This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document E2009C0205
EFTA Surveillance Authority Decision No 205/09/COL of 8 May 2009 on the scheme for temporary recapitalisation of fundamentally sound banks in order to foster financial stability and lending to the real economy (Norway)
Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 205/09/COL tat- 8 ta’ Mejju 2009 dwar l-iskema għar-rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ banek fundamentalment b’saħħithom sabiex jiġu inkoraġġiti l-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali (in-Norveġja)
Deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 205/09/COL tat- 8 ta’ Mejju 2009 dwar l-iskema għar-rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ banek fundamentalment b’saħħithom sabiex jiġu inkoraġġiti l-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali (in-Norveġja)
ĠU L 29, 3.2.2011, p. 36–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 29/36 |
DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA
Nru 205/09/COL
tat-8 ta’ Mejju 2009
dwar l-iskema għar-rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ banek fundamentalment b’saħħithom sabiex jiġu inkoraġġiti l-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali (in-Norveġja)
L-AWTORITA TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA (1)
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità tas-Sorveljanza u l-Qorti tal-Ġustizzja (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,
WARA LI KKUNSIDRAT l-Artikolu 1(3) tal-Parti I u l-Artikolu 4(3) tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti (4),
WARA LI KKUNSIDRAT il-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE (5), u b’mod partikolari l-Kapitolu tagħhom dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja kurrenti: il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u salvagwardja kontra tfixkil żejjed tal-kompetizzjoni (6),
WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 tal-Parti II u tal-Protokoll 3 (7),
BILLI:
I. FATTI
1. Proċedura
Fit-28 ta’ April 2009, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw, skont l-Artikolu 1(3) ta’ Parti I tal-Protokoll 3, skema għar-rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ banek fundamentalment sodi sabiex jissaħħu l-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali (Avveniment Nru 516522) (8).
2. L-għan tal-miżura ta’ għajnuna
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li hemm inċertezza konsiderevoli dwar l-evoluzzjoni tal-ekonomija Norveġiża u l-iżviluppi fil-politika u l-attivitajiet tas-self tal-banek. Hemm interdipendenza qawwija bejn l-ekonomija reali u s-sistema finanzjarja. Il-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji fid-dawl tat-telf li dejjem qed jikber jista’ jwassal lill-banek sabiex inaqqsu l-provvista tal-kreditu. L-effett ta’ tnaqqis fid-domanda esterna fuq l-ekonomija Norveġiża huwa miżjud minn kundizzjonijiet aktar strinġenti għas-self għall-impriżi u l-individwi, u dan qed itellef l-investiment u l-attività fl-ekonomija reali u jamplifika l-effetti negattivi tat-tnaqqis ekonomiku ġenerali.
L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li stħarriġ tas-self li twettaq mill-Bank Ċentrali Norveġiż (Norges Bank) u l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja (Kredittilsynet) juru li l-banek qed jgħollu l-istandards tal-kreditu b’mod sostanzjali, partikolarment għas-self lill-impriżi. Huma juru wkoll li l-proporzjonijiet tal-kapital huma ta’ importanza ewlenija għall-banek meta jkunu qed jevalwaw il-politika tas-self tagħhom. Fil-preżent, il-banek Norveġiżi huma finanzjarjament b’saħħithom iżda jenħtiġilhom li jsaħħu l-kapital bażiku tagħhom sabiex ikunu jistgħu jżommu provvista normali ta’ kreditu.
F’Diċembru 2008, Norges Bank irrakkomanda li l-Gvern jieħu miżuri sabiex itejjeb is-solidità tal-banek sabiex jissaħħaħ is-self lill-ekonomija reali. Din ir-rakkomandazzjoni kienet appoġġjata mill-Awtorità għas-Superviżjoni Finanzjarja.
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li xi wħud mill-banek il-kbar Norveġiżi għandhom proporzjonijiet tal-kapital bażiku li huma relattivament baxxi u jeħtieġu li jiġu rikapitalizzati sabiex ikunu jistgħu jkomplu jisilfu lill-ekonomija reali. (9) Banek iżgħar bi proporzjonijiet ta’ kapital għoljin jistgħu xorta waħda jkollhom bżonn kapital bażiku addizzjonali sabiex iżommu jew iżidu s-self skont l-iskopijiet tal-iskema nnotifikata. L-awtoritajiet Norveġiżi qed jipprevedu li xi banek żgħar jista’ jkollhom mezzi aktar limitati biex jiffinanzjaw lilhom infushom u portafoll ta’ self pjuttost dejjaq. Għaldaqstant, huma aktar esposti għar-riskji tal-likwidità milli huma banek b’negozju aktar wiesa’. Għalhekk, anki jekk dawn oriġinarjament kellhom proporzjonijiet ta’ kapital ogħla, dawn il-fatturi jistgħu jimplikaw li l-kapital bażiku jitnawwar iktar malajr milli jkun il-każ għal banek oħra. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Norveġiżi qiesu li kemm is-sitwazzjoni fis-settur tal-banek u kif ukoll il-prospetti għall-ekonomija Norveġiża jitolbu miżura mill-istat li toffri rikapitalizzazzjoni ta’ banek li huma fundamentalment tajbin sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-istabbiltà finanzjarja u jiġi inkoraġġit is-self lill-ekonomija reali.
L-għan tal-iskema huwa li tipprovdi kapital Tier 1 (10) lill-banek sabiex issaħħaħhom u ttejjeb l-abbiltà tagħhom li jkomplu bl-attivitajiet normali ta’ self tagħhom. L-iskema hija miftuħa biss għal banek li huma fundamentalment tajbin u, skont l-awtoritajiet Norveġiżi, tfasslet sabiex tilħaq l-għan li tiżgura li jkun hemm self għall-ekonomija reali, filwaqt li timminimizza t-tfixkil tal-kompetizzjoni.
Taħt l-iskema tar-rikapitalizzazzjoni, Fond Finanzjarju tal-Gvern (Statens finansfond) (11) twaqqaf bl-iskop li temporanjament jipprovdi kapital Tier 1 lill-banek Norveġiżi (12): akkwisti mill-Fond ta’ titoli ibridi jew strumenti ta’ kapital preferenzjali għandhom ikunu bbażati fuq applikazzjoni mill-bank individwali. Il-kundizzjonijiet għandhom ikunu rregolati minn ftehim bejn il-Fond u l-bank individwali, li jistabbilixxi l-modalitajiet preċiżi tar-rikapitalizzazzjoni (pereżempju, il-valur nominali, l-ammont, ir-rimunerazzjoni u l-inċentivi tal-ħruġ).
3. Bażi legali nazzjonali għall-miżura tal-għajnuna
Il-bażi legali nazzjonali li tistabbilixxi l-Fond hija Lov 6. mars 2009 nr. 12 om Statens finansfond. Se jiġi adottat ukoll regolament ta’ implimentazzjoni li jirrigwarda l-Fond u l-attivitajiet tiegħu (13).
4. Ammont ta’ fondi u tul ta’ żmien
Fl-2008, Norges Bank wettaq simulazzjoni ta’ kriżi makroekonomika għas-sitt l-ikbar banek Norveġiżi. It-test irreplika xenarju negattiv fejn l-eżitu kien li l-banek kienu jirreġistraw telf li jammonta għal medja ta’ 2,3 % tal-assi tagħhom bil-piż differenzjat skont ir-riskju. Fuq il-bażi ta’ dan it-test, Norges Bank ikkalkula li l-ħtieġa ta’ rikapitalizzazzjoni tal-għaxar l-ikbar banek hija ta’ NOK 34 biljun. Fid-dawl tar-riżultati ta’ dan it-test, ġew allokati riżorsi suffiċjenti (NOK 50 biljun, li huma madwar EUR 5,1 biljun) għal dan il-Fond.
