EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2013C0309

Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 309/13/COL tas- 16 ta’ Lulju 2013 dwar il-kompatibilità mal-liġi taż-ŻEE tal-miżuri li għandhom jittieħdu min-Norveġja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva)

ĠU L 296, 7.11.2013, p. 51–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 296, 7.11.2013, p. 26–30 (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/309/oj

7.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/51


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 309/13/COL

tas-16 ta’ Lulju 2013

dwar il-kompatibilità mal-liġi taż-ŻEE tal-miżuri li għandhom jittieħdu min-Norveġja skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva)

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 5p tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE, id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (1) ("l-Att"), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittra tat-22 ta’ April 2013, li waslet għand l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) fit-23 ta’ April 2013, in-Norveġja nnotifikat lill-Awtorità bil-miżuri li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2010/13/UE.

(2)

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA vverifikat, fi żmien tliet xhur minn din in-notifika, li dawn il-miżuri huma kompatibbli mal-liġi taż-ŻEE, b'mod partikulari fir-rigward tal-proporzjonalità tal-miżuri u t-trasparenza tal-proċedura ta' konsultazzjoni nazzjonali.

(3)

Fil-verifika tagħha, l-Awtorità qieset id-dejta disponibbli dwar is-suq tal-midja Norveġiż.

(4)

Il-lista ta’ avvenimenti li għas-soċjetà huma ta’ importanza kbira, inkluża fil-miżuri Norveġiżi, tfasslet b’mod ċar u trasparenti. Barra minn hekk, tnediet konsultazzjoni wiesgħa fin-Norveġja dwar dan.

(5)

L-Awtorità kienet sodisfatta li l-avvenimenti elenkati fil-miżuri Norveġiżi ssodisfaw mill-anqas tnejn mill-kriterji li ġejjin, li huma kkunsidrati bħala indikaturi affidabbli tal-importanza li dawn l-avvenimenti huma għas-soċjetà: (i) ikun hemm qbil ġenerali u speċjali fl-Istat tal-EFTA taż-ŻEE, u l-avvenimenti ma jkunux sinifikanti biss għal dawk li normalment isegwu l-isport jew l-attività konċernata; (ii) għandhom importanza kulturali distinta u ġeneralment rikonoxxuta għall-popolazzjoni fl-Istat tal-EFTA taż-ŻEE u, b'mod partikulari, iservu ta' katalist għall-identità kulturali; (iii) l-involviment tat-tim nazzjonali fl-avveniment ikkonċernat fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jew turnew ta’ importanza internazzjonali; u (iv) il-fatt li dak l-avveniment minn dejjem ixxandar fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni bla ħlas u kien segwit minn udjenza kbira.

(6)

Għadd ta’ avvenimenti elenkati fil-miżuri tan-Norveġja, bħal-Logħob Olimpiku kif ukoll it-Tazza tad-Dinja tal-Irġiel u l-Kampjonat Ewropew tal-Futbol tal-Irġiel, li t-tnejn li huma jinkludu logħob ta’ kwalifika bil-parteċipazzjoni Norveġiża, jaqgħu fil-kategorija ta' avvenimenti kkunsidrati ta’ importanza kbira għas-soċjetà, kif imsemmi b’mod espliċitu fil-premessa 49 tad-Direttiva 2010/13/UE.

(7)

Il-Logħob Olimpiku tas-sajf huwa avveniment li jattira interess enormi fin-Norveġja minħabba li l-Atleti Norveġiżi dejjem ipparteċipaw f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini individwali kif ukoll kollettivi. L-avveniment għandu tifsira speċjali fost il-pubbliku inġenerali fin-Norveġja, peress li dan jinteressa udjenzi li normalment ma jsegwuhx. Il-Logħob Olimpiku tas-sajf kien tradizzjonalment imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u ġibed warajh għadd kbir ta’ telespettaturi fin-Norveġja.

