Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2007C0127

Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA Nru 127/07/COL tat- 18 ta’ April 2007 dwar għajnuna ta’ Riċerka u Żvilupp mogħtija mill-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter (in-Norveġja)

ĠU L 249, 18.9.2008, pp. 23–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/127(2)/oj

18.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 249/23


DEĊIŻJONI TA’ L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA EFTA

Nru 127/07/COL

tat-18 ta’ April 2007

dwar għajnuna ta’ Riċerka u Żvilupp mogħtija mill-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter (in-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA EFTA (1),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti ta’ Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT l-Artikolu 1(2) u (3) fil-Parti I u l-Artikoli 1, 4, 6, 7(3), 10, 13, 14, 16 u 20 fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti (4),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità (5) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE, u b’mod partikolari l-Kapitolu 14 tiegħu, “L-Għajnuna għar-Riċerka u l-Iżvilupp”,

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 195/04/COL ta’ l-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet implimentattivi msemmija fl-Artikolu 27 fil-Parti II tal-Protokoll 3 (6),

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 217/94/COL ta’ l-1 ta’ Diċembru 1994 sabiex ikunu proposti miżuri xierqa għan-Norveġja dwar, fost l-oħrajn, l-iskema ta’ għajnuna ta’ Programmi Industrijali ta’ R&D,

WARA LI KKUNSIDRAT l-aċċettazzjoni tan-Norveġja għall-miżuri xierqa proposti permezz ta’ l-ittra bid-data tad-19 ta’ Diċembru 1994,

WARA LI KKUNSIDRAT id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL tat-8 ta’ Marzu 2006 sabiex tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ għajnuna ta’ R&D mogħtija mill-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter (7),

WARA LI SEJĦET lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom għal din id-Deċiżjoni u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-Proċedura

Permezz ta’ l-ittra bid-data tal-5 ta’ Marzu 2002 (id-Dok. Nru. 02-1733-A), l-Awtorità rċeviet ilment li jallega li ngħatat għajnuna ta’ l-Istat min-Norveġja permezz tal-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja (minn hawn ’il quddiem: “il-KRN”) lil diversi proġetti ta’ riċerka li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter.

L-Awtorità talbet informazzjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi permezz ta’ l-ittra bid-data tas-26 ta’ April 2002 (id-Dok. Nru. 02-2605-D). Il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija wieġeb bl-ittra bid-data tat-3 ta’ Ġunju 2002 (id-Dok. Nru 02-4177-A), li kienet tinkludi l-kummenti tal-KRN dwar l-hekk imsejjaħ proġett Turborouter.

Wara diversi skambji ta’ korrispondenza (8), permezz ta’ l-ittra bid-data tat-8 ta’ Marzu 2006 (l-Avveniment Nru 363353), l-Awtorità informat lill-awtoritajiet Norveġiżi li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 1(2) fil-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter.

Permezz ta’ l-ittra bid-data tas-7 ta’ April 2006, l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu kummenti għad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u s-Suppliment ŻEE tiegħu (9). L-Awtorità talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

L-Awtorità rċeviet kummenti minn parti interessata waħda. Permezz ta’ l-ittra bid-data ta’ l-1 ta’ Diċembru 2006 (l-Avveniment Nru 400677) l-Awtorità mexxiet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Norveġiżi. Permezz ta’ l-ittra mill-Ministeru għall-Amministrazzjoni u r-Riforma tal-Gvern bid-data tat-8 ta’ Jannar 2007 (l-Avveniment Nru 405517) li mexxa ’l quddiem ittra mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u r-Riċerka bid-data tal-5 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet Norveġiżi ressqu l-kummenti tagħhom.

2.   L-erba’ proġetti relatati mal-programm ta’ softwer Turborouter appoġġjati bil-fondi tal-KRN

2.1.   Id-deskrizzjoni tal-proġetti

F’dan li ġej, l-Awtorità se tipprovdi biss deskrizzjoni qasira tal-proġetti li qed jiġu vvalutati. Għal deskrizzjoni dettaljata ta’ kull wieħed minnhom, qed issir referenza għad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL (10).

2.1.1.   Il-proġett 40049 – Attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport marittimu u l-loġistika (L-ewwel verżjoni tal-programm ta’ softwer Turborouter)

Turborouter huwa għodda (11) għall-ottimizzazzjoni ta’ l-iskedar tal-flotta tal-bastimenti, jiġifieri biex ikun deċiż liema merkanzija tiġi assenjata għall-bastimenti differenti. Dan jikkombina l-għarfien u l-esperjenza ta’ min jippjana mal-kapaċitajiet ta’ kalkolazzjoni tal-kompjuter. It-Turborouter huwa bbażat fuq mapep elettroniċi tal-baħar fejn l-informazzjoni ta’ l-iskedar tkun tista’ tintwera u jinkludi database għall-bastimenti, il-portijiet, il-merkanzija, eċċ; il-kalkolazzjoni awtomatika tad-distanzi bejn port u ieħor; rapporti dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti u aġġornament awtomatiku tal-ħin stmat għall-wasla; ottimizzazzjoni sofistikata tar-rutina għall-iskedar tal-flotot u viżwalizzazzjoni ta’ l-iskeda jew kalkolatur ta’ l-iskeda għall-ippjanar manwali.

L-ewwel verżjoni bi prova tas-softwer Turborouter ġiet żviluppata fl-ewwel sena ta’ riċerka ta’ wieħed mis-sottoproġetti tal-Proġett 40049 “ Attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport u l-loġistika marittima ” imsejjaħ “ Il-metodi u l-għodod analitiċi għat-tfassil u l-operazzjoni ta’ katini integrati ta’ trasport u loġistika ”.

2.1.2.   Żvilupp ulterjuri tal-programm ta’ softwer Turborouter

Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-KRN għażel diversi proġetti relatati ma’ l-iżvilupp tal-pakkett ta’ softwer Turborouter għall-appoġġ fl-R&D.

2.1.2.1.   Il-proġett 138811 – AlgOpt

L-għan ta’ dan il-proġett (12) kien li jiżviluppa u jwettaq testijiet prattiċi ta’ algoritmi sabiex tkun ikkalkulata l-aħjar utilizzazzjoni ta’ flotta ta’ vapuri, fid-dawl ta’ l-obbligi tal-ġarr ta’ merkanzija għal diversi klijenti, tar-rekwiżiti dwar meta l-merkanzija trid tiġi mgħobbija u tinħatt fil-port tad-destinazzjoni, tal-possibbiltà tal-ġarr ta’ merkanzija konġunta ta’ numru limitat ta’ oġġetti kbar fuq kull vjaġġ, kif ukoll tal-limitazzjonijiet li jistgħu jfissru li mhux il-bastimenti kollha involuti jkunu adattati biex iservu l-klijenti u l-portijiet kollha. L-algoritmi għandhom ikunu integrati f’kunċett ta’ softwer li jkun jista’ joffri lill-utenti l-kontroll sħiħ u l-possibbiltà li jwarrbu s-suġġerimenti pprovduti mill-algoritmi.

Skond l-informazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-Proġett AlgOpt kien biss studju ta' qabel li jiddefinixxi r-rekwiżiti ta’ l-utent u li jinvestiga l-fattibilità ta’ l-użu tat-Turborouter għall-imsieħeb kuntrattwali, il-kumpanija Beltship Management AS.

2.1.2.2.   Il-proġett 144265 – Shiplog II

Il-proġett Shiplog kien jittratta prinċipalment it-trasport bil-baħar. Dan il-proġett (13) kien mistenni li juża r-riżultati ta’ proġett preċedenti msejjaħ Shiplog (li ma kienx jinvolvi l-użu tat-Turborouter) sabiex jiffoka fuq ir-rekwiżiti għat-twassil ta’ oġġetti bieb bieb, fejn it-trasport bil-baħar ikun element ewlieni. Waħda mill-attivitajiet ewlenin kienet tikkonċerna l-integrazzjoni tas-Sistema tal-Ġestjoni tal-Katina tat-Trasport (TCMS - Transport Chain Management System) u t-Turborouter, li kellha tispeċifika l-konnessjoni bejn it-tnejn u turi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn it-Turborouter u d-dimostratur tat-TCMS. Dan il-proġett naqas milli jilħaq l-għanijiet tiegħu prinċipalment għaliex it-TCMS u t-Turborouter ma setgħux jiġu integrati b’mod sodisfaċenti.

2.1.2.3.   Il-proġett 144214 – Il-librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar

Il-proġett ta’ riċerka prekompetittiv “Il-librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar” kellu l-għan li jiżviluppa algoritmi għal ottimizzazzjoni u skedar avvanzat ta’ operazzjonijiet kumplessi ta’ ġarr bil-baħar. L-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw li l-librerija ta’ algoritmi hija speċifika għall-kummerċ u għall-kumpanija u għalhekk għandha tkun fil-pussess tal-kumpanija u mhux parti mis-“sett ta’ l-għodda” standard tat-Turborouter.

