EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0360

Kawża T-360/19: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2019 — Jalkh vs Il-Parlament

ĠU C 263, 5.8.2019, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/60


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2019 — Jalkh vs Il-Parlament

(Kawża T-360/19)

(2019/C 263/66)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jean-François Jalkh (Gretz-Armainvilliers, Franza) (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 dwar il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) f’dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni mal-Prosekutur Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (COM(2018)0338 — C8-0214/2018 — 2018J0170(COD);

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ir-riżoluzzjoni kkontestata tippermetti lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) li jkollu aċċess għal informazzjoni personali, li huwa f’kontradizzjoni mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, sa fejn ir-riżoluzzjoni kkontestata tippermetti lill-OLAF li jdur mal-immunità parlamentari tal-Membri.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew u tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Ir-rikorrent isostni li r-riżoluzzjoni kkontestata tippermetti lill-OLAF, minn naħa, li jdur mal-immunità parlamentari tal-Membri u, min-naħa l–oħra, li jkollu aċċess għal dokumenti li ma humiex dokumenti tal-Parlament Ewropew.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn ir-riżoluzzjoni kkontestata tikser id-drittijiet tad-difiża tal-Membri.


Top