(8)

Il-Logħob Olimpiku tax-xitwa huwa avveniment saħansitra aktar popolari, u jarawh għadd kbir ta’ telespettaturi. Għadd kbir ta’ atleti Norveġiżi jipparteċipaw fil-Logħob Olimpiku tax-xitwa kemm f'dixxiplini individwali kif ukoll kollettivi. L-avveniment tradizzjonalment kien mxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u ġibed warajh għadd kbir ta’ telespettaturi fin-Norveġja. L-avveniment ma jarawhx biss it-telespettaturi li s-soltu jsegwu l-isport ikkonċernat.

(9)

Il-logħob kollu tat-Tazza tad-Dinja tal-Irġiel u tal-Kampjonat Ewropew tal-futbol tal-Irġiel, kif ukoll il-logħob ta’ kwalifika bil-parteċipazzjoni Norveġiża, huma fost l-aktar avvenimenti sportivi popolari fin-Norveġja. Il-pubbliku Norveġiż u l-midja jieħdu interess kbir fil-logħbiet ta' kwalifika tat-tim Norveġiż kif ukoll fil-logħob tal-aħħar rawnd, speċjalment l-aħħar logħbiet. L-avvenimenti tradizzjonalment kienu mxandra bla ħlas fuq it-televiżjoni u ġibdu warajhom għadd kbir ta' telespettaturi. Peress li l-logħbiet ta' bejn pajjiżi oħra fl-aħħar rawnd jistgħu jaffettwaw il-logħbiet li n-Norveġja tista' tilgħab kif ukoll ir-riżultat globali, huma jgawdu wkoll minn tifsira speċjali fin-Norveġja.

(10)

Fin-Norveġja, hemm interess qawwi fil-klabbs lokali tal-futbol. It-Tazza Norveġiża tal-Futbol tal-Irġiel tradizzjonalment kienet imxandra bla ħlas fuq it-televiżjoni. L-għadd kbir ta’ telespettaturi li l-avveniment kellu s'issa jindika interess pubbliku sinifikanti f’dan l-avveniment, anki ma' udjenza li normalment ma ssegwix il-logħob tal-klabbs tal-futbol lokali.

(11)

Il-Kampjonati Ewropej u tad-Dinja tal-Handball tan-nisa (l-aħħar rawnd tat-turnej) huma avvenimenti tradizzjonalment imxandra bla ħlas fuq televiżjoni, b’għadd kbir ta’ telespettaturi. It-tim nazzjonali Norveġiż tal-handball tan-nisa kellu suċċess kbir għal perjodu twil, li wassal biex fin-Norveġja jkollu sinifikat b'mod globali anki għal udjenzi li normalment ma jsegwux dan l-isport. Il-logħob bejn il-pajjiżi l-oħra, fl-aħħar rawnds taż-żewġ avvenimenti jaffettwaw il-logħbiet li t-tim nazzjonali Norveġiż jista' jilgħab kif ukoll ir-riżultat tal-aħħar.

(12)

Il-Kampjonati tad-dinja Nordiċi tal-Iskijjar tal-FIS (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Iskijjar) huma avveniment popolari fin-Norveġja. L-iskijjar fil-kampanja huwa marbut profondament mal-kultura Norveġiża, u jikkostitwixxi element importanti mill-wirt kulturali Norveġiż. L-avveniment għandu importanza kulturali distinta u rikonoxxuta globalment mill-popolazzjoni Norveġiża, u tradizzjonalment kien imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni fejn kellu għadd kbir ta’ telespettaturi. L-għadd kbir ta’ telespettaturi attirati minn dan l-avveniment juri li l-avveniment u dak li joħroġ minnu għandhom tifsira globalment speċjali fin-Norveġja, u ma jinteressawx biss lil dawk li normalment isegwu l-isport.