2.2.   Id-deskrizzjoni tar-relazzjoni bejn l-erba’ għotjiet ta’ għajnuna u l-iskema ta’ għajnuna Norveġiża għall-programmi industrijali ta’ R&D

Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-erba’ għotjiet ta’ għajnuna koperti mid-Deċiżjoni preżenti rċevew għajnuna fi ħdan il-qafas ta’ l-iskema ta’ għajnuna “Programmi Industrijali ta’ R&D” (brukerstyrte forskningsprogrammer).

L-iskema ta’ għajnuna msejħa “Programmi Industrijali ta’ R&D” (brukerstyrte forskningsprogrammer) li kienet amministrata mill-KRN kienet stabbilita qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE.

F’Diċembru 1994, l-Awtorità adottat Deċiżjoni dwar diversi skemi ta’ għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp li kienu jeżistu fin-Norveġja qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE, fosthom l-iskema ta’ għajnuna tal-Programm Industrijali ta’ R&D (brukerstyrte forskningsprogrammer, il-każ nru 93-183). F’din id-Deċiżjoni, l-Awtorità pproponiet miżuri xierqa sabiex l-iskema tinġieb konformi mar-regoli ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat tal-Ftehim ŻEE (14). B’mod partikolari, l-Awtorità pproponiet lin-Norveġja l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dettaljati li kellhom jiżguraw li l-għotjiet ta’ għajnuna jingħataw skond il-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 14 tal-Linji ta’ Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

In-Norveġja aċċettat il-miżuri xierqa proposti mill-Awtorità permezz ta’ l-ittra bid-data tad-19 ta’ Diċembru 1994. L-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa kienet timplika li għoti ta’ l-għajnuna taħt il-Programm Industrijali ta’ R&D isir skond id-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida tar-R&D ta’ l-Awtorità kif kienu adottati fl-1994.

L-għajnuna ġiet mogħtija mill-KRN lil dawn il-proġetti fi ħdan l-iskema ta’ R&D tal-Programm Industrijali ta’ R&D.

3.   Id-dubji ta’ l-Awtorità espressi fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL

Fit-8 ta’ Marzu 2006, l-Awtorità ddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali pprovduta fl-Artikolu 1(2) fil-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti dwar l-għajnuna ta’ R&D mogħtija mill-KRN f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter (id-Deċiżjoni Nru 60/06/COL). Fid-deċiżjoni tal-bidu, l-Awtorità ddeskriviet l-ilment, l-erba’ proġetti relatati mal-programm ta’ softwer Turborouter appoġġjati mill-fondi tal-KRN u r-relazzjoni bejn l-erba’ għotjiet ta’ għajnuna u l-iskema Norveġiża għall-Programmi Industrijali ta’ R&D.

L-Awtorità għamlet valutazzjoni dettaljata tal-qafas legali applikabbli għall-valutazzjoni ta’ l-erba’ proġetti kkonċernati (15). Wara l-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa ssuġġeriti fid-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 217/94/COL, kwalunkwe għotja ta’ għajnuna taħt il-Programm Industrijali ta’ R&D kellha ssir skond il-Linji ta’ Gwida ta’ l-R&D ta’ l-1994. B’konsegwenza ta’ dan, skond id-definizzjoni, kwalunkwe għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ Programmi Industrijali ta’ R&D li ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D tkun tmur lilhinn mill-ambitu ta’ l-applikazzjoni ta’ l-iskema. B’hekk, dan jikkostitwixxi għajnuna individwali ġdida u, bħala tali, għandha tkun notifikata lill-Awtorità individwali u tkun ivvalutata fuq il-bażi tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D applikabbli fil-mument li fih ingħatat l-għajnuna.

Dwar ir-raġunijiet għall-bidu ta’ l-investigazzjoni formali, l-Awtorità esprimiet dubji fuq diversi punti dwar jekk l-erba’ proġetti ta’ R&D kkonċernati kinux irċevew appoġġ fi ħdan il-qafas ta’ l-iskema ta’ għajnuna tal-Programmi Industrijali ta’ R&D.

L-Awtorità kellha dubji dwar jekk dawn il-proġetti marrux lilhinn mill-istadju ta’ riċerka applikata jew prekompetittiva sabiex jikkostitwixxu prodott kummerċjali. Il-linja ta’ konfini bejn il-proġett bi prova, li ma setax jintuża kummerċjalment, u prodott kummerċjali finali dehret mifruxa ħafna fil-każ ikkonċernat għaliex is-softwer jeħtieġ li jiġi adattat mill-ġdid għal kull applikazzjoni speċifika ġdida għal kull utent finali. L-Awtorità staqsiet sa liema livell l-iżvilupp ulterjuri tal-programm ta’ softwer Turborouter, għall-użu fl-iżviluppar ta’ applikazzjonijiet li jservu ħtiġiet konkreti għall-użi finali, jista’ jkun kopert bid-definizzjoni ta’ riċerka applikata.

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli f’dak l-istadju tal-proċedura, l-Awtorità ma kinitx fil-pożizzjoni li tiċċertifika jekk dawn il-proġetti kinux ikklassifikati korrettament bħala attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv jew jekk, min-naħa l-oħra, kinux diġà qrib wisq għas-suq biex ikunu eliġibbli għall-għajnuna ta’ l-Istat.

Barra minn hekk, l-Awtorità kellha dubji dwar il-finanzjar tal-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ flus effettiv tal-kontribuzzjonijiet, f’oġġetti, tal-benefiċjarji stess tal-proġetti.

Wara l-argumenti miġjuba minn min għamel l-ilment, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk l-ispejjeż ġenerali tal-proġetti kinux miżjuda b’mod artifiċjali biex ikopru l-ispejjeż operattivi ta’ l-intrapriżi benefiċjarji u jekk l-ispiża reali tar-riċerka tal-proġetti kinitx tikkorrispondi għall-ammonti mogħtija mill-KRN.

Lill-Awtorità dehrilha li kien il-Marintek, l-istitut ta’ riċerka li żviluppa l-ewwel programm ta’ softwer Turborouter, li kellu l-għarfien neċessarju u l-kompetenza teknoloġika biex iwettaq il-proġett. Għaldaqstant, deher razzjonali li wieħed jassumi li ħafna mix-xogħol jitwettaq mill-istaff tiegħu. Dan ikun jimplika, fil-prinċipju, li l-involviment ta’ l-istaff ta’ l-intrapriżi parteċipanti aktarx kien relatat mad-definizzjoni tal-ħtiġiet ta’ l-utenti u/jew, sa ċertu punt, ta’ l-ittestjar. Tant hu hekk li l-kontribuzzjoni f’oġġetti ta’ l-intrapriżi parteċipanti setgħet ma kinitx tikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ riċerka, l-ispejjeż totali tal-proġett ta’ riċerka kienu jkunu inqas u l-intensitajiet ta’ l-għajnuna kienu jkunu konsegwentement ogħla.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità kellha dubji kemm dwar jekk il-proġetti msemmija qabel kinux irċevew għajnuna b’mod konformi mal-Linji ta’ Gwida applikabbli ta’ R&D kif ukoll dwar jekk il-benefiċjarji kinux użaw l-għajnuna bi ksur tal-miżuri xierqa aċċettati fuq l-iskema tal-Programmi Industrijali ta’ R&D.

4.   Il-kummenti tal-partijiet terzi

Fl-24 ta’ Novembru 2006, l-Awtorità rċeviet kummenti minn parti interessata li kienu iktar ta’ natura ġenerali milli direttament relatati mad-dubji li l-Awtorità esprimiet fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL sabiex tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-R&D mogħtija fir-rigward ta’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter. Din il-parti allegat li l-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja kien ta fondi sostanzjali lil proġett ġdid imsejjaħ OPTIMAR (16). Dan il-proġett huwa appoġġjat b’mod sħiħ mill-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja għas-snin 2005-2009. Idealment, dan il-proġett huwa mmexxi mid-Dipartiment tar-Riċerka Operattiva ta’ l-Università Norveġiża tax-Xjenza u t-Teknoloġija (minn hawn ’il quddiem imsejħa NTNU) fi Trondheim. L-għan aħħari ta’ dan il-proġett huwa li jiżviluppa ulterjorment it-Turborouter fi proġett kummerċjali, proċess li diġà beda jseħħ.

