Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0123

    Kawża C-123/18 P: Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 minn HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-692/15, HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 161, 7.5.2018, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 161/37


    Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2018 minn HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-692/15, HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-123/18 P)

    (2018/C 161/41)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH (rappreżentant: M. Schlingmann, Rechtsanwalt)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2017 mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-Kawża T-692/15, HTTS Trade Trust & Shipping GmbH vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, fl-intier tagħha

    u tikkundanna lill-Kunsill

    1.

    iħallas lill-appellanti danni f’ammont ta’ EUR 2 516 221,50 bħala kumpens għal danni materjali u morali subiti minħabba l-iskrizzjoni ta’ isimha fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 (1) u fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 961/2010 (2);

    2.

    iħallas lill-appellanti interessi moratorji bir-rata ta’ interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, mis-17 ta’ Ottubru 2015 u sal-pagament sħiħ tas-somma msemmija fil-punt 2;

    3.

    għall-ispejjeż, b’mod partikolari għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali.

    Hija tinvoka b’mod partikolari l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li ġej:

    Billi ħadet inkunsiderazzjoni favur il-Kunsill ċirkustanzi u informazzjoni li l-Kunsill ippreżenta biss wara l-adozzjoni tal-miżuri illegali u, parzjalment, biss fil-kuntest tal-proċedura tar-rikors, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet data ta’ evalwazzjoni ineżatta.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li kienu jeżistu indizji li kien jidher mill-inqas bħala probabbli li l-appellanti kienet “miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra [f’dan il-każ, IRISL]”. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat u inkludiet b’mod żbaljat informazzjoni tal-Kunsill li dan ma kellux fid-data ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, hija ma stabbilietx il-livell tal-(allegat) kontroll u lanqas l-intensità ta’ dan u wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-indizji.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-Regolament Nru 668/2010 (3), sa fejn dan kien jikkonċerna lir-rikorrenti, kien leċitu.

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-motivazzjoni insuffiċjenti tal-miżuri adottati kontra l-appellanti ma tistax, bħala prinċipju, tippermetti li l-Unjoni tinżamm responsabbli, u wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, ĠU L 335M, p. 969.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, ĠU 2010, L 281, p. 1.

    (3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, ĠU 2010, L 195, p. 25.


    Top