Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0037

    Kawża T-37/20: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2020 – Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 95, 23.3.2020, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 95/38


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2020 – Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-37/20)

    (2020/C 95/48)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: Z. Lavery, Agent u T. Buley, Barrister)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1835 (1) sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċerti spejjeż sostnuti mill-aġenziji approvati tal-ħlas tar-Renju Unit taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għar-raġuni pprovduta ta’ dgħufija fid-definizzjoni ta’ bidwi attiv – kumpanniji konnessi; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-Renju Unit.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, li jallega żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 1307/2013 (2).

    Fl-ewwel lok, il-Kummisssjoni żbaljat fl-interpretazzjoni tagħhom tal-kliem tal-Artikolu 9(2)(a). Dan ma jipprekludix ħlas lil applikant sempliċiment peress li l-applikant jifforma parti minn grupp ikbar ta’ kumpanniji, meta xi membru ieħor ta’ dan il-grupp ikun involut f’attivitajiet inklużi fil-lista negattiva.

    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni ma huwiex kapaċi jwassal it-tifsira mogħtija lilha mill-Kummissjoni. Min-naħa ta’ sintassi, huwa ċar li dak li huwa pprojbit huwa li l-grupp jopera fl-attività inkwistjoni. Din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta meta l-applikant għal ħlas dirett tkun kumpannija li (fiha jew minnha nnifisha) tissodisfa d-definizzjoni ta’ bidwi fl-Artikolu 4(1)(a), iżda ma toperax (fiha jew minnha nnifisha) f’attività rilevanti.

    Fit-tielet lok, l-interpetazzjoni tar-Renju Unit hija msaħħa mill-fatt li l-kliem tal-Artikolu 9(2)(A) jirrispekkja dak tal-Artikolu 4(1)(a) li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bidwi”. “Bidwi” jinkludi jew (a) persuna waħida (fiżika jew ġuridika) li teżerċita attività agrikola, jew (b) grupp ta’ tali persuni. Fl-aħħar imsemmi każ, il-“bidwi” waħdu fit-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) ikun fil-forma ta’ kollettività ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Il-frażi ma għandhiex tinqara’ bħala li tintroduċi l-element ta’ “entitajiet konnessi” fl-Artikolu 4(1)(a), u għalhekk ma għandhiex tingħata tali tifsira lill-Artikolu 9(2)(a).

    Fir-raba’ lok, il-frażi “gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi” tidher f’partijiet oħra tar-regolament, iżda l-Kummissjoni ma tidhirx li tinterpretaha b’mod konsistenti u konsonanti mal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 9(2)(a). Ir-Renju Unit jargumenta li l-frażi essenzjali għandha sempliċiment tiġi interpretata b’mod uniformi fir-Regolament 1307/13 kollu.

    Fil-ħames lok, ir-Renju Unit isostni wkoll li teżisti problema lingwistika oħra fl-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-riferiment għal persuna “fiżika” fil-frażi rilevanti huwa bla bżonn. Għaldaqstant, huwa suffiċjenti li jsir riferiment biss għal “gruppi ta’ persuni ġuridiċi”. Persuna fiżika qatt ma tista’ tkun proprjetà ta’ persuna fiżika oħra jew ta’ persuna ġuridika, u lanqas ma tista’ tkun assoċjata ma’ persuna oħra l-istess mod li bih kumpannija tista’ tkun konnessa ma’ kumpannija oħra.

    Fis-sitt lok, kunsiderazzjonijiet li jfittxu l-għan jew teleoloġiċi jappoġġjaw il-pożizzjoni tar-Renju Unit u jimminaw dik tal-Kummissjoni. Tabilħaqq, il-premessa 10 tiddikjara li ħlasijiet diretti ma għandhomx isiru lil “fiżiċi u ġuridiċi sakemm tali persuni ma jkunux jistgħu juru li l-attività agrikola tagħhom mhix marġinali”. Dan l-approċċ huwa interament konsonanti mal-interpretazzjoni tar-Renju Unit tal-Artikolu 9(2)(a), u kuntrarju għal dik tal-Kummissjoni.

    Fl-aħħar, l-Artikolu 9(2)(c) jippremetti eċċezzjoni għall-projbizzjoni fl-Artikolu 9(2)(a) meta l-applikant (kemm jekk persuna waħdiha jew grupp) jaqa’ taħt il-punti (a) sa (c). Ġaladarba l-applikanti jkunu f’pożizzjoni li jipprovaw li l-attività agrikola tagħhom ma “hijiex insinifikanti” dawn jaqgħu taħt il-punt (b). Għaldaqstant huwa ċar li ma teżisti l-ebda intenzjoni leġiżlattiva sabiex jiġu esklużi per se mill-ħlasijiet dawk il-persuni li huma involuti f’attivitajiet inklużi fil-lista negattiva.


    (1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1835 tat-30 ta’ Ottubru 2019 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) (ĠU 2019 L 279, p. 98).

    (2)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, p. 608)


    Top