EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0681

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Settembru 2001 dwar il-gwida sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' eko-ġestjoni u verifika (EMAS) (innotifikata bid-dokument bin-numru K(2001) 2504) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 247, 17.9.2001, p. 24–47 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/01/2010; Imħassar b' 32009R1221

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/681/oj

32001D0681



Official Journal L 247 , 17/09/2001 P. 0024 - 0047


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-7 ta' Settembru 2001

dwar il-gwida sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' eko-ġestjoni u verifika (EMAS)

(innotifikata bid-dokument bin-numru K(2001) 2504)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2001/681/KE)

IL-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 li jippermetti l-partiċipazzjoni volontarja mill-organizzazzjonijiet fi skema ta' eko-ġestjoni u verifika (EMAS) [1], u b'mod partikolari it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2(s), l-Artikolu 3(3)(b) u l-Artikolu 8 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 jistabbilixxi l-ħtiġiet għall-organizzazzjonijiet sabiex jipparteċipaw fl-EMAS.

(2) Għandha tiġi stabbilità gwida sabiex tiżgura illi r-Regolament (KE) Nru 761/2001 jiġi applikat b'mod uniformi mill-Istati Membri kollha.

(3) Huwa approprjat li jiġu identifikati l-każijiet speċifiċi fejn jista’ jkun diffiċli li tiġi ddefinita l-entità approprjata li għandha tiġi rreġistrata bħala organizzazzjoni ta' l-EMAS u sabiex jiġi pprovdut approċċ armonizzat għal din is-sitwazzjoni kif ukoll għall-eċċezzjonijiet fejn titħalla r-reġistrazzjoni għal entità iżgħar minn sit.

(4) Għandha tiġi stabbilita gwida sabiex jiġu stabbiliti l-programmi tal-verifika ta' organizzazzjonijiet fl-EMAS, biex isiru l-validazzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet ambjentali u l-aġġornamenti ta' kull sena li jiġu wara, kif ukoll għall-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta' l-aġġornamenti vvalidati ta' kull sena.

(5) Huwa ukoll approprjat li jiġi armonizzat l-użu tal-logo ta' l-EMAS f'livell prattiku u sabiex jiġi żgurat illi lista eżawrjenti ta' l-eċċezzjonijiet għall-użu tal-logo f'ċerti kondizzjonijiet tiġi mfissra b'mod ċar.

(6) Il-miżuri pprovvduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 761/2001,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-entitajiet fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2(s) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 għandhom jiġu rreġistrati bħala organizzazzjoni skond il-gwida ddikjarata fl-Anness I.

Artikolu 2

L-organizzazzjonijiet għandu jkollhom l-aġġornamenti tad-dikjarazzjoni ambjentali tagħhom ivvalidati kif referit fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 skond il-gwida ddikjarata fl-Anness II.

Artikolu 3

Il-logo ta' l-EMAS referit fl-Artikolu 8 tar- Regolament (KE) Nru 761/2001 għandu jintuża skond il-gwida ddikjrata fl-Anness III.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' Settembru 2001.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 114, ta' l-24.4.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

IL-GWIDA DWAR L-ENTITÀ XIERQA GĦAR-REĠISTRAZZJONI GĦALL-EMAS

(Ir-referenzi kollha għall-annessi huma l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 għajr jekk iddikjarat xorta oħra)

Mira tal-gwida

L-espansjoni ta' l-EMAS mill-kopertura tradizzjonali tagħha tas-setturi ta' l-industrija/fabbrikazzjoni għall-organizzazzjonijiet kollha li għandhom impatti ambjentali tfisser illi l-entitajiet b'ħafna strutturi organizzattivi differenti jkunu jistgħu jirreġistraw fl-EMAS. Din il-gwida ġiet imħejjija fuq il-bażi tat-tieni u r-raba' sentenzi ta' l-Artikolu 2(s) u ta' l-Artikolu 2(t) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 sabiex tgħin lill-organizzazzjonijiet, lill-verifikaturi ambjentali u lill-korpi kompetenti jiddeċiedu dwar l-entità xierqa għar-reġistrazzjoni bħala organizzazzjoni fl-EMAS.

Il-għażla ta' l-entità li għandha tiġi rreġistrata għandha tkun għaqda tal-kontroll tal-ġestjoni u l-lokazzjoni ġeografika.

L-entità li għandha tiġi rreġistrata bħala organizzazzjoni fl-EMAS ma għandhiex taqbeż il-fruntieri ta' Stat Membru wieħed. Jekk l-organizzazzjoni tinkludi sit jew aktar, kull wieħed mis-siti li għalih tapplika l-EMAS għandu jikkonforma mal-ħtiġiet kollha ta' l-EMAS inkluż it-titjib kontinwu tal-twettiq tax-xogħol ambjentali kif iddefinit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001.

L-entitajiet bl-istrutturi organizzattivi li ġejjin ġew identifikati u għandhom jiġu kkunsidrati fid-dettal fil-paragrafi differenti ta' dan id-dokument:

1. l-organizzazzjonijiet li joperaw f'sit wieħed biss;

2. l-organizzazzjonijiet li jistgħu, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, jirreġistraw entità iżgħar minn sit wieħed;

3. l-organizzazzjonijiet li joperaw f'siti differenti:

(a) bl-istess, jew simili, prodotti jew servizzi,

(b) bi prodotti jew servizzi differenti;

4. l-organizzazzjonijiet li għalihom ma jistax jiġi ddefinit sit speċifiku b'mod xieraq;

5. l-organizzazzjonijiet li jikkontrollaw siti temporanji;

6. l-organizzazzjonijiet indipendenti li jirreġistraw bħala organizzazzjoni waħda komuni;

7. l-impriżi ż-żgħar li joperaw f'territorju kbir mogħti u li jipproduċu l-istess prodotti jew servizzi jew simili;

8. l-awtoritajiet lokali u l-istituzzjonijiet governattivi

Fil-bidu, il-parteċipanti fl-EMAS għandhom iżommu f'moħħhom illi l-verifikaturi ambjentali, u meta approprjat, il-korpi kompetenti, jistgħu jeżerċitaw influenza li jaqblu dwar liema entità għandha tiġi rreġistrata (ara l-Artikolu 2(s) u (t) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001). B'mod ugwali il-parteċipanti kollha huma meħtieġa jipproduċu dikjarazzjoni ambjentali li, fost ħwejjeġ oħra, għandha tinkludi deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa dwar l-organizzazzjoni li tirreġistra fl-EMAS u sommarju ta' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha, u r-relazzjoni tagħha ma' kull organizzazzjoni ġenitur (ara l-punt 3.2(a) ta' l-Anness). Dawn il-ħtiġiet jorbtu ma' oħrajn li għandhom x'jaqsmu mal-kontroll maniġerjali u l-influenza fuq l-aspetti ambjentali ta' l-organizzazzjoni (ara l-Anness I.A, u b'mod partikolari l-punt 4.3.1, u l-Anness I.B)

L-iskop ta' dawn il-ħtiġiet huwa sabiex jiġi żgurat illi l-organizzazzjoni għandha l-kontroll u l-influenza maniġerjali fuq l-aspetti ambjentali tagħha li għandhom impatti ambjentali sinifikattivi fuq is-siti kollha. Għalhekk il-parteċipanti qegħdin jingħataw il-parir li jkollhom ġustifikazzjoni ċara u rraġunata għall-għażla tas-siti jew ta' partijiet mis-siti ta' l-organizzazzjoni li għandhom jiġu rreġistrati. Meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin jantiċipaw il-ħtiġiet tad-dikjarazzjoni ambjentali u jkunu f'pożizzjoni tajba sabiex jirrispondu għall-mistoqsijijiet possibbli b'mod partikolari mill-verifikaturi u mill-korpi kompetenti kif ukoll mill-partijiet l-oħra interessati.

Il-korp kompetenti għandu jirrifjuta r-reġistrazzjoni jekk l-entità magħżula biex tiġi rreġistrata ma tikkorrispondix mad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2(s) u (t) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 u spjegati f'dan id-dokument ta' gwida. Għalhekk, f'każ ta' dubju l-organizzazzjoni għandha tikkonsulta l-korp kompetenti li jkun diġà fil-parti tal-bidu tal-fażi ta' l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni ambjentali (EMS).

Il-Prinċipji:

- it-trasparenza,

- il-kontroll maniġerjali,

- l-ebda għażla taż-żoni t-tajba biss,

- il-kontabbiltà pubblika,

- il-kontabbiltà lokali,

Definizzjonijiet

"Organizzazzjoni" għandha tfisser, skond l-Artikolu 2(s) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001, kumpanija, korporazzjoni, ditta, impriża, awtorità jew istituzzjoni, jew parti minn jew għaqda ta' dawn, sewwa jekk ikunu inkorporata u sewwa jekk le, pubbliċi jew privati, li għandhom il-funzjonijiet u l-amministrazzjonijiet tagħhom stess.

"Sit" għandu jfisser, skond l-Artikolu 2(s) tar-Regolament (KE) Nru 761/200, l-art kollha fl-lokazzjoni ġeografika distinta taħt il-kontroll maniġerjali ta' organizzazzjoni li tkopri l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi. Dan jinkludi l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjal kollu.

"Entità" tfisser sit jew suddiviżjoni, organizzazzjoni, parti jew grupp ta' organizzazzjonijiet, li jkunu qegħdin ifittxu li jirreġistraw taħt numru tar-reġistrazzjoni wieħed.

1. ORGANIŻŻAZZJONIJIET LI JOPERAW FUQ SIT WIEĦED BISS;

Organizzazzjoni li topera fuq sit wieħed biss hija l-aktar każ sempliċi għaliex il-firxa tal-ġestjoni u l-lokazzjoni ġeografika jikkorrispondu ma' xulxin. Is-siti rreġistrati fl-EMAS I jidħlu f'din il-kategorija skond l-Artikolu 17(4) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001.

Eżempji pożittivi:

- kumpanija, li taħdem fuq sit wieħed meta tipproduċi kemm il-pajpijiet kif ukoll ir-radjijiet, tista' tirreġistra waħda minn dawn il-fergħat biss,

- il-kafetterija ta' sit ta' fabbrikant tal-ħwejjeġ tista' tiġi rreġistrata seperatament.

Eżempju negattiv:

- kumpanija farmaċewtika ma tistax tirreġistra l-parti biss mill-impjant li jipproduċi l-prodott finali li jmur għand il-konsumatur b'mod separat, u tħalli barra l-proċess bażiku tal-produzzjoni ta' l-industrija li jirrigwarda s-sustanzi intermedjarji fuq l-istess sit.

2. ĊIRKOSTANZI EĊĊEZZJONALI SABIEX TIĠI RREĠISTRATA ENTITA' IŻGĦAR MINN SIT WIEĦED

Jekk organizzazzjoni tikkunsidra li tirreġistra entità iżgħar minn sit, il-prinċipji li ġejjin għandhom ikunu l-bażi li fuqha tittieħed id-deċiżjoni tagħha. L-ewwelnett, l-eċċezzjoni ma tistgħax tintuża għall-iskop tat-"tlugħ u l-inżul tan-nies bil-krejn". Għalhekk mhux permess li jiġu rreġistrati partijiet minn proċess uniku tal-produzzjoni bil-għan li jiġu esklużi partijiet tas-sit li ma setgħux jiġu rreġistrati skond l-EMAS. Organizzazzjoni għandha tkun kapaċi tagħti xiehda dwar il-kapaċità tagħha li timmonitorja u tikkontrolla l-aspetti sinifikanti ambjentali kollha tagħha u tipprova illi l-entità maħsuba sabiex tiġi rreġistrata ma tkunx ġiet mifruda minn partijiet oħra ta' sit ikbar li jwettqu xogħol fqir.