(13)

Il-Kampjonati tad-dinja tal-Iskijjar fl-Alpi organizzati mill-FIS (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Iskijjar) huma avveniment popolari fin-Norveġja. L-iskijjar fl-Alpi huwa marbut profondament mal-kultura Norveġiża, u jikkostitwixxi element importanti mill-wirt kulturali Norveġiż. Il-Kampjonati tal-Iskijjar fl-Alpi tal-FIS għalhekk jistgħu jitqiesu li għandhom importanza kulturali distinta, rikonoxxuta globalment mill-popolazzjoni Norveġiża. In-Norveġja kellha għadd ta' skijers tal-Alpi li rebħu u li influwenzaw bi kbir fil-pajjiż l-interess fid-dixxiplina. L-avveniment u dak li joħroġ minnu għalhekk għandhom tifsira globalment speċjali fin-Norveġja u mhux biss għal dawk li normalment isegwu l-isport.

(14)

It-Tazza tad-Dinja Nordika organizzata mill-FIS f'Holmenkollen hija avveniment annwali f'Holmenkollen, Oslo u tifforma parti mit-Tazza tad-Dinja Nordika tal-FIS. L-avveniment huwa wieħed mill-iktar avvenimenti sportivi annwali importanti fin-Norveġja, għandu tradizzjoni twila u jista' jitqies li għandu importanza kulturali distinta, rikonoxxuta globalment mill-popolazzjoni Norveġiża. L-avveniment tradizzjonalment kien ukoll mxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u ġibed warajh għadd kbir ta' telespettaturi. Minħabba s-sinifikat kulturali tal-avveniment, ir-riżultat tal-avveniment għandu tifsira globalment speċjali fin-Norveġja, anke għal udjenzi li s-soltu ma jsegwux din id-dixxiplina.

(15)

Il-Kampjonati tad-Dinja tal-Biathlon huma avveniment xitwi importanti fin-Norveġja kif ukoll għandhom tifsira speċjali u huma ta' interess kbir għall-popolazzjoni, anki għal dawk li normalment ma jsegwux dawn id-dixxiplini, għax huma parti mill-identità kulturali Norveġiża u l-wirt tal-iskijjar. L-avveniment tradizzjonalment kien imxandar bla ħlas fuq it-televiżjoni u ġibed warajh għadd kbir ta' telespettaturi.

(16)

Il-miżuri Norveġiżi, minħabba r-raġuni prevalenti ta' interess pubbliku sabiex jiġi żgurat l-aċċess pubbliku wiesa' għax-xandiriet ta' avvenimenti ta' importanza kbira fis-soċjetà, jidhru proporzjonali sabiex tiġi ġġustifikata deroga mill-prinċipju fundamentali tal-liberta li jiġu pprovduti servizzi kif stipulat fl-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(17)

Sakemm id-definizzjoni ta' xandara eliġibbli għax-xandir tal-avvenimenti elenkati hija bbażata fuq kriterji oġġettivi (il-kopertura meħtieġa) li jippermettu kompetizzjoni sabiex potenzjalment jinkisbu d-drittijiet tax-xandir ta' dawn l-avvenimenti, il-miżuri Norveġiżi huma wkoll kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-għadd ta' avvenimenti elenkati mhuwiex sproporzjonat tant li jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-swieq downstream tat-televiżjoni bla ħlas u tat-televiżjoni bi ħlas.

(18)

