Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0527

Kawża C-527/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta (Spanja) fid-9 ta’ Lulju 2019 – HG u IH vs Bankia S.A.

ĠU C 413, 9.12.2019, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 413/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta (Spanja) fid-9 ta’ Lulju 2019 – HG u IH vs Bankia S.A.

(Kawża C-527/19)

(2019/C 413/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: HG u IH

Konvenuti: Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, S.A.

Domandi preliminari

1)

Sabiex tkun iggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplimentaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1) u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) stabbilixxiet bħala kriterju mhux ekwivoku, fis-sentenzi tagħha Nri 44 sa 49 tat-23 ta’ Jannar 2019, in-natura inġusta, fil-kuntratti ta’ self li jinkludu garanzija ipotekarja konklużi ma’ konsumaturi, ta’ klawżola mhux innegozzjata li tipprevedi li l-ispejjeż relatati mal-ħolqien tat-tranżazzjoni ta’ self ipotekarju għandhom jitħallsu minn min jissellef u qassmet ir-responsabbiltà għad-diversi spejjeż li jinsabu f’din il-klawżola inġusta li n-nullità tagħha ġiet ikkonstatata bejn l-istabbiliment bankarju li daħħal il-klawżola u l-konsumatur li jissellef, sabiex tiġi llimitata r-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa indebitament b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali?

Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u l-osservanza tal-ġurisprudenza tal-Unjoni li timplimentaha, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 u, b’mod iktar partikolari, mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) ta’ din tal-aħħar il-fatt li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tagħmel interpretazzjoni inklużiva ta’ klawżola nulla minħabba n-natura inġusta tagħha, meta t-tħassir ta’ din il-klawżola u l-effetti ta’ dan it-tħassir ma jipprekludux iż-żamma fis-seħħ tal-kuntratt ta’ self b’garanzija ipotekarja?

2)

Bl-istess mod, għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-Artikolu 394 tal-LEC, li jistabbilixxi l-kriterju tal-kundanna oġġettiva għall-ispejjeż, li, fl-ipoteżi fejn klawżola inġusta fil-qasam tal-ispejjeż tiġi annullata iżda l-effetti ta’ dan l-annullament huma llimitati għat-tqassim tal-ispejjeż imsemmija iktar ’il fuq, jinkisru l-prinċipji tan-natura mhux vinkolanti [tal-klawżoli inġusti fil-konfront tal-konsumatur] u tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jekk jintlaqgħu parzjalment it-talbiet tal-partijiet, u dan jista’ jiġi interpretat bħala li għandu effett dissważiv oppost li jwassal għall-assenza ta’ protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-konsumaturi u tal-utenti?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


Top