L-iskema għandha tkun ta’ natura temporanja u r-regoli huma mistennija li jidħlu fis-seħħ f’Mejju 2009, b’tieqa ta’ sitt xhur sabiex il-Fond jilħaq ftehimiet mal-banek li japplikaw għar-rikapitalizzazzjoni. Il-limitu ta’ żmien sabiex jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet lill-Fond se jiġi stabbilit sitt ġimgħat qabel ma jiskadi dak il-perjodu ta’ sitt xhur sabiex il-Fond jingħata ż-żmien jikkonkludi ftehim mal-bank applikanti qabel ma tingħalaq it-tieqa f’Novembru 2009. F’dan il-perjodu ta’ żmien, l-awtoritajiet Norveġiżi se jivvalutaw ukoll jekk il-miżura tkunx meħtieġa għal perjodu itwal, u f’dan il-każ l-iskema tiġi rinotifikata.
5. L-iskema tar-rikapitalizzazzjoni
5.1. Il-benefiċjarji
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-banek Norveġiżi li huma finanzjarjament f’saħħithom biss huma eliġibbli għal għajnuna taħt l-iskema nnotifikata.
L-Awtorità Norveġiża tas-Sorveljanza Finanzjarja se jkollha r-rwol li tiddetermina jekk bank hux eliġibbli taħt l-iskema. (14) Bħala parti mill-funzjonijiet regolari tagħha ta’ sorveljanza, l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja tirċievi mingħand kull bank informazzjoni dwar il-portafolli tas-self u elementi oħra tal-karta tal-bilanċ tiegħu, il-pjanijiet tan-negozju u l-valutazzjoni tiegħu tal-fatturi tar-riskju futuri. Meta bank japplika għand il-Fond għal injezzjoni tal-kapital, l-Awtorità se tintalab sabiex tagħmel valutazzjoni dwar l-eliġibbiltà tal-bank taħt l-iskema. It-test, skont it-Taqsima 2 tar-Regolament, huwa li “l-bank jissodisfa l-obbligi tal-proporzjon tal-kapital Tier 1 b’marġini tajjeb, anki meta jitqiesu l-iżviluppi probabbli fil-futur qrib”. Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja se tippreżumi li dan l-obbligu jkun ġie ssodisfat jekk il-bank ikkonċernat ikollu proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ 6 % jew aktar, jiġifieri 2 punti perċentwali ogħla mir-rekwiżit regolatorju minimu. Fil-każijiet kollha, l-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja għandha tibbaża l-analizi tagħha fuq informazzjoni aġġornata, filwaqt li tqis id-diversi skoperturi għar-riskju, il-kwalità tal-assi u l-prospetti kummerċjali ta’ bank, flimkien mal-proporzjonijiet formali tal-adegwatezza tal-kapital, sabiex tikkonkludi li bank huwa fundamentalment b’saħħtu, ukoll fid-dawl ta’ żviluppi probabbli fil-futur qrib.
5.2. Żidiet massimi tal-kapital
Il-limiti massimi għaż-żidiet fil-proporzjonijiet tal-kapital bażiku permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital mill-Fond huma previsti kif ġej:
(a) |
bank bi proporzjon ta’ kapital bażiku taħt is-7 % jista’ jiġi rikapitalizzat sa proporzjon ta’ kapital bażiku massimu ta’ 10 %; |
(b) |
bank bi proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ bejn 7 % u 10 % jista’ jiġi rikapitalizzat b’mhux aktar minn 3 punti perċentwali, iżda dan ma jistax itella’ l-proporzjon ta’ kapital bażiku għal aktar minn 12 %; |
(c) |
bank bi proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ aktar minn 10 % jista’ jiġi rikapitalizzat b’mhux aktar minn 2 punti perċentwali (15). |
Banek li se jkollhom proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ aktar minn 12 % wara l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-istat għandhom jiddokumentaw il-ħtieġa tagħhom għal kontribuzzjoni tal-kapital u l-Fond jivvaluta l-każ fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-bank u fid-dawl ta’ kif jista’ jiġi stimulat is-self għall-ekonomija reali.
Bl-istess mod, applikazzjoni għal żieda fil-kapital bażiku ta’ aktar minn 2 punti perċentwali għandha tinkludi dokumentazzjoni xierqa li tiġġustifika l-ħtieġa għal injezzjoni ta’ kapital daqshekk kbira.
Il-Fond se jiddeċiedi dwar l-ammont reali li jiġi allokat fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ta’ diversi fatturi ta’ riskju, pjanijiet tan-negozju u prospetti. L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li jekk il-Fond ma jkunx konvint, fuq il-bażi tal-provi pprovduti, li hemm ħtieġa għal għajnuna taħt din l-iskema, huwa jirrifjuta l-applikazzjoni. Il-Banek li jinsabu fl-ogħla kategorija ta’ riskju li jitolbu żieda ta’ kapital ta’ aktar minn 2 punti perċentwali se jkunu suġġetti għal skrutinju partikolari.
Każijiet fejn ir-rikapitalizzazzjoni tkun se tikkorrispondi għal aktar minn 2 % tal-proporzjon ta’ kapital bażiku jiġu rrappurtati lill-Awtorità.
5.3. Allokazzjoni għal klassi ta’ riskju
Il-Fond għandu jassenja kull bank għal waħda minn tliet klassijiet ta’ riskju, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi (16). Il-klassi tar-riskju tiddetermina l-kupun li għandu jitħallas fuq il-kapital injettat mill-Fond u tibqa’ fissa għat-tul tal-ftehim bejn il-bank u l-Fond.
Ir-Regolament jistipula li l-banek bi klassifikazzjoni esterna minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu awtorizzata għandhom jiġu assenjati għall-klassi tar-riskju kif ġej:
Klassi tar-riskju |
1 |
2 |
3 |
Klassifikazzjoni |
AA- jew aħjar |
Minn A- sa A+ |
BBB + jew anqas |
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li ftit huma l-banek Norveġiżi li huma klassifikati minn aġenziji internazzjonali tal-klassifikazzjoni. Banek oħra huma, madankollu, klassfikati b’mod regolari mill-akbar banek Norveġiżi. Il-banek li mhumiex klassifikati minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu awtorizzata jiġu vvalutati skont prinċipji simili għal dawk applikati mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu uffiċjali. (17)
L-awtoritajiet Norveġiżi jikkalkulaw li se jkunu ftit ħafna dawk il-banek Norveġiżi li se jaqgħu taħt il-klassi tar-riskju numru 1, numru ta’ banek se jaqgħu taħt il-klassi tar-riskju 2, u l-biċċa l-kbira tal-banek se jiġu assenjati għall-klassi tar-riskju nru 3 (madwar tliet kwarti tal-banek Norveġiżi kollha).
5.4. Strumenti ta’ rikapitalizzazzjoni
Il-leġiżlazzjoni tipprovdi għal żewġ strumenti alternattivi ta’ kapital, sigurtà Ibrida Tier 1 (“fondsobligasjon”) u strument tal-kapital preferenzjali Tier 1 (“preferansekapitalinstrument”). Iż-żewġ strumenti jikkwalifikaw bħala kapital Tier 1 u mhuma se jkollhom l-ebda drittijiet ta’ votazzjoni marbuta magħhom. L-istrumenti se jkollhom dritt preferenzjali għal klejm mhux kumulattiva għall-imgħax annwali, li għandha tkun kundizzjonali fuq li jkun hemm profitt u fuq li l-proporzjon tal-adegwatezza tal-kapital ma jkunx aktar minn 0,2 % ogħla mill-proporzjon tal-adegwatezza tal-kapital minimu mitlub fi żmien partikolari. L-imgħax għandu jkun kopert sakemm ikun jew tħallas b’mod sħiħ jew ikunu ġew eżawriti l-profitti.
