EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0284(01)

2010/284/: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Jannar 2010 dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Repubblika Ċeka

ĠU L 125, 21.5.2010, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/06/2014; Imħassar b' 32014D0405

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/284(1)/oj

21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/36


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fir-Repubblika Ċeka

(2010/284/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(7) flimkien mal-Artikolu 126(13) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mir-Repubblika Ċeka,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa msejjes fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kondizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir qawwi sostenibbli li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif iċċarat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistabbilixxi definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effikaċja u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din immirat li tiżgura li, b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji ta’ politika tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn qagħdiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies il-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kien jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni tqis li kien jeżisti jew li jista’ jinqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fir-Repubblika Ċeka. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat tali opinjoni lill-Kunsill fir-rigward tar-Repubblika Ċeka fil-11 ta’ Novembru 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara valutazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tar-Repubblika Ċeka, din il-valutazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet imniżżlin f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont data notifikata mill-awtoritajiet Ċeki f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fir-Repubblika Ċeka hu ppjanat li jilħaq is-6,6 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk qabeż il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG u mingħajr ma jkun qrib tiegħu. Abbażi tal-previżjoni tal-ħarifa tal-2009 tas-servizi tal-Kummissjoni, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza jikkwalifika bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan jirriżulta, fost affarijiet oħra, mit-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku serju skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 tbassar li l-PDG reali jonqos b’4,8 % fl-2009 mqabbel mat-tkabbir pożittiv ta’ 2,5 % fl-2008, li fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrifletti l-impatt tal-kriżi ekonomika dinjija. Filwaqt li l-iżbilanċ prinċipali beda jiżdied biss fl-2008, id-deterjorament strutturali kien beda qabel meta l-ekonomija kienet għadha għaddejja minn żminijiet pożittivi. Barra minn hekk, l-eċċess ippjanat fuq il-valur ta’ referenza ma jistax jitqies bħala temporanju, billi l-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009 tbassar żbilanċ ġenerali tal-gvern li jilħaq il-5,5 % tal-PDG fl-2010 u, abbażi ta’ suppożizzjoni li ma jkun hemm l-ebda bidla politika, 5,7 % tal-PDG fl-2011. It-tbassir iqis l-effett tal-miżuri kontra l-kriżi li ser ikunu għadhom fis-seħħ fl-2010 (żewġ miżuri li jammontaw għal madwar 0,7 % tal-PDG huma permanenti) kif ukoll il-pakkett ta’ konsolidament fiskali għall-2010 adottat mill-awtoritajiet Ċeki f’Ottubru 2009. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-data nnotifikata mill-awtoritajiet Ċeki f’Ottubru 2009, id-dejn gross ġenerali tal-gvern għadu taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PDG, u huwa ppjanat li jżomm fil-livell ta’ 35,5 % tal-PDG fl-2009. Skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009, il-proporzjon tad-dejn mistenni jiżdied malajr, u jilħaq l-44 % tal-PDG fl-2011 bis-suppożizzjoni li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv b’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kondizzjoni doppja – li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess tiegħu ‘l fuq mill-valur ta’ referenza jkun temporanju – tiġi sodisfatta għal kollox. Fil-każ tar-Repubblika Ċeka, din il-kondizzjoni doppja ma ntlaħqitx. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqisu fil-passi li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fir-Repubblika Ċeka.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE għar-Repubblika Ċeka jinsabu fil-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode = _m2


Top