It-tieninett, għandhom jiġu segwiti l-prinċipji tal-"kontabbiltà lokali" u tal-"kontabbiltà pubblika" espressi fil-punt 3.7 ta' l-Anness III u l-punt B1 u l-punt B.2 ta' l-Anness I. Il-komunikazzjoni mal-pubbliku hija element importanti fl-EMAS. Fl-interess tagħha stess organizzazzjoni għandha tinforma lill-pubbliku b'mod trasparenti u li jiftiehem dwar it-twettiq tax-xogħol ambjentali ta' sit speċifiku. Jekk suddiviżjoni għandha s-suq tagħha stess, jista' jkun importanti li tkun tista' tuża l-logo fil-komunikazzjonijiet tagħha stess. Madanakollu, jekk entità iżgħar mis-sit rispettiv, ikun beħsiebha tirreġistra fl-EMAS, għandu jiġi kkomunikat b'mod ċar lill-pubbliku illi partijiet biss mill-operazzjonijiet fuq is-sit huma ġestiti fl-EMAS, ġaladarba, normalment, l-operazzjonijiet fuq sit wieħed ikunu qegħdin jiġu maħsuba mill-pubbliku li huma entità waħda inseparabbli. Organizzazzjoni għandha tkun responsabbli mill-komunikazzjoni ċara mal-madwar u għandhom jittieħdu l-azzjonijiet approprjati sabiex jevitaw li l-pubbliku jitqarraq.

Fuq il-bażi ta' dawn il-prinċipji entità iżgħar mis-sit tista' tiġi rreġistrata separatament jekk:

- is-suddiviżjoni tkun iddefiniet b'mod ċar il-prodotti, is-servizzi jew l-attivitajiet tagħha stess u l-aspetti ambjentali u l-impatti tas-suddiviżjoni jistgħu jiġu identifikati u distinti b'mod ċar minn dawk ta' partijiet oħra mis-sit li ma jkunux irreġistrati.

- is-suddiviżjoni għandha l-funzjonijiet maniġerjali u amministrattivi tagħha stess bil-kompetenzi li tiżgura illi s-suddiviżjoni għandha l-poter li torganizza u tikkontrolla l-EMS tagħha, l-impatti ambjentali tagħha u li tieħu azzjonijiet korrettivi fuq ir-responsabbiltajiet tagħha. Tista' tinstab xiehda fl-istat legali, fir-reġistrazzjoni tagħha stess fil-kamra tal-kummerċ, fiċ-charts ta' l-organizzazzjoni, fir-rapporti mill-organizzazzjonijiet ġenitur, mill-istudji miktuba minnha stess,

- ikun hemm responsabbiltajiet ċari allokati lis-suddiviżjoni dwar il-konformità mal-ħtiġiet fil-permessi/liċenzji ambjentali li jinħarġu lis-suddiviżjoni.

Is-sit ma jistax jiġi ssuddiviż jekk:

- l-entità separata tkopri biss parti mill-operazzjonijiet fuq is-sit li mhumiex rappreżentattivi ta' l-aspetti ambjentali u ta' l-impatti ta' l-operati kollha fuq is-sit.

- ma jinftiehmx malajr meta wieħed iħares min-naħa ta' barra liema parti mill-operati fuq is-sit ikunu ġestiti mill-EMS u għaliex eżattament din il-parti ġiet mifruda mill-operati fuq is-sit.

B'mod partikolari f'dan il-każ huwa essenzjali li jiġu ddefiniti b'mod ċar il-konfini rigward ir-responsabbiltajiet għad-dħul u l-ħruġ mill-organizzazzjoni. Fl-EMS tagħha l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra wkoll l-interfaces tas-servizzi u l-attivitajiet li m'humiex għal kollox fl-iskop ta' l-EMS. Per eżempju, għandha tistma l-aspetti ambjentali u l-impatti ta' l-infrastruttura komuni fuq is-sit bħalma huma l-ġestjoni komuni ta' l-iskart jew ta' impjant tat-trattament ta' l-effluwenti u tinkludi dawn fil-programm ambjentali u fil-proċess tat-titjib kontinwu tagħha.

3. ORGANIZZAZZJONI LI TAĦDEM FUQ SITI DIFFERENTI

Fir-Regolament (KE) Nru 761/2001 il-parteċipanti xorta jistgħu jissoktaw jirreġistraw siti individwali jew bħala "organizzazzjoni" (iddefinita fl-Artikolu 2(s)) jew bħala parti jew għaqda tagħhom. Mż-żewġ naħat, il-parteċipanti kollha huma meħtieġa juru titjib kontinwu fit-twettiq tax-xogħol ta' l-aspetti u l-impatti sinifikanti tagħhom skond il-politika, il-programm u l-miri tagħhom. Dawk li jirreġistraw siti diversi bħala organizzazzjoni waħda jeħtieġu wkoll li jqisu l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 2(b), l-Anness I.B(2) u l-punt 3.7 ta' l-Anness III, u jkunu kapaċi jiġġustifikaw għaliex it-twettiq imtejjeb tax-xogħol ma jistax ikun evidenti fuq kull waħda minn dawn is-siti.

Barra milli jiċċaraw u jiġġustifikaw il-għażla tagħhom ta' sit jew ta' għaqda ta' siti, l-organizzazzjonijiet li jkunu qegħdin ifittxu r-reġistrazzjoni fl-EMAS, kemm jekk fis-settur privati u kemm f'dak pubbliku, għandhom ikunu mħejjija wkoll li jiċċaraw u jiġġustifikaw lill-azzjonisti tagħhom x'inhuma l-intenzjonijiet tagħhom rigward is-siti li jkunu għadhom ma ġewx irreġistrati.

3.1. Bl-istess, jew simili, prodotti jew servizzi

Sabiex tikseb "numru tar-reġistrazzjoni" wieħed, l-organizzazzjoni għandha tkun kapaċi turi lill-verifikatur l-applikazzjoni konsistenti tal-proċeduri tal-ġestjoni ambjentali u l-politika tagħha fuq is-siti kollha. L-organizzazzjonijiet li jidħlu f'din il-kategorija spiss ikunu kkaratterizzati minn proċeduri maniġerjali komuni għall-ħidmiet tagħhom fuq is-siti differenti, per eżempju, ktejjeb żgħir ta' gwida komuni dwar il-ġestjoni ambjentali. Minħabba dan, jista' jkun possibbli li titnaqqas il-profondità tal-verifika fuq is-siti individwali jekk l-organizzazzjoni tkun tista' turi kontroll sħiħ tal-ġestjoni fuq is-siti kollha tagħha.

Jekk l-attivitajiet fuq is-sit ikunu ta' aspetti u impatti ambjentali li jixbhu lil xulxin, bla ħsara għal sistema simili tal-ġestjoni ambjentali, u mħaddma fl-istess strutturi, bħalma huma l-fergħat, l-uffiċċji kummerċjali jew l-istallazzjonijiet tat-tħaddim u ta' l-imħażen tax-xogħol, jista' mbagħad ikun possibbli illi jiġu vverifikati wħud mis-siti varji bil-għażla. Il-kampjuni għandhom jiġu magħżula hekk li jiżguraw illi l-verifikatur ikollu idea rappreżentattiva u komprensiva dwar it-twettiq tax-xogħol ambjentali ta' l-organizzazzjoni u li jkun jista' jiċċekkja l-fiduċja ta' l-informazzjoni u tal-kontabbiltà lokali.

Għandha tintuża l-prattika t-tajba fil-għażla tal-modi tat-teknika tat-teħid tal-kampjuni [1] u l-verifikaturi għandhom iqisu l-fatturi li ġejjin filwaqt li jkunu qegħdin jagħżlu s-siti li għandhom jiġu inklużi fil-programm tal-verifika:

- il-politika u l-programm ambjentali;

- il-komplessità ta' l-EMS, is-sinifikat ta' l-aspetti u l-impatti ambjentali diretti u indiretti u l-impatti u l-interazzjoni potenzjali ma' ambjenti sensittivi;

- il-maturità ta' l-EMS fuq is-sit;

- il-veduti tal-partijiet interessati (l-ilmenti, l-interess pubbliku dwar sit);

- il-firxa tal-persunal ta' l-organizzazzjoni fuq is-siti;

- kull xogħol bix-xift;

- l-istorja tal-problemi ambjentali;

- ir-riżultati mill-verifiki li jkunu saru qabel u minn verifiki interni.

Għandhom jiġu koperti s-siti kollha fuq perjodu taż-żmien ta' ċikli tal-verifika. Fl-ewwel verifika u f'kull ċiklu tal-verifika li jiġi wara, għandu jiġi inkluż il-kwartieri ġenerali fil-programm tal-verifika.

L-organizzazzjonijiet u l-verifikaturi għandhom jiftakru illi jekk jeżistu impatti ambjentali sinifikanti assoċjati ma' lokazzjonijiet ġeografiċi distinti, dawn is-siti kollha għandhom jiġu vvertifikati individwalment u l-informazzjoni ambjentali li jkollha x'taqsam ma' l-impatti ambjentali sinifikanti għandhom jiġu rrappurtati fid-dikjarazzjoni ambjentali skond il-prinċipji tal-"kontabbiltà lokali".

Sit għandu jiġi vverifikat individwalment jekk:

- id-daqs, l-iskala u n-natura ta' l-attivitajiet/operati fuq is-sit ikunu ġew ikkonoxxuti bħala sinifikanti;

- il-verifiki interni u r-reviżjoni tal-ġestjoni jkunu wrew il-ħtieġa li tittieħed azzjoni korrettiva;

- ikunu seħħew bidliet sostanzjali fis-sistema tal-ġestjoni ambjentali jew fil-ħidmiet fuq is-sit mill-aħħar verifika;

- jew jekk is-sit ikun differenti b'mod sinifikanti mis-siti l-oħra ta' l-organizzazzjoni fi:

- id-daqs u fil-prattiċi tax-xogħol,

- l-aspetti/impatti ambjentali diretti u indiretti (it-tip u s-sinifikat),

- is-sensittività għall-ambjenti tiegħu,

- il-ħtiġiet legali applikabbli,

- l-istruttura ta' l-EMS lokali tiegħu jew tas-sistema lokali tal-ġestjoni,

- id-daqs, l-iskala u n-natura ta' l-attivitajiet/operati fuq is-sit.

L-organizzazzjonijiet għandhom jikkunsidraw ir-riskju li jitilfu r-reġistrazzjoni komuni għas-siti kollha fil-każ ta' ksur tal-ħtiġiet regolatorji fuq sit wieħed biss. Wara li jitqies dan ir-riskju, l-organizzazzjonijiet jistgħu b'żieda ma' dan jirreġistraw dawn il-lokazzjonijiet speċifiċi individwalment. Bil-kontra għall-verifika, il-metodi tat-teknika tat-teħid tal-kampjuni jistgħu, bħala regola ġenerali, ma jiġux applikati fil-verifiki interni skond l-Anness III.

Eżempji:

- il-banek,

- l-aġenziji ta' l-ivvjaġġar,

- il-ħwienet katini tal-bejgħ bl-imnut,

- il-konsulenti,

3.2. Bi prodotti jew servizzi differenti

F'dawn il-każijiet mhux possibbli għall-verifikatur li juża metodi tat-teknika fit-teħid tal-kampjuni ġaladarba l-proċeduri tat-tħaddim u l-impatti fuq kull sit ikunu differenti. Hija l-għażla ta' l-organizzazzjoni jekk għandhiex tirreġistra kull sit separatament jew jekk għandhiex tirreġistra s-siti tagħha taħt numru wieħed komuni tar-reġistrazzjoni.

Irrispettivament minn jekk l-organizzazzjoni tixtieqx li jkollha reġistrazzjoni waħda jew reġistrazzjoniji separata għal kull sit individwali, għandhom jiġu kkunsidrati kwistjonijit diversi li jinkludu:

- il-ħtieġa ta' l-analiżi ta' l-aspetti u l-impatti assoċjati mal-lokazzjonijiet kollha differenti,

- il-kontroll maniġerjali li jkollu x'jaqsam ma' dawn,

- l-eżistenza ta' politika u ta' programmi ambjentali li jikkunsidraw il-prinċipju tal-kontabbiltà lokali.

F'dan il-każ is-siti kollha għandhom jiġu vverifikati individwalment u l-informazzjoni ambjentali li jkollha x'taqsam magħhom għandha tiġi rrappurtata separatament fid-dikjarazzjoni ambjentali. (Ara l-punt 3.7 ta' l-Anness III u l-Gwida dwar id-Dikjarazzjoni Ambjentali (l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni)).