Il-prezz tar-rikapitalizzazzjoni se jiġi stabbilit individwalment għal kull bank fuq il-bażi tar-rata tal-imgħax applikabbli. Minbarra dan, se jkun hemm żieda skont il-kategorija tar-riskju tal-bank u t-tip ta’ strument magħżul.
L-awtoritajiet Norveġiżi huma tal-fehma li s-sistema li biha r-rata tar-remunerazzjoni għal kull bank għal kull strument hija kkalkulata tikkorrispondi mal-metodoloġija stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (18) fir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta’ Novembru 2008 (19) u għaldaqstant tikkonforma mal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-assi tal-banek Norveġiżi huma, fil-biċċa l-kbira, assi b’rata tal-imgħax flessibbli. Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju tar-rati tal-imgħax, il-banek ġeneralment jippruvaw li jkollhom l-istess maturitajiet tal-kuntratti tar-rati tal-imgħax fuq iż-żewġ naħat tal-karta tal-bilanċ. It-tqabbil tal-maturitajiet għalhekk jitlob li l-banek Norveġiżi jkollhom fil-biċċa l-kbira obbligazzjonijiet b’rati tal-imgħax flessibbli. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Norveġiżi pproponew li r-remunerazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni tkun ibbażata fuq ir-rendita jew ta’ ċertifikat tal-gvern għal sitt xhur jew ta’ bond tal-gvern għal ħames snin.
Skont l-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Norveġiżi, l-ispejjeż għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek fuq perjodu ta’ ħames snin se jkun l-istess indipendentement minn liema għażla jieħu l-bank. Huma jispjegaw dan il-punt billi jqabblu l-ispejjeż netti preżenti tar-rikapitalizzazzjoni għall-banek bl-użu tal-għażla bbażata fuq ir-rendita tal-bonds tal-gvern ta’ ħames snin, mal-ispejjeż netti preżenti tar-rikapitalizzazzjoni għall-banek bl-użu tal-għażla bbażata fuq ir-rendita taċ-ċertifikati tal-gvern ta’ sitt xhur fuq perjodu ta’ ħames snin. (20)
Għaldaqstant, l-awtoritajiet Norveġiżi huma tal-fehma li, anki jekk ir-rendita taċ-ċertifikati tal-gvern għal sitt xhur illum hija anqas minn dik tal-bond tal-gvern għal ħames snin, l-ispejjeż tar-rikapitalizzazzjoni għall-banek fuq perjodu ta’ ħames snin se jkunu l-istess indipendentement minn liema għażla tittieħed.
5.4.1.
Is-Sigurtà Ibrida Tier 1 għandha tassorbi t-telf wara l-kapital tal-ishma komuni (preferenza fir-rigward tal-assorbiment tat-telf). Hija mfassla bħala bond tat-tip “callable perpetual”, b’kupun fiss stabbilit bħala r-rata tal-bonds tal-gvern Norveġiż, biż-żidiet li ġejjin:
— |
5,0 % għall-banek fil-klassi tar-riskju 1; |
— |
5,5 % għall-banek fil-klassi tar-riskju 2; |
— |
6,0 % għall-banek fil-klassi tar-riskju 3 (21). |
F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-BĊE, l-element ta’ żieda minima huwa kkalkulat bħala d-differenzjali tas-CDS ta’ ħames snin tal-bank li jagħmel il-ħruġ, fuq dejn subordinat matul il-perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Awwissu 2008 b’żieda ta’ 200 punt ta’ bażi għall-ispejjeż operattivi u 100 punt ta’ bażi sabiex tiġi riflessa s-senjorità tal-ibridu fir-rigward tad-dejn subordinat. Żieda tiġi mbagħad applikata għall-banek fil-klassijiet tar-riskju 2 u 3.
L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li Norges Bank kien ikkalkula li d-differenzjal medjan fuq il-kuntratti tas-CDS subordinati għal DnB NOR (22), l-uniku bank Norveġiż li l-kuntratti tas-CDS tiegħu huma nnegozjati f’suq, huwa ta’ 100 punt ta’ bażi għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Awwissu 2008. (23)
Sabiex jiġi stimulat ix-xiri lura, il-kupun huwa miżjud b’1 punt perċentwali wara kull waħda mis-snin 4 u 5. L-istrument iżomm l-ogħla kupun fiss sa meta jinfeda. Ix-xiri lura huwa kundizzjonali fuq il-permess tal-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja, li trid tivverifika li l-kundizzjonijiet tal-adegwatezza tal-kapital ikomplu jkunu se jkomplu jiġu ssodisfati wara x-xiri lura.
5.4.2.
L-istrument tal-kapital preferenzjali Tier 1 għandu jassorbi t-telf pari passu (b’mod parallel) mal-ishma ordinarji. Huwa jista’ jissejjaħ wara tliet snin. Huwa mfassal bħala konvertibbli mandatorju, u jinqaleb għal ishma komuni wara ħames snin, sakemm ma jinfediex jew ma jiġix konvertit qabel dan. L-istrument għandu jkollu kupun fiss stabbilit bħala r-rata tal-bonds tal-Gvern Norveġiż, biż-żieda li ġejja:
— |
6,0 % għall-banek fil-klassi tar-riskju 1; |
— |
6,5 % għall-banek fil-klassi tar-riskju 2; |
— |
7,0 % għall-banek fil-klassi tar-riskju 3 (24). |
F’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-BĊE, iż-żieda minima hija stabbilita għal 600 punt ta’ bażi (500 punt ta’ bażi bħala premium għar-riskju tal-ekwità u 100 punt ta’ bażi sabiex jiġu koperti l-ispejjeż operattivi). Hija applikata żieda għall-banek fil-klassijiet tar-riskju 2 u 3.
Kif ingħad aktar ‘il fuq, l-istrument jista’ jissejjaħ wara tliet snin. Il-metodu sabiex jiġi kkalkulat il-valur tax-xiri lura għandu jiġi speċifikat fil-ftehim mal-bank u ma jistax ikun anqas mill-valur nominali (25). Ix-xiri lura bikri għandu jiġi stimulat, pereżempju billi tiġi inkluża fil-ftehim żieda tar-rata tax-xiri lura fir-raba’ u fil-ħames sena, li jagħmel ix-xiri lura qabel inqas għali meta mqabbel max-xiri lura aktar tard.
Minbarra dan, l-inċentiva sabiex isir ix-xiri lura, minflok ma jitħalla li ssir il-konverżjoni mandatorja, għandha tiġi assigurata billi tiġi stabbilita rata ta’ konverżjoni fi tmiem il-perjodu ta’ ħames snin li hija aktar favorevoli għall-Fond milli tkun il-konverżjoni bil-prezz tas-suq ta’ dak iż-żmien, u tkun ukoll aktar favorevoli għall-Fond meta mqabbla max-xiri lura qabel it-tmiem tal-ħames sena (fi kliem ieħor il-metodu adottat għandu jipprovdi għal dilwizzjoni sinifikanti tal-azzjonisti eżistenti).
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-Fond għandu jkollu d-dritt li jikkonverti l-istrumenti f’ishma ordinarji/ċertifikati ta’ kapital primarju jekk il-kapital preferenzjali jikkostitwixxi parti sinifikanti mill-ekwità kontabbli tal-bank. Il-Fond għandu jispeċifika fil-ftehim ma’ kull bank individwali x’jikkostitwixxi porzjon sinifikanti. Il-punt fejn jintlaħaq il-porzjon sinifikanti m’għandux ikun ogħla minn 50 % (26).