Il-proporzjonalità ġenerali tal-miżuri Norveġiżi hija ssostanzjata minn diversi fatturi. L-ewwel nett, l-introduzzjoni tal-livell limitu ta' 90 % fil-kopertura tal-popolazzjoni li hija potenzjalment meħtieġa għax-xandara eliġibbli żżid il-proporzjonalità tal-miżuri, għall-fatt li żżid in-numru ta' xandara li potenzjalment jistgħu jkunu eliġibbli. It-tieni, l-għadd ta’ avvenimenti inklużi fil-lista huwa proporzjonat. It-tielet, ġie introdott mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn ix-xandara rigward il-pagament ta’ kumpens ġust għad-drittijiet tax-xandir. Barra minn hekk, il-miżuri Norveġiżi jipprevedu l-arranġamenti xierqa f’sitwazzjonijiet meta l-avvenimenti elenkati jinxtraw minn xandara li mhumiex eleġibbli, sabiex tiġi żgurata sistema għall-għoti mill-ġdid ta' liċenzji għad-drittijiet esklussivi lix-xandara eliġibbli. Barra minn hekk, il-miżuri Norveġiżi jantiċipaw is-sitwazzjonijiet meta d-drittijiet għall-avvenimenti elenkati jinxtraw minn xandar li mhux eliġibbli, u ma ssir l-ebda talba minn xerrej eliġibbli, sabiex jiġi żgurat li x-xandar li mhux eliġibbli jkun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Fl-aħħar nett, id-dħul fis-seħħ tal-miżuri Norveġiżi se jiġi pospost għall-1 ta' Lulju 2014, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm effetti negattivi fuq in-negozjati li jistgħu jkunu qegħdin iseħħu.

(19)

L-awtorità ikkomunikat lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE l-oħra l-miżuri nnotifikati min-Norveġja, u fittxet l-opinjoni tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-EFTA li twaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/13/UE. Il-Kumitat adotta opinjoni favorevoli.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-miżuri li għandhom jiġu adottati min-Norveġja skont l-Att imsemmi fil-punt 5p tal-Anness XI tal-Ftehim taż-ŻEE, id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva ("l-Att"), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu, innotifikati lill-Awtorità skont l-Artikolu 14(2) tal-Att fit-22 ta' April 2013 u li l-Awtorità rċeviet fit-23 ta' April 2013, huma kompatibbli mal-liġi taż-ŻEE.

Artikolu 2

In-Norveġja tikkomunika lill-Awtorità l-miżuri kif fl-aħħar mill-aħħar ġew adottati. L-Awtorità tippubblika dawn il-miżuri fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2010/13/UE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lin-Norveġja.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2013.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

Sabine MONAUNI-TÖMÖRDY

Membru tal-Kulleġġ

Xavier LEWIS

Direttur


(1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.


ANNESS

Ir-Regolament dwar l-emendi għar-Regolament Nru 153 tat-28 ta’ Frar 1997 dwar ix-xandir u s-servizzi tal-midja awdjoviżiva

Adottati permezz tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Awwissu 2013 skont it-Taqsima 2-8 tal-Att Nru 127 tal-4 ta’ Diċembru 1992 dwar ix-xandir u s-servizzi tal-midja awdjoviżiva. Ippreżentat mill-Ministeru tal-Kultura.

I

Ir-Regolament Nru 153 tat-28 ta’ Frar 1997 dwar ix-xandir u s-servizzi tal-midja awdjoviżiva huwa emendat kif ġej:

Id-dispożizzjonijiet attwali fit-Taqsimiet 5-1 u 5-2 huma b’dan revokati.

It-Taqsima l-Ġdida 5-1 tgħid hekk:

It-Taqsima 5-1, L-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà

Dawn l-avvenimenti għandhom jitqiesu bħala avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà:

a)

Il-Logħob Olimpiku kollu tas-sajf u tax-xitwa organizzat mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI)

b)

Il-Kampjonati tad-Dinja tal-Futbol tal-Irġiel kollha, inkluż il-logħob ta’ kwalifika bil-parteċipazzjoni tan-Norveġja, organizzati mill-Fédération Internationale de Football Association (FIFA)

c)

Il-Kampjonati Ewropej tal-Futbol tal-Irġiel kollha, inkluż il-logħob ta’ kwalifika bil-parteċipazzjoni tan-Norveġja, organizzati mill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Ewropew (UEFA)

d)

Il-Kampjonati tad-Dinja tal-Handball tan-Nisa kollha, organizzati mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Handball (IHF)

e)