Din il-parti żiedet: “Il-Profs. Marielle Christiansen (Kap tal-proġett OPTIMAR) fi Trondheim tqis li huwa ferm diffiċli għall-kumpaniji biex jipparteċipaw u jieħdu vantaġġ mir-riżultati ta’ dan il-programm li jingħad li huwa programm ta’ riċerka pubblika bil-għan li jwessa’ l-bażi għall-kumpaniji kollha Norveġiżi, għaliex huma diġà qed jaħdmu mill-qrib mas-SINTEF u l-MARINTEK u kienu wiegħdu li jaqsmu r-riżultati tar-riċerka ma’ dawn l-organizzazzjonijiet kummerċjali (is-SINTEF u l-MARINTEK huma t-tnejn istituti lokalizzati fi Trondheim u għal numru ta’ raġunijiet għandhom rabtiet mill-qrib ma’ l-Università Teknika NTNU).”

Fl-opinjoni ta’ din il-parti: “It-Turborouter huwa b’mod qawwi l-element komuni f’din il-kwistjoni peress li l-ħaddiema kollha li jaħdmu fl-NTNU/Dipt. ta’ Riċ. Oper./Marintek/SINTEF jaraw it-TURBOROUTER bħala l-għan komuni tagħhom”.

Din il-parti allegat li l-kumpaniji li qed jaħdmu biex jiżviluppaw it-TURBOROUTER issa qed jieħdu saħansitra iktar għajnuna ta’ l-Istat permezz ta’ l-NTNU, liema għajnuna qed tkun koperta bħala fondi għal riċerka bażika.

Il-kumment finali li ntqal kien li t-Turborouter ma kien użat mill-ebda waħda mill-kumpaniji li rċeviet il-fondi biex tiżviluppah, li wassal lil din il-parti biex tikkonkludi li l-fondi riċevuti fil-proġett ta’ riċerka kienu sempliċiment sussidji għall-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum.

5.   Kummenti ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi

5.1.   Kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali

5.1.1.   Il-kummenti tal-Ministeru ta’ l-Amministrazzjoni u r-Riforma tal-Gvern

Fl-ittra bid-data tas-7 ta’ April 2006, il-Ministeru ta’ l-Amministrazzjoni u r-Riforma tal-Gvern irrefera għad-deskrizzjoni li saret fid-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL dwar il-korrispondenza formali ma’ l-awtoritajiet Norveġiżi. L-awtoritajiet Norveġiżi għamlu referenza ulterjuri għal-laqgħat bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet Norveġiżi f’Ottubru 2002 u f’Settembru 2004, u żiedu li kienet saret laqgħa bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet Norveġiżi fi Brussell fit-22 ta’ Mejju 2003.

L-awtoritajiet Norveġiżi urew li d-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL ma ddeskrivietx kif l-għajnuna għall-iżvilupp tal-programm Turborouter fixklet il-kompetizzjoni fiż-ŻEE jew fis-swieq terzi. Fl-opinjoni tagħhom, din il-kwistjoni trid tiġi ċċarata għaliex il-programm ta’ R&D Turborouter naqas milli jikseb ir-riżultati mistennija. Għalkemm l-awtoritajiet Norveġiżi rrikonoxxew li l-għarfien intanġibbli mill-proġett kien ġie mifrux fi proġetti oħra ta’ R&D, huma ma kkunsidrawx li dan effettwa l-kompetizzjoni fis-Suq Intern, jew fis-swieq tal-pajjiżi terzi.

L-awtoritajiet Norveġiżi kellhom dubji dwar xi fatti fl-allegazzjonijiet ta’ min għamel l-ilment li kienu ripetuti fid-deċiżjoni ta’ l-Awtorità, b’mod partikolari, l-allegazzjonijiet fit-taqsima tlieta tal-paġna 3 fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL u l-kwotazzjonijiet ta’ sostenn minn min għamel l-ilment.

L-awtoritajiet Norveġiżi l-ewwelnett kellhom dubju dwar kif min għamel l-ilment kien kapaċi li jikklassifika l-proġetti bħala li huma qrib wisq tas-suq. Barra minn hekk, huma kellhom dubju dwar kif min għamel l-ilment seta’ jallega li r-riżultati ta’ R&D ma kinux ġew imxerrda minkejja l-fatt li l-Marintek irċeviet id-drittijiet ta’ proprjetà għall-programm. Fl-aħħar, huma kellhom dubji dwar kif min għamel l-ilment kien kapaċi jgħid li l-kontribuzzjonijiet tal-kapital proprju mill-kumpaniji parteċipanti kienu fir-realtà inqas minn dawk iddikjarati fil-formola ta’ l-applikazzjoni. Skond il-KRN, min għamel l-ilment ġie mċaħħad mit-talba tiegħu għall-aċċess għall-formoli ta’ l-applikazzjoni u għall-kuntratti ta’ R&D minħabba raġunijiet professjonali ta’ kunfidenzjalità. F’dan l-isfond, l-awtoritajiet Norveġiżi jemmnu li l-allegazzjonijiet ta’ min għamel l-ilment huma b’mod ġenerali nieqsa mis-sostenn. L-awtoritajiet Norveġiżi żiedu: “L-allegazzjonijiet ta’ min għamel l-ilment li l-kontribuzzjonijiet tal-kapital proprju mill-kumpaniji kkonċernati kienu inqas minn kemm iddikjarat fil-formoli ta’ applikazzjoni jimplikaw ukoll li dawn id-ditti huma wkoll akkużati bl-użu ħażin ta’ l-għajnuna mill-Istat. Dan ukoll iwassal għal mistoqsijiet relatati maċ-ċertezza legali tal-kumpaniji li ħadu sehem fil-proġetti tat-Turborouter. Dawn il-pretensjonijiet minn min għamel l-ilment iridu għalhekk jiġu sostanzjati b’mod ċar.”

5.1.2.   Il-kummenti tal-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja

F’ittra mehmuża ma’ l-ittra msemmija hawn fuq mill-Ministeru ta’ l-Amministrazzjoni u r-Riforma, il-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja (minn hawn ’il quddiem il-KRN) ikkummenta dwar id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06COL. Il-KRN wera li kien bagħat lill-Awtorità l-informazzjoni kollha disponibbli u l-kjarifika mitluba, inkluż is-sottomissjoni tal-kopji tad-dokumentazzjoni tal-proġetti kollha għall-erba’ proġetti relatati ma’ l-iżvilupp tat-Turborouter appoġġjati bil-fondi mill-KRN. Skond il-KRN, fil-laqgħat u fil-korrispondenza sa u inkluż il-20 ta’ Ġunju 2003, id-data ta' l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-unika kwistjoni ta’ diskussjoni kienet il-klassifikazzjoni korretta tal-proġetti skond il-Linji ta’ Gwida għall-għajnuna għall-R&D.

Fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-proġetti, il-KRN allega li t-tabelli pprovduti fid-deskrizzjoni tal-fondi tal-proġetti fid-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL ma kinux b’mod sħiħ konformi mal-figuri pprovduti fit-test. Il-fondi mogħtija mill-KRN għall-proġetti kienu jikkonsistu f’żewġ partijiet. Parti waħda tal-fondi mill-KRN kienu fil-fatt fondi privati li joriġinaw mill-Assoċjazzjoni Norveġiża tas-Sidien tal-Vapuri, filwaqt li l-bqija kienu fondi pubbliċi. It-tabella ta’ hawn taħt, li hija l-istess bħal dik imressqa lill-Awtorità fl-ittra tal-11 ta’ April 2003, tiddeskrivi s-sitwazzjoni. Fir-rigward tal-proġett 138811 AlgOpt, it-tabella fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL tipprovdi l-figuri kif kienu fil-bidu tal-proġett. Matul it-twettiq, il-proġett ingħata fondi addizzjonali ta’ NOK 100 000 li minnhom NOK 25 000 kienu mogħtija mill-KRN.