Il-ftehim individwali jista’ jinkludi wkoll għażla għall-bank sabiex jikkonverti l-istrument f’ishma ordinarji/ċertifikati tal-kapital primarju jekk il-“fondi proprji” jkunu sofrew tnaqqis kontabbli b’mod konsiderevoli (ta’ aktar minn 20 %). Il-mod kif jiġi kkalkulat kemm mill-ishma għandu jirċievi l-Fond meta ssir il-konverżjoni għandu jiġi speċifikat fil-ftehim mal-bank u għandu jassigura relazzjoni raġonevoli bejn il-valur tax-xiri lura u l-gwadann potenzjali, minn naħa waħda, u l-konverżjoni u t-telf potenzjali min-naħa l-oħra. (27)
5.5. Salvagwardji komportamentali
Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-iskema hija ssupplimentata b’numru ta’ salvagwardji komportamentali.
Il-Fond għandu jagħmel il-kontribuzzjonijiet tal-kapital kundizzjonali fuq li dawn jintużaw f’konformità mal-għanijiet tal-iskema, u li ma jintużawx kontra l-iskop tagħha, u li l-bank ma jisfruttax il-kontribuzzjoni tal-kapital fil-kummerċjalizzazzjoni tiegħu u sabiex jimplimenta strateġiji kummerċjali aggressivi (28).
Jeżistu restrizzjonijiet addizzjonali bħal (i) projbizzjoni fuq żidiet fis-salarji u benefiċċji oħra tal-persunal maniġerjali sal-31 ta’ Diċembru 2010; (ii) projbizzjoni kważi sħiħa fuq il-bonusijiet għas-snin finanzjarji 2009 u 2010 bi projbizzjoni fuq il-ħlas ta’ bonusijiet retroattivi wara dan; (iii) projbizzjoni fuq li l-persunal maniġerjali jirċievi ishma jew strumenti simili fuq termini favorevoli, u (iv) projbizzjoni fuq il-bidu ta’ programmi ġodda ta’ opzjonijiet tal-ishma jew it-tiġdid ta’ skemi bħal dawn li huma diġà eżistenti.
II. VALUTAZZJONI
1. Il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat
L-Artikolu 6(1) ŻEE jaqra kif ġej:
“Mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli ma’ dan il-Ftehim.”
Sabiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, il-miżura trid l-ewwel tiġi mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. L-iskema nnotifikata tikkonsisti f’injezzjonijiet ta’ kapital magħmula mill-Fond b’riżorsi mill-baġit nazzjonali. Għal dan l-iskop, baġit totali ta’ NOK 50 biljun ġie allokat għall-Fond.
Minbarra dan, il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni jippermettu lill-benefiċjarji sabiex jakkwistaw il-kapital meħtieġ fuq kundizzjonijiet aktar favorevoli milli kienu altriment ikunu possibbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet kurrenti tas-swieq finanzjarji. L-Awtorità tqis li, meta jitqiesu d-diffikultajiet kurrenti fis-swieq kapitali, l-Istat qed jinvesti għaliex l-ebda operatur tal-ekonomija tas-suq ma kien se jkun lest li jinvesti fuq termini simili. Minbarra dan, il-miżura nnotifikata hija selettiva għaliex huma biss banek Norveġiżi fundamentalment b’saħħithom u mhux istituzzjonijiet finanzjarji jew impriżi oħra li huma eliġibbli għall-iskema. Dan jagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji u jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħhom fin-Norveġja u fi Stati Membri oħra taż-ŻEE u għalhekk għandu jitqies bħala li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.
Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tqis li l-iskema tar-rikapitalizzazzjoni nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) ŻEE.
2. Obbligi proċedurali
Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan ta’ għoti jew ta’ tibdil fl-għajnuna (…). L-Istat ikkonċernat m’għandux jimplimenta l-miżuri proposti tiegħu sakemm il-proċedura ma tirriżultax f’deċiżjoni finali”.
Bin-notifikazzjoni tal-iskema tar-rikapitalizzazzjoni fit-28 ta’ April 2009, l-awtoritajiet Norveġiżi kkonformaw mal-obbligu tan-notifika. Huma impenjaw ruħhom li ma jimplimentawx l-iskema sakemm l-Awtorità tkun approvat il-miżura, u b’hekk ikkonformaw ukoll mal-obbligu tal-waqfien.
L-Awtorità tista’ għalhekk tikkonkludi li l-awtoritajiet Norveġiżi rrispettaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3.
3. Kumpatibbiltà tal-għajnuna
3.1. Applikazzjoni tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE u l-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni
L-Artikolu 61(3)(b) ŻEE jistipula li “l-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġett importanti ta’ interess komuni Ewropew jew sabiex jissewwa taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat tal-KE jew Stat tal-EFTA” (l-enfasi miżjuda) tista’ titqies bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE.
L-Awtorità ma tpoġġix fid-dubju l-analiżi tal-awtoritajiet Norveġiżi li l-kriżi finanzjarja globali kurrenti rrestrinġiet is-self għall-ekonomija reali fuq skala nazzjonali. Jekk din is-sitwazzjoni ma tiġix indirizzata, hija jkollha effett sistemiku fuq l-ekonomija Norveġiża kollha kemm hi. L-Awtorità għalhekk tikkonkludi li l-iskema nnotifikata għandha l-għan li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija Norveġiża.
Fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(b) ŻEE, l-Awtorità adottat f’Jannar 2009, il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni li jistabbilixxu r-regoli għall-valutazzjoni tal-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja kurrenti. Għaldaqstant, l-Awtorità se tivvaluta n-notifikazzjoni kurrenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
Il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jistipulaw li “fil-kuntest tas-sitwazzjoni kurrenti fis-swieq finanzjarji, ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek tista’ sservi numru ta’ għanijiet. L-ewwel, ir-rikapitalizzazzjonijiet jikkontribwixxu għar-restawr tal-istabbilità finanzjarja u jgħinu sabiex jirrestawraw il-kunfidenza meħtieġa għall-irkupru tas-self bejn il-banek. […] It-tieni, ir-rikapitalizzazzjonijiet jistgħu jkollhom bħala oġġettiv l-assigurazzjoni tas-self lill-ekonomija reali” (29). Minbarra dan, “il-banek irid ikollhom termini favorevoli b’mod suffiċjenti tal-aċċess għall-kapital sabiex ir-rikapitalizzazzjoni tkun effettiva daqskemm hu meħtieġ. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet marbuta ma’ kull miżura ta’ rikapitalizzazzjoni għandhom jassiguraw livell uniformi u, għat-tul, ritorn lejn kondizzjonijiet normali tas-suq. L-interventi mill-Istat għandhom għalhekk ikunu proporzjonati u temporanji u għandhom ikunu mfassla b’tali mod li jipprovdi inċentivi għall-banek sabiex jixtru lura l-investiment tal-Istat malli l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu jippermettu (…). Fil-każijiet kollha, l-Istati tal-EFTA għandhom jassiguraw li kull rikapitalizzazzjoni ta’ bank tkun ibbażata fuq bżonn ġenwin.” (l-enfasi miżjuda) (30).
Il-miżuri nnotifikati għandhom għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
— Li jkunu xierqa (il-miżuri jkunu adegwati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti): il-miżuri tal-għajnuna għandhom ikunu mmirati tajjeb sabiex b’mod effettiv jilħqu l-għan li jsaħħu l-istabbilità finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali;
— Li jkunu meħtieġa: il-miżuri tal-għajnuna għandhom, fl-ammont u l-forma tagħhom, ikunu meħtieġa sabiex jinkiseb l-għan iddikjarat (31);
— Li jkunu proporzjonati: l-effetti pożittivi tal-miżura tal-għajnuna għandhom ikunu bbilanċjati kif xieraq mat-tfixkil tal-kompetizzjoni, sabiex it-tfixkil tal-kompetizzjoni jkun limitat għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-miżuri.