Il-Kampjonati Ewropej tal-Handball tan-Nisa kollha, organizzati mill-Federazzjoni Ewropea tal-Handball (IHF)

f)

Il-Finali tat-Tazza tal-Futbol tal-Irġiel, organizzata mill-Federazzjoni Norveġiża tal-Futbol (NFF)

g)

Il-Kampjonati tad-dinja Nordiċi tal-Iskijjar kollha, organizzati mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Iskijjar (FIS);

h)

Il-Kampjonati tad-Dinja tal-Iskijjar fl-Alpi kollha, organizzati mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Iskijjar (FIS)

i)

It-Tazza tad-Dinja Nordika organizzata mill-FIS f'Holmenkollen

j)

Il-Kampjonati tad-Dinja tal-Biathlon kollha, organizzati mill-Unjoni Internazzjonali tal-Biathlon (IBU)

It-Taqsima l-Ġdida 5-2 tgħid hekk:

It-Taqsima 5-2, L-istazzjonijiet tat-televiżjoni li porzjon sostanzjali ta' telespettaturi jirċievu bla ħlas

Stazzjon tat-televiżjoni jkun qed jasal bla ħlas għand porzjon sostanzjali ta' telespettaturi jekk l-istazzjon ikun jista' jinqabad minn tal-anqas 90 % tat-telespettaturi bla ebda spiża addizzjonali apparti mit-tariffa tal-liċenzja u/jew it-tariffa tal-pakkett bażiku.

It-Taqsima l-Ġdida 5-3 tgħid hekk:

It-Taqsima 5-3 Id-dispożizzjonijiet proċedurali u l-iffissar tal-prezz tas-suq

a)

Stazzjon tat-televiżjoni li ma jissodisfax il-kudizzjonijiet fit-Taqsima 5-2, u li jkun kiseb id-dritt esklussiv sabiex ixandar avveniment elenkat fit-Taqsima 5-1, huwa obbligat joffri bil-miktub il-bejgħ mill-ġdid tad-dritt lil kwalunkwe kanal tat-televiżjoni li jissodisfa r-rekwiżiti fit-Taqsima 5-2, u li jitlob id-dritt li jxandar l-avveniment.

b)

Offerta taħt il-punt a) għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn xahar wara l-wasla ta' talba minn xi stazzjon tat-televiżjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet fit-Taqsima 5-2.

c)

Stazzjon tat-televiżjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet fit-Taqsima 5-2, u li jkun irċieva offerta skont il-punt a) irid fi żmien xahar wara li tasallu l-offerta jwieġeb jekk jaċċettax l-offerta jew le.

d)

Jekk il-partijiet ma jistgħux jilħqu ftehim dwar ir-remunerazzjoni għad-drittijiet tax-xandir ta' avveniment li jkun elenkat fit-Taqsima 5-1, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ mhux aktar tard minn sitt xhur qabel ma jseħħ l-avveniment, titlob li l-Awtorità tal-Midja tiffissa r-remunerazzjoni għad-drittijiet tal-avveniment. Ir-remunerazzjoni għad-drittijiet tax-xandir tiġi stabbilita skont il-prinċipji tas-suq. L-Awtorità tal-Midja toħroġ il-linji gwida dwar kemm għandha tkun ir-remunerazzjoni għall-bejgħ mill-ġdid tad-drittijiet għall-avvenimenti elenkati fit-Taqsima 5-1 skont il-prinċipji tas-suq.

e)

Stazzjon tat-televiżjoni li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet fit-Taqsima 5-2 jista' jeżerċita biss id-dritt esklussiv tiegħu għal avveniment li jkun elenkat fit-Taqsima 5-1, jekk skont il-punt a) ma tkun waslet l-ebda talba mill-inqas fi żmien l-għaxar xhur ta’ qabel ma jsir l-avveniment, jew l-ebda stazzjon tat-televiżjoni li jissodisfa l-kondizzjonijiet fit-Taqsima 5-2 ma jkun jixtieq jikseb id-drittijiet tax-xandir bil-prezz tas-suq.

f)

It-termini perentorji f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx jekk id-dritt esklussiv għal xandira televiżiva ta’ avveniment elenkat fit-Taqsima 5-1 jinbiegħ mid-detentur tad-drittijiet lil kanal tat-televiżjoni anqas minn għaxar xhur qabel ma jseħħ l-avveniment elenkat fit-Taqsima 5-1.

