Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0297

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2010 tad- 9 ta’ April 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 272/2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 90, 10.4.2010, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/297/oj

    10.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 90/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 297/2010

    tad-9 ta’ April 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 272/2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-miżuri ġenerali li jissupplimentaw l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandhom jiġu adottati fil-qasam tal-iskrining, il-kontroll tal-aċċess u kontrolli oħra ta’ sigurtà, kif ukoll fil-qasam ta’ oġġetti pprojbiti, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza minn pajjiżi terzi, ir-reklutaġġ tal-personal, it-taħriġ, proċeduri speċjali ta’ sigurtà u eżenzjonijiet minn kontrolli ta’ sigurtà.

    (2)

    Dawn il-miżuri ġenerali huma meħtieġa sabiex jinkiseb livell komuni ta’ sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni Ewropea, sabiex il-pubbliku li jivvjaġġa jkun protett minn atti ta’ interferenza illegali. Is-sigurtà f’punt uniku [one-stop security] hija l-element ewlieni li jiffaċilita dan, li toffrih il-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalhekk, l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ skrining hija essenzjali sabiex tinżamm il-politika ta’ sigurtà f’punti uniċi ġewwa l-UE, inkluż il-kontroll tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet mingħajr ma jixxekklu l-benefiċċji tas-suq uniku tal-avjazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE.

    (3)

    L-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 tat-2 ta’ April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 (2), fil-Parti A.3 tiegħu jiddeskrivi fid-dettall il-metodi ta’ skrining permessi għall-bagalji, għall-merkanzija u għall-posta li jkunu se jitgħabbew fl-istiva ta’ inġenju tal-ajru. Minn żmien għall-ieħor, jeħtieġ li jsir provvediment għal metodi addizzjonali ta’ skrining li taw prova ta’ kemm huma effikaċi, biex tiġi skrinjata parti mill-merkanzija, inkella l-merkanzija kollha, u sabiex tiġi pprovduta bażi legali għall-iżvilupp ta’ miżuri dettaljati tal-implimentazzjoni. Għal ċerti tipi ta’ merkanzija, tagħmir għad-detezzjoni tal-metall jitqies bħala metodu effettiv biex isir l-iskrining.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 272/2009 ma jipprovdix biex il-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet jitqiesu bħala kategorija ta’ oġġetti li jistgħu jkunu pprojbiti milli jiddaħħlu f’żoni ristretti ta’ sigurtà u abbord l-inġenji tal-ajru. Minflok, ir-Regolament (KE) Nru 272/2009 jeħtieġ li metodi, inklużi teknoloġiji, għad-detezzjoni ta’ splussivi likwidi jiġu implimentati fl-ajruporti mal-UE kollha mill-aktar fis u sa mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010.

    (5)

    Issa wasal iż-żmien li jintemmu r-restrizzjonijiet fuq il-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet, u nimxu progressivament mill-projbizzjoni tal-maġġoranza tal-likwidi lejn sistema ta’ skrining għall-isplussivi likwidi. Għal dan l-għan, huma meħtieġa arranġamenti tranżizzjonali li jmorru lil hinn minn April 2010, sabiex jiddaħħlu gradwalment metodi ta’ detezzjoni, inklużi teknoloġiji, fl-ajruporti kollha tal-UE mingħajr ma tkun kompromessa s-sigurtà tal-avjazzjoni. Il-punti ta’ tħassib għall-komunità tal-infurzar tal-liġi, immirati lejn il-prevenzjoni possibbli ta’ theddid terroristiku fil-ġejjieni, jeħtieġu l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu effettiv sakemm l-ajruporti jkunu f’qagħda li jinstallaw tagħmir ta’ detezzjoni affidabbli. Għalhekk huwa meħtieġ approċċ ġdid. Dan għandu jinkiseb sad-29 ta’ April 2013, id-data ta’ skadenza sa meta l-ajruporti kollha għandhom ikollhom il-kapaċità li jiskrinjaw il-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet.

    (6)

    Madankollu, approċċ bħal dan ma għandux jipprevjeni lill-ajruporti milli jimmobilitaw u jużaw tagħmir f’data aktar kmieni, bil-kundizzjoni li t-tagħmir jilħaq l-istandards stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni adottata mill-Kummissjoni. B’dan il-mod l-ajruporti jkunu jistgħu jiffaċilitaw il-ġarr ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet minn passiġġieri li jkunu se jitilqu billi jimmobilitaw, pereżempju, tagħmir tal-iskrining għall-isplussivi likwidi f’mogħdija waħda tal-kontrolli tas-sigurtà. Barra minn hekk, xi ajruporti jistgħu jagħżlu li jinstallaw tagħmir avvanzat fi stadju aktar bikri.

    (7)

    Minħabba l-ħtieġa għall-flessibbiltà dwar kif għandhom jiġu operati l-miżuri ta’ sigurtà fl-ajruporti, l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili jibqgħu strettament newtrali fuq il-livell tat-teknoloġika. L-Istati Membri u l-ajruporti jistgħu jagħżlu t-teknoloġiji li għandhom jiġu mobilitati u mħaddma bl-aktar mod effikaċi u effiċjenti fl-ajruporti mill-għażliet disponibbli elenkati fir-Regolament (KE) Nru 272/2009, u li b’dan qiegħed jiġi emendat.

    (8)

    It-tħaddim ta’ tagħmir għall-iskrining, li jkun kapaċi jindividwa splussivi likwidi jesiġi li l-ajruporti jew entitajiet oħra responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni jakkwistaw u jimmobilitaw tagħmir li jagħti prova li jikkonforma mal-istandards tekniċi adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti regolatorji kollha meħtieġa biex tagħmir bħal dan jiġi mobilitat f’waqtu jkunu operattivi fil-ħin biex jintlaħqu l-iskadenzi msemmija f’dan ir-Regolament.

    (9)

    Matul il-perjodu tranżizzjonali, il-passiġġieri għandhom ikunu infurmati biċ-ċar dwar l-ajruporti tal-UE li japplikaw skrining għal-likwidi. L-ajruporti u l-linji tal-ajru għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-konfiskar tal-likwidi, tal-laned tal-isprej u l-ġellijiet tibqa’ l-aħħar alternattiva li tintagħżel.

    (10)

    Il-miżuri ġenerali li hemm provdut għalihom fir-Regolament (KE) Nru 272/2009 għandhom ikunu emendati sabiex jiġu introdotti regoli li jippermettu l-użu ta’ tagħmir għad-detezzjoni tal-metalli fl-iskrining tal-bagalji, merkanzija u posta għall-istiva, fejn xieraq, u li jawtorizzaw l-adozzjoni pass pass ta’ arranġamenti għal likwidi, aerosols u ġellijiet biex jiddaħħlu fiż-żona ristretta tas-sigurtà inkella abbord inġenju tal-ajru, u li japplikaw għal perjodu limitat ta’ żmien, sabiex ma jikkompromettux l-istandards tas-sigurtà.

    (11)

    Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 272/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

    (12)

    L-iżviluppi ta’ natura teknoloġika jew regolatorja, kemm fuq il-livell internazzjonali kif ukoll dak fuq il-livell tal-UE jistgħu jaffettwaw id-dati stipulati f’dan ir-Regolament. Kulfejn ikun xieraq, il-kummissjoni tista’ tagħmel proposti għar-reviżjoni, b’mod partikolari b’konsiderazzjoni għall-operabbiltà tat-tagħmir u l-faċilitazzjoni tal-passiġġieri.

    (13)

    Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 għandu japplika bis-sħiħ mid-data speċifikata fir-regoli tal-implimentazzjoni adottati skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 4(2) u 4(3) ta’ dak ir-Regolament iżda mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2010. Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mid-29 ta’ April 2010 flimkien mar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u l-atti li jissupplimentawh u jimplimentawh.

    (14)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 272/2009 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mid-29 ta’ April 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

    (2)  ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7.


    ANNESS

    L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 272/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-parti A.3, il-punti (f) u (g) jinbidlu b’dan li ġej:

    “(f)

    tagħmir li jiskopri traċċi ta’ splussivi (ETD);

    (g)

    kamra ta’ simulazzjoni, u

    (h)

    tagħmir għar-rilevament tal-metall.”

    (2)

    Il-Parti B1 li ġejja għandha tiddaħħal wara l-parti B:

    “TAQSIMA B1.

    Likwidi, aerosols u ġellijiet

    Il-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet għandhom jitħallew jittellgħu f’żoni ristretti tas-sigurtà u mtella’ abbord l-inġenji tal-ajru bil-kundizzjoni li jiġu skrinjati jew eżentati mill-iskrining skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

    1.

    Sad-29 ta’ April 2011, il-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet akkwistati f’ajruport ta’ pajjiż terz inkella abbord inġenju tal-ajru ta’ trasportatur mhux Komunitarju għandhom jitħallew f’żoni ristretti tas-sigurtà u abbord l-inġenji tal-ajru bil-kundizzjoni li l-likwidu jkun ġie ppakkjat f’borża li tikkonforma mal-linji gwida rakkomandati għall-kontroll tas-sigurtà tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u l-borż tagħti prova sodisfaċenti tax-xiri matul is-sitta u tletin siegħa ta’ qabel, fiż-żona interna tal-ajruport inkella abbord l-inġenju tal-ajru. Għandhom jiġu skrinjati skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

    2.

    Sad-29 ta’ April 2013, l-ajruporti kollha għandhom jiskrinjaw likwidi, aerosols u ġellijiet skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

    3.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti kollha regolatorji jkunu ġew stabbiliti biex ikun jista’ jiġi mobilitat it-tagħmir ta’ skrinjar tal-likwidi li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-regoli implimentattivi adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, fil-ħin biex jintlaħqu l-iskadenzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati biċ-ċar dwar l-ajruporti tal-UE li fihom huma permessi jdaħħlu likwidi, aerosols u ġellijiet fiż-żona ristretta tas-sigurtà u abbord l-inġenji tal-ajru, u kwalunkwe kundizzjonijiet assoċjati ma’ dan.”


    Top