3.2. Li jkunu xierqa
L-Awtorità għandha l-ewwel tivvaluta jekk il-miżura proposta, jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni mill-istat ta’ banek fundamentalment b’saħħithom, hijiex miżura xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet iddikjarati tat-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali.
L-Awtorità tirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jistgħu jkunu jeħtieġu kapital addizzjonali fiċ-ċirkustanzi preżenti tas-suq sabiex jassiguraw fluss suffiċjenti ta’ kreditu għall-ekonomija kollha kemm hi, u b’hekk jevitaw li l-kriżi tkompli tiggrava. Minbarra dan, l-inċertezzi fir-rigward tal-prospetti ekonomiċi dgħajfu l-fiduċja fis-solidità fit-tul tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ banek fundamentalment b’saħħithom għandha tassigura li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu kapitalizzati biżżejjed biex ikunu jistgħu jifilħu aħjar għat-telf potenzjali u jkomplu bl-attivitajiet normali ta’ self tagħhom.
Il-forniment ta’ kapital lil banek fundamentalment b’saħħithom jista’ għalhekk jitqies bħala miżura xierqa sabiex jiġu assigurati kundizzjonijiet favorevoli għas-self fl-ekonomija reali f’konformità mal-Linji Gwida tar-Rikapitalizzazzjoni.
3.3. Li jkunu meħtieġa
L-għajnuna għandha, fl-ammont u l-forma tagħha, tkun meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet iddikjarati, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jeżistu bħalissa. Jista’ għalhekk jitqies li biss l-għajnuna lil banek fundamentalment b’saħħithom hija neċessarja għall-finijiet tal-għanijiet iddikjarati.
L-awtoritajiet Norveġiżi qed jippjanaw li l-iskema nnotifikata se tidħol fis-seħħ f’Mejju 2009 u tkun miftuħa għal 6 xhur. Limitu taż-żmien għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal injezzjoni tal-kapital se jkun stabbilit sitt ġimgħat qabel jiskadi l-perjodu ta’ sitt xhur (bejn wieħed u ieħor tmiem Settembru 2009).
Minbarra dan, l-injezzjonijiet tal-kapital huma maħsuba sabiex ikunu temporanji. L-inċentivi sabiex il-banek jiġu inkoraġġiti jħallsu lura l-kapital injettat huma inklużi fl-iskema u numru ta’ restrizzjonijiet komportamentali sinifikanti huma imposti, u dawn ikomplu jinċentivaw ritorn għal kundizzjonijiet normali tas-suq.
L-Awtorità tqis li, billi llimitaw it-tul taż-żmien tal-iskema, l-awtoritajiet Norveġiżi llimitaw l-għajnuna potenzjali mill-istat għall-kuntest tas-sitwazzjoni kurrenti fis-swieq finanzjarji u t-taqlib serju li jeżisti bħalissa fl-ekonomija Norveġiża.
Il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jenfasizzaw l-importanza tad-distinzjoni bejn banek fundamentalment b’saħħithom u li sejrin tajjeb u banek li jinsabu fl-inkwiet u li sejrin inqas tajjeb (32).
L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-banek li huma fundamentalment b’saħħithom biss huma eliġibbli sabiex jipparteċipaw fl-iskema nnotifikata. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-banek meta jkunu qed japplikaw għall-injezzjoni tal-kapital u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi (proporzjonijiet formali tal-adegwatezza tal-kapital, analiżi tal-iskoperturi għar-riskju ta’ kull bank, kwalità tal-assi, prospetti tan-negozju, eċċ.), l-Awtorità Norveġiża tas-Sorveljanza Finanzjarja se teżerċita funzjoni ta’ “gate keeping” u tivvaluta jekk bank huwiex fundamentalment b’saħħtu. L-iskema se tkun miftuħa biss għal banek li jinsabu mill-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja li jissodisfaw l-obbligi tal-kapital Tier 1 “b’marġini tajjeb, ukoll meta jitqiesu żviluppi probabbli fil-futur qrib” (33).
Jista’ għalhekk jiġi konkluż li l-iskema nnotifikata tirrispetta d-distinzjoni operata fil-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u mhix se tintuża għar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek li mhumiex fundamentalment b’saħħithom.
L-Istati tal-EFTA jridu jassiguraw li kull rikapitalizzazzjoni ta’ bank tkun ibbażata fuq bżonn ġenwin (34). F’Diċembru 2008, Norges Bank wettaq simulazzjoni ta’ kriżi għas-sitt l-akbar banek Norveġiżi. Is-simulazzjoni rreplikat xenarju negattiv fejn l-eżitu kien li l-banek kienu jirreġistraw telf li jammonta għal medja ta’ 2,3 % tal-assi tagħhom bil-piż differenzjat skont ir-riskju. Norges Bank ikkalkula li l-fondi meħtieġa għar-rikapitalizzazzjoni tal-10 l-ikbar banek wara l-iżviluppi negattivi simulati, kienu ta’ madwar NOK 34 biljun. Fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-awtoritajiet Norveġiżi kkalkulaw li NOK 50 biljun se jkunu biżżejjed sabiex tkun possibbli żieda fil-kapital bażiku tal-banek Norveġiżi kollha b’medja ta’ 2,3 %. Il-baġit tal-iskema huwa għalhekk ta’ NOK 50 biljun.
Il-livell tal-injezzjoni ta’ kapital propost mill-awtoritajiet Norveġiżi huwa għalhekk relatat mal-kundizzjonijiet speċifiċi fis-suq bankarju Norveġiż. L-awtoritajiet Norveġiżi stabbilixxew limiti massimi għaż-żidiet fil-proporzjonijiet tal-kapital bażiku permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital mill-Fond li huma marbuta mal-livell ta’ kapital bażiku eżistenti fil-bank qabel l-intervent tal-istat. Għalhekk, banek bi proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ anqas minn 7 % jistgħu japplikaw għal rikapitalizzazzjoni li ġġibhom sa proporzjon tal-kapital bażiku ta’ mhux aktar minn 10 % (35). Banek bi proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ bejn 7 % u 10 % jistgħu jiġu rikapitalizzati b’mhux aktar minn 3 punti perċentwali sakemm ma jaqbżux proporzjon ta’ kapital bażiku ta’ 12 %. Banek bi proporzjon ta’ kapital bażiku ogħla minn 10 % jistgħu japplikaw biss għal injezzjoni massima ta’ kapital bażiku ta’ mhux aktar minn 2 punti perċentwali.
Kif irrimarkat aktar ‘il fuq, l-ammont reali ta’ kull injezzjoni ta’ kapital se jiġi deċiż mill-Fond u speċifikat fil-ftehim mal-bank applikanti individwali. Minbarra dan, se tingħata prijorità għal applikazzjonijiet minn banek ta’ importanza sistemika, u b’hekk jiġi assigurat li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-istabbiltà finanzjarja (36). Minbarra dan, il-Fond se jitlob ġustifikazzjoni ulterjuri għal injezzjonijiet ta’ kapital li jaqbżu ż-2 punti perċentwali sabiex jivverifika l-ħtieġa għal injezzjoni ta’ kapital daqshekk kbira.
Kull każ fejn issir injezzjoni ta’ kapital ta’ aktar minn 2 % se jiġi rrapurtat lill-Awtorità.