Saħansitra f'dan il-każ, organizzazzjoni li tkun trid tirreġistra wħud mis-siti tagħha jew is-siti kollha taħt numru wieħed komuni tar-reġistrazzjoni għandha tkun konxja mir-riskju tat-telf tar-reġistrazzjoni komuni fil-każ ta' kontravenzjoni fuq sit waħdieni (lokazzjoni waħdanija).

Jista' jkun illi kumpanija tibda' billi tirreġistra s-siti waħdiena tagħha u aktar tard tgħaqqadhom taħt numru wieħed tar-reġistrazzjoni bħala organizzazzjoni waħda.

Eżempji:

- il-ġenerazzjoni ta' l-enerġija,

- il-fabbrikazzjoni tal-komponenti mekkaniċi,

- il-kumpaniji kimiċi,

- id-disponiment mill-iskart.

Ħjiel:

- il-kompatibbiltà tal-politika ambjentali korporattiva u tas-sit,

- għandhom jiġu rrappurtati l-impatti lokali sinifikanti fid-dikjarazzjoni ambjentali,

- l-interazzjoni ta' l-aspetti ambjentali bejn is-siti differenti,

- il-kontroll korporattiv ta' l-EMS lokali,

- kull wieħed mis-siti jista' jiġi rreġistrat separatament,

- it-telf tar-reġistrazzjoni komuni minħabba kontravenzjoni fuq sit wieħed.

4. ORGANIZZAZZJONIJIET LI GĦALIHOM SIT WIEĦED MA JISTAX JIĠI DDEFINIT KIF JIXRAQ

Għall-organizzazzjonijiet li għalihom sit ma jistax jiġi stabbilit b'mod faċli, huwa importanti b'mod partikolari illi fil-każ ta' dubju kemm l-organizzazzjoni u kemm il-verifikaturi jikkonsultaw lill-korp kompetenti dwar jekk l-entità magħżula jixirqilhiex li tiġi rreġistrata skond il-prinċipji ta' l-EMAS.

F'dan il-każ, l-isfera tat-tħaddim u l-infrastruttura għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar, integrati b'mod komprensiv fis-sistema ta' l-amministrazzjoni u deskritti b'mod preċiż fid-dikjarazzjoni ambjentali. F'dawn l-organizzazzjonijiet, b'mod partikolari, huwa importanti illi r-responsabbiltajiet rigward l-aspetti sinifikanti ambjentali jiġu ddefiniti b'mod ċar u li l-verifikatur ikollu xiehda illi l-organizzazzjoni għandha proċedura xierqa sabiex tikkontrolla dawn l-aspetti. Minħabba l-fatt illi dawn l-organizzazzjonijiet jaħdmu b'mod ġenerali f'żoni kbar, inklużi bliet jew territorju metropolitan, l-organizzazzjoni għandha tagħti x-xiehda, kif approprjata, illi:

- ikkunsidrat ir-riskji għall-ambjent u għall-popolazzjoni,

- addottat il-pjani approprjati sabiex tinforma lin-nies kif għandhom jaġixxu fil-każ ta' emerġenza,

- ħejjiet tagħrif sistematiku dwar il-livell tat-tniġġiż,

- ikkunsidrat l-infrastruttura taħt il-kontroll tagħha.

Jeżistu każijiet li fihom organizzazzjoni, minkejja li tikkontrolla siti differenti f'żona ddefinita, ma tistax tħaddem kull sit separatament u l-impatti ambjentali tas-siti separati jkunu marbuta ma' xulxin. F'dan il-każ, is-siti separati għandhom jiġu kkunsidrati bħala organizzazzjoni waħdiena għar-reġistrazzjoni fl-EMAS.

Eżempji:

- id-distribuzzjoni tas-servizzi (is-sħana, l-ilma, il-gass, l-elettriku, eċċ.)

- it-telekomunikazzjonijiet,

- it-trasport,

- il-ġbir ta' l-iskart.

5. ORGANIZZAZZJONIJIET LI JIKKONTROLLAW SITI TEMPORANJI

Fil-każ illi l-organizzazzjonijiet iwettqu ħidmiet fuq siti li mhumiex tagħhom għall-perjodi ddefiniti taż-żmien, il-verifikatur għandu jiċċekkja s-sistema tal-ġestjoni ta' l-organizzazzjoni u t-twettiq tax-xogħol ambjentali tagħha fuq siti temporanji magħżula li għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kapaċità tal-ġestjoni ambjentali ta' l-organizzazzjoni. Il-verifikatur għandu juża metodi tat-teknika ta' prattiċi tajba tal-verifika għat-teħid tal-kampjuni sabiex jivverifika kemm ikunu effettivi l-proċeduri fuq is-siti magħżula.

L-organizzazzjoni għandha tagħti xiehda illi jkunu f'posthom il-proċeduri u t-teknoloġiji adottati, xierqa għas-siti speċifiċi li fihom ikollha topera b'mod temporanju.

Meta japplikaw, dawn il-proċeduri għandhom jinkludu mill-inqas l-intestaturi li ġejjin:

- it-teknoloġija u t-taħriġ approprjati;

- l-analiżi xierqa ambjentali tas-siti qabel ma' tibda' l-attività;

- l-analiżi tal-konsegwenzi ambjentali li jirriżultaw minn attivitajiet ippjanati għall-ġejjieni;

- il-komunikazzjoni lill-pubbliku li jgħix fiż-żona u lill-awtoritajiet lokali li jirrigwardaw l-aspetti ambjentali rilevanti assoċjati mal-pjan tax-xogħol, u s-soluzzjonijiet relatati identifikati;

- il-formolazzjoni tal-pjani ta' l-irkupru jew tas-soluzzjonijiet sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet ambjentali taż-żona involuta fit-tmiem ta' l-operati.

Is-siti temporanji għandhom, fuq il-bażi ta' kontrolli fuq il-post, ikunu parti mill-proċess tal-verifika. Huma l-attivitajiet tagħhom li jkunu qegħdin jiġu rreġistrati u mhux biss il-lokazzjoni tagħhom.

Eżempji:

- il-kumpaniji tal-bini,

- il-kumpaniji tat-tindif,

- il-kumpaniji li jipprovdu s-servizzi,

- ir-rimedjaturi tat-tniġġiż,

- iċ-ċirkli.

6. ORGANIZZAZZJONIJIET INDIPENDENTI LI JAĦDMU F'ŻONA LIMITATA IRREĠISTRATA BĦALA ORGANIZZAZZJONI KOMUNI

Għandu jiġi kkunsidrat illi n-nies li jgħixu fil-ħâra ta' sit kbir, l-awtoritajiet lokali u l-korpi ambjentali ta' l-infurzar għandhom interess kbir li jiffaċċjaw responsabbiltajiet komuni u programm ambjentali uniku għaż-żona kollha. Il-kumpaniji indipendenti jista' jkun li jixtiequ li jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi tagħhom sabiex jiksbu reġistrazzjoni komuni fl-EMAS. Dan huwa permess bir-regolament ġaladarba d-definizzjoni ta' "organizzazzjoni" għandha tfisser kumpanija, korporazzjoni, ditta, impriża, awtorità jew istituzzjoni, jew parti minnhom jew għaqda tagħhom, sewwa jekk inkorporati sewwa jekk le, pubbliċi jew privati, li huma nfushom għandhom il-funzjonijiet u l-ġestjoni tagħhom.

F'dawn il-każijiet l-organizzazzjonijiet parteċipanti, sabiex jiksbu reġistrazzjoni komuni bħala organizzazzjoni waħda, għandhom ikunu kapaċi juru responsabbiltà komuni (politika, proċeduri, eċċ.) għall-ġestjoni ta' l-aspetti u l-impatti sinifikanti ambjentali, b'mod partikolari, dwar kif jiġu stabbiliti l-għanijiet u l-miri u l-azzjonijiet korrettivi. Dawk li jorganizzaw l-EMAS tagħhom flimkien u li jġibu reġistrazzjoni komuni huma lkoll meħtieġa li juru titjib kontinwu fit-twettiq tax-xogħol ta' l-aspetti u l-impatti sinifikanti tagħhom skond il-politika, il-programm u l-miri tagħhom. Billi siti diversi qegħdin jiġu rreġistrati bħala organizzazzjoni waħda, huwa wkoll meħtieġ li jitqiesu l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001, l-Anness I.B(2) u l-punt 3.7 ta' l-Anness III, u jkunu kapaċi jiġġustifikaw għaliex it-twettiq tax-xogħol imtejjeb jista' ma jkunx jidher fuq kull wieħed mis-siti tagħha.

Għandu jiġi nnotat illi l-logo jista' jintuża biss mill-organizzazzjoni rreġistrata fl-EMAS u għalhekk fil-każ ta' ċentru ta' park kummerċjali l-logo jista' jintuża biss f'konnessjoni ma' l-isem tal-park kummerċjali. F'kull każ, organizzazzjoni waħdiena tista' tirreġistra lilha nfisha individwalment b'żieda mar-reġistrazzjoni tal-park kummerċjali.

Eżempji:

- żona żgħira industrijali,

- kumpless tal-vaganzi

- parks tal-kummerċ.

Ħjiel:

- il-politika u l-programm ambjentali komuni;

- ir-responsabbiltajiet komuni tal-ġestjoni,

- it-telf tar-reġistrazzjoni komuni minħabba kontravenzjoni fuq sit waħdieni.

7. INTRAPRIŻI Ż-ŻGĦAR LI JOPERAW F'TERRITORJU KBIR U LI JIPPRODUĊU L-ISTESS PRODOTT JEW SERVIZZI JEW LI JIXBHUHOM, LI JKUNU QEGĦDIN IFITTXU REĠISTRAZZJONI INDIVIDWALI

L-Atikolu 11(1) tar-Rgolament (KE) Nru 761/2001 jiddikjara "… Sabiex jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs, inklużi dawk li jinstabu f'żoni ġeografiċi ddefiniti tajjeb, l-awtoritajiet lokali, bil-parteċipazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet industrijali, tal-kmamar tal-kummerċ u tal-partijiet interessati jistgħu jipprovdu assistenza fl-identifikazzjoni ta' l-impatti ambjentali sinifikanti. L-SMEs jistgħu mbagħad jużaw dan sabiex jiddefinixxu l-programm ambjentali tagħhom u jfasslu l-għanijiet u l-miri rigward is-sistema tagħhom tal-ġestjoni ta' l-EMAS…".

F'dawn iż-żoni ġeografiċi l-SMEs (li sikwit jistgħu jaqsmu bejn xulxin livell komuni tat-teknoloġija, l-istess metodi tal-produzzjoni u bejn wieħed u ieħor l-istess sistemi organizzattivi u maniġerjali) għandhom bilfors:

- jikkunsidraw l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mill-proċessi tal-produzzjoni tagħhom,

- jinteraġixxu ma' l-istess komunità, l-istess istituzzjonijiet, l-istess korpi tal-kontroll ambjentali fil-livell lokali, rigward il-problemi ambjentali tagħhom. Fil-fatt jiffaċċjaw l-istess ħtiġiet li jirrigwardaw il-kwalità ta' l-ambjent,

- jikkunsidraw l-interazzjoni bejn l-impatti ambjentali u dawk prodotti mill-operaturi industrijali l-oħra li jeżistu fiż-żona ġeografika kif ukoll mill-impriżi tas-servizzi pubbliċi u mir-residenzi ċivili.

Min-naħa l-oħra għandhom il-possibbiltà li:

- ifittxu s-soluzzjonijiet komuni sabiex isolvu l-problemi ambjentali tagħhom (sabiex iżidu l-effiċjenza ta' l-impjanti fit-tnaqqis tat-tniġġiż, sabiex jegħilbu r-restrizzjonijiet kulturali tagħhom jew l-inadegwatezza tagħhom għall-ġestjoni ambjentali, u l-bqija);

- jappoġġaw lil xulxin, per eżempju, billi:

- jiskambjaw l-esperjenzi dwar l-identifikazzjoni ta' l-aspetti u l-impatti ambjentali,

- jabbozzaw il-politika u l-programm ambjentali flimkien

- iwettqu l-verifiki interni viċe versa fl-organizzazzjoni tas-sieħeb tagħhom sabiex jidentifikaw b'mod aktar faċli l-aspetti u l-impatti ambjentali.

- jikru s-servizzi ta' konsulent ambjentali flimkien,

- jużaw l-istess infrastrutturi għall-ġestjonu ta' l-impatti ambjentali diversi bħall-impjanti tat-trattament ta' l-ilma ta' l-iskart, l-apparat li jaħraq l-iskart, il-miżbliet, eċċ. u joħolqu organizzazzjonijiet speċifiċi, bħall-konsorzji għal dan,

- u, fuq il-bażi ta' l-isforzi komuni tagħhom sabiex jimplimentaw l-EMS, jikru s-servizzi ta' l-istess verifikatur li jista', minħabba x-xebh fl-EMSs, jiffaċilità l-proċess tal-verifika u tal-validazzjoni u jbaxxi l-ispejjeż li jkollhom x'jaqsmu magħhom;

- jipparteċipaw fil-proġetti lokali ambjentali, bħall-proċessi ta' l-Aġenda 21 (l-awtoritajiet lokali jew reġjonali jistgħu jappoġġjaw dawn l-attivitajiet billi jgħinu sabiex jinbnew networks).

Filwaqt li jqisu l-konsiderazzjonijiet preċedenti, id-definizzjoni ta' programm ġenerali, implimentat mill-awtoritajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet industrijali, il-kmamar tal-kummerċ fuq il-bażi ta' l-analiżi inizjali ambjentali tat-territorju kollu, jirrappreżentaw pass prelimenari utli ħafna għall-SMEs li jkunu qegħdin joqorbu lejn l-EMAS.

Il-programm ambjentali territorjali għandu mbagħad jiġi identifikat b'mod ċar, ippubblikat u aċċettat mill-partijiet kollha interessati, u jfittex li jikseb titjib sinifikanti fl-ambjent fiż-żona kollha.

Ġaladarba jkunu ġew adottati u rrikonoxxuti l-għanijiet u l-miri ambjentali, kull organizzazzjoni (l-SMEs, is-servizzi pubbliċi, l-awtoritajiet lokali, eċċ.) għandhom imbagħad, fuq bażi volontarja skond il-proċedura ta' l-EMAS, ifasslu l-passi meħtieġa sabiex jikkonformaw individwalment mar-Regolament (KE) Nru 761/2001 u jfittxu li jiġu rreġistrati fuq bażi individwali.

Il-verifikatur, f'dan il-każ għandu jiċċekkja illi s-sistema maniġerjali ta' l-ambjent tkun kapaċi trendi l-għanijiet u l-miri għall-kull organizzazzjoni waħdiena skond il-programm ġenerali, bil-għanijiet u l-miri għaż-żona kollha. Id-dikjarazzjoni ambjentali għandha mbagħad, barra l-kontenut tagħha meħtieġ mill-EMAS, tidentifika b'mod ċar il-kontribuzzjoni speċifika ta' l-organizzazzjoni għall-miri tal-programm ambjentali kollu.

Eżempji:

- id-distretti industrijali,

- iż-żoni turistiċi,

- l-istabbilimenti tax-xiri,

Ħjiel:

- it-twaqqif ta' korp tal-promozzjoni,

- l-approvazzjoni ta' l-istudju dwar il-possibbiltà li jiġi attwat,

- l-istima indipendenti ta' l-għanijiet u l-miri ġenerali ambjentali,

- l-involviment fil-programm lokali ta' l-Aġenda 21.

8. AWTORITAJIET LOKALI U L-ISTITUZZJONIJIET GOVERNATTIVI

Meta l-organizzazzjoni li tkun qiegħda tfittex ir-reġistrazzjoni fl-EMAS tkun istituzzjoni pubblika, huwa importanti li tiddikjara illi l-aspetti ambjentali indiretti, bħal dawk li huma konsegwenza tal-politiki ta' l-awtorità, jistgħu jkunu l-aktar importanti u, għalhekk, il-problemi li għandhom jitqiesu ma jistgħux jiġu ristretti biss għall-istruttura organizzattiva maniġerjali u għall-aspetti ambjentali assoċjati direttament.

Fil-fatt, ir-responsabbiltajiet politiċi ta' amministrazzjoni pubblika huma konnessi mal-ġestjoni tat-territorju u mal-kwalità tal-ħajja, preżenti u ġejjiena, taċ-ċittadini li jidħlu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Għal uħud mill-awtoritajiet lokali jew mill-istituzzjonijiet governattivi, minħabba l-komplessità tal-ġestjoni u ta' l-aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati, jista' jkun possibbli li tiġi aċċettata reġistrazzjoni separata ta' partijiet minn dawn l-organizzazzjonijiet. F'dan il-każ il-komunikazzjoni lill-pubbliku u l-użu tal-logo ma għandhomx ikunu ambigwi u għandhom jirreferu b'mod ċar għall-fergħa jew l-unità speċifika rreġistrata.

Huwa tal-parir għal dawn l-organizzazzjonijiet li jistabilixxu politika ambjentali tar-referenza li magħha tkun tista' tikkonforma kull parti mill-organizzazzjoni.

Eżempji:

- l-awtorijajiet lokali,

- il-ministeri:

- l-aġenziji governattivi,

- l-Aġenda 21 lokali.

Ħjiel:

- il-konsultazzjoni u l-kunsens taċ-ċittadini,

- l-iżvilupp ekonomiku u l-kompatibbiltà ambjentali,

- il-valutazzjoni ta' għażliet strateġiċi alternattivi u prijoritajiet li jkollhom x'jaqsmu magħhom,

- il-pjani territorjali u l-miri li jistgħu jitkejlu u li għandhom x'jaqsmu magħhom u r-responsabbiltajiet li għandhom x'jaqsmu magħhom,

- il-verifika kontinwa u l-monitoraġġ tal-pjan ambjentali,

- il-bilanċ it-tajjeb bejn l-inizjattivi privati ħielsa u l-ħtiġiet soċjali,

- l-edukazzjoni taċ-ċittadini u ta' l-operaturi ekonomiċi.

[1] Il-Gwida 66 ta' l-ISO/IKE.

- l-EA - 7/02.

- Il-leġislazzjoni l-oħra internazzjonali u nazzjonali u l-gwida.

--------------------------------------------------

ANNESS II

GWIDA DWAR IL-VERIFIKA, IL-VALIDAZZJONI U L-FREKWENZA TAL-VERIFIKA

(Ir-referenzi kollha għall-annessi huma għall-Annessi mar-Regolament (KE) Nru 761/2001 għajr jekk iddikjarat espressament xorta oħra)

1. DAĦLA

Wara l-ewwel verifika, l-EMAS teħtieġ illi l-verifikatur flimkien ma’ l-organizzazzjoni jiddisinjaw u jiftiehmu dwar programm tal-verifika li jkopri perjodu taż-żmien ta' mhux aktar minn 36 xahar. Wara l-ewwel verifika dwar id-dikjarazzjoni ambjentali, l-EMAS teħtieġ ukoll li t-tagħrif għandu jiġi aġġornat kull sena u li kull tibdil għandu jiġi vvalidat kull sena, għajr f'ċerti ċirkostanzi. Din il-gwida tidentifika l-kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati waqt li jkun qiegħed jiġi ddisinjat il-programm tal-verifika inkluż meta jistgħu jkunu ġġustifikati id-devjazzjonijiet mill-frekwenza ta' kull sena ta' l-aġġornament tat-tagħrif fid-dikjarazzjoni ambjentali. Tagħti ukoll gwida dwar il-frekwenza tal-verifika interna.

Għaċ-ċarezza, din il-gwida tuża t-termini li ġejjin rigward it-tifsir:

"Verifika" – l-istima (verifika) mwettqa mill-verifikatur ambjentali sabiex jiġi żgurat illi l-politika ambjentali ta' organizzazzjoni, is-sistema tal-ġestjoni u l-proċedura/i tal-verifika jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 761/2001. Din għandha tinkludi żjara lill-organizzazzjoni, l-eżaminazzjoni tad-dokumenti/reġistri u l-intervisti mal-persunal.

"Validazzjoni" – l-istima mwettqa mill-verifikatur ambjentali sabiex jiċċekkja illi t-tagħrif u l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ambjentali ta' l-organizzazzjoni jkunu ta' min joqgħod fuqhom, kredibbli u korretti u jikkonformaw mal-ħtiġiet imfassla fil-punt 3.2 ta' l-Anness III.

2. PROGRAMM TAL-VERIFIKA

2.1. Ħtieġa

F'konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjoni l-verifikatur għandu jfassal programm sabiex jiżgura illi l-elementi kollha meħtieġa għar-reġistrazzjoni fl-EMAS jiġu vverifikati f'perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx is-36 xahar (il-punt 5.6 ta' l-Anness V).

2.2. L-intenzjoni

Din il-ħtieġa hija sabiex tiżgura lill-ġestjoni ta' l-organizzazzjoni u lill-partijiet interessati illi l-politika ambjentali, is-sistema tal-ġestjoni, il-proċeduri, it-tagħrif, il-kejl ta' l-informazzjoni u l-monituraġġ, jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-Regolament (KE) Nru 761/2001. Il-komunikazzjoni regolari bejn il-verifikatur u l-organizzazzjoni tgħin sabiex jinbnew il-kredibilità u l-kunfidenza f'min juża l-EMAS kif ukoll fis-sistema nfisha. Sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza kontinwa ta' l-EMS u tat-twettiq tax-xogħol ambjentali tkun prattika tajba jekk il-verifika tiġi strutturata bil-manjiera illi terz mill-attivitajiet ta' l-organizzazzjoni jiġu vverifikati kull sena biex b’hekk l-attivitajiet kollha jiġu vverifikati matul il-perjodu massimu taż-żmien ta' 36 xahar. Dan ser jgħin ukoll sabiex il-verifikatur irabbi l-fiduċja dwar il-preċiżjoni, il-kredibilità u kemm wieħed jista’ joqgħod fuq it-tagħrif fid-dikjarazzjoni ambjentali.

Madanakollu, fl-organizzazzjonijiet u l-impriżi ż-żgħar (ara l-kaxxa rigward id-definizzjoni) il-verifika tista’ ssir fi żjara waħda, fil-frekwenxa li tiġi miftiehma bejn il-verifikatur u l-organizzazzjoni iżda mill-inqas kull 36 xahar għas-sistema kollha.

Id-definizzjoni ta' organizzazzjoni żgħira jew impriża żgħira

"Impriża żgħira" hija ddefinita bħala impriża li:

- għandha inqas minn 50 impjegat u

- għandha jew,

- valur tal-bejgħ annwali li ma jaqbiżx is-7 miljuni EUR, jew

- total tal-balance-sheet annwali li ma jaqbiżx il-5 milljuni EUR,

- u 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot ma jkunux pussessi minn intrapriża waħda, jew konġuntment minn numru ta' intrapriżi.

2.3. Il-Gwida

Il-verifikatur għandu jfassal u jiftiehem programm tal-verifika biss meta tkun saret il-verifika sħiħa tal-bidu u l-validazzjoni tad-dikjarazzjoni ambjentali. Fit-tfassal tal-programm tal-verifika l-verifikatur għandu jikkunsidra:

- is-saħħa u l-fiduċja fil-programm intern tal-verifika, inkluża l-frekwenza tal-verifiki interni,

- il-komplessità ta' l-EMS,

- il-politika ambjentali,

- id-daqs, l-iskala u n-natura ta' l-attivitajiet, tal-prodotti u tas-servizzi ta' l-organizzazzjoni.

- is-sinifikat ta' l-aspetti ambjentali diretti u indiretti ta' l-organizzazzjoni li fuqhom għandha l-kontroll jew li jista’ jiġi mistenni li jkollha influenza,

- is-saħħa tas-sistema tal-ġestjoni u ta' l-irkupru ta' l-informazzjoni u tat-tagħrif, kif ikollhom x'jaqsmu mat-tagħrif u l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni ambjentali.

