Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0013

    Kawża T-13/20: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2020 – Valiante vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 95, 23.3.2020, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 95/34


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2020 – Valiante vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-13/20)

    (2020/C 95/44)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: Diego Valiante (Antwerp-Berchem, Belġju) (rappreżentant: R. Wardyn, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2019 li tiċħad it-talba tar-rikorrent sabiex jiġi ammess fil-kompetizzjoni interna COM/1/AD10/18 (AD10);

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal ikkostitwit mid-deċiżjoni li tirrifjuta li r-rikorrent jiġi ammess għall-kompetizzjoni interna minħabba nuqqas tal-grad minimu.

    Ir-rikorrent isostni li l-grad minimu ma huwiex l-indikatur reali tal-kompetenzi. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ grad minimu jostakola r-reklutaġġ ta’ kandidati b’esperjenza u kkwalifikati.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba r-rekwiżit ta’ grad minimu li ma jaffettwax bl-istess mod lill-membri tal-persunal temporanju u lill-uffiċjali.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba r-rekwiżit li kandidat japplika għal qasam wieħed biss, li jimpedixxi li jsir reklutaġġ ibbażat fuq l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità fuq l-iktar bażi wiesgħa possibbli.


    Top