Il-Fond se jitlob ukoll ġustifikazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ kull applikazzjoni fejn l-injezzjoni proposta twassal il-proporzjon tal-kapital bażiku tal-bank applikanti għal livell ogħla minn 12 %. Il-Fond għalhekk se jkun f’pożizzjoni li jivverifika l-ħtieġa, minkejja l-livell diġà għoli ta’ kapitalizzazzjoni, għal intervent mill-istat. L-Awtorità tinnota li din is-sitwazzjoni tirrigwarda l-aktar banek ta’ tifdil żgħar b’mezzi limitati biex jiffinanzjaw lilhom infushom. Dawn il-banek jirrappreżentaw parti żgħira mis-suq (11 % biss tal-assi totali tal-banek) u huma l-aktar attivi fi swieq lokali. Jekk il-ħtieġa speċifika tal-bank ma tkunx ġustifikata biżżejjed, l-Fond jirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu.
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li l-iskema nnotifikata hija mfassla b’tali mod li tassigura li kull injezzjoni ta’ kapital hija bbażata fuq ħtieġa ġenwina.
3.4. Li jkunu proporzjonati
Fl-aħħar nett, l-Awtorità trid tivvaluta jekk l-injezzjonijiet ta’ kapital humiex se jsiru fuq termini li jimminimizzaw l-ammont ta’ għajnuna sabiex jiġi limitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni għall-minimu neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet iddikjarati.
Skont il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, il-qrubija tal-prezzijiet ma’ dawk tas-suq hija l-aħjar garanzija sabiex jiġi limitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni (37). Ir-rikapitalizzazzjoni għalhekk għandha tkun imfassla b’tali mod li tqis is-sitwazzjoni tas-suq ta’ kull istituzzjoni u tipprovdi inċentiva għall-banek sabiex jifdu l-investiment tal-Istat malajr kemm jista’ jkun. L-elementi li ġejjin għandhom għaldaqstant jintużaw meta titwettaq valutazzjoni tal-miżuri tar-rikapitalizzazzjoni: l-għan tar-rikapitalizzazzjoni, l-istat ta’ saħħa tal-bank benefiċjarju, ir-remunerazzjoni, l-inċentivi għall-ħruġ, u salvagwardji kontra l-abbuż mill-għajnuna u t-tfixkil tal-kompetizzjoni.
L-għan tal-miżura u l-istat ta’ saħħa tal-banek ġew eżaminati aktar ‘il fuq. Rimunerazzjoni ġenerali għandha tinkludi b’mod xieraq l-elementi li ġejjin:
— |
profil tar-riskju tal-benefiċjarju; |
— |
karatteristiċi tal-istrument magħżul; |
— |
inċentivi tal-ħruġ; u wkoll |
— |
rata tal-imgħax mingħajr riskju li sservi bħala punt ta’ riferiment (38). |
Il-Linji Gwida jidentifikaw metodu xieraq sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tar-rikapitalizzazzjonijiet b’referenza għall-metodoloġija stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE, imsemmija aktar ‘il fuq. Din il-metodoloġija tinvolvi l-kalkolu ta’ firxa tal-prezzijiet fuq il-bażi ta’ komponenti differenti bil-livell l-aktar baxx identifikat bħala r-rata ta’ rendita meħtieġa għad-dejn subordinat u l-livell l-aktar għoli identifikat bħala r-rata ta’ rendita meħtieġa għall-ishma ordinarji. Kemm il-livell l-aktar baxx u kif ukoll il-livell l-aktar għoli jikkonsistu f’taħlita ta’ renditi ta’ bonds tal-gvern u elementi “miżjuda”. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-istituzzjonijiet individwali u tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu riflessi meta tiġi kkalkulata l-firxa tal-prezzijiet f’sitwazzjoni partikolari. L-Awtorità se taċċetta wkoll metodoloġiji alternattivi ta’ pprezzar, sakemm dawn iwasslu għal remunerazzjonijiet li jkunu ogħla mill-metodoloġija tal-BĊE (39).
Ir-rata meħtieġa ta’ rendita fuq id-dejn subordinat hija għalhekk ikkalkulata bħala r-rendita tal-bonds tal-gvern flimkien mad-differenzjal tas-CDS tal-bank li joħroġ dak id-dejn subordinat b’200 punt ta’ bażi miżjuda magħhom sabiex jiġu koperti l-ispejjeż operattivi u jiġi pprovdut inċentiv għall-ħruġ. Għal strumenti ibridi oħra li għandhom karatteristiċi simili għal dejn subordinat, il-grad ogħla ta’ prijorità ta’ dawn l-istrumenti huwa rifless permezz tal-inklużjoni ta’ 100 punt ta’ bażi addizzjonali.
L-awtoritajiet Norveġiżi identifikaw is-sigurtà Ibrida tat-Tier 1 bħala li taqa’ taħt id-deskrizzjoni ta’ hawn fuq u kkalkulaw ir-remunerazzjoni fuq dak l-istrument bħala r-rendita tal-bonds tal-gvern b’5,0 % miżjuda għal banek klassifikati fil-klassi tar-riskju numru 1 (iż-żieda hija ta’ 5,5 % u 6,0 % għall-klassijiet tar-riskju 2 u 3 rispettivament). Huma indikaw li Norges Bank ikkalkula d-differenzjal tas-CDS ta’ DnB NOR (l-akbar bank Norveġiż, u l-uniku wieħed li għalih hija disponibbli dejta dwar is-CDS) bħala 100 punt ta’ bażi. Billi ma teżistix id-dejta relevanti għall-banek Norveġiżi l-oħra, l-awtoritajiet applikaw l-istess żieda għall-banek kollha. L-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-BĊE għalhekk tirriżulta f’żieda minima ta’ 400 punt ta’ bażi. Kif innutat aktar ‘il fuq, iż-żieda minima taħt l-iskema nnotifikata hija ta’ 500 punt ta’ bażi, u għalhekk tikkonforma mal-Linji Gwida f’dan ir-rigward.
Ir-rata ta’ rendita għall-ishma ordinarji hija kkalkulata bħala r-rendita tal-bonds tal-gvern b’kumpens għar-riskju tal-ekwità ta’ 500 punt ta’ bażi, flimkien ma’ 100 punt ta’ bażi li jkopru l-ispejjeż addizzjonali u jipprovdu inċentiva għall-ħruġ. Għal strumenti oħra li għandhom karatteristiċi ekonomiċi simili għal dawk tal-ishma komuni (inklużi strumenti perpetwi li jistgħu jiġu konvertiti għal ishma ordinarji), ir-rata ta’ rendita meħtieġa għandha tkun qrib ta’ dik tal-ishma ordinarji.
L-awtoritajiet Norveġiżi identifikaw l-istrument ta’ kapital preferenzjali tat-Tier 1 bħala li jaqa’ taħt id-deskrizzjoni ta’ hawn fuq u kkalkulaw ir-remunerazzjoni fuq dak l-istrument bħala r-rendita tal-bonds tal-gvern biż-żieda ta’ 6,0 % għal banek ikklassifikati fil-klassi tar-riskju 1 (iż-żieda hija ta’ 6,5 % u 7,0 % għall-klassijiet tar-riskju 2 u 3 rispettivament). L-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-BĊE tirriżulta f’żieda minima ta’ madwar 600 punt ta’ bażi u jista’ għalhekk jiġi konkluż li ż-żieda għall-istrument tal-kapital preferenzjali hija konsistenti mal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
L-element l-ieħor tar-remunerazzjoni hija r-rendita tal-bonds tal-gvern. (40) L-iskema nnotifikata hija bbażata fuq il-bond tal-gvern Norveġiż ta’ 5 snin. Madankollu, l-iskema nnotifikata tħalli lill-applikant ukoll l-għażla li r-remunerazzjoni tintrabat maċ-ċertifikat tal-gvern ta’ sitt xhur. L-Awtorità tinnota li, fil-preżent, ir-rata tal-imgħax flessibbli ta’ sitt xhur hija bejn wieħed u ieħor 1 punt perċentwali anqas mir-rata fissa tal-bonds tal-gvern ta’ ħames snin. Għalhekk, ir-remunerazzjoni llum tkun ta’ bejn wieħed u ieħor 1 punt perċentwali anqas għal bank li jeżerċita l-għażla ta’ remunerazzjoni bbażata fuq ir-rata flessibbli ta’ 6 xhur.
