żmien għat-tlestija tar-rapport.

Emenda 5

Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-Programm, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta’:

(a)

l-applikazzjoni tal-miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħrajn,

(b)

verifiki effettivi,

(c)

l-irkupru tal-ammonti li għadhom ma tħallsux u,

(d)

l-applikazzjoni ta’ pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi, jekk jinstabu xi irregolaritajiet.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

3.   Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta’ assistenza finanzjarja mogħtija għal azzjoni jekk hija ssib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew ftehim tal-għoti tal-assistenza finanzjarja inkwistjoni, jew jekk jidher li, mingħajr ma tkun tfittxet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni kienet soġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kundizzjonijiet implimentattivi tagħha.

4.   Jekk il-limiti taż-żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja allokata tiġi ġustifikata mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ azzjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jissottometti l-osservazzjonijiet matul perjodu ta’ żmien speċifikat. Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jagħti tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-assistenza finanzjarja li jifdal u titlob li jitħallsu lura s-somom diġà mħallsin.

5.   Kwalunkwe ħlas żejjed għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jiġi miżjud ma’ kwalunkwe somma li ma titħallasx lura fil-ħin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “irregolarità” għandha tfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew sejjer ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni jew il-baġits ġestiti mill-Unjoni permezz ta’ entrata ta’ infiq mhux ġustifikata.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan il-Programm, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti permezz ta’:

(a)

l-applikazzjoni tal-miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħrajn,

(b)

verifiki effettivi,

(c)

l-irkupru tal-ammonti li għadhom ma tħallsux u,

(d)

l-applikazzjoni ta’ pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi, jekk jinstabu xi irregolaritajiet.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

   

.   Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta’ assistenza finanzjarja mogħtija għal azzjoni jekk hija ssib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew ftehim tal-għoti tal-assistenza finanzjarja inkwistjoni, jew jekk jidher li, mingħajr ma tkun tfittxet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni kienet soġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kundizzjonijiet implimentattivi tagħha.

.   Jekk il-limiti taż-żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja allokata tiġi ġustifikata mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ azzjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju biex jissottometti l-osservazzjonijiet matul perjodu ta’ żmien speċifikat. Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jagħti tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkanċella l-assistenza finanzjarja li jifdal u titlob li jitħallsu lura s-somom diġà mħallsin.

.   Kwalunkwe ħlas żejjed għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jiġi miżjud ma’ kwalunkwe li ma lura fil-ħin skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

   

Raġuni

Id-definizzjoni ta’ “irregolarità” għandha tkun fil-bidu tal-Artikolu.

Brussell, 27 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


Top