Tabella 1

Proġetti appoġġjati mill-KRN, li jinvolvu l-iżvilupp tat-Turborouter

 

p 40049

p 144265

p 138811

p 144214

Attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport marittimu u l-loġistika

Shiplog II

AlgOpt

Il-librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar

1 000 NOK

%

1 000 NOK

%

1 000 NOK

%

1 000 NOK

%

Fondi Proprji

4 500

43

800

13

625

61

1 950

28

Fondi privati oħra

0

0

3 250

52

75

7

2 750

39

Fondi pubbliċi oħra

0

0

0

0

0

0

0

0

Prgr. KRN. MARITIM

6 000

57

2 150

35

325

32

2 300

33

li minnhom NSA

1 380

13

750

12

120

12

805

12

li minnhom pubbliċi

4 620

44

1 400

23

205

20

1 495

21

Fondi totali

10 500

100

6 200

100

1 025

100

7 000

100

Persunal u spejjeż indiretti

8 700

83

800

13

545

53

4 100

59

Ix-xiri ta’ R&D

600

6

2 150

35

380

37

2 900

41

Tagħmir

450

4

100

2

0

0

0

0

Spejjeż operattivi oħra

750

7

3 150

51

100

10

0

0

Spejjeż totali

10 500

100

6 200

100

1 025

100

7 000

100

L-imsieħeb fil-kuntratt

Marintek

UECC

Beltship Management AS

Beltship Management AS

Il-parteċipanti

NTNU

Marintek

Marintek

Marintek

 

 

R.S. Platou Shipbrokers

 

Iver Ships AS

 

 

Iver Ships AS

 

Shipnet AS

 

 

LogIT AS

 

Laycon Solutions AS

 

 

Lorentsen & Stemoco AS

 

 

 

 

Astrup Fearnleys AS

 

 

 

 

DFDS Tollpost Globe

 

 

 

 

Shipnet AS

 

 

 

 

Wallenius Wilhelmsen

 

 

 

 

SINTEF Tele og data

 

 

Perjodu tal-Proġett

Jan 1996–Diċ 1998

Jan 2001–Diċ 2002

Jan 2000–Ott 2000

Jan 2001–Diċ 2002

Fir-rigward tal-kummenti ta’ l-Awtorità fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL dwar li l-KRN ma deherx li kien jikkontrolla kif il-kontribuzzjonijiet proprji tal-benefiċjarji kienu mqassma għal diversi attivitajiet u jekk effettivament dawn il-kontribuzzjonijiet kinux imħallsa, il-KRN ikkunsidra li dawn kienu ddeskrivew kif l-ispejjeż eliġibbli kienu kkontrollati qabel ma tħallset l-għajnuna lill-imsieħeb fil-kuntratt u kif il-kontribuzzjonijiet differenti kienu mħallsa f’korrispondenza preċedenti ma’ l-Awtorità (17).

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-proġetti 138811 AlgOpt, 144265 Shiplog II u 144214 il-Librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar, il-KRN iddikjara mill-ġdid li t-tliet proġetti kienu kklassifikati bħala żvilupp prekompetittiv fuq il-bażi ta’ valutazzjoni u evalwazzjoni dettaljati ta’ l-applikazzjonijiet tal-proġett skond il-proċeduri u l-linji ta’ gwida tal-KRN għall-valutazzjoni tal-proġetti. Dawn il-proċeduri u l-linji ta’ gwida ddaħħlu fis-seħħ sabiex ikun żgurat li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-Programmi Industrijali ta’ R&D tkun konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 14 tal-Linji ta’ Gwida għall-Għajnuna mill-Istat.

Il-KRN spjega li hemm sistema interna ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità ta’ l-attivitajiet tal-KRN. Din is-sistema hija msejħa DOKSY. DOKSY tinkludi dokumentazzjoni vasta tal-linji ta’ gwida, il-proċeduri u l-prattiċi li kienu segwiti fil-KRN. Wieħed minn dawn id-dokumenti huwa l-linji ta’ gwida għad-determinazzjoni ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna applikata għal proġetti miżmuma. Dan id-dokument intern, DOKSY-5-6-1-4-IE, bit-titolu “ Støtteandel etter EØS-bestemmelser ” (l-intensitajiet ta’ l-għajnuna skond ir-regoli ŻEE) jikkorrispondi għall-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità dwar ir-R&D. Id-dokument japplika definizzjonijiet u intensitajiet ta’ għajnuna korrispondenti b’mod konformi mad-definizzjoni ta’ l-istadji differenti ta’ R&D fil-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità dwar ir-R&D. Il-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proġetti kollha li jirċievu għajnuna mill-KRN hija bbażata fuq il-linji ta’ gwida DOKSY.

Wara l-1999, minbarra d-DOKSY 5-6-1-4-IE, il-proġetti kollha ġew ivvalutati bl-użu tas-sistema bbażata fuq il-kompjuter “ Provis ”. Provis hija deskritta fid-Doksy nru 5-6-1-2-EE “ Prosjektvurdering i Provis ”. Fil-Provis, kull proġett huwa vvalutat skond ħdax-il aspett differenti. L-aktar aspetti importanti fil-Provis relatati mal-klassifikazzjoni tal-kategoriji ta’ riċerka huma l-aspett nru 3 “ Il-Kontenut tar-Riċerka ” u l-aspett nru 9 “ L-Addizzjonalità ”. Għal kull wieħed minn dawn l-aspetti, hemm diversi kriterji jew karatteristiċi li huma applikati sabiex ikun karatterizzat sa liema livell il-proġett ikun konformi ma’ l-aspetti.

Fid-deskrizzjoni tal-Gwida għall-valutazzjoni ta’ l-aspett nru 3 fid-Doksy nru 5-6-1-2-IE, huwa enfasizzat li “ Il-kontenut tar-riċerka jindika sa liema grad il-proġett jipproduċi għarfien ġdid ”. Dan il-kriterju huwa direttament marbut mad-deskrizzjoni ta’ Riċerka Industrijali fil-linji ta’ gwida ta’ R&D fejn ir-rekwiżit huwa li l-attività tkun “ immirata għall-ksib ta’ għarfien ġdid ”.

Fil-Gwida għall-valutazzjoni ta’ l-aspett nru 9 fid-Doksy nru 5-6-1-2-EE, id-deskrizzjoni hija: “ L-addizzjonalità tindika sa liema grad l-appoġġ mill-Kunsill ta’ Riċerka se jġib sforzi, azzjonijiet, riżultati u effetti li ma kinux jinkisbu kieku ma ngħatax l-appoġġ. ” Dan il-kriterju huwa marbut mal-linji ta’ gwida ta’ R&D, il-punt 14.7, L-Effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna ta’ R&D.

Fuq din il-bażi, il-KRN qal li peress li l-valutazzjoni tal-proġetti kienet imwettqa b’mod dettaljat skond il-proċeduri u l-linji ta’ gwida tal-KRN għall-valutazzjoni tal-proġetti, m’għandux ikun hemm dubji dwar il-fatt li kienu kklassifikati korrettament. Il-KRN, wara li ħareġ l-ilment u l-Awtorità bdiet l-investigazzjoni preliminari tagħha, reġa’ ħares lejn dawn il-proġetti u minkejja kollox żamm il-pożizzjoni oriġinali tiegħu.

“Fil-laqgħa fi Brussell tat-22 ta’ Mejju 2003, kienet diskussa l-klassifikazzjoni ta’ ċerti attivitajiet fi tnejn mill-proġetti, in-nru 40049 u n-nru 144214. Fl-ittra ta’ l-20 ta’ Ġunju 2003, li kienet rispons għal din il-laqgħa, aħna tkellimna favur il-fatt li l-pożizzjoni prinċipali tal-KRN kienet li, bħala minimu, l-attivitajiet kollha fil-proġett nru 40049 jistgħu jiġu kklassifikati bħala riċerka industrijali, u l-attivitajiet kollha fil-proġett nru 144214 jistgħu għall-inqas jiġu kklassifikati bħala żvilupp prekompetittiv. Madankollu aħna wrejna lill-Awtorità li l-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija lill-proġetti kienet fi ħdan il-limitu permessibbli ta’ koeffiċjent medju kif definit fil-linji ta’ gwida ta’ R&D fil-kapitolu 14.5.2 (5). Dan huwa l-każ anki meta l-attivitajiet diskussi m’humiex appoġġjati fil-każ tal-Proġett nru 144214. Jistgħu jsiru konsiderazzjonijiet u kalkoli simili għall-proġetti 138811 u 144265. F’dan il-kuntest nistgħu nagħmlu referenza wkoll għall-fatt li t-tliet proġetti 138811, 144214 u 144265 kollha kienu jinvolvu kooperazzjoni effettiva bejn id-ditti u entitajiet pubbliċi ta’ riċerka (f’dan il-każ il-Marintek). Skond il-punt 14.5.3 (5) (b) tal-Linji ta’ Gwida R&D dawn l-attivitajiet, ikklassifikati bħala żvilupp prekompetittiv jistgħu jkunu eliġibbli għal intensità ta’ għajnuna ta’ 35%. L-Awtorità esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar l-iffinanzjar tal-proġetti u l-intensitajiet ta’ l-għajnuna. Fir-rigward tad-diskrepanza żgħira bejn il-figuri relatati mal-proġett 138811 AlgOpt fit-tabelli 1 u 2 fil-paġna 17 tad-Deċiżjoni 60/06/COL, din hija spjegata fit-taqsima 1.3.a) ta’ hawn fuq. Il-figuri korretti li jinkludu l-kontribuzzjoni mill-Assoċjazzjoni Norveġiża tas-Sidien tal-Vapuri huma pprovduti fit-tabella f’dik it-taqsima ta’ din l-ittra.”