L-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-argument li ż-żewġ modi ta’ kif jiġu pprezzati l-injezzjonijiet tal-kapital huma normalment ekwivalenti. Huma juru dan billi jikkalkulaw ir-remunerazzjoni bbażata kemm fuq ir-rata tal-bonds tal-gvern Norveġiż ta’ 5 snin u kif ukoll iċ-ċertifikati tal-gvern ta’ 6 xhur fis-suq tal-futures għal perjodu ta’ ħames snin. Dan huwa bbażat fuq it-teorija li fuq perjodu ta’ żmien għandu jkun hemm parità bejn ir-rati fissi u dawk flessibbli.
Għalkemm il-kalkoli huma bbażati fuq l-aspettattivi u ma jiggarantixxux li l-imgħax se jkun dejjem kif previst, l-Awtorità tikkonkludi li, fuq il-bażi tad-dejta disponibbli, huwa probabbli li r-remunerazzjoni marbuta ma’ ċertifikat tal-gvern ta’ 6 xhur se tkun fil-firxa tal-prezzijiet stabbilita fuq il-bażi tal-metodoloġija deskritta aktar ‘il fuq. Minbarra dan, l-Awtorità ħadet nota tal-fatt li l-elementi miżjuda huma akbar mill-minimu meħtieġ taħt il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
Wara li ġew analizzati r-rati tal-imgħax ta’ referenza u l-karatteristiċi tal-istrumenti offruti, l-aspett tar- remunerazzjoni li jmiss li jiġi kkunsidrat huwa l-profil tar-riskju tal-benefiċjarju.
Kif irrimarkat aktar ‘il fuq, il-Fond għandu jqiegħed lil kull bank f’waħda minn tliet klassijiet ta’ riskju fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi (41). Il-klassi tar-riskju se tiddetermina l-kupun li għandu jitħallas fuq il-kapital injettat. L-Anness 1 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jagħti aktar tagħrif dwar kif il-profil tar-riskju tal-benefiċjarju għandu jiġi vvalutat u jidentifika l-adegwatezza tal-kapital, id-daqs tar-rikapitalizzazzjoni, id-differenzjali kurrenti tas-CDS u l-klassifikazzjoni u l-prospetti tal-bank applikanti bħala indikaturi relevanti.
L-Awtorità hija tal-fehma li l-metodu ta’ valutazzjoni tal-Fond deskritt aktar ‘il fuq fit-Taqsima I.5.3 jieħu kont biżżejjed ta’ dawn l-indikaturi differenti u għalhekk iwassal għall-klassifikazzjoni korretta tal-banek applikanti f’termini tar-riskju.
L-awtoritajiet Norveġiżi inkludew 50 punt ta’ bażi addizzjonali fir-remunerazzjoni għall-banek fil-klassi tar-riskju 2 u 100 punt ta’ addizzjonali għal dawk fil-klassi tar-riskju 3. Il-motivazzjoni għal dan ġiet spjegata bħala d-differenza osservata bejn id-differenzjal tal-kreditu tad-dejn subordinat ta’ DnB NOR u dak ta’ banek Norveġiżi oħra bħala żidiet mal-istima tad-differenzjal tas-CDS ta’ DnB NOR. Ġie osservat li d-differenzjal bejn l-aktar rendita baxxa u l-aktar waħda għolja mhux akbar minn madwar 100 punt ta’ bażi u ż-żidiet għall-klassijiet tar-riskju medju u għoli għalhekk ġew stabbiliti għal 50 u 100 punt ta’ bażi rispettivament.
L-element finali tar-remunerazzjoni identifikat fil-Linji Gwida huma l-inċentivi tal-ħruġ inklużi fl-iskema. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tinnota li r-remunerazzjoni fuq is-sigurtà Ibrida tat-Tier 1 (li tista’ tinfeda fi kwalunkwe żmien) hija miżjuda b’1 punt perċentwali kull sena f’kull waħda mis-snin 4 u 5 u dak il-kupun aktar għoli jinżamm sa meta tinfeda. Fir-rigward tal-istrument tal-kapital preferenzjali tat-Tier 1, huwa possibbli biss li dan jinfeda wara tliet snin u fi tmiem il-ħames sena, l-istrument jiġi awtomatikament ikkonvertit f’ishma ordinarji. Madankollu, huwa stipulat fir-Regolament li 1) ix-xiri lura m’għandux isir b’anqas mill-valur nominali u għandu jiżdied fis-snin 4 u 5, u 2) il-konverżjoni għal ishma fi tmiem is-sena 5 għandha ssir fuq termini tali li jipprovdu lill-bank b’inċentivi sabiex jifdi l-istrument qabel ma ssir il-konverżjoni awtomatika. L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw ukoll li, bħala inċentiva addizzjonali għax-xiri lura, il-mekkaniżmu tal-konverżjoni għandu wkoll ikun aktar favorevoli għall-Fond mill-konverżjoni bil-prezz tas-suq tal-mument, u b’hekk ikun jinvolvi diluzzjoni sinifikanti tal-azzjonisti eżistenti.
L-Awtorità tqis li, meta jiġu kkunsidrati dawn l-elementi kollha, l-iskema nnotifikata tipprovdi għal livell globali ta’ remunerazzjoni li hu konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
Minbarra r-remunerazzjoni u l-inċentivi għall-ħruġ, il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jirreferu wkoll għas-salvagwardji kontra l-abbuż mill-għajnuna u t-tfixkil tal-kompetizzjoni u jesiġu mill-Istati tal-EFTA li dawn jorbtu salvagwardji nazzjonali effettivi u infurzabbli mar-rikapitalizzazzjoni li jassiguraw li l-kapital injettat jintuża sabiex isostni s-self lill-ekonomija reali sabiex l-għan li tiġi ffinanzjata l-ekonomija reali jintlaħaq b’mod effettiv (42). L-Awtorità tinnota f’dan ir-rigward li l-iskema nnotifikata fiha impenji komportamentali imposti fuq il-banek li jibbenefikaw mill-injezzjoni tal-kapital sabiex jiġi assigurat li l-fondi mhux qed jintużaw għal skopijiet oħra għajr sabiex jappoġġjaw is-self lill-ekonomija reali. It-Taqsima 6 tar-Regolament tassigura li l-Fond huwa regolarment infurmat bil-politika tas-self tal-banek benefiċjarji, it-Taqsima 8 tesiġi mill-banek li jibbenefikaw mill-injezzjoni tal-kapital li dawn jimpenjaw ruħhom li jużawha skont l-għanijiet tal-iskema, u mhux kontra dawn l-għanijiet, li huma li jiġi inkoraġġit is-self lill-ekonomija reali u t-Taqsima 14 tagħti lill-Fond l-awtorità li jieħu miżuri sabiex jassigura li t-termini li jirregolaw l-injezzjoni tal-kapital jiġu rrispettati.