- l-istorja tal-problemi ambjentali,

- safejn u sakemm jaslu l-attivitajiet bla ħsara għar-regolamenti ambjentali,

- ir-riżultati mill-verifiki ta' qabel,

- l-esperjenza ta' l-organizzazzjoni dwar il-konforma mal-ħtiġiet ta' l-EMAS.

Verifikatur, filwaqt li jkun qiegħed jistma l-konformità mal-ħtiġiet tar-Regolament ta' l-EMAS, jista’ jsejjes din l-istima jew, fuq il-funzjonijiet, l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi ta' l-organizzazzjoni, jew fuq l-aspetti ambjentali li fuqhom l-organizzazzjoni għandha kontroll u influenza diretti u/jew indiretti.

Il-verifika ta' l-organizzazzjonijiet b'ċertifikazzjoni akkreditata għall-EN ISO 14001 (jew kull livell ieħor ambjentali) irrikonoxxuta skond il-proċeduri ddikjarati fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 teħtieġ tindirizza biss dawk l-elementi li mhumiex koperti bil-livell irrikonoxxut.F'dawn il-każijiet il-verifikatur huwa mistenni li jikkunsidra l-programm tas-sorveljanza ta' l-EN ISO 14001 waqt li jkun qiegħed ifassal il-programm tal-verifika u jekk ikun jaqbel jipprova jgħaqqad iż-żjarat ta' l-istima safejn u sakemm ikun possibbli, sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni, l-ispejjeż u l-ħela tal-ħin bla ħtieġa ta' l-organizzazzjoni. Madnakollu, l-attivitajiet tal-verifika għandhom ikunu differenti minn dawk taż-żjarat tas-sorveljanza li jsiru bħala parti miċ-ċertifikazzjoni għall-EN ISO 14001. B'mod partikolari, għandhom ikopru l-punti addizzjonali koperti bl-Anness I.

3. AĠĠORNAMENTI TAT-TAGĦRIF AMBJENTALI

3.1. Ħtieġa

L-Artikolu 3(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 jeħtieġ illi, sabiex organizzazzjoni żżomm ir-reġistrazzjoni tagħha fl-EMAS, għandha: "tibgħat l-aġġornamenti validati meħtieġa ta' kull sena tal-prospett ambjentali tagħha lill-korp kompetenti u tqegħidhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Id-devjazzjonijiet mill-frekwenza li bihom għandhom jitwettqu l-aġġornamenti jistgħu isiru taħt iċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-gwida tal-Kummissjoni addottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), b'mod partikolari rigward l-organizzazzjonijiet iż-żgħar u l-intrapriżi ż-żgħar skond ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE [1] u meta ma jkun hemm l-ebda bidla operattiva fis-sistema tal-ġestjoni ambjentali."

Il-punt 3.4 ta' l-Anness III, dwar iż-żamma tat-tagħrif disponibbli pubblikament jiddikjara: "L-organizzazzjoni għandha taġġorna t-tagħrif imsemmi fil-punt 3.2 u għandu jkollha kull bidla vvalidatà minn verifikatur ambjentali, fuq bażi ta' kull sena. Jistgħu jsiru devjazzjonijiet mill-frekwenza li biha għandhom jitwettqu l-aġġornamenti fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-gwida tal-Kummissjoni…".

Dan huwa ddikjarat mill-ġdid fil-punt 5.6 ta' l-Anness V, li jiddikjara: "… B'żieda ma’ dan, il-verifikatur għandu f'intervalli taż-żmien li ma jaqbżux it-12-il xahar jivvalida kull tagħrif aġġornat fid-dikjarazzjoni ambjentali. Jistgħu jintgħamlu devjazzjonijiet mill-frekwenza li biha l-aġġornamenti għandhom jitwettqu fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-gwida tal-Kummissjoni…".

3.2. Gwida

Huwa normalment mistenni illi kull sena jiġi aġġornat it-tagħrif fid-dikjarazzjoni ambjentali u jiġu vvalidati l-bidliet. L-aħjar prattika u l-iktar effettiva skond il-prezz hija illi l-validazzjoni tad-dikjarazzjoni ambjentali tiġi marbuta mal-programm kontinwu tal-verifika. Iż-żmien, l-isforz u l-ispejjeż tal-validazzjoni jiddependu fuq il-kwalità tas-sistema tal-ġestjoni u ta' l-irkupru ta' l-informazzjoni u tat-tagħrif użata sabiex titnissel id-dikjarazzjoni ambjentali.

Normalment l-informazzjoni u t-tagħrif dwar it-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjoni (il-punt 3.2(e) ta' l-Anness III) jinbidlu kull sena u jeħtieġu li jiġu aġġornati fid-dikjarazzjoni ambjentali għalkemm jeħtieġu li jiġu vvalidati biss il-bidliet. L-aġġornament tat-tagħrif fid-dikjarazzjoni ambjentali ma jeħtieġx il-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjoni ambjentali ġdida ta' kull sena, iżda biss li tkun disponibbli pubblikament. Il-mira ta' l-EMAS huwa li jiġi inkoraġġit il-ħruġ fil-pubbliku ta' tagħrif kredibbli rigward it-titjib fit-twettiq tax-xogħol ambjentali. Dan jista’ jsir, per eżempju, billi tiġi prodotta dikjarazzjoni ambjentali separata għaliha waħedha; jew billi dan it-tagħrif jiġi inkluż mar-rapport tal-kontijiet; fil-għamla stampata jew fuq website ta' l-Internet. Ara l-gwida separata tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni ambjentali ddikjarata fl-Anness I mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/680/KE [2].

Għalkemm it-tagħrif aġġornat għan-negozji ż-żgħar u l-organizzazzjonijiet iż-żgħar ma jeħtieġx li jkun f'dokument bil-karta tleqq prodott bil-għoli ħafna, ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 iħalli lil dawn l-organizzazzjonijiet jestendu l-frekwenza sabiex jaġġornaw it-tagħrif tagħhom u jivvalidawh. Dawn l-organizzazzjonijiet biss għalhekk huma eżentati mill-validazzjoni ta' kull sena tat-tagħrif aġġornat (ara l-eżempji ta' hawn taħt), għajr jekk ikollhom:

- riskji maġġuri ambjentali assoċjati ma’ l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom, jew

- bidliet sinifikati fit-tħaddim tas-sistema tagħhom tal-ġestjoni ambjentali, jew

- ħtiġiet legali sinifikanti li jkollhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom, jew

- kwistjonijiet sinifikanti lokali,

li f'dan il-każ il-verifikatur għandu jeħtieġ aġġornamenti vvalidati ta' kull sena tat-tagħrif fid-dikjarazzjoni ambjentali.

Jekk l-aġġornament tad-dikjarazzjoni ambjentali ma jintgħamilx ta' kull sena, ikun mistenni li jsir f'perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx is-36 xahar.

Eżempji:

- il-furnara ż-żgħar

- il-kindergarten

- il-ħwienet b'post wieħed tal-bejgħ

3.3. Il-validazzjoni ta' estratti mid-dikjarazzjoni ambjentali

L-organizzazzjonijiet jistgħu jixtiequ li jużaw estratti mid-dikjarazzjoni ambjentali tagħhom flimkien mal-logo ta' l-EMAS. L-eżempji jinkludu:

- is-sottomissjoni ta' l-informazzjoni vvalidatà dwar l-emissjonijiet lir-regolaturi ambjentali,

- it-tagħrif dwar l-emissjonijiet tal-karbonju fil-programmi nazzjonali tat-tnaqqis tal-bidla tal-klima,

- it-twettiq tal-ħtiġiet legali sabiex jiġi żvelat pubblikament it-tagħrif ambjentali lill-azzjonisti u lill-iskemi tal-pensjonijiet.

Meta jintuża l-logo ma’ l-estratti, l-organizzazzjoni għandha tuża biss l-estratti mid-dikjarazzjoni ambjentali vvalidati l-iktar riċentement. L-estratti jeħtieġu wkoll li jkunu jaqblu mal-ħtiġiet fil-punt 3.5 (a) sa (f) ta' l-Anness III, billi jkunu rilevanti u sinifikanti u jevitaw milli jkunu qarrieqa.

L-estratti mid-dikjarazzjoni ambjentali wżati bil-logo ta' l-EMAS għandhom jiġu vvalidati separatament. Iż-żmien, l-isforz u l-ispejjeż jistgħu ffrankati billi jiġu identifikati liema estratti għandhom jintużaw sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu vvalidati fl-istess ħin tad-dikjarazzjoni.

Għal tagħrif dwar l-użu tal-logo ara l-Gwida tal-Kummissjoni fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.

4. FREKWENZA TAL-VERIFIKA

4.1. Ħtieġa

L-Anness II 2.9 dwar il-Frekwenza tal-Verifika jiddikjara illi

"Il-frekwenza li biha kull attività tiġi vverifikata ser tvarja skond:

- in-natura, l-iskala u l-komplessità ta' l-attivitajiet,

- is-sinifikat ta' l-impatti ambjentali assoċjati,

- l-importanza u l-urġenza tal-problemi mikxufa mill-verifiki preċedenti,

- l-istorja tal-problemi ambjentali,

Organizzazzjoni għandha tiddefinixxi il-programm tagħha stess tal-verifika u tal-frekwenza tal-verifika wara li tikkunsidra l-gwida tal-Kummissjoni…"

.

4.2. L-Intenzjoni

Hawnhekk jiġi żgurat illi jiġi żviluppat programm tal-verifika li jipprovdi lill-ġestjoni bit-tagħrif li teħtieġ sabiex tirrevedi t-twettiq tax-xogħol ambjentali ta' l-organizzazzjoni u l-effettività tas-sistema tal-ġestjoni ambjentali, u li jkun jista’ turi li huma taħt kontroll. Ser jipprovdi wkoll bażi lill-verifikatur li jiżviluppa u jiftiehem dwar il-programm tal-verifika ma’ l-organizzazzjoni u sabiex jistabbilixxi l-frekwenza tal-viżti lill-organizzazzjoni.

4.3. Gwida

Tkun prattika tajba fit-tfassil tal-programm tal-verifika li jiġu vverifikati l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi li jikkawżaw, jew għandhom il-potenzjal li jikkawżaw, l-aktar impatti ambjentali sinifikanti iktar spiss minn dawk ta' sinifikat aktar baxx. L-organizzazzjoni għandha ukoll twettaq verifiki mill-inqas fuq bażi annwali, għax dan ser jgħin sabiex juri lill-ġestjoni ta' l-organizzazzjoni u lill-verifikatur illi tikkontrolla l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha.

[1] ĠU L 107, tat-30.4.1996, p. 4.

[2] Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

ANNESS III

ID-DOKUMENT TA' GWIDA DWAR L-UŻU TAL-LOGO TA' L-EMAS

(Ir-referenzi kollha huma għall-Annessi mar-Regolament (KE) Nru 761/2001 għajr meta espressi xorta oħra)

1. PRINĊIPJI

Regolament ta' Referenza

Din il-gwida hija mingħajr preġudizzju għall-liġijiet Komunitarji, jew il-liġijiet nazzjonali jew l-i standards tekniċi mhux irregolati bil-liġijiet Komunitarji, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE tal-10 ta' Settembru 1984 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw ir-reklamar qarrieqi [1] u l-obbligi ta' l-organizzazzjonijiet skond dawn il-liġijiet u standards.

1.1. Għanijiet tal-logo ta' l-EMAS

Wieħed mill-elementi fil-qalba tar-Regolament (KE) Nru 761/2001 huwa l-introduzzjoni ta' l-għażliet differenti għall-komunikazzjoni tat-tagħrif ambjentali lill-azzjonisti. L-organizzazzjonijiet għandhom jiġu inkoraġġiti li jagħtu rendikont tal-twettiq tax-xogħol ambjentali tagħhom lill-pubbliku, lill-klijenti tagħhom u lill-konsumaturi billi jużaw dawn il-għażliet addizzjonali għall-komunikazzjoni.