Fil-każ tal-proġett 144265 Shiplog II, fir-rigward tar-rimarka ta’ l-Awtorità li l-ammont mogħti mill-KRN laħaq is-somma neċessarja għax-xiri ta’ R&D, il-KRN qal li dan ma jimplikax li l-mezzi privati investiti fix-Shiplog II ma kinux użati fuq attivitajiet ta’ R&D: “Fil-proġetti maħsuba għall-industrija, li l-kumpaniji privati jistgħu japplikaw għalihom, aħna normalment ninkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji privati u l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ R&D. Sabiex nippromwovu tali kooperazzjoni f’xi sejħiet għall-proposti aħna nistgħu niddikjaraw li l-applikazzjoni se tkun ivvalutata b’mod favorevoli jekk ix-xiri estern ta’ R&D minn istituzzjonijiet ta’ riċerka (istituti jew universitajiet) ikun mill-inqas ta’ l-istess livell daqs l-appoġġ mogħti mill-KRN. L-għan ta’ dan l-approċċ huwa li jkunu pprovduti l-inċentivi għal żieda fl-investimenti mis-settur privat għax-xiri ta’ R&D minn istituzzjonijiet ta’ riċerka. Din hija r-raġuni għala l-fondi mogħtija mill-KRN jikkorrispondu eżattament għall-ammont meħtieġ għax-xiri ta’ servizzi ta’ R&D f’diversi proġetti.”

Fid-Deċiżjoni tagħha Nru 60/06/COL, l-Awtorità ddikjarat li hemm dubji dwar jekk dan l-approċċ tal-KRN wassalx lill-benefiċjarji biex jinkludu l-ispejjeż operattivi normali tagħhom fl-ispejjeż ta’ R&D. Għaldaqstant hija kellha dubji dwar jekk il-figuri għall-ispejjeż totali tal-proġett kinux mgħollija artifiċjalment sabiex jagħtu dehra ta’ kisba ta’ iktar finanzjament pubbliku. Fl-opinjoni tal-KRN, wieħed ma jistax jifhem kif l-approċċ tal-KRN bi struttura inkluża ta’ inċentiv għall-promozzjoni tax-xiri ta’ R&D tista’ twassal għal tali riżultati.

Fl-ittra tiegħu lill-Awtorità bid-data tal-31 ta’ Jannar 2005, il-KRN spjega l-proċedura standard għad-dokumentazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-proġett validi fiż-żmien ta’ dawn il-proġetti: “Għall-proġetti involuti, l-imsieħeb kuntrattwali kien mitlub li jissottometti rapport dwar it-talba għall-ispejjeż (regnskapsrapport) tliet darbiet fis-sena fejn jagħti dettalji dwar in-nefqa tal-proġett, inkluż verifika tal-persuni involuti (bl-isem), in-numru ta’ sigħat ta’ ħidma mwettqa minn kull persuna, u n-nefqa fis-siegħa meħuda mill-kont tal-proġett. Ir-rapport jiġi ffirmat mill-persuna responsabbli mill-proġett. Fi tmiem is-sena, il-kontijiet tas-sena jiġu wkoll verifikati u ffirmati minn akkawntant ċertifikat. L-akkawntant ma jkollux x’jaqsam ma’ l-imsieħeb kuntrattwali. Il-ħlas tal-KRN kien jiddependi mill-approvazzjoni tal-kontijiet sottomessi.”

Il-KRN informa lill-Awtorità li kien f’kuntatt mal-United European Car Carriers (UECC) u mal-Jebsens (is-suċċessuri tal-Beltship Management) u talab dokumentazzjoni ulterjuri dwar l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proġetti. L-ittra mill-Jebsens bid-data tas-17 ta’ Marzu 2006 u l-ittra mill-UECC bid-data tad-29 ta’ Marzu 2006 ntbagħtu lill-Awtorità. Ir-rapporti dwar it-talba għall-ispejjeż għall-proġett 144265 Shiplog II pprovduti fl-ittra mill-UECC jinkludu dikjarazzjonijiet iffirmati ta’ l-ispejjeż mill-imsieħba l-oħra parteċipanti. Il-kumpaniji ma kellhom l-ebda sistema ġenerali ta’ reġistrazzjoni għas-sigħat maħduma, u dan ifisser li s-sigħat użati fil-proġetti kienu dokumentati biss fir-rapporti tat-talba għall-ispejjeż mibgħuta lill-KRN tliet darbiet fis-sena. Ma teżisti l-ebda dokumentazzjoni ulterjuri. Fl-opinjoni tal-KRN, dan ifisser li l-ispejjeż tal-proġetti jridu jiġu vvalutati permezz tar-rapporti disponibbli għat-talba ta’ l-ispejjeż.

Fl-aħħarnett il-KRN semma’ li dawn ir-rapporti tat-talba għall-ispejjeż kienu konformi mal-proċeduri ta’ rappurtaġġ tal-KRN, u li l-benefiċjarji kienu ssodisfaw l-obbligi kollha tagħhom skond il-kuntratti li jagħtu l-għotjiet. Fl-opinjoni tal-KRN, “kemm-il darba ma jkunx hemm evidenza ċara tal-kuntrarju, m’hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li sar xi użu ħażin mill-għajnuna.”

5.2.   Il-kummenti dwar il-kummenti tal-partijiet terzi

Permezz ta’ ittra tal-Ministeru għall-Amministrazzjoni u r-Riforma tal-Gvern bid-data tat-8 ta’ Jannar 2007 (l-Avveniment Nru 405517) li wasslet ittra mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u r-Riċerka bid-data tal-5 ta’ Jannar 2007, l-Awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew osservazzjonijiet dwar il-kummenti tal-partijiet terzi.

Fl-opinjoni ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi, il-kummenti dwar il-proġett OPTIMAR ma jipprovdu l-ebda informazzjoni relatata ma’ l-erba’ proġetti li huma s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità 60/06/COL: “Għalkemm mhux dikjarat b’mod espliċitu, jidher li l-parti terza hija ta’ l-opinjoni li ngħatat għajnuna illegali ta’ l-Istat biex ikun appoġġjat proġett bażiku ta’ riċerka msejjaħ Ottimizzazzjoni fit-Trasport Marittimu u l-Loġistika, OPTIMAR. Aħna ta’ l-opinjoni li dan m’huwiex il-każ. Bħala appoġġ għall-proġett OPTIMAR, l-Università Norveġiża tax-Xjenza u t-Teknoloġija (NTNU) fi Trondheim tirċievi fondi mill-KRN taħt il-proġett numru 1666S6. L-imsieħba industrijali li kienu parteċipanti fl-erba’ proġetti oriġinali ma jiħdux sehem f’dan il-proġett bażiku ta’ riċerka.”

Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tal-parti terza li t-Turborouter ma jintuża mill-ebda waħda mill-kumpaniji li rċevew il-fondi, il-KRN huwa ta’ l-opinjoni li anki jekk dan hu l-każ, m’huwiex argument favur xi użu illegali ta’ għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ l-erba’ proġetti li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità Nru 60/06/COL. Waħda mill-karatteristiċi l-aktar tipiċi tar-riċerka u l-iżvilupp hija li hemm riskju involut. Xi kultant ir-riżultati tar-riċerka jkunu jistgħu jiġu applikati f’operazzjonijiet jew użati fi prodotti jew servizzi kummerċjali, u xi kultant le.

II.   L-APPREZZAMENT

1.   Il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat

1.1.   L-għajnuna mill-Istat fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE

Skond l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE:

“Ħlief jekk ma jkunx ipprovdut mod ieħor fil-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati EFTA jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti għandha, kemm-il darba taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.”

Għaldaqstant, sabiex miżura titqies bħala għajnuna mill-Istat, hija għandha tikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur ċerti intrapriżi, tingħata permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim ŻEE.

L-Awtorità diġà waslet għall-konklużjoni li l-għotjiet mogħtija mill-KRN lill-proġetti taħt reviżjoni relatati ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fil-valutazzjoni tagħha fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL. F’dan ir-rigward, hemm referenza għall-punt II.2 ta’ din id-deċiżjoni. Din il-valutazzjoni ma ġietx argumentata mill-parti terza jew mill-awtoritajiet Norveġiżi. Għaldaqstant l-Awtorità żżomm il-fehma tagħha li l-għotjiet jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

1.2.   Il-qafas legali applikabbli

Fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL biex tibda proċeduri ta’ investigazzjoni formali dwar għajnuna ta’ R&D mogħtija mill-KRN f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter, l-Awtorità spjegat fid-dettall x’ikun il-qafas legali applikabbli għall-valutazzjoni ta’ l-erba’ proġetti kkonċernati minn din l-investigazzjoni. Sabiex wieħed jifhem il-valutazzjoni minn hawn ’il quddiem, l-Awtorità tiddeskrivi fil-qasir is-sitwazzjoni legali (18) hawn taħt.