Fl-aħħar nett, l-Awtorità tinnota li l-awtoritajiet Norveġiżi m’għandhom l-ebda miżura oħra ta’ għajnuna mill-istat immirata lejn is-settur bankarju.
4 Konklużjoni
Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, l-Awtorità tqis li l-iskema għar-rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ banek fundamentalment b’saħħithom sabiex tiġi msaħħa l-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali, li l-awtoritajiet Norveġiżi qed jippjanaw li jimplimentaw, hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61 ŻEE, moqri flimkien mal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra dwar l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Parti II tal-Protokoll 3, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 195/04/COL, li jipprovdu rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema.
L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra wkoll li kwalunkwe pjan għal tibdil f’din l-iskema jrid jiġi nnotifikat lill-Awtorità,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-iskema għar-rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ banek fundamentalment b’saħħithom sabiex jissaħħu l-istabbiltà finanzjarja u s-self lill-ekonomija reali abbażi tal-Artikolu 61 ŻEE, moqri flimkien mal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.
Artikolu 3
Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2009.
Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA
Per SANDERUD
President
Kurt JÄGER
Membru tal-Kulleġġ
(1) Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Awtorità.
(2) Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.
(3) Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti.
(4) Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Protokoll 3.
(5) Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottat u maħruġ mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“ĠU”) L 231, 3.9.1994, p. 1, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1. Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fuq is-sit tal-Internet tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/
(6) Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(7) Id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004, ippubblikata fil-ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 26, 25.5.2006, p. 1, kif emendati bid-Deċiżjoni Nru 319/05/COL tal-14 ta’ Diċembru 2005, ippubblikata fil-ĠU C 286, 23.11.2006, p. 9, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 57, 23.11.2006, p. 31.
(8) Minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-iskema tar-rikapitalizzazzjoni.
(9) Fi tmiem l-2008, kien hemm 121 bank tat-tfaddil Norveġiż u 18-il bank kummerċjali Norveġiż. Bejn wieħed u ieħor 77 % tal-banek Norveġiżi kellhom proporzjonijiet tal-kapital bażiku ogħla minn 12 %. Madankollu, dawn kienu fil-biċċa l-kbira banek tat-tfaddil żgħar, u kienu jirrappreżentaw biss madwar 11 % tal-assi totali tal-banek. Min-naħa l-oħra, numru limitat ħafna ta’ banek kellhom proporzjon tal-kapital bażiku taħt is-7 %.
(10) Il-kapital Tier 1 huwa l-kejl ewlieni tas-saħħa finanzjarja ta’ bank mill-perspettiva tar-regolatur. Jikkonsisti f’kapital bażiku, li jikkonsisti primarjament f’ishma komuni u riżervi żvelati (jew qligħ miżmum), iżda jista’ wkoll jinkludi ishma preferenzjali li ma jistgħux jinfdew u li mhumiex kumulattivi.
(11) Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Fond.
(12) It-terminu “banek Norveġiżi” jinkludi banek Norveġiżi li s-sidien tagħhom huma banek barranin, iżda jeskludi fergħat fin-Norveġja ta’ banek barranin, istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu li mhumiex banek, u tipi oħra ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.
(13) Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ir-Regolament.
(14) Taqsima 2 tar-Regolament.
(15) Taqsima 2 tar-Regolament.
(16) Taqsima 10 tar-Regolament.
(17) Dan jimplika li numru ta’ kriterji bħall-proporzjon tal-kapital bażiku, ir-rendita totali, il-kompożizzjoni u l-kwalità tal-kreditu tal-portafoll tas-self, il-proporzjon tad-depożiti mas-self, l-iskopertura għat-telf u għar-riskju (riskju tal-kreditu, riskju tal-likwidità, riskju tas-suq, u riskju operattiv) se jiġu vvalutati. Il-Fond, jew esperti mqabbda minnu, jistgħu jużaw il-klassifikazzjonijiet ipprovduti mill-akbar banek li joperaw fin-Norveġja, pereżempju l-analiżi tal-kreditu minn DnB NOR (l-akbar grupp tas-servizzi finanzjarji Norveġiż), bħala punt tat-tluq sabiex tiġi stabbilita l-klassi tar-riskju xierqa.
(18) Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-“BĊE”.
(19) Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ir-rakkomandazzjoni tal-BĊE”
(20) Fuq il-bażi tar-rendita taċ-ċertifikati tal-gvern ta’ sitt xhur mixtrija fuq is-suq tal-forward contracts.
(21) Taqsima 11 tar-Regolament.
(22) L-awtoritajiet Norveġiżi kkalkulaw din iċ-ċifra fuq il-bażi tat-total tad-differenzjali kollha fuq il-bonds regolari prijoritarji tal-banek fir-rigward tal-bonds tal-gvern u d-differenzjali tas-CDS għas-self subordinat fir-rigward tal-bonds prijoritarji tal-banek.
(23) F’kuntrast ma’ dan, fi ħdan iż-żona tal-euro, il-BĊE kkalkula li l-medjan tad-differenzjali kollha tad-dejn subordinat A CDS huwa ta’ 73 punt ta’ bażi.
(24) Taqsima 12 tar-Regolament.
(25) Taqsima 13 tar-Regolament.
(26) Taqsima 12 tar-Regolament.
(27) Kieku r-rata tal-konverżjoni kellha tiġi stabbilita bħala l-medja tal-prezz inizjali tas-suq u l-prezz tas-suq mal-konverżjoni, il-vantaġġ għall-fond għandu jkun assigurat permezz ta’ żieda li tikkorrispondi ma’ dan fil-valur tax-xiri lura, li jipprovdi simetrija bejn ir-riskju negattiv u l-gwadann possibbli. Kieku r-rata tal-konverżjoni kellha tiġi ffissata skont il-prezz tas-suq fiż-żmien tal-konverżjoni, il-Fond ma jipparteċipax f’telf fil-valur tal-ishma qabel il-konverżjoni. F’dak il-każ, il-possibiltà ta’ gwadann għall-Fond għandha wkoll tkun aktar limitata.
(28) Taqsima 8 tar-Regolament.
(29) Paragrafi 4 u 5 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(30) Paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(31) Każ C-390 Nuova Agricast v Ministero delle Attività Produttive, sentenza tal-15 ta’ April 2008 (għadha mhix irrapurtata), paragrafu 68. Il-Qorti ddikjarat li “Kif jirriżulta wkoll mis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni (730/79, Ġabra p. 2671, punt 17), għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet previsti fl-Artikolu 87(3) KE ma tiġix ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.”
(32) Paragrafu 12 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(33) Taqsima 2 tar-Regolament.
(34) Paragrafu 11 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(35) Ladarba banek bi proporzjon tal-kapital ta’ anqas minn 6 % ġeneralment ma jkunux eliġibbli taħt l-iskema, iż-żieda massima għall-banek f’din il-kategorija tkun ta’ 4 punti perċentwali. Kif imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, aktar ‘il fuq, hemm biss ftit banek b’livell tal-kapital bażiku ta’ anqas minn 7 %.
(36) Taqsima 2 tar-Regolament.
(37) Paragrafu 19 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(38) Paragrafu 23 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(39) Paragrafu 30 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.
(40) Dan huwa ddefinit fir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE kif ġej: “it-total ta’ (i) ir-rendita medja fuq il-bond ta’ ħames snin ta’ riferiment tal-EMU fuq 20 jum ta’ negozju qabel l-injezzjoni tal-kapital, u (ii) id-differenzjal medju tar-renditi tal-gvernijiet għall-pajjiż tad-domiċilju tal-istituzzjoni finanzjarja għall-perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Awwissu 2008”.
(41) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 aktar ‘il fuq.
(42) Paragrafu 39 tal-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni.