EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/170/70

Kawża T-193/07: Rikors ippreżentat fil- 5 ta' Ġunju 2007 — Gόrażdże Cement vs Il-Kummissjoni

ĠU C 170, 21.7.2007, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 170/36


Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ġunju 2007 — Gόrażdże Cement vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-193/07)

(2007/C 170/70)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gόrażdże Cement S.A. (Chorula, il-Polonja) (rappreżentanti: R. Forbes, Solicitor, u P. Muñiz, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi li abbażi tagħhom d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2007 li tirrifjuta l-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet (iktar 'il quddiem “il-PNA”) għall-allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mill-Polonja skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (iktar 'il quddiem “id-Direttiva”) għandha tiġi annullata:

a)

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva billi deċiżjoni negattiva setgħet tiġi adottata biss fi żmien tliet xhur min-notifika tal-PNA. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija kellha aspettattiva leġittima li kwalunkwe deċiżjoni ta' rifjut kienet se tiġi adottata fi żmien tliet xhur, u li l-PNA għandu jiġi kkunsidrat li ġie aċċettat ma' l-iskadenza ta' dan it-terminu.

b)

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikoli 9(3) u 11(2) tad-Direttiva billi hija tirrestrinġi t-tip ta' emendi li jistgħu jiġu proposti mill-Istat Membru kkonċernat u, b'mod partikolari, billi hija allegatament timpedixxi li jsiru emendi għall-ammont totali ta' kwoti. Madankollu, skond ir-rikorrenti, id-Direttiva ma tillimitax il-libertà ta' l-Istati Membri li jipproponu emendi.

ċ)

Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tużurpa l-kompetenza ta' l-Istati Membri billi twassal sabiex il-Kummissjoni effettivament tiddeċiedi unilateralment fuq il-kontenut finali tal-PNA. Dan jikser it-tqassim tal-kompetenzi skond l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva, kif ukoll l-Artikolu 10 KE dwar il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.

d)

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata applikat il-Kriterji 2 u 3 ta' l-Anness III tad-Direttiva b'mod żbaljat billi ma bbażatx ruħha fuq l-iktar ċifri ta' emissjoni rappreżentattivi, ħaġa li wasslet għal żball ta' evalwazzjoni tal-fatti.

e)

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 30(2)(i) u l-Kriterju 1 ta' l-Anness III tad-Direttiva meta injorat is-sitwazzjoni speċjali tal-Polonja bħala Stat Membru ġdid u imponiet obbligi iktar stretti minn dawk meħtieġa mill-Protokoll ta' Kyoto.


(1)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU 2003 L 275, p. 32).


Top