L-erba’ proġetti vvalutati f’din id-Deċiżjoni ngħataw għajnuna ta’ R&D fil-qafas tal-Programm Industrijali ta’ R&D (brukerstyrte forskningsprogrammer, il-każ nru 93-183). Il-Programm Industrijali ta’ R&D kien diġà fis-seħħ qabel l-1994. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 217/94/COL ta’ Diċembru 1994, l-Awtorità vvalutat il-Programm Industrijali ta’ R&D u pproponiet miżuri xierqa biex titlob li l-għoti ta’ l-għajnuna jkun skond il-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 14 tal-Linji ta’ Gwida dwar l-Għajnuna ta’ l-Istat.

L-aċċettazzjoni min-naħa ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi tal-miżuri xierqa proposti kienet timplika li, minn hemm ’il quddiem, kwalunkwe għotja ta’ għajnuna taħt il-Programm Industrijali ta’ R&D kellha ssir b’mod konformi mar-regoli ta’ R&D applikabbli fiż-żmien li fih l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni Nru 217/94/COL, jiġifieri l-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 (19).

1.3.   Il-valutazzjoni tal-proġetti fuq il-bażi ta’ l-iskema ta’ għajnuna tal-Programmi Industrijali ta’ R&D

Bil-ftuħ ta’ investigazzjoni formali bid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL, l-Awtorità kkunsidrat li l-erba’ proġetti ngħataw għajnuna ta’ R&D fil-qafas tal-Programm Industrijali ta’ R&D. Dan il-programm kien diġà fis-seħħ qabel l-1994. Wara l-adozzjoni tal-linji ta’ gwida ġodda ta’ R&D fl-1994, minn hemm ’il quddiem kwalunkwe għotja ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ R&D kellha ssir skond ir-regoli l-ġodda. B’konsegwenza ta’ dan, l-Awtorità kkunsidrat li, skond id-definizzjoni, kwalunkwe għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta’ Programmi Industrijali ta’ R&D li ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994, tmur lilhinn mill-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema. Għalhekk, il-miżura tikkostiwixxi għajnuna individwali ġdida u, bħala tali, għandha tkun notifikata lill-Awtorità b’mod individwali.

F’dan li ġej l-Awtorità se tevalwa jekk l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ Programmi Industrijali ta’ R&D għall-erba’ proġetti konkreti identifikati bħala relatati għall-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter saritx skond l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994.

1.3.1.   Il-proġett 40049 – L-attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport marittimu u l-loġistika (L-ewwel verżjoni tal-programm tas-softwer Turborouter)

Wieħed mis-sottoproġetti koperti mill-Proġett 40049 “L-attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport marittimu u l-loġistika bħala riċerka industrijali” wassal għall-iżvilupp ta’ l-ewwel verżjoni tal-programm tas-softwer Turborouter. Il-KRN ikklassifika l-proġett sħiħ 40049 “L-attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport marittimu u l-loġistika” bħala riċerka industrijali waħda.

Ir-riċerka industrijali bażika fil-Punt 14.1.(2) tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 kienet definita bħala “ħidma oriġinali teoretika jew sperimentali li l-għan tagħha huwa li jinkiseb għarfien ġdid jew aħjar tal-liġijiet tax-xjenza u l-inġinerija skond kif dawn jistgħu japplikaw għas-settur industrijali jew għall-attivitajiet ta’ intrapriża partikolari.”

Għalkemm it-Turborouter sar għodda ta’ softwer kummerċjali, l-Awtorità tqis li l-fondi li l-KRN alloka għas-sottoproġett “ Metodi u għodod analitiċi għat-tfassil u l-operazzjoni ta’ katini integrati ta’ trasport u loġistika ” tal-Proġett 40049 li wassal għall-iżvilupp ta’ l-ewwel programm ta’ softwer Turborouter kienu jikkonċernaw fażi ta’ R&D li kkwalifikat bħala riċerka industrijali fi ħdan it-tifsira tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994. Kif innutat l-Awtorità fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL, minn meta ġie żviluppat l-ewwel softwer fl-ewwel fażi tas-sottoproġett fil-bidu ta’ l-1996, is-softwer ġie mtejjeb ulterjorment u anki mpoġġi fis-suq. Madankollu, jidher li l-għoti ta’ l-għajnuna lill-proġett 40049 li, fost l-oħrajn, irriżulta fl-iżvilupp ta’ l-ewwel softwer Turborouter, ma jistax, b’dan il-fatt, jitqies fir-rigward tal-viċinanza tas-suq bħala lilhinn mill-istadju ta’ riċerka industrijali kif kienet ikklassifikata mill-KRN. L-Awtorità m’għandha l-ebda raġuni biex tiddubita mill-valutazzjoni tal-KRN li s-sottoproġett “Metodi u għodod analitiċi għat-tfassil u l-operazzjoni ta’ katini integrati ta’ trasport u loġistika” kiseb għarfien ġdid jew aħjar tal-liġijiet tax-xjenza u l-inġinerija applikabbli għas-settur industrijali, li jikkostitwixxi riċerka industrijali fi ħdan it-tifsira tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994.

Bħala riċerka industrijali, il-Proġett 40049 ingħata għajnuna mill-KRN għal ammont li jikkorrispondi għal 43.8 % ta’ l-ispejjeż tal-proġett. Din l-intensità hija taħt l-intensità massima ta’ għajnuna permessa mil-Linji ta’ Gwida li skondhom “il-livell ta’ għajnuna għal riċerka industrijali bażika m’għandux ikun ta’ iktar minn 50 % ta’ l-ispejjeż totali tal-proġett jew tal-programm.”

Għall-fini tal-kalkolazzjoni ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna mill-attivitajiet ta’ R&D, it-Taqsima 14.5.1 tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 ipprevediet l-ispejjeż eliġibbli li ġejjin:

“—

spejjeż tal-persunal (riċerkaturi, tekniċi, staff ieħor ta’ sostenn) kalkolati bħala somma ta’ l-ammont totali meħtieġ biex jitwettaq il-proġett;

spejjeż kurrenti oħra kalkolati bl-istess mod (spejjeż tal-materjali, provvisti, eċċ.);

strumenti u apparat, art u bini;

servizzi ta’ konsulenza u servizzi ekwivalenti inkluż xiri ta' xogħol ta' riċerka (bought-in research), għarfien tekniku, brevetti, eċċ;

spejjeż ġenerali addizzjonali mġarrba direttament b’riżultat tal-proġett jew tal-programm ta’ R&D li jkun qed jiġi promoss.”

Skond l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-ispejjeż tal-proġett ikkunsidrati fid-determinazzjoni ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna kienu koperti mid-definizzjoni ta’ l-ispejjeż eliġibbli pprovduti fil-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994. It-Taqsima 3 tal-“ Retningslinjer for Norges Forskningsråds behandling av brukerstyrte og næringsrettede prosjekter ” tirreferi għall-ispejjeż li jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-KRN meta jkun ivvalutat l-għoti ta’ għajnuna ta’ R&D għal proġett. Dawn kienu jkopru l-ispejjeż tal-ħaddiema (pagi u spejjeż soċjali għall-ħaddiema ta’ R&D, jiġifieri riċerkaturi, tekniċi u assistenti relatati mal-proġett u meħtieġa biex iwettquh), ix-xiri tas-servizzi ta’ R&D (servizzi ta’ konsulenza u servizzi ekwivalenti), spejjeż operattivi (inkluż spejjeż ta’ materjali u spejjeż operattivi oħra relatati b’mod dirett mal-proġett u meħtieġa biex dan jitwettaq) u apparat u strumenti jekk dawn ikunu użati biss għall-R&D. Għaldaqstant, l-Awtorità tqis li d-deskrizzjoni ta’ l-ispejjeż eliġibbli hija konformi mad-definizzjoni pprovduta fil-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994.

Il-proġett twettaq esklużivament mill-istitut ta’ riċerka Marintek mingħajr parteċipazzjoni ulterjuri ta’ jew kollaborazzjoni ma’ xi intrapriżi privati f’dan l-istadju ta’ R&D.

Kif diġà msemmi fid-deċiżjoni għall-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, taħt il-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994, u konsegwentement taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-iskema ta’ għajnuna tal-Programmi Industrijali ta’ R&D, ma kien hemm l-ebda obbligu bil-miktub biex wieħed ixerred ir-riżultati tar-riċerka. Għaldaqstant, anki jekk l-allegazzjoni miġjuba minn min għamel l-ilment li r-riżultat tar-riċerka ma kienx imxerred u li l-istitut ta’ riċerka Marintek kien irċieva d-drittijiet ta’ proprjetà biex ibiegħ il-programm kienu korretti, ma jkunx hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D applikabbli fiż-żmien ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità tqis li l-għoti ta’ l-għajnuna lill-Proġett 40049 jidħol fi ħdan l-iskema tal-Programm Industrijali ta’ R&D kif emendata fuq il-bażi tal-Kapitolu 14 tal-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità ta’ l-1994. L-għajnuna hija għalhekk mogħtija b’mod konformi ma’ l-Artikolu 61(3)(c) ŻEE.