Il-logo ta' l-EMAS huwa marka kummerċjali rreġistrata tar-Regolament (KE) Nru 761/2001. Huwa l-għan tal-logo ta' l-EMAS li jindika lill-pubbliku u lill-partijiet l-oħra interessati:

- it-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' sistema tal-ġestjoni ambjentali,

- il-valutazzjoni sistematika, oġġettiva u perjodika tat-twettiq tax-xogħol ta' dawn is-sistemi,

- il-provvediment tat-tagħrif dwar it-twettiq tax-xogħol ambjentali u d-djalogu miftuħ mal-pubbliku u l-partiti l-oħra interessati;

- l-involviment attiv, inkluż it-taħriġ xieraq ta' l-impjegati,

mill-organizzazzjoni, inkluża d-dispożizzjoni għall-konformità legali mal-leġislazzjoni ambjentali rilevanti. B'mod partikolari dan jindika illi l-organizzazzjoni tipprovdi dikjarazzjonijiet ambjentali perjodiċi disponibbli għall-pubbliku u li jkunu ġew ivvalidati minn verifikatur indipendenti.

F'dan il-kuntest il-logo ta' l-EMAS għandu tliet funzjonijiet:

- li jindika l-fiduċja u l-kredibbilità tat-tagħrif ipprovdut minn organizzazzjoni rigward it-twettiq tax-xogħol ambjentali tagħha;

- li jindika l-impenn ta' l-organizzazzjoni sabiex ittejjeb it-twettiq tax-xogħol ambjentali u għall-ġestjoni soda ta' l-aspetti ambjentali tagħha;

- li tqajjem kuxjenza dwar l-iskema fost il-pubbliku, fost il-partijiet interessati u fost l-organizzazzjonijiet lesti li jtejjbu t-twettiq tax-xogħol ambjentali tagħhom.

Għalhekk hija l-intenzjoni tal-Komunità li żżid il-valur għall-EMAS billi toħloq għażliet ġodda u kredibbli għall-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS sabiex juru t-twettiq tax-xogħol ambjentali u l-impenn tagħhom għall-protezzjoni ta' l-ambjent billi jikkomunikaw mal-partijiet interessati permezz ta' firxa wiesa' ta' mezzi differenti, kif propost f'dan id-dokument ta' gwida.

1.2. Ir-relazzjoni bejn il-logo ta' l-EMAS u l-iskemi ta' l-eko-tikkettjar (l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 761/2001)

Il-logo ta' l-EMAS jirrappreżenta:

- l-isforzi volontarji pro-attivi mill-organizzazzjonijiet irreġistrati biex itejbu kontinwament it-twettiq tax-xogħol ambjentali tagħhom lil hinn mill-ħtiġiet regolatorji,

- is-sistema tal-ġestjoni ambjentali li timplimenta l-għanijiet iffisati mill-organizzazzjoni u

- il-fatt illi t-tagħrif ipprovvdut f'p.e. id-dikjarazzjoni ambjentali hija kredibbli, u ġiet ivvalidata minn verifikatur ambjentali akkreditat.

B'mod differenti mill-logo ta' l-EMAS, l-iskemi ta' l-eko-tikkettjar għall-prodotti u s-servizzi għandhom karatteristiċi differenti:

- huma min-natura tagħhom selettivi u għalhekk jindikaw pretensjoni komparattiva bejn il-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi li jġorru it-tikketta u dawk li ma għandhomx lilha;

- jindikaw illi jkunu ġew miħuqa l-kriterji ekoloġiċi stabbiliti minn terza persuna, li għalihom uħud biss mill-prodotti fil-kwalità tas-suq;

- id-definizzjoni tal-kriterju rilevanti ssegwi proċedura konsultattiva approvata (l-aktar b'mod uffiċjali).

L-iskemi ta' l-eko-tikkettjar jistgħu jipprovdu tagħrif rilevanti rigward l-aspetti ambjentali assoċjati mal-prodotti u mas-servizzi.

Il-logo ta' l-EMAS ma timplika l-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi u lanqas ma għandu jintuża b'mod li jwassal għall-konfużjoni ma' dawn il-karatteristiċi.

Hija r-responsabbiltà ta' l-organizzazzjonijiet, tal-verifikaturi u tal-korpi kompetenti li jevitaw kull konfużjoni mat-tikketti tal-prodotti ambjentali. Għal dan il-għan l-organizzazzjoni għandha tagħżel b'attenzjoni t-tagħrif li għandu jiġi kkomunikat u li tiddisinja l-għodda tal-komunikazzjoni sabiex tevita kull konfużjoni. Hija r-responsabbiltà tal-verifikatur li jistma l-validità u l-fiduċja tal-messaġġ li għandu jiġi kkunsinnat lill-konsumatur skond il-ħtiġiet iddefiniti fil-punti 3.2 u 3.5 ta' l-Anness III u skond id-dmirijiet tiegħu kif iddefiniti fl-Anness V.

2. ĦTIĠIET KIF MOGĦTIJA L-ISEM FIR-REGOLAMENT (KE) Nru 761/2001

2.1. Id-dispożizzjonijiet legali rilevanti

(a) l-Artikolu 8 ("il-logo") jiddefinixxi:

- il-kondizzjonijiet li fuqhom jista' jintuża l-logo ta' l-EMAS, jiġifieri l-ħtieġa ta' reġistrazzjoni korrenti fl-EMAS (il-paragrafu 1),

- il-ħames għażliet differenti għall-użu tiegħu (il-paragrafu 2) u

- il-każijiet fejn ma għandux jintuża, jiġifieri fuq il-prodotti jew fuq il-imballaġġ tagħhom u f'għaqda mal-pretensjonijiet komparattivi (il-paragrafu 3).

(b) Il-punt 3.5 ta' l-Anness III, "Il-Pubblikazzjoni tat-Tagħrif" jipprovdi l-għażliet tat-tagħrif pubbliku b'żieda mad-dikjarazzjoni ambjentali u fil-punti (a) sa (f) jispeċifika l-ħtiġiet li għandhom jintlaħqu jekk it-tagħrif magħżul jiġi ġġenerata u wżat bil-logo ta' l-EMAS fuqu. Il-punt 3.5 ta' l-Anness III jeħtieġ illi t-tagħrif għandu jkun:

- preċiż u ma jqarraqx,

- issostanzjat u verifikabbli,

- rilevanti u wżat fil-kuntest jew l-arranġament approprjati,

- rappreżentattiv tat-twettiq tax-xogħol ambjentali ġenerali ta' l-organizzazzjoni,

- mhux probabbli li jirriżulta f'miżinterpretazzjoni

- sinifikanti rigward l-impatt ambjentali ġenerali.

L-organizzazzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-ħtiġiet tal-punt 3.5 (a) sa (f) ta' l-Anness III ukoll meta jużaw il-logo ta' l-EMAS fuq ir-riklami għall-prodotti, għall-attivitajiet u għad-servizzi kif spjegat fit-taqsima 5 ta' din il-gwida.

(ċ) L-Anness IV "Il-Ħtiġiet minimi tal-logo" jiddefinixxi ż-żewġ għamliet tal-logo: waħda li jindika "ġestjoni ambjentali vverifikata" (fil-verżjoni 1), u l-oħra tindika "Tagħrif ambjentali vvalidat" (fil-verżjoni 2). Fiż-żewġ każijiet, għandu jiġi indikat in-numru tar-reġistrazzjoni ta' l-organizzazzjoni.

Il-format tal-logo skond l-Anness IV jista' jiġi mibdul biss taħt iċ-ċirkostanzi ddefiniti fil-punt 2.2 ta' din il-gwida.

2.2. Użu tal-logo għall-promozzjoni ta' l-iskema EMAS

Huwa rikonoxxut illi hemm bżonn ta' l-użu tal-logo għall-promozzjoni ta' l-iskema EMAS. F'dan il-kuntest l-użu tal-kliem "Informazzjoni vvalidatà" jew "ġestjoni ambjentali ivverifikata" ma jkunux xierqa daqs l-użu tan-numru tar-reġistrazzjoni. Għalhekk il-logo jista' jintuża għall-promozzjoni ta' l-EMAS fil-format li ġej:

+++++ TIFF +++++

għall-iskopijiet li ġejjin, per eżempju:

- il-materjali tal-promozzjoni (badges, eċċ);

- l-artikoli tal-ġurnali;

- il-gwida tal-Kummissjoni;

- il-kotba, il-pubblikazzjonijet dwar l-EMAS;

sakemm:

- ma jintużax flimkien ma' l-isem ta' l-organizzazzjoni, u

- ma jimplikax jew jagħti l-impressjoni tar-reġistrazzjoni ma' l-iskema jew li min ikun qiegħed juża l-logo f'din il-għamla mhux qiegħed jagħmel pretensjoni ambjentali għall-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tiegħu.

2.3. Il-funzjonijiet tal-logo f'tipi differenti tat-tagħrif (l-Artikolu 8 u l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 761/2001)

Billi fil-verżjoni 1 tal-logo tindika l-fatt illi organizzazzjoni għandha sistema tal-ġestjoni ambjentali fil-post li tikkonforma mal-ħtiġiet ta' l-EMAS, fil-verżjoni 2 tindika illi t-tagħrif speċifiku li għalih hu attribwita l-logo ġie vvalidat taħt mill-EMAS.

Fl-Artikolu 8(2) ir-Regolament ta' l-EMAS isemmi ħames għażliet differenti għall-użu tal-logo:

(a) dwar it-tagħrif ivvalidat kif deskritt fil-punt 3.5 ta' l-Anness III, skond iċ-ċirkostanzi ddefiniti f'din il-gwida. F'dan il-każ il-logo jindika illi t-tagħrif huwa meħud minn dikjarazzjoni ambjentali vvalidatà u jissodisfa l-ħtiġiet tal-punt 3.5 (fil-verżjoni 2) ta' l-Anness III;

(b) fuq id-dikjarazzjonijiet ambjentali vvalidati: Jagħti prominenza lill-parteċipazzjoni fl-iskema u juri illi l-kontenut tad-dikjarazzjoni huwa vvalidat (fil-verżjoni 2);

(ċ) fuq il-letterheads ta' l-organizzazzjonijiet irreġistrati (fil-verżjoni 1);

(d) fuq it-tagħrif li tirreklama l-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni fl-EMAS: Jindika l-fatt illi l-organizzazzjoni tipparteċipa fl-EMAS. Fil-verżjoni 1 tal-logo tista', per eżempju, tintuża fuq il-pjanċi, bini, siti ta' l-internet, inviti, eċċ.;

(e) fuq reklami għall-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi, jew fihom, li jkunu biss skond iċ-ċirkostanzi ddefiniti f'din il-gwida li għandhom jiżguw illi ma hemm l-ebda konfużjoni mat-tikketti tal-prodotti ambjentali (fil-verżjoni 2).

F'dawn il-każijiet kollha għandu jkun hemm konnessjoni ċara ma' l-isem ta' l-organizzazzjoni.

L-utenti ta' l-organizzazzjonijiet tal-logo rreġistrat ta' l-EMAS għandhom jikkunsidraw li ma għandu jkun hemm l-ebda diżgwid mill-pubbliku meta jintuża l-logo. Per eżempju l-ebda organizzazzjoni ma għandha tuża l-logo b'xi mod li jfixkel jew iqarraq bil-pubbliku meta tiddikjara illi tkun għamlet xi ħaġa li "tixbaħ" ir-Regolament ta' l-EMAS jew bil-mod tagħha "skond" ir-Regolament.

Billi l-użu tal-logo fid-dikjarazzjoni u fuq il-letterheads kien kopert bir-Regolament (KEE) Nru 1836/93 [2] huma permessi użi oħra ġodda tal-logo fir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u dawn il-każijiet huma ttrattati fil-punti li ġejjin.

