Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0153

    Kawża T-153/19: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2019 — European Union Copper Task Force vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 155, 6.5.2019, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 155/51


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2019 — European Union Copper Task Force vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-153/19)

    (2019/C 155/60)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrent: European Union Copper Task Force (Essex, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: I. Moreno-Tapia Rivas u C. Vila Gisbert, lawyers)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1981 (1) sa fejn iġedded l-approvazzjoni tal-komposti tar-ram bħala kandidati għas-sostituzzjoni fuq bażi legali illegali;

    testendi l-effetti tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 (2) sa fejn implimenta l-Artikolu 80(7) tar-Regolament 1107/2009 u inkluda l-komposti tar-ram fil-lista tas-sustanzi attivi bħala kandidati għas-sostituzzjoni;

    tiddikjara li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1981 kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità;

    tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1981 iġedded l-approvazzjoni tal-komposti tar-ram bħala kandidati għas-sostituzzjoni fuq bażi legali illegali. B’mod partikolari:

    L-Artikolu 24 u l-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (3) jiksru d-dritt tal-Unjoni Ewropea billi:

    (i)

    L-evidenza xjentifika tindika li “kriterji PBT”, partikolarment il-persistenza, ma humiex adegwati għar-ram Scientific.

    (ii)

    L-applikazzjoni tal-kriterji PBT għal sustanzi inorganiċi ma hijiex konsistenti ma’ atti leġiżlattivi oħra li ġew implimentati fil-qasam tas-sustanzi kimiċi rregolati.

    (iii)

    Fir-rigward tal-kandidati għas-sostituzzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji PBT għall-komposti tar-ram tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Barra dan, ir-Regolament Nru 1107/2009 jinterpreta b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ prekwazjoni.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala kandidati tas-sostituzzjoni.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat sussidjarjament, fuq il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408, kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.


    (1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1981 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi komposti tar-ram bħala kandidati għas-sostituzzjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2018 L 317, p. 16).

    (2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta' kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU 2015 L 67, p. 18).

    (3)  Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009 L 309, p. 1).


    Top