It-Taqsima l-Ġdida 5-4 tgħid hekk:

It-Taqsima 5-4, Il-kundizzjonijiet dwar ix-xandir parzjali jew diferit ta' avveniment

Stazzjon tat-televiżjoni li jkun kiseb avveniment ta’ importanza kbira għas-soċjetà skont it-Taqsima 5-3, jxandar direttament l-avveniment kollu.

L-istazzjon tat-televiżjoni jista' madankollu jxandar direttament partijiet mill-avveniment jew l-avveniment kollu jew jiddiferixxi partijiet jekk:

a)

l-avveniment jseħħ billejl bejn 00:00 u s-06:00 GMT +1,

b)

l-avveniment ikun jikkonsisti f’għadd ta’ avvenimenti paralleli, jew

c)

fatturi oħra jindikaw li jkun fl-interess tal-pubbliku jekk jixxandru direttament partijiet mill-avveniment jew l-avveniment kollu jew jiġu diferiti partijiet.

Id-dispożizzjoni attwali fit-Taqsima 5-3 isir it-Taqsima l-ġdida 5-5, u tgħid hekk:

it-Taqsima 5-5, Ir-rappurtar tal-akkwisti

Stazzjon tat-televiżjoni li jakkwista d-drittijiet esklussivi għall-avvenimenti kollha jew għal partijiet minnhom, li jkunu elenkati fit-Taqsima 5-1 jew fil-listi ta' avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjeta f’pajjiżi oħra taż-ŻEE li ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, kif ukoll ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali, jikkomunika minnufih dawn l-akkwisti lill-Awtorità Norveġiża tal-Midja.

Id-dispożizzjoni attwali fit-Taqsima 5-4 isir it-Taqsima l-ġdida 5-6.

It-Taqsima 10-2, l-ewwel paragrafu jgħid hekk:

Għal ksur tad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 3 tal-Att jew tar-regoli previsti fil-Kapitolu 3, għajr dawk imsemmijin fit-Taqsima 10-1 ta’ dan ir-Regolament, għall-ksur tat-Taqsima 6-4 tal-Att, jew tat-Taqsimiet 1-4, 2-5, 2-6, 5-3, 5-4, 5-5 u 7-6 Nru 1 ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità Norveġiża tal-Midja tista’ timponi multa abbażi ta’ valutazzjoni diskrezzjonali. L-istess japplika għall-ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja li tinkludi obbligi ddefiniti b’mod ċar, stipulati skont it-Taqsima 2-1, it-tieni paragrafu, tal-Att.

It-Taqsima 10-3, l-ewwel paragrafu jgħid hekk:

Għall-ksur tad-dispożizzjonijiet fit-Taqsima 2-1 l-ewwel u t-tielet paragrafu, fit-Taqsima 2-2 l-ewwel paragrafu, u tal-kundizzjonijiet adottati skont it-Taqsima 2-2 it-tieni paragrafu tal-Att, it-Taqsimiet tal-Att 2-4, 2-5 jew it-Taqsimiet 1-3, 1-7, 2-1, 2-2, 2-4, 7-1 it-tieni paragrafu, it-Taqsima 7-6 nru 2 u 4, it-Taqsimiet 7-7, 7-8, 7-9 it-tieni u t-tielet paragrafu, it-Taqsimiet 7-10 u 7-11 ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità Norveġiża tal-Midja tista’ timponi multa skont ir-regoli li ġejjin:

II

Id-dħul fis-seħħ

Dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014.


Top