3. GWIDA DWAR L-UŻU TAL-LOGO FUQ IT-TAGĦRIG MAGĦŻUL MID-DIKJARAZZJONI AMBJENTALI (l-Artikolu 8(2) (a) u l-punt 3.5 ta' l-Anness III tar-Regolament Nru 761/2001)

3.1. Il-Ħtiġiet ġenerali

L-użu tal-logo (fil-verżjoni 2) f'konnessjoni mat-tagħrif magħżul għandu jissodisfa l-ħtiġiet imsemmija fil-punt 3.5 ta' l-Anness III.

Teżisti firxa wiesgħa ta' formati possibbli tal-pubblikazzjoni bħal:

- brochures ta' informazzjoni,

- datasheets,

- fuljetti għat-tqassim,

- reklami fil-gazzetti,

- kapitoli dwar l-ambjent f'pubblikazzjonijiet li ma għandhomx x'jaqsma ma' l-ambjent,

- websites eċċ., u

- reklami fuq it-televiżjoni.

L-użu approprjat tal-logo ma jiddependix fuq il-mezz tekniku li bih jiġi ppreżentat it-tagħrif. Il-ħtieġa ġenerali li għandha tintlaħaq minn kull użu tal-logo f'dawn il-każijiet hija:

Agħmel jidher it-tagħrif li għalih jirreferi l-logo!

Jekk il-kontenut intier ta' pubblikazzjoni jkun kopert bid-dikjarazzjoni ambjentali u vvalidat mill-verifikatur, il-logo jista' jintuża b'kull mod meqjus adegwat (per eżempju, fuq il-paġna ta' quddiem, fuq in-naħa ta' fuq ta' reklam, bħala sfond grafiku tat-test, eċċ.).

It-tagħrif ivvalidat għandu jiġi distint b'mod ċar mill-kumplament tat-test, per eżempju, bi kwadru, b'format differenti, bil-kulur, bid-daqs jew bit-tipa li jintużaw) jekk ikun:

- biss parti minn "korp" ieħor tal-publikazzjoni (per eżempju, b'kontenut tekniku jew kummerċjali) jew

- ippreżentat flimkien ma' tagħrif ieħor ambjentali mhux ivvalidat (per eżempju, blokka waħda f'test akbar, jew taqsima waħda minn rapport ta' kumpanija, eċċ.).

Il-logo għandu jitqiegħed hekk illi jħalli attribut ċar lit-tagħrif ivvalidat.

3.2. Eżempji:

L-eżempji li ġejjin juru l-prinċipji ddefiniti fil-punt 3.1 ta' din il-gwida għall-organizzazzjonijiet irreġistrati. Fil-każijiet kollha msemmija bħala "permess" għandhom jintlaħqu l-ħtiġiet imsemmija fil-punt 3.5 (a) sa (f) ta' l-Anness III.5. Fil-każijiet imsemmija bħala "mhux permess" il-ħtiġiet imsemmija fil-punt 3.5 ta' l-Anness III jiġu miksura kif indikat.

In-Nru | L-Eżempju | L-Istatus |

1. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fuq in-naħa ta' fuq ta' kumpilazzjoni ta' informazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet u vvalidatà dwar it-twettiq tax-xogħol | Permess |

2. | Il-logo (fil-verżjoni 2) stampat fuq karta li titqassam lill-ħaddiema li jkun fiha t-tagħrif ivvalidat b'mos esklussiv dwar l-operat tas-sistema tal-ġestjoni ambjentali | Permess |

3. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fuq il-qoxra ta' fuljett għall-konsumaturi u l-fornituri, bil-kontenut meħud mid-dikjarazzjoni ambjentali vvalidatà | Permess |

4. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fir-rapport annwali ambjentali ta' l-organizzazzjoni ta' azjenda li tinkludi sussidjarji rreġistrati u mhux irreġistrati li jagħti t-titolu lil kapitolu dwar is-sistema vvalidatà tal-ġestjoni ambjentali f'uħud mill-partijiet ta' l-organizzazzjoni rreġistrata fl-EMAS li huma msemmija b'mod ċar | Permessa |

5. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fuq il-qoxra tar-rapport ambjentali ta' kumpanija, b'partijiet mill-kumpanija mhux irreġistrati | Mhux permess minħabba l-ksur tal-punt 3.5 (a), (d), (e) u (f) ta' l-Anness III |

6. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fuq il-qoxra tar-rapport kummerċjali ta' organizzazzjoni (organizzazzjoni rreġistrata kompletament) | Mhux permess minħabba l-ksur tal-punt 3.5, (a), (d), (e) u (f) ta; l-Anness III, |

7. | Il-logo (fil-verżjoni 2) bħala grafika li tissottolinja l-kumpilazzjoni ta' l-informazzjoni ambjentaji vvalidatà f'rapport kummerċjali. | Permess |

8. | Il-logo (fil-verżjoni 2) bħala grafika li tissottolinja parir ivvalidat għall-konsumaturi dwar id-disponiment fis-sigurtà minn prodott | Permess |

9. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb informazzjoni vvalidatà fuq il-website ta' organizzazzjoni | Permess |

10. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb dikjarazzjoni vvalidatà fuq it-trakk ta' kumpanija tad-distribuzzjoni rreġistrata imqiegħda maġenb l-isem tal-kumpanija li jgħid "Aħna naqqasna l-konsum medju tad-Diesel tal-flotta tagħna tat-trakkijiet b'20 % għal xy litri għal kull 100 km bejn is-snin 1995 u 1998" | Permess |

11. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb dikjarazzjoni mqiegħda fuq trakk li jġorr il-logo tal-marka tal-fabbrika ta' bejjiegħ bl-imnut li tgħid "Id-distribuzzjoni tagħna mhix ta' ħsara għall-ambjent" | Mhux permess minħabba l-ksur tal-punt 3.5, (a), (b), (ċ), (d), (e) u (f) ta' l-Anness III, |

12. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fuq paġna li jkun fiha l-ħtiġiet għat-tagħrif ivvalidat għall-fornituri fil-katalgu ta' bejjiegħ bl-imnut | Permess |

4. GWIDA DWAR L-UŻU TAL-LOGO FUQ IR-REKLAMAR GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA' L-ORGANIZZAZZJONI FL-ISKEMA (l-Artikolu 8(2) (d) tar-Regolament Nru 761/2001)

4.1. Ħtiġiet ġenerali

L-użu tal-logo (fil-verżjoni 1) skond l-Artikolu 8(2) (d) huwa intiż sabiex jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet interessati illi organizzazzjoni hija rreġistrata. Għalhekk huwa meħtieġ ili l-logo jiġi attribwit b'mod ċar u esklussiv lill-organizzazzjoni rreġistrata. Għandha tiġi evitata konfużjoni ma' organizzazzjonijiet li m'humiex irreġistrati fl-EMAS.

L-organizzazzjonijiet irreġistrati u l-fornituri rreġistrati tas-servizzi tal-komunikazzjoni li jaħdmu għan-nom tagħhom ma għandhomx joħolqu l-impressjoni illi dawn ta' l-aħħar infushom jkunu wettqu l-ħtiġiet ta' l-EMAS jekk dan ma jkunx il-każ.

4.2. Eżempji:

L-eżempji li ġejjin juru l-prinċipji msemmija hawn fuq għall-organizzazzjonijiet irreġistrati:

In-Nru | L-Eżempju | L-Istatus |

1. | Il-logo (fil-verżjoni 1) fuq il-qoxra ta' fuljett tat-tagħrif (li ma jkunx fih tagħrif ambjentali) (organizzazzjoni rreġistrata kompletament) | Permess |

2. | Il-logo (fil-verżjoni 1) fuq il-qoxra tar-rapport kummerċjali ta' l-organizzazzjoni (organizzazzjoni mhux irreġistrata kompletament) | Mhux permess għax hija meħtieġa r-reġistrazzjoni kompleta |

3. | Il-logo (fil-verżjoni 1) fuq il-qoxra tar-rapport kummerċjali ta' l-organizzazzjoni (organizzazzjoni mhux irreġistrata kompletament) | Permess |

4. | It-tank tal-ħażna fuq sit irreġistrat miżbugħ bil-logo (fil-verżjoni 1) | Permess |

5. | Il-logo (fil-verżjoni 1) f'gazzetta bħala grafika li tissottolinja reklam konġunt ta' żewġ kumpaniji li jkunu qegħdin iħabbru l-ko-operazzjoni ambjentali tagħhom tul il-katina tal-provvisti (waħda hija rreġistrata u l-oħra mhix) | Mhux permess għaliex tingħata l-impressjoni illi ż-żewġ kumpaniji huma rreġistrati fl-EMAS |

6. | Il-logo (fil-verżjoni 1) fuq katalgu tal-bejjiegħ bl-imnut, imqiegħed maġenb lista ta' ismijiet kummerċjali ta' fornituri (li wħud minnhom mhumiex irreġistrati) | Mhux permess għaliex tingħata l-impressjoni illi l-fornituri kollha huma rreġistrati fl-EMAS |

7. | Il-logo (fil-verżjoni 1) imqiegħed maġenb il-bieb tad-dħul ta' ajruplan iffabbrikat minn fabbrikant irreġistrat, u li jitħaddem minn linja ta' l-ajru mhux irreġistrata | Mhux permess għaliex tingħata l-impressjoni illi l-ajruplan jitħaddem minn linja ta' l-ajru fl-EMAS |

8. | Il-logo (fil-verżjoni 1) imqiegħed fuq karrozza tal-linja maġenb l-isem ta' awtorità tat-trasport pubbliku rreġistrata li tħaddem il-karrozza tal-linja | Permess |

9. | Il-logo (fil-verżjoni 1) maġenb l-isem ta' organizzazzjoni rreġistrata fuq il-flotta tal-vetturi ta' din l-organizzazzjoni | Permess |

10. | Il-logo (fil-verżjoni 1) fuq plakka fid-daħla ta' stabbiliment tal-bejgħ irreġistrat | Permess |

11. | Il-logo (fil-verżjoni 1) fuq il-formoli li jintużaw minn awtorità pubblika rreġistrata | Permess |

5. GWIDA DWAR L-UŻU TAL-LOGO FUQ IR-REKLAMI GĦALL-ATTIVITAJIET TAL-PRODOTTI U S-SERVIZZI JEW FIHOM (l-Artikolu 8(2)(e)), (l-Artikolu 8(2) (a)+(b) u l-punt 3.5 ta' l-Anness III)

5.1. Ħtiġiet ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 jagħmel enfasi aktar qawwija fuq l-aspetti ambjentali indiretti meta pparagunat mar-Regolament (KEE) Nru 1836/93. Fost dawn il-karatteristiċi tal-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi jaqdu rwol ċentrali. Jimmira li jinkoraġixxi l-organizzazzjonijiet sabiex joħorġu tagħrif dwar il-twettiq tax-xogħol ambjentali tagħhom flimkien mal-prodotti tagħhom u li jużaw l-għodda tagħhom tal-marketing sabiex jippromwovu l-miri ta' l-EMAS. Dan jikkomprendi l-aspetti ambjentali marbuta indirettament mal-prodott kif ukoll il-karatteristiċi diretti tal-prodott - sakemm ikunu ġew ivvalidati mill-verifikatur.

Il-logo ma għandu fl-ebda każ jintuża waħdu fir-reklami għall-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi (bħal tikketta eko) Hija meħtieġa rabta fid-dieher sewwa mat-tagħrif ivvalidat. It-tagħrif ivvalidat għandu jingħaraf mit-tagħrif l-ieħor ipprovvdut.

It-tagħrif li għalih jirreferi l-logo għandu jingħażel skond il-prinċipji msemmija fil-punt 3.5 (a) sa (f) ta' l-Anness III.

Skond l-Artikolu 8(2)(e) f'għaqda ma' l-(a) u d-(d) huwa permess li jintuża l-logo ta' l-EMAS sabiex:

- jindika l-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjoniji fl-EMAS (fil-verżjoni 1),

- jindika l-fatt illi prodott, attività jew servizz ikunu ġew prodotti minn organizzazzjoni rreġistrata fl-EMAS (fil-verżjoni 1), u

- iżid il-kredibbiltà tat-tagħrif ivvalidat li jkollu x'jaqsam direttament jew indirettament mal-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi (fil-verżjoni 2).