1.3.2.   Il-proġetti relatati ma’ l-użu ulterjuri tal-programm ta’ softwer Turborouter

1.3.2.1.   Retningslinjer for Norges Forskningsråds behandling av brukerstyrte og næringsrettede prosjekter

Fis-sena 2000, il-KRN awtorizza l-għoti ta’ għajnuna ta’ R&D lil tliet proġetti ta’ R&D li kienu jikkonċernaw l-użu u l-iżvilupp ulterjuri tal-programm ta’ softwer Turborouter: il-Proġett 138811 “AlgOpt”, il-Proġett 144265 “Shiplog II” u l-Proġett 144214 “Il-librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar”.

Fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-Awtorità esprimiet dubji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-proġetti ta’ R&D bħala riċerka prekompetittiva u fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ partijiet differenti ta’ kull proġett fi ħdan kull kategorija ta’ riċerka. Barra minn hekk, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk l-intensitajiet ta’ l-għajnuna kinux imħarsa u jekk il-finanzjar tal-proġetti sarx b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 u konsegwentement ma’ l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE. L-Awtorità kellha dubji wkoll dwar jekk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-parteċipanti privati, li ħafna minnhom ġew imħallsa f’oġġetti, kinux verament jikkorrispondu għas-sigħat maħduma relatati ma’ l-iżvilupp tal-proġett ta’ R&D jew jekk, għall-kuntrarju, kinux ikopru spejjeż operattivi ta’ l-intrapriżi kkonċernati.

1.3.2.2.   Id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D

Il-KRN ikklassifika t-tliet proġetti bħala attività ta’ żvilupp prekompetittiv. Il-punt 14.1.(2) tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 jagħmel distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ riċerka: fundamentali, riċerka u żvilupp bażiċi industrijali u dawk applikati. Ir-riċerka u l-iżvilupp applikati jikkorrispondu għall-kunċett ta’ riċerka prekompetittiva użata mill-adozzjoni tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1996 ’l quddiem. Skond din id-dispożizzjoni, ir-riċerka applikata “tkopri ħidma ta’ investigazzjoni jew ta’ sperimentazzjoni bbażata fuq ir-riżultati tar-riċerka bażika industrijali sabiex tikseb għarfien ġdid biex tiffaċilita l-kisba ta’ għanijiet prattiċi speċifiċi bħalma huma l-ħolqien ta’ prodotti, proċessi ta’ produzzjoni jew servizzi ġodda. Jista’ jingħad li din tispiċċa bil-ħolqien ta’ l-ewwel prototip.” L-iżvilupp jitqies li jkopri “ħidma bbażata fuq riċerka applikata li jkollha l-għan li tistabbilixxi prodotti, proċessi ta’ produzzjoni jew servizzi ġodda jew imtejba b’mod sostanzjali sa l-applikazzjoni industrijali u l-isfruttament kummerċjali iżda li ma tinkludix lil dawn it-tnejn.”

It-Taqsima 14.4 tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 tistabbilixxi l-intensitajiet ta’ għajnuna permessi. “ L-intensità ta’ għajnuna li tista’ tiġi aċċettata tiġi vvalutata mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA każ b’każ. Il-valutazzjoni ssir billi tkun ikkunsidrata n-natura tal-proġett jew tal-programm, ir-riskju tekniku u finanzjarju involut, il-politika ġenerali relatata mal-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea, kif ukoll ir-riskju ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn il-partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE. Valutazzjoni ġenerali ta’ dawn ir-riskji twassal lill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA biex tqis li riċerka industrijali bażika tista’ tikkwalifika għal livelli ogħla ta’ għajnuna minn dawk għal attivitajiet ta’ riċerka jew żvilupp applikati li huma relatati aktar mill-qrib ma’ l-introduzzjoni fis-suq tar-riżultati ta’ R&D u, għalhekk, jekk megħjuna, ikunu jistgħu jwasslu aktar faċilment għal tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ”. B’konsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi, il-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1994 jiddikjaraw li l-livell ta’ għajnuna għal riċerka industrijali bażika m’għandux ikun ta’ aktar minn 50 % ta’ l-ispejjeż totali tal-proġett u jqisu li, peress li l-attività li tkun qed tiġi megħjuna toqrob aktar lejn is-suq, il-livell ta’ għajnuna għandu jkun iktar baxx. Kien biss fil-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-1996 li l-intensità ta’ għajnuna totali permessa għal attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv ġiet iffissata għal 25 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

1.3.2.3.   Il-valutazzjoni ta’ jekk l-għajnuna kinitx mogħtija b’mod konformi mal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D u ta’ jekk l-għajnuna kinitx użata ħażin

a)   Il-klassifikazzjoni bħala attività ta’ żvilupp prekompetittiv

Kif imsemmi hawn fuq u spjegat fid-dettall fid-Deċiżjoni Nru 60/06/COL, l-Awtorità esprimiet dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-Proġett 138811 “AlgOpt”, il-Proġett 144265 “Shiplog II” u l-Proġett 144214 “Il-librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar” bħala attivitajiet ta’ żvilupp prekompetittiv.

Fid-Deċiżjoni tagħha Nru 60/06/COL, l-Awtorità esprimiet dubji dwar id-differenza bejn il-fażi prekompetittiva ta’ prodott u l-prodott kummerċjali finali fir-rigward ta’ dawn it-tipi ta’ proġetti ta’ IT. L-awtoritajiet Norveġiżi ma ċċarawx x’għandha tkun din id-differenza. Madankollu, huma enfasizzaw li l-klassifikazzjoni tal-proġetti kienet ibbażata fuq valutazzjoni u evalwazzjoni dettaljata tal-proġetti skond il-proċeduri u l-linji ta’ gwida tal-KRN għall-valutazzjoni ta’ proġett. Skond l-informazzjoni pprovduta, dawn il-linji ta’ gwida jinkludu d-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-Awtorità.

Il-KRN spjega li teżisti sistema interna ta’ assigurazzjoni tal-kwalità ta’ l-attivitajiet tal-KRN li tissejjaħ DOKSY. DOKSY tinkludi dokumentazzjoni vasta tal-linji ta’ gwida, il-proċeduri u l-prattiċi li huma segwiti fil-KRN. Wieħed minn dawn id-dokumenti huwa l-linji ta’ gwida għad-determinazzjoni ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna applikata għal proġetti magħżula. Dan id-dokument intern, DOKSY-5-6-1-4-IE, bit-titolu “ Støtteandel etter EØS-bestemmelser ” (l-intensitajiet ta’ l-għajnuna skond ir-regoli ŻEE) jikkorrispondi għal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-Awtorità. Id-dokument japplika definizzjonijiet u intensitajiet ta’ għajnuna korrispondenti b’mod konformi mad-definizzjoni ta’ l-istadji differenti ta’ R&D fil-Linji ta’ Gwida ta’ R&D ta’ l-Awtorità. Il-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proġetti kollha li jirċievu għajnuna mill-KRN hija bbażata fuq il-linji ta’ gwida DOKSY.

Wara l-1999, minbarra d-DOKSY 5-6-1-4-IE, il-proġetti kollha ġew ivvalutati bl-użu tas-sistema bbażata fuq il-kompjuter “ Provis ”, li hija deskritta fid-Doksy nru 5-6-1-2-EE “ Prosjektvurdering i Provis ”. Skond id-dispożizzjonijiet tal-Provis, kull proġett huwa vvalutat skond ħdax-il aspett differenti (20). Għal kull wieħed minn dawn l-aspetti, il-Provis jipprevedi l-applikazzjoni ta’ diversi kriterji jew karatteristiċi sabiex ikun karatterizzat sa liema livell il-proġett ikun konformi ma’ l-aspetti. Wieħed mill-aspetti l-aktar importanti relatati mal-klassifikazzjoni tal-kategoriji ta’ riċerka huwa l-kontenut tar-riċerka.

Fid-deskrizzjoni tal-Gwida għall-valutazzjoni tal-kontenut ta’ riċerka ta’ proġett fid-Doksy nru 5-6-1-2-IE, huwa enfasizzat li “ Il-kontenut tar-riċerka jindika sa liema grad il-proġett jipproduċi għarfien ġdid ”. Skond l-informazzjoni pprovduta mill-KRN, dan il-kriterju huwa direttament marbut mad-deskrizzjoni tal-linji ta’ gwida ta’ R&D fejn ir-rekwiżit huwa li l-attività tkun “ immirata għall-ksib ta’ għarfien ġdid ”.

Il-KRN informa lill-Awtorità li l-valutazzjoni tal-proġetti twettqet fid-dettall skond il-proċeduri u l-linji ta’ gwida għall-valutazzjoni ta’ proġett, u b’mod aktar speċifiku, fuq il-bażi tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dokumenti interni Doksy u Previs, b’mod konformi mal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D.

Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġjuba qabel u matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm ġestjoni ħażina jew nuqqas ta’ valutazzjoni tal-proġetti. Fin-nuqqas ta’ tali evidenza konklużiva, u fid-dawl tar-rutini deskritti hawn fuq u tal-kapaċità ta’ l-istaff professjonali li jaħdem għall-KRN, l-Awtorità m’għandha l-ebda bażi biex tikkonkludi li dawn għamlu valutazzjoni mhux korretta tal-proġetti bħala riċerka prekompetittiva.

b)   Il-parteċipazzjoni ta’ l-intrapriżi benefiċjarji u l-intensitajiet ta’ l-għajnuna

L-awtoritajiet Norveġiżi ċċaraw il-figuri li jirrigwardjaw il-finanzjar tal-proġetti kif imsemmija hawn fuq fit-Taqsima 4.1.2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Fid-Deċiżjoni tagħha Nru 60/06/COL li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Awtorità qajmet dubji dwar il-parteċipazzjoni tal-kumpaniji involuti fil-proġett ta’ riċerka. Fl-opinjoni tagħha, ikun razzjonali li wieħed jassumi li ħafna mix-xogħol ikun sar mill-istaff ta’ l-istitut ta’ riċerka Marintek stess u dan ikun jimplika, fil-prinċipju, li l-parteċipazzjoni ta’ l-istaff tal-kumpaniji parteċipanti tal-ġarr bil-baħar bħala l-utenti finali tas-softwer, aktarx tkun ġiet relatata għad-definizzjoni tal-ħtiġiet ta’ l-utenti u/jew, sa ċertu punt, ta’ l-ittestjar. Għaldaqstant, l-Awtorità kellha dubji dwar jekk il-figuri għall-ispejjeż totali tal-proġett kinux ġew miżjuda b’mod artifiċjali biex apparentement jiksbu iktar finanzjament.

L-awtoritajiet Norveġiżi fornew lill-Awtorità b’kopji tar-rapporti ta’ talbiet għall-ispejjeż li l-intrapriżi parteċipanti kellhom jissottomettu lill-KRN tliet darbiet fis-sena u li fihom jagħtu dettalji dwar l-ispejjeż tal-proġett, inkluż verifika tal-persuni involuti, in-numru ta’ sigħat maħduma minn kull persuna u l-ispiża fis-siegħa meħuda mill-kont tal-proġett. Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Norveġiżi, dawn ir-rapporti huma ffirmati mill-persuna responsabbli mill-proġett u vverifikati u ffirmati minn akkawntant ċertifikat fl-aħħar tas-sena. L-Awtorità m’għandha l-ebda raġuni biex tiddubita mill-onestà ta’ dawn ir-rapporti li fuq il-bażi tagħhom l-intrapriżi benefiċjarji ngħataw l-ammonti ta’ għajnuna ta’ R&D.

Għalkemm b’mod ġenerali jista’ jingħad li jkun xieraq li jkunu introdotti ċerti kontrolli matul l-iżvilupp tal-proġetti ta’ riċerka biex tkun ivverifikata l-preċiżjoni ta’ dawn ir-rapporti ta’ l-ispejjeż, l-Awtorità tqis li l-KRN applika b’mod tajjeb id-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ Gwida ta’ l-1994 li ma jirrikjedux it-twettiq ta’ verifiki ulterjuri.

1.4.   Il-konklużjoni

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni preċedenti, l-Awtorità tqis li l-għoti ta’ għajnuna lill-proġetti ta’ R&D msemmija hawn fuq saret b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-iskema eżistenti ta’ għajnuna tal-Programmi Industrijali ta’ R&D, li kienet konformi mal-Linji ta’ Gwida ta’ R&D applikabbli. Matul din il-proċedura ta’ investigazzjoni formali l-Awtorità ma setgħetx tistabbilixxi li l-benefiċjarji ta’ l-għajnuna ta’ R&D għall-Proġett 40049 “ Attivitajiet strateġiċi fi ħdan it-trasport marittimu u l-loġistika ”, il-Proġett 138811 “ AlgOpt ”, il-Proġett 144265 “ Shiplog II ” u l-Proġett 144214 “ Il-librerija ta’ rutini ta’ ottimizzazzjoni għall-iskedar tal-ġarr bil-baħar ” użaw l-għajnuna bi ksur ta’ l-iskema jew ta’ l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

Peress li l-proġetti rċevew għajnuna mill-Istat fi ħdan il-qafas ta’ l-iskema ta’ Programmi Industrijali ta’ R&D u mhux għajnuna individwali, m’hemm l-ebda ħtieġa li wieħed jivvaluta jekk l-għajnuna kinitx tkun kompatibbli kieku ngħatat barra mill-iskema,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 1(2) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti fir-rigward ta’ l-għajnuna ta’ R&D mogħtija mill-Kunsill ta’ Riċerka tan-Norveġja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżvilupp tal-programm ta’ softwer Turborouter peress li din ingħatat b’mod konformi ma’ l-iskema eżistenti ta’ għajnuna tal-Programmi Industrijali ta’ R&D skond l-Artikolu 61 (3)(c) tal-Ftehim ŻEE u l-Linji ta’ Gwida ta’ l-Għajnuna mill-Istat dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 3

Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ April 2007.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA

Bjørn T. GRYDELAND

President

Kurt JÄGER

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(2)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ŻEE”.

(3)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

(4)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Protokoll 3”.

(5)  Ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna ta’ l-Istat, il-Linji ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottat u maħruġ mill-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikat fil-ĠU 1994 L 231, is-Supplimenti ŻEE 3.9.1994 Nru. 32. Minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Linji ta’ Gwida”.

(6)  Ippubblikata fil-ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37 u s-Suppliment ŻEE Nru 26, 25.5.2006, p. 1.

(7)   ĠU C 258, 26.10.2006, p. 42.

(8)  Għal informazzjoni iktar dettaljata dwar id-diversi korrispondenzi bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet Norveġiżi, qed issir referenza għad-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 60/06/COL, ippubblikata fil-ĠU C 258, 26.10.2006, p. 42 u s-Suppliment ŻEE Nru 53, 26.10.2006, p. 15.

(9)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(10)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(11)  L-informazzjoni li ġejja nkisbet mill-ktejjeb “TurboRouter Vessel schedule optimizing software”, disponibbli fuq il-websajt tal-Marintek: http://www.marintek.no

(12)  Informazzjoni miksuba mill-websajt tal-Marintek:

http://www.marintek.no.

(13)  Informazzjoni miksuba mill-websajt tal-Marintek:

http://www.marintek.no

(14)  Id-Deċiżjoni ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA Nru 217/94/COL ta’ l-1.12.1994. L-iskemi koperti minn din id-deċiżjoni kienu: il-Kuntratti Industrijali ta’ R&D (il-każ 93-147) u l-Kuntratti Pubbliċi ta’ R&D (il-każ 93-182) mogħtija mill-SND u l-Proġetti Industrijali ta’ R&D (il-każ 93-181) u l-Programmi Industrijali ta’ R&D (il-każ 93-183) mogħtija mill-KRN.

(15)  Ara t-Taqsima II.1 tad-Deċiżjoni Nru 60/06/COL, paġna 11 ff.

(16)  Ara http://www.iot.ntnu.no/optimar/

(17)  B’mod partikolari, fl-ittra tagħhom bid-data tal-31 ta’ Jannar 2005, paġna 4.

(18)  Għal iktar dettalji, hemm referenza għad-Deċiżjoni Nru 60/06/COL, it-Taqsima II.1, paġna 11.

(19)  F’Jannar 1994, l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni Nru 4/94/COL dwar l-adozzjoni u l-ħruġ tar-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna mill-Istat (Il-Linji ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3). Il-Kapitolu 14 tagħha jittratta l-Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, li prinċipalment kien jikkorrispondi għall-qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp. Din id-Deċiżjoni kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali L 231, 3.9.1994, paġni 1 sa 84 u s-Suppliment ŻEE Nru 32, 3.9.1994, paġna 1.

(20)  Il-Linji ta’ Gwida għall-valutazzjoni ta’ proġett fil-Provis jikkunsidraw diversi aspetti: (i) il-kwalità ġenerali tal-proġett, (ii) valutazzjoni tal-proġett ibbażata fuq kriterji sinifikanti bħalma huma l-livell ta’ innovazzjoni, il-livell ta’ riċerka u l-kontenut, l-orjentazzjoni internazzjonali, il-valur tan-negozju, l-effett soċjo-ekonomiku, ir-riskju, (iii) l-effett ta’ l-appoġġ, (iv) ir-rilevanza għall-programm u għall-qasam ta’ kompetenza kif ukoll (v) l-eliġibilità.


Top