Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0720

Kawża T-720/19: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2019 – Ashworth vs Il-Parlament

ĠU C 413, 9.12.2019, p. 64–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 413/64


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2019 – Ashworth vs Il-Parlament

(Kawża T-720/19)

(2019/C 413/77)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Richard Ashworth (Lingfield, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: A. Schmitt u A. Waisse, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi li,

ir-rikors preżenti huwa ammissibbli;

sa fejn hemm bżonn, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew bħala miżuri istruttorji tal-kawża preżenti, il-Parlament Ewropew huwa kkundannat jippreżenta l-komunikazzjonijiet maħruġa mis-servizz legali tal-Parlament Ewropew, li nħarġu fis-16 ta’ Lulju 2018 kif ukoll fit-3 ta’ Diċembru 2018, mingħajr preġudizzju fir-rigward tad-data eżatta, iżda f’kull każ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni adottata mill-Uffiċċju tal-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri għall-Applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (2018/C 466/02, Ġurnal Uffiċjali 28 ta’ Diċembru 2018, C 466/8);

id-deċiżjoni individwali kkontestata, innotifikata lir-rikorrent mill-Unità “Remunerazzjoni u Drittijiet Soċjali tal-Membri tal-Parlament” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew dwar fir-rigward tad-drittijiet tar-rikorrent għall-pensjoni kumplimentari (volontarja) tiegħu matul Settembru 2019 hija annullata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE sa fejn din id-deċiżjoni implimentat it-tnaqqis speċjali ta’ 5 % fuq l-ammont nominali tal-pensjoni kumplimentari (volontarja) dovut lir-rikorrent kif stabbilit bid-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-10 ta’ Diċembru 2018 imsemmija iktar ’il fuq;

id-deċiżjoni adottata mill-Uffiċċju tal-Parlament fl-10 ta’ Diċembru 2018 imsemmija iktar ’il fuq hija ddikjarata inapplikabbli abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, sa fejn din temenda l-Artikolu 76 tal-miżuri għall-applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u b’mod iktar partikolari sa fejn din tistabbilixxi tnaqqis speċjali ta’ 5 % fuq l-ammont nominali tal-pensjonijiet kumplimentari (volontarji) dovut mill-1 ta’ Jannar 2019;

il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza ratione materiae tal-Uffiċċju.

minn naħa, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-10 ta’ Diċembru 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Uffiċċju”) ġiet adottat bi ksur tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew adottat bid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005, 2005/684/KE, Euratom, (ĠU 2005, L 262, p. 1) (iktar ’il quddiem, l-“Istatut”). Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tmur b’mod partikolari kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Istatut li jimponi ż-żamma tad-“drittijiet kweżiti” u tad-“drittijiet li qedin jinkisbu”.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju toħloq taxxa billi tistabbilixxi tnaqqis speċjali ta’ 5 % mill-ammont nominali tal-pensjoni filwaqt li l-ħolqien ta’ taxxa ma jinsabx fil-kompetenza tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 223(2) TFUE.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom essenzjali.

minn naħa, huwa lmentat li l-Uffiċċju adotta d-deċiżjoni tiegħu mingħajr ma osserva r-regoli imposti mill-Artikolu 223 TFUE.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju ma hijiex immotivata biżżejjed u b’hekk tikser l-obbligu stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet kweżiti u tad-drittijiet li qedin jinkisbu u tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

minn naħa, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tikser id-drittijiet kweżiti u d-drittijiet li qedin jinkisbu li jirriżultaw kemm mill-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll mill-Istatut, li jimponi espressament li dawn jinżammu “fl-intier tagħhom” (Artikolu 27).

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tikser il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

minn naħa, il-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u fuq in-nuqqas ta’ miżuri tranżitorji.

minn naħa, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn din għandha effetti retroattivi b’mod irregolari.

min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn din naqset milli tistabbilixxi miżuri tranżitorji.


Top