Hija meħtieġa rabta li tidher biċ-ċar mat-tagħrif ivvalidat. L-attivitajiet kollha rilevanti għat-tagħrif ikkunsinnat bil-logo għandhom ikunu taħt il-kontroll maniġerjali ta' organizzazzjoni rreġistrata.

Il-logo jista' jintuża f'numru ta' modi differenti bħal:

- f'reklami stampati għall-prodotti (eż. fil-gazzetti, il-katalgi, eċċ.)

- f'manwali ta' l-istruzzjonijiet għall-utent,

- f'mezzi oħra (eż. it-televiżjoni, il-websites, eċċ.)

- l-ixkafef, l-ixtellieri meta l-prodotti, l-attivitajiet u s-servizzi jiġu ppreżentati lill-konsumaturi,

- l-armaturi ta' l-esibizzjonijiet, eċċ.

L-organizzazzjoni li tuża l-logo għandu jkollha kontroll fuq il-mod kif jiġi ppreżentat il-logo u responsabbiltà tiegħu. Għandu jkun hemm relazzjoni identifikata b'mod ċar bejn il-logo u l-attività, il-prodotti jew is-servizz li miegħu ikollhom x'jaqsmu.

Terġa', mhux il-mod tekniku ta' hekk li bih jiġi ppreżentat il-logo li jiddeċiedi jekk l-użu tiegħu hux permess jew le iżda l-kontenut tat-tagħrif fornit. F'kull każ għandu jiġi magħmul ċar għal liema tagħrif tirreferi l-organizzazzjoni.

(a) It-tagħrif li jirigwarda indirettament il-prodott, l-attività jew is-servizz:

Jekk il-logo (fil-verżjoni 2) ikun intiż sabiex jindika waħda minn dawn li ġejjin, għandu jingħata fir-reklam it-tagħrif rilevanti vvalidat u għandu jingħaraf bħala tagħrif li għandu x'jaqsam mal-karatteristiċi speċifiċi vvalidati tal-ġestjoni ambjentali ta' l-organizzazzjoni:

- il-karatteristiċi tat-twettiq tax-xogħol rigward il-proċessi rilevanti tal-produzzjoni,

- il-karatteristiċi tal-ġestjoni ambjentali ta' l-organizzazzjoni,

- il-politika, il-miri u l-finijiet ambjentali,

- l-informazzjoni ġenerali ambjentali dwar it-twettiq tax-xogħol.

Mhumiex permessi l-pretensjonijiet dwar l-aspetti ambjentali li ma jkunux koperti bizzejjed bil-ġestjoni ambjentali ta' l-organizzazzjoni.

(b) It-tagħrif li jirrigwarda direttament il-prodott, l-attività jew is-servizz:

Jekk il-logo (fil-verżjoni 2) huwa intiż sabiex jindika waħda minn dawn li ġejjin, għandu jingħata fir-reklam it-tagħrif rilevanti vvalidat u għandu jkun jingħaraf bħala tagħrif li għandu x'jaqsam mal-karatteristiċi speċifiċi vvalidati tal-prodott:

- il-karatteritsiċi tal-prodott, l-attività jew is-servizz li huma rilevanti ambjentalment,

- il-karatteritsiċi tal-prodott fil-fażi ta' l-użu tagħhom jew wara l-użu,

- it-titjib fit-twettiq tax-xogħol ambjentali tal-prodotti jew tas-servizzi

- il-politika, il-miri u l-finijiet ambjentali li għandhom x'jaqsmu mal-prodott jew mas-servizz,

- l-informazzjoni ambjentali li għandha x'taqsam mal-prodott, ma' l-attività jew mas-servizz,

Mhumiex permessi l-pretensjonijiet dwar l-aspetti ambjentali li mhumiex koperti bizzejjed bil-ġestjoni ambjentali ta' l-organizzazzjoni.

Għandhom jiġu rrispettati tliet limiti fundamentali għall-użu tal-logo. Mhux permess li jintuża l-logo:

- fuq il-prodotti u l-imballaġġ tagħhom,

- f'għaqda mal-pretensjonijiet paragunabbli li jirrigwardaw il-prodotti, l-attivitajiet jew is-servizzi ta' kompetituri, u

- fir-reklami għall-prodotti mingħajr tagħrif/indikazzjoni ċari tal-karatteristiċi ta' l-organizzazzjoni jew tal-prodott innifsu li għandu x'jaqsam magħhom.

B'hekk, il-logo ta' l-EMAS waħdu ma jagħti l-ebda tagħrif lill-konsumatur (bħal tikketta eko) iżda jindika l-istat ivvalidat tat-tagħrif ipprovdut. Fi kliem ieħor jirrappreżenta "siġill ta' fiduċja fit-tagħrif" u mhux "siġill tas-superjorità tal-prodott".

B'żieda, fil-każijiet kollha fejn titħaddem skema tat-tikkettar eko għall-prodott, l-attività jew is-servizz taħt konsiderazzjoni (jiġifieri, fejn jeżistu ħtiġiet stabbiliti għat-tikketta eko tal-KE jew skemi nazzjonali tat-tikkettar eko) għandhom japplikaw il-ħtiġiet li ġejjin:

- l-organizzazzjoni u l-verifikatur huma obbligati li jieħdu provvediment meħtieġ u u speċifiku, kif stabbilit fil-prinċipji ġenerali msemija hawn fuq u illustrati bl-eżempji, sabiex jevitaw il-konfużjoni ma' tikketta eko li tkun diġà teżisti;

- l-organizzazzjonijiet u l-verifikaturi għandhom jikkunsidraw il-kriterji rilevanti tat-tikketta eko għall-prodott meta jiċċekkjaw it-tagħrif meta jkunu qegħdin jiċċekkjaw it-tagħrif li jrig jiġi kkunsinnat fir-rigward tal-ħtiġiet tal-punt3.5 (a) sa (f) ta' l-Anness III,

- l-isekmi kollha tat-tikkettjar eko għandhom jiġu kkunsidrati li huma rilevanti għas-suq li fih ikun sejjer tintuża l-logo;

- fl-ebda każ mhu permess li tintgħamel referenza għall-kriterji stabbiliti għat-tikketti eko rilevanti.

5.2. Eżempji

L-eżempji li ġejjin juru b'mod illustrattiv il-prinċipji riferiti fil-paragrafu 5.1 ta' din il-Gwida. Fil-każijiet kollha msejħa "permess", għandhom jintlaħqu l-kriterji msemmija fil-punt 3.5 mill-(a) sa l-(f') fl-Anness III. Fil-każijiet imsejħa "mhux permess", jinkisru l-kriterji msemmija fil-punt 3.5 ta' l-Anness III.

In-Nru | L-Eżempju | L-Istatus |

1. | Il-logo (fil-verżjoni 1) minbarra t-tagħrif ivvalididat "prodott minn organizzazzjoni rreġistrata fl-EMAS" f'reklam | Permess |

2. | Il-logo (fil-verżjoni 1 jew 2) minbarra t-tagħrif ivvalidat "prodott superjuri ambjentalment meta frelazzjoni ma' l-alternattivi" | Mhux permess minħabba ksur tal-punt 3.5, (a), (b), (ċ), (d), (e) u (f) ta' l-Anness III, |

3. | Il-logo (fil-verżjoni 2) minbarra t-tagħrif ivvalidat "L-effiċjenza ta' l-enerġija fil-produzzjoni imtejba b'20 % mill-1996 sa l-1999" | Permess |

4. | Il-ogo (fil-verżjoni 1 jew 2) imqiegħed f'ritratt ta' prodott mingħajr aktar tagħrif | Mhux permess minħabba l-periklu tal-konfużjoni ma' tikketta ta' prodott |

5. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb it-tagħrif ivvalidat "60 % tal-fornituri tagħna kienu rreġistrati fl-EMAS fl-1988" | Permess |

6. | Il-logo (fil-verżjoni 2) imqiegħed maġenb it-tagħrif ivvalidat: "Dikjarazzjoni ambjentali aġġornata kull sena disponibbli għand…" | Permess |

7. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb it-tagħrif ivvalidat: "konsum ta' l-enerġija għall-prodott imnaqqas b'10 % meta pparagunat mal-mudell tas-sena 1997" | Permess |

8. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb dikjarazzjoni vvalidatà minn bank li tispjega l-integrazzjoni ta' l-aspetti ambjentali fil-kriterji tiegħu ta' l-investiment | Permess |

9. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb dikjarazzjoni vvalidatà f'katalgu ta' bejjiegħ bl-imnut li jnizzel kriterji relatati ma' l-ambjent għall-fornituri tiegħu | Permess |

10. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb dikjarazzjoni vvalidatà f'katalgu ta' bejjiegħ bl-imnut li tiddikjara "L-impatt ambjentali tal-prodotti fuq l-ixkafef tagħna imnaqqas b'20 % mis-sena 1998" | Mhux permess minħabba l-ksur tal-punt 3.5, (a), (b), (ċ) u (e)ta' l-Anness III, |

11. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb it-tagħrif ivvalidat li jiddikjara "tnaqqis fl-istorbju b'10 % meta pparagunat mal-mudell tas-sena 1997". Teżisti tikketta eko, li teħtieġ livelli ta' storbju anqas mit-twettiq tax-xogħol tal-prodott. Il-kriterji tat-tikketta eko ġew ikkunsidrati | Permess |

12. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb tagħrif ivvalidat li jippretendi li kien hemm tnaqqis ta' 20 % fl-ilmenti dwar l-iwrejjaħ f'biċċerija fis-sena 1999 meta pparagunat mas-sena 1998 | Permess |

13. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb id-dikjarazzjoni minn raffinerija taż-żejt li tippretendi t-tnaqqis fil-karta b'10 % għal kull tunnellata tal-gażolina ffabbrikata | Mhux permess minħabba ksur tal-punt 3.5, (d), u (f) ta' l-Anness III, |

14. | Il-logo (fil-verżjoni 1 jew 2) maġenb ir-ritratt ta' loklità tal-btajjel mhux rreġistrat fil-katalgu ta' kumpanija reġistrata tal-vjaġġar | Mhux permessa minħabba li l-organizzazzjoni li għaliha huwa attribwit il-logo (il-lokalità tal-btajjel mhix irreġistrata) |

15. | Il-logo (fil-verżjoni 2) fil-paġna 2 tal-katalgu ta' kumpanija ta' l-ivjaġġar, li jagħti tagħrif ivvalidat dwar il-miżuri meħuda fil-qasam tat-turiżmu sostenibbli | Permess |

16. | Il-logo (fil-verżjoni 2) f'reklam ta' produttur tal-karta li jkun fih tagħrif ivvalidat dwar il-ħtiġiet fuq il-fornituri li jamministraw ekonomikament il-foresti | Permess |

17. | Il-logo (fil-verżjoni 2) maġenb tagħrif ivvalidat f'perjodiku tal-linja ta' l-ajru abbord ajruplan | Permess |

18. | Il-logo (fil-verżjoni 2) f'reklam għall-karta li tixxuga maġenb id-dikjarazzjoni "Ilħaqna kontenut tar-riċiklaġġ ekwivalenti għall-ħtieġa tal-Blue Angel". | Mhux permess minħabba l-ksur tal-ħtiġiet ta' din il-gwida (il-punt 5,1) |

19. | Il-logo (fil-verżjoni 2) f'reklam għall-refriġeratur li jippretendi "Aħna nissuperaw il-ħtiġiet tat-tikketta eko tal-KE b'10 %" | Mhux permess minħabba l-ksur tal-ħtiġiet ta' din il-gwida (il-punt 5,1) |

20. | Il-logo (fil-verżjoni 2) f'reklam għal komputer li fih partijiet forniti minn kumpaniji mhux irreġistrati li jippretendi "L-impatt ambjentali fuq iċ-ċiklu tal-ħajja mnaqqas skond l-EMAS" | Mhux permess minħabba l-ksur tal-punt 3.5, (a), (b), (e) u (f) ta' l-Anness III, |

[1] ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17.

[2] ĠU L 168, tal-10.7.1993, p. 1, mħassar mir-Regolament (KE) Nru 761/2001.

--------